Language of document : ECLI:EU:F:2011:99

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

30 ta’ Ġunju 2011

Kawża F-14/10

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Inċident — Proċedura ta’ rikonoxximent ta’ invalidità permanenti parzjali skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal — Tul tal-proċedura — Rikors għad-danni — Rikors manifestament infondat fid-dritt — Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, essenzjalment, il-kundanna tal-Kummissjoni għall-kumpens tad-dannu materjali u morali li huwa ġarrab minħabba t-tul mhux raġonevoli tal-proċeduri għar-rikonoxximent, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, ta’ invalidità permanenti parzjali li tirriżulta minn inċident tal-ħajja privata li huwa kien vittma fih fit-12 ta’ Settembru 2003.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. Ir-rikorrent huwa kkundannat ibati, barra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrent huwa kkundannat li jirrimborsa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku s-somma ta’ EUR 1 000 skont l-Artikolu 94 tar-Regoli ta’ Proċedura.

Sommarju

Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunati mix-xogħol — Opinjoni medika — Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikoli 19 u 21)

In-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura amministrattiva hija evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi proprji għal kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha, tal-istadji proċedurali differenti li l-istituzzjoni segwiet, tal-aġir tal-partijiet matul il-proċedura, tal-kumplessità kif ukoll tan-natura tat-tilwima għall-partijiet varji kkonċernati.

Fil-qasam tas-servizz pubbliku, l-istituzzjoni hija responsabbli għall-prontezza tax-xogħol tat-tobba maħtura minnha sabiex jagħtu l-konklużjonijiet previsti fl-Artikoli 19 u 21 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol. Madankollu, sa fejn huwa stabbilit li dewmien huwa dovut għal aġir dilatorju, jiġifieri li joħloq xkiel, tal-uffiċjal, l-istituzzjoni ma għandhiex titqies responsabbli għal dan id-dewmien.

(ara l-punti 49 u 50)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95P, punt 29; 16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt‑Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, punti 181 sa 188; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il‑Kummissjoni, T‑213/95 u T‑18/96, punt 57; 11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, punt 154; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 1 ta’ Lulju 2010, Füller‑Tomlinson vs Il‑Parlament, F‑97/08, punt 167, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑390/10 P