Language of document : ECLI:EU:F:2014:175

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

25 ta’ Ġunju 2014

Kawża F‑47/08 DEP

Willy Buschak

vs

Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound)

“Servizz pubbliku — Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż — Ammissibbiltà — Talba fondata fid-dritt — Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura — Interpretazzjoni tat-talba — Tardività — Spejjeż tat-traduzzjoni”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, imressqa skont l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) wara li ngħata d-digriet Buschak vs Eurofund (F‑47/08, EU:F:2010:20).

Deċiżjoni:      L-ammont totali tal-ispejjeż li W. Buschak għandu jirrimborsa lill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol abbażi tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru fil-Kawża F‑47/08, Buschak vs Eurofund, huwa ffissat għal EUR 9 250.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Talba għall-intaxxar — Terminu għall-preżentata — Obbligu li t-talba għall-intaxxar tiġi ppreżentata f’terminu raġonevoli

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Intaxxar — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Spejjeż relattivi għall-fażi prekontenzjuża — Esklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

3.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Intaxxar — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Evalwazzjoni fid-dawl tan-numru totali ta’ sigħat ta’ ħidma oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

4.      Proċedura ġudizzjarja — Sistema lingwistika — Għażla tal-lingwa tal-proċedura

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 35)

1.      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż għandha tiġi ppreżentata f’terminu raġonevoli li ladarba jiskadi l-parti li tkun ġiet ikkundannata għall-ispejjeż tkun intitolata tqis li l-parti kreditriċi rrinunzjat għad-drittijiet tagħha. Barra minn hekk, in-natura raġonevoli ta’ terminu għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi kollha partikolari għal kull każ u, b’mod partikolari, mill-interess fil-kwistjoni għall-parti kkonċernata, mill-kumplessità tal-każ u mill-aġir tal-partijiet involuti.

(ara l-punt 18)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: digriet Dietz vs Il‑Kummissjoni, 126/76 DEP, EU:C:1979:158, punt 1, u sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punti 28 u 33

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: digriet Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑2/93 DEP, EU:T:1995:45, punti 10 et seq

2.      L-onorarji dovuti għas-servizzi pprovduti mill-avukat lil membru tal-persunal fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża ma jikkostitwixxux spejjeż li jistgħu jinġabru.

Lanqas ma tqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru l-onorarji dovuti mill-amministrazzjoni lill-avukat tagħha għas-servizzi tiegħu ta’ qabel il-preżentata tar-rikors. Fil-fatt, l-istess bħall-onorarji li l-membru tal-persunal għandu jħallas lill-avukat tiegħu għall-interventi tiegħu fl-istadju prekontenzjuż, dawn l-onorarji ma jistgħux jitqiesu li huma spejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, liema spejjeż huma l-uniċi li jistgħu jinġabru skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-imsemmi Tribunal. Fil-fatt, huwa importanti li kull parti tkun tista’ ssostni l-kawża tagħha f’kundizzjonijiet li, fi tmiem il-proċess, ma jqiegħduhiex f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ nett meta mqabbla mal-parti avversarja. Madankollu, dan ikun il-każ kieku l-membru tal-persunal ikun mistenni, f’każ li r-rikors tiegħu jinċaħad, ibati l-onorarji tal-avukat li l-amministrazzjoni tkun użat sa mill-istadju prekontenzjuż, filwaqt li fil-każ li r-rikors tiegħu jkun ta’ suċċess, huwa ma jkunx jista’ jirkupra l-onorarji li huwa jkun ħallas għal servizzi mogħtija fl-istess stadju. Barra minn hekk, il-perspettiva li wieħed ikollu, jekk ikun il-każ, ibati l-ispejjeż relatati ma’ servizzi prekontenzjużi f’ammont għoli huwa tali li jostakola l-aċċess għall-ġustizzja u li jaffettwa, għaldaqstant, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva b’mod radikali.

(ara l-punti 33 u 34)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: digriet Altmann et vs Il‑Kummissjoni, T‑177/94 DEP, T‑377/94 DEP u T‑99/95 DEP, EU:T:1998:139, punt 18, u sentenza Nardone vs Il‑Kummissjoni, T‑57/99, EU:T:2008:555, punt 139

3.      Il-qorti ma hijiex marbuta bil-kalkolu prodott mill-parti li għandha l-intenzjoni tirkupra l-ispejjeż, iżda huwa l-obbligu tagħha li tqis biss in-numru totali ta’ sigħat ta’ ħidma li jistgħu jidhru bħala oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura. Madankollu, il-frażi “teħid ta’ struzzjonijiet u tħejjija ta’ abbozzi” li tidher diversi drabi fil-lista ddettaljata tas-servizzi ta’ avukat, għall-perijodu ta’ wara l-preżentata tar-rikors, hija biss formulazzjoni f’termini ġenerali, li tqiegħed lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku f’sitwazzjoni li tevalwa neċessarjament b’mod strett in-natura oġġettivament indispensabbli tal-imsemmija servizzi. Dan jgħodd ukoll għall-indikazzjonijiet li jinsabu f’talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, li jipprovdu li l-avukat kien obbligat “iħejji l-osservazzjonijiet neċessarji” u “jipprovdi l-pariri ta’ natura ġenerali”.

Barra minn hekk, meta l-avukat ta’ parti jkun diġà assistiha matul il-proċeduri jew il-passi ta’ qabel il-kawża relatata magħhom, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-avukat ikollu għarfien ta’ elementi rilevanti għall-kawża li huwa tali li għandu jħaffiflu xogħlu u jnaqqas il-ħin ta’ tħejjija neċessarju għall-proċedura kontenzjuża.

(ara l-punti 38, 40 u 42)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digrieti Le Levant 015 et vs Il‑Kummissjoni, T‑34/02 DEP, EU:T:2010:559, punt 43, u Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑126/11 P, EU:T:2014:171, punt 38

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digrieti Schönberger vs Il‑Parlament, F‑7/08 DEP, EU:F:2010:32, punt 29, u Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, F‑50/09 DEP, EU:F:2012:147, punt 21

4.      Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 257 TFUE, l-Artikolu 64 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 7(2) tal-Anness I tal-imsemmi Statut, id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea dwar is-sistema lingwistika huma applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Issa, mill-Artikolu 35(1) sa (3) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikorrent għandu d-dritt jagħżel il-lingwa tal-proċedura. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, b’mod partikolari, l-għan li jipproteġu l-pożizzjoni ta’ parti li jkollha l-intenzjoni tikkontesta l-legalità ta’ att amministrattiv adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun il-lingwa użata għal dan il-għan mill-istituzzjoni kkonċernata.

Barra minn hekk, l-Artikolu 20(2)(d) TFUE u l-Artikolu 41(4) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jagħtu lil kull persuna d-dritt li tindirizza lill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni b’waħda mill-lingwi tat-Trattati u li tirċievi risposta bl-istess lingwa. Madankollu, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jirregolawx l-użu tal-lingwi fi ħdan l-imsemmija istituzzjonijiet, korpi u organi u li l-applikazzjoni tagħhom fir-relazzjonijiet ta’ xogħol fis-servizz pubbliku Ewropew ma huwiex ovvju, għandu jiġi osservat li persuna li ma tkunx għadha membru tal-persunal ta’ istituzzjoni meta tippreżenta r-rikors tagħha fil-kawża prinċipali tesprimi, permezz ta’ dan ir-rikors, it-tilwima tagħha kontra din tal-aħħar. Hija għalhekk għandha l-għażla tal-lingwa tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku indipendentement mil-lingwa jew mil-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjoni fejn kienet taħdem u huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tadatta ruħha għal din l-għażla mingħajr ma ġġiegħlha finalment issostni l-piż ta’ dan.

(ara l-punti 44, 46 u 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: digriet BP Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑11/95, EU:T:1996:91, punt 9

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet BI vs Cedefop, F‑31/11, EU:F:2012:28, punt 18