Language of document : ECLI:EU:F:2015:60

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

18 ta’ Ġunju 2015

Kawża F‑27/13

CX

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċeduri dixxiplinari — Rwol u kompetenzi rispettivi tal-Bord Dixxiplinari u tal-Awtorità tal-Ħatra — Sanzjoni dixxiplinari — Tniżżil fil-grad segwit minn deċiżjoni ta’ promozzjoni — Proporzjonalità tas-sanzjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu CX jitlob essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2012 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea imponiet fuqu s-sanzjoni tat-tniżżil fil-grad mill-grad AD 9 għall-grad AD 8 u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tikkumpensa d-danni li huwa jidhirlu li ġarrab.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. CX għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari — Termini stabbiliti fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal — Termini mhux perentorji — Regola ta’ amministrazzjoni tajba

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 22(1))

2.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Rwoli u setgħat rispettivi tal-Bord Dixxiplinari u tal-Awtorità tal-Ħatra — Evalwazzjoni fir-rigward tar-realtà tal-fatti allegati

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikoli 18 u 25)

3.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċeduri dixxiplinari — Termini — Obbligu tal-amministrazzjoni li taġixxi f’terminu raġonevoli — Evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

4.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Sanzjoni — Tniżżil fil-grad — Relazzjoni ma’ deċiżjoni ta’ promozzjoni meħuda sussegwentement fil-konfront tal-istess uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45 u 86)

5.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Sanzjoni — Tniżżil fil-grad — Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 9)

1.      It-terminu previst mill-Artikolu 22(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex terminu perentorju. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi regola ta’ amministrazzjoni tajba li l-għan tagħha huwa li, fl-interess kemm tal-amministrazzjoni kif ukoll tal-uffiċjali, jiġi evitat dewmien mhux ġustifikat fl-adozzjoni tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura dixxiplinari. Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet dixxiplinari għandhom l-obbligu li jmexxu l-proċedura dixxiplinari b’diliġenza u li jaġixxu b’mod li kull att proċedurali jitwettaq f’terminu raġonevoli wara l-att preċedenti. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu, li jista’ jiġi evalwat biss abbażi taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, jista’ jwassal għall-annullament tal-att adottat wara l-iskadenza tat-terminu, b’mod partikolari fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża.

(ara l-punt 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim Istanza: sentenzi N vs Il‑Kummissjoni, T‑198/02, EU:T:2004:101, punt 125, u François vs Il‑Kummissjoni, T‑307/01, EU:T:2004:180, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-Awtorità tal-Ħatra tista’ teżamina u tevalwa l-fatti li huma s-suġġett ta’ proċedura dixxiplinari f’termini differenti minn dawk li jinsabu fl-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, bil-kundizzjoni li timmotiva fid-dettall id-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward.

Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprovdi li l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari hija vinkolanti għal din l-awtorità fir-rigward tar-realtà tal-fatti allegati. Għall-kuntrarju, minn qari tal-Artikoli 18 u 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, meħuda flimkien, jirriżulta li l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, li huwa korp ta’ natura konsultattiva, ma torbotx lill-imsemmija awtorità f’dan ir-rigward.

Fil-fatt, l-Artikolu 18 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdix li l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari hija vinkolanti għall-Awtorità tal-Ħatra.

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-imsemmija awtorità għandha dritt tibbaża ruħha fuq konstatazzjonijiet fattwali magħmula f’deċiżjoni kriminali li tkun saret definittiva, anki jekk l-uffiċjal inkwistjoni jikkontesta l-materjalità ta’ dawn il-fatti matul il-proċedura dixxiplinari. Fi kliem ieħor, l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jirrestrinġi s-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-realtà tal-fatti li huma s-suġġett ta’ proċedura dixxiplinari fil-każ speċifiku fejn ikunu nbdew proċeduri kriminali b’mod parallel għall-istess fatti. Min-naħa l-oħra, huwa ma pprevediex li din l-awtorità ma tistax teskludi totalment jew parzjalment l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari.

Madankollu, il-Bord Dixxiplinari ma huwiex imċaħħad mill-funzjoni essenzjali tiegħu ta’ korp konsultattiv u l-uffiċjal ikkonċernat jibbenefika minn garanzija fundamentali peress li l-imsemmija awtorità għandha l-obbligu li timmotiva kwalunkwe għażla li teskludi l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, inkluż f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fatti.

(ara l-punti 54 sa 58)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza F. vs Il‑Kummissjoni, 228/83, EU:C:1985:28, punt 16

Il-Qorti tal-Prim Istanza: sentenza Stevens vs Il‑Kummissjoni, T‑277/01, EU:T:2002:302, punt 76, u digriet Di Rocco vs CES, T‑8/92, EU:T:1992:122, punt 28

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Bedin vs Il‑Kummissjoni, F‑128/14, EU:F:2015:51, punt 30

3.      Mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jirriżulta li l-awtoritajiet dixxiplinari għandhom l-obbligu li jmexxu l-proċedura dixxiplinari b’diliġenza u li jaġixxu b’mod li kull att proċedurali jitwettaq f’terminu raġonevoli wara l-att preċedenti. It-tul mhux raġonevoli ta’ proċedura dixxiplinari jista’ jirriżulta kemm mit-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi preliminari kif ukoll mill-proċedura dixxiplinari bħala tali. In-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża kif ukoll l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti.

(ara l-punt 77)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza A u G vs Il‑Kummissjoni, F‑124/05 u F‑96/06, EU:F:2010:2, punti 390 sa 393

4.      F’dak li jirrigwarda uffiċjal li kien is-suġġett ta’ deċiżjonijiet li jimponu fuqu tniżżil fil-grad bħala sanzjoni dixxiplinari u li, sussegwentement, jippromwovuh b’effett retroattiv, dawn id-deċiżjonijiet jikkostitwixxu żewġ atti amministrattivi distinti u awtonomi, li huma bbażati fuq żewġ bażijiet legali differenti, waħda fuq l-Artikolu 86 u l-oħra fuq l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ifittxu li jilħqu żewġ għanijiet differenti u kunfliġġenti. F’dan ir-rigward, imkien fir-Regolamenti tal-Persunal ma huwa previst li deċiżjoni dixxiplinari ta’ tniżżil fil-grad tipprevali ex officio fuq deċiżjoni sussegwenti ta’ promozzjoni meta d-destinatarju taż-żewġ deċiżjonijiet huwa l-istess uffiċjal jew l-istess membru ieħor tal-persunal.

Barra minn hekk, il-promozzjoni hija, min-natura tagħha, att ġuridiku li la jista’ jkun suġġett għal xi kundizzjoni sospensiva jew riżoluttiva u lanqas ma jista’ jkun suġġett għal xi limitazzjoni ratione temporis. Fil-fatt, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkunsidrat li r-Regolamenti tal-Persunal ma jippermettux il-promozzjoni pro tempore ta’ uffiċjal jew ta’ membru ieħor tal-persunal, pereżempju mill-1 ta’ Jannar ta’ sena partikolari sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara.

(ara l-punti 95, 99 u 100)

5.      F’dak li jirrigwarda l-għażla tas-sanzjoni dixxiplinari li għandha tiġi imposta, skont l-Artikolu 9 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti ma għandhiex is-setgħa li tissanzjona lill-uffiċjal ikkonċernat billi tiffissalu direttament “klassifikazzjoni” fi grad partikolari, iżda għandha biss is-setgħa li tniżżlu fil-grad, jew temporanjament jew definittivament, mill-grad li dan tal-aħħar effettivament ikollu fil-mument tal-applikazzjoni tal-imsemmija sanzjoni.

(ara l-punt 101)