Language of document : ECLI:EU:F:2013:77

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

18 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑115/10

Jacques Biwer

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance tal-edukazzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Tnaqqis ta’ allowance tal-istess natura irċevuta minn xi mkien ieħor — Rikors manifestament infondat”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu J. Biwer u l-ħames rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-anness jitolbu, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li ma ġietx ikkomunikata lir-rikorrenti, li tikkunsidra ċerta għajnuna finanzjarji ta’ Stat Membru mogħtija lill-istudenti tat-tagħlim superjuri bħala allowance tal-istess natura bħall-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal u li din l-għajnuna titnaqqas mill-allowance tal-edukazzjoni stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal lill-uffiċjali ġenituri ta’ dawn l-istudenti u, min-naħa l-oħra, l-annullament tal-istqarrijiet tas-salarju stabbiliti skont din id-deċiżjoni, minn Jannar 2010.

Deċiżjoni:      Ir-rikors ta’ J. Biwer u tal-ħames rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-anness huwa miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. J. Biwer u l-ħames rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-anness għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess u għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance tal-edukazzjoni — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regola antikumulu prevista fl-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fil-każ ta’ ħlas minn sorsi oħra ta’ allowances tal-istess natura — Applikazzjoni għall-benefiċċju finanzjarju Lussemburgiż intiż għall-istudenti — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 67(1)(ċ) u (2))

Huma biss l-benefiċċji li huma komparabbli u li għandhom l-istess għan li huma “ta’ l-istess natura” fis-sens tar-regola antikumulu prevista fl-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fil-qasam tal-allowances tal-familja. Il-kriterju deċiżiv fil-kwalifika ta’ allowance tal-istess natura huwa dak tal-għan imfittex mill-benefiċċji inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, l-allowance tal-edukazzjoni msemmi fl-Artikolu 67(1)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-benefiċċju finanzjarju Lussemburgiż mogħti fil-forma ta’ boroż ta’ studju u ta’ self, li għandu l-għan li jipprovdi lill-istudenti għajnuna finanzjarja maħsuba sabiex ikunu jistgħu jsostnu l-ispejjeż relatati mal-istudji tagħhom u mas-sostenn tagħhom fil-kuntest tat-tkomplija tal-istudji tagħhom, għandhom għanijiet simili fis-sens li jfittxu li jikkontribwixxu għall-ispejjeż skolastiċi tal-wild dipendenti tal-uffiċjal.

Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata miċ-ċirkustanza li l-benefiċjarji taż-żewġ benefiċċji ma humiex l-istess. Tabilħaqq, il-fatt li l-allowance stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal hija attribwita lill-uffiċjal u li l-benefiċċju nazzjonali huwa pperċepit mill-wild jew mogħti formalment lilu ma huwiex determinanti sabiex jiġi evalwat jekk dawn il-benefiċċji huma tal-istess natura fis-sens tal-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 42 u 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Ottubru 1977, Gelders-Deboeck vs Il‑Kummissjoni, 106/76, punt 16; 13 ta’ Ottubru 1977, Emer-van den Branden vs Il‑Kummissjoni, 14/77, punt 15; 18 ta’ Diċembru 2007, Weiβenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, punt 89

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Mejju 1990, Sens vs Il‑Kummissjoni, T‑117/89, punt 14; 11 ta’ Ġunju 1996, Pavan vs Il‑Parlament, T‑147/95, punt 41

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Frar 2007, Guameri vs Il‑Kummissjoni, F‑62/06, punti 39 u 42; 5 ta’ Ġunju 2012, Giannakouris vs Il‑Kummissjoni, F‑83/10, punt 37; Chatzidoukakis vs Il‑Kummissjoni, F‑84/10, punt 37