Language of document : ECLI:EU:C:2017:525

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

6 ta’ Lulju 2017 (*)

“Appell – Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni tal-isem tar-rikorrent – Adattament tat-talbiet – Nota ppreżentata f’isem u għan-nom tar-rikorrent li miet”

Fil-Kawża C-505/16 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2016,

Olga Stanislavivna Yanukovych, fil-kwalità ta’ eredi ta’ Viktor Viktorovych Yanukovych, residenti f’Donetsk (Ukraina), irrappreżentata minn T. Beazley, QC,

appellanti,

il-partijiet oħra fil-proċedura li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn P. Mahnič Bruni u J.-P. Hix, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn S. Bartelt u J. Norris-Usher, sussegwentement minn E. Paasivirta kif ukoll minn J. Norris-Usher, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla (Relatur), J. Malenovský u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tagħha, Olga Stanislavivna Yanukovych titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-12 ta’ Lulju 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill (T-347/14, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2016:433), peress li, permezz tiegħu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/143 tad-29 ta’ Jannar 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2015, L 24, p. 16), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364 tal-5 ta’ Marzu 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2015, L 62, p. 25), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/138, tad-29 ta’ Jannar 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2015, L 24, p. 1), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357 tal-5 ta’ Marzu 2015 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2015, L 62, p. 1), sa fejn isemmu lil Viktor Viktorovych Yanukovych (iktar ’il quddiem l-“atti kontenzjużi”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK tal-5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26), jipprovdi:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.”

3        Fil-punt 10 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2014/119, intitolat “Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 1”, jidher l-isem ta’ Viktor Viktorovych Yanukovych, identifikat bħala “iben l-ex-President, Membru tal-Verkhovna Rada tal-Ukraina”, fuq il-bażi li huwa persuna suġġetta għal investigazzjoni fl-Ukraina dwar involviment f’reati marbuta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi pubbliċi tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina.

4        Ir-Regolament tal-Kunsill 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 1), jimponi l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u jiddefinixxi l-modalitajiet tagħhom f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk ta’ din id-deċiżjoni.

5        Fil-punt 10 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 2”, jidher l-isem ta’ Viktor Viktorovych Yanukovych u l-istess indikazzjonijiet bħal dawk li jirriżultaw mill-punt 10 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2014/119.

6        Id-Deċiżjoni 2014/119 ġiet emendata, b’mod partikolari, bid-Deċiżjoni 2015/143 u bid-Deċiżjoni 2015/364, u r-Regolament Nru 208/2014, ġie emendat, b’mod partikolari, bir-Regolament 2015/138 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357.

7        Permezz ta’ dawn l-atti, il-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront ta’ V. V. Yanukovych ġew għalhekk estiżi sas-6 ta’ Ġunju 2015, madankollu, bil-motivazzjoni li ġejja:

“Persuna soġġetta għal investigazzjonijiet mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi. Persuna assoċjata ma’ persuna identifikata (l-eks President tal-Ukrajna, Viktor Fedorovych Yanukovyich) soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi.”

8        Permezz tad-Deciżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/876 tal-5 ta’ Ġunju 2015, li temenda d-Deciżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 142, p. 30), u permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/869, tal-5 ta’ Ġunju 2015, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 142, p. 1), l-isem ta’ V. V. Yanukovych tħassar mil-lista tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi b’applikazzjoni tad-Deciżjoni 2014/119 u tar-Regolament Nru 208/2014.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

9        Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-motivazzjoni fid-dritt tad-digriet appellat huma esposti, minn naħa, fil-punti 17 sa 34 u, min-naħa l-oħra, fil-punti 38 sa 95 tiegħu. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġbaru fil-qosor kif ġej.

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Mejju 2014, V. V. Yanukovych ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2014/119 u tar-Regolament Nru 208/2014, sa fejn dawn jikkonċernawh.

11      Fl-20 ta’ Marzu 2015, V. V. Yanukovych miet.

12      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ April 2015, ir-rappreżentant ta’ V. V. Yanukovych ippreżenta, f’isem dan tal-aħħar, nota ta’ adattament sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti kontenzjużi.

13      Fl-istess ħin, ir-rappreżentant ta’ V. V. Yanukovych ippreżenta, f’isem dan tal-aħħar, rikors irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bir-referenza T-172/15, intiż għall-annullament tal-istess atti (iktar ’il quddiem it-“tieni rikors għal annullament”).

14      Kemm fin-nota ta’ adattament kif ukoll fit-tieni rikors għal annullament, ir-rappreżentant ta’ V. V. Yanukovych speċifika li dan tal-aħħar kien miet ftit żmien qabel il-preżentata tagħhom. Huwa indika fihom li l-proċedura fl-Ukraina sabiex jinħatar is-suċċessur legali tiegħu kienet għaddejja u li kien probabbli li l-armla ta’ V. V. Yanukovych ser tkun is-suċċessur fid-drittijiet tiegħu. Huwa għaldaqstant talab sospensjoni tal-kawża tul iż-żmien meħtieġ għall-ħatra tas-suċċessur legali u sabiex tittieħed deċiżjoni dwar it-tkomplija tal-istanza.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Lulju 2015, adottata skont l-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-proċedura ġiet sospiża sal-31 ta’ Ottubru 2015.

16      Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, Yanukovych vs Il-Kunsill (T‑172/15, mhux ippubblikat, EU:T:2015:569), il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni rikors għal annullament bħala manifestament inammissibbli, minħabba li ġie ppreżentat mir-rappreżentant ta’ V. V. Yanukovych wara l-mewt ta’ dan tal-aħħar.

17      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2015, ir-rappreżentant ta’ V. V. Yanukovych iddepożita fil-proċess ċertifikat tal-mewt tiegħu u indika li l-armla tiegħu u unika eredi, O. S. Yanukovych, kellha l-intenzjoni tkompli l-istanza, filwaqt li speċifika r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-persistenza tal-interess ġuridiku tagħha minkejja t-tħassir tal-isem ta’ V. V. Yanukovych mil-lista tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/119 u tar-Regolament Nru 208/2014.

18      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2016, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali b’mod partikolari talab lill-partijiet jieħdu pożizzjoni fuq il-konsegwenzi eventwali li għandhom jinsiltu fuq ir-rikors għal annullament, minn naħa, tal-adattament tat-talbiet u, min-naħa l-oħra, tad-digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, Yanukovych vs Il-Kunsill (T-172/15, mhux ippubblikat, EU:T:2015:569). Il-partijiet irrispondew għaliha fit-termini stabbiliti.

19      Fil-punti 38 sa 75 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, abbażi ta’ diversi sentenzi mogħtija minnha u li jirrigwardaw l-istess kwistjonijiet ta’ liġi bħal dawk imqajma bir-rikors għal annullament, li l-inklużjoni tal-isem ta’ V. V. Yanukovych fil-lista tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/119 u tar-Regolament Nru 208/2014 ma kinitx tosserva l-kriterji ta’ indikazzjoni tal-persuni kkonċernati minn dawn il-miżuri, stabbiliti minn din id-deċiżjoni. Konsegwentement, f’dan ir-rigward, hija ddikjarat ir-rikors manifestament fondat u annullat id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014.

20      Dawn il-punti tad-digriet appellat ma humiex is-suġġett ta’ dan l-appell.

21      Fil-punti 76 sa 95 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tal-atti kontenzjużi, inklużi fin-nota ta’ adattament, ippreżentata fit-8 ta’ April 2015.

22      Fil-punt 82 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ tali nota, kellu jsir riferiment għas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument tal-preżentata tagħha.

23      Fil-punt 83 ta’ dan id-digriet, hija kkonstatat li r-rappreżentant ta’ V. V. Yanukovych kien ippreżenta, f’ismu, nota ta’ adattament tat-talbiet oriġinali ppreżentati fir-rikors promotur ta’ istanza u li mill-proċess ma kienx jirriżulta li din in-nota kienet ġiet ippreżentata f’isem l-appellanti.

24      Fil-punt 84 tal-imsemmi digriet, hija kkonstatat li, fid-data tal-preżentata ta’ din in-nota, V. V. Yanukovych kien miet u kkonkludiet minn dan li din in-nota kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

25      Fil-punti 85 sa 92 tal-istess digriet, il-Qorti Ġenerali skartat diversi argumenti mressqa mill-appellanti.

26      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet għalhekk li l-adattament tar-rikors kellu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors għal annullament bħala manifestament inammissibbli, sa fejn kienu intiżi kontra l-atti kontenzjużi.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27      L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tad-digriet appellat;

–        tannulla l-punt 3 tad-dispożittiv tad-digriet appellat sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li jimponi fuq il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jbati biss l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti iżda mhux dawk sostnuti mid-decujus;

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għas-smigħ u għall-finijiet ta’ deċiżjoni jew, sussidjarjament:

–        tannulla l-atti kontenzjużi;

–        sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Qorti Ġenerali ma tkunx diġà għamlet hekk, tikkundanna lill-Kunsill ibati kemm l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti kif ukoll dawk sostnuti mid-decujus fir-rigward tat-talba tagħha għal annullament imressqa fir-rikors;

–        tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti, kif ukoll dawk sostnuti mid-decujus, fir-rigward tat-talba tagħha għal annullament imressqa fin-nota ta’ adattament, u

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tal-appell.

28      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-appell, u

–        sussidjarjament, tiċħad it-talba għall-annullament tal-atti kontenzjużi.

29      Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad it-tieni aggravju tal-appell bħala inammissibbli;

–        tiċħad l-aggravji l-oħra tal-appell bħala manifestament infondati, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

30      Skont l-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta appell ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tiċħad dan l-appell, kompletament jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.

31      Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan l-appell.

 L-argumenti tal-partijiet

32      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 84, 89 u 92 tad-digriet appellat, li n-nota ta’ adattament kienet inammissibbli minħabba li kienet ġiet ippreżentata f’isem V. V. Yanukovych wara l-mewt tiegħu, bl-evalwazzjoni għalhekk tal-ammissibbiltà ta’ din in-nota fir-rigward tas-sitwazzjoni fid-data tal-introduzzjoni tagħha.

33      Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina l-ammissibbiltà tal-imsemmija nota billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jiġifieri li r-rikors għal annullament kien ammissibbli, peress li ġie ppreżentat minn V. V. Yanukovych meta kien għadu ħaj, li dan xtaq li nota ta’ adattament tiġi introdotta, li tali nota ġiet introdotta minn u f’isem l-appellanti bħala suċċessur u eredi de facto ta’ dan tal-aħħar u li, meta l-ammissibbiltà tal-imsemmija nota ġiet eżaminata, l-appellanti kienet ġiet legalment ikkonfermata bħala eredi b’effett retroattiv.

34      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet konstatazzjonijiet ta’ fatt li l-ineżattezza materjali tagħhom tirriżulta mill-atti tal-proċess u li żnaturat il-provi li ġew prodotti lilha.

35      Għalhekk, hija tqis li l-konstatazzjonijiet li jgħidu li n-nota ta’ adattament ma kinitx ġiet ifformulata jew ippreżentata f’isimha, li jinsabu fil-punti 83 u 87 tad-digriet appellat, huma materjalment u manifestament ineżatti u jirriżultaw minn żnaturament. Hija tenfasizza li V. V. Yanukovych kien iddeċieda jippreżenta nota ta’ adattament u li, b’applikazzjoni tad-dritt tal-Ukraina, is-suċċessjoni legali taqa’ awtomatikament fuq l-armla tad-decujus u fuq il-ġenituri tiegħu, wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sitt xhur.

36      Dawn l-elementi differenti jirriżultaw mill-punt 2 tan-nota ta’ adattament, minn messaġġ elettroniku tas-7 ta’ April 2015 li hija bagħtet lill-avukat ta’ V. V. Yanukovych, mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Lulju 2015, u mill-ittra tal-avukat tiegħu, tat-30 ta’ Ottubru 2015, li permezz tagħha nnotifikat lill-Qorti Ġenerali l-ħatra tagħha bħala eredi u suċċessur tad-decujus u fformulat osservazzjonijiet dwar iż-żamma tal-interess ġuridiku tagħha.

37      Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li hija approvat in-nota ta’ adattament u awtorizzat il-preżentata tagħha, fil-kwalità ta’ suċċessur de facto ta’ V. V. Yanukovych.

38      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li ttrattat bl-istess mod l-ammissibbiltà tan-nota ta’ adattament u dik tat-tieni rikors għal annullament. Hija tqis li teżisti differenza fattwali sinjifikattiva bejn iż-żewġ rikorsi, li tirriżulta minn approċċ differenzjat tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tat-talbiet għal sospensjoni. Il-fatt li tat sospensjoni wara l-preżentata tan-nota ta’ adattament, filwaqt li din kienet ġiet irrifjutata fit-tieni rikors għal annullament, ħoloq aspettattiva raġonevoli, peress li b’dan il-mod il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li din in-nota kienet inammissibbli minħabba li kienet ġiet introdotta wara l-mewt ta’ V. V. Yanukovych.

39      Barra minn hekk, hija tirrileva li, meta l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-ammissibbiltà tat-tieni rikors għal annullament, hija ma kinitx għada suċċessur u eredi legalment maħtur ta’ V. V. Yanukovych, għalkemm fid-data tad-digriet appellat kienet diġà nħatret. Minn dan hija tikkonkludi li, fir-rigward tan-nota ta’ adattament, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-TFUE ġew osservati.

40      Hija tqis fl-aħħar nett li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-inammissibbiltà tan-nota ta’ adattament għandha bħala effett li ċċaħħadha mid-dritt għal azzjoni legali tagħha fil-kwalità ta’ suċċessur legali u eredi tad-decujus, mingħajr ebda ġustifikazzjoni għal tali ċaħda, kuntrarjament għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tosserva li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 87 tad-digriet appellat, iġiegħel lil rikorrent jippreżenta rikorsi multipli, fi kwalitajiet differenti, bħala miżura preventiva.

41      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-ewwel u t-tielet aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati u li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42      It-tliet aggravji tal-appell, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma intiżi li jikkontestaw, essenzjalment, minn naħa, l-identità tal-persuna li f’ismha n-nota ta’ adattament ġiet ippreżentata u, min-naħa l-oħra, id-data li fiha ġiet eżaminata l-ammissibbiltà ta’ din in-nota.

43      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-identità tal-persuna li f’ismha n-nota ta’ adattament ġiet ippreżentata, għandu jitfakkar li, fil-punt 83 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret li V. V. Yanukovych kien miet fl-20 ta’ Marzu 2015, irrilevat li r-rappreżentant tiegħu kien ippreżenta, fit-8 ta’ April 2015, f’ismu, nota ta’ adattament u ma kienx jirriżulta mill-proċess li din in-nota kienet ġiet ippreżentata f’isem l-appellanti.

44      Fuq il-bażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 84 tad-digriet appellat, li l-imsemmija nota kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li V. V. Yanukovych kien miet qabel il-preżentata tagħha.

45      Permezz tal-argumenti tagħha miġbura fil-qosor fil-punti 35 sa 37 ta’ dan id-digriet, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li huwa wara żnaturament tan-nota ta’ adattament stess kif ukoll ta’ ċerti atti tal-proċess u provi oħra, li l-Qorti Ġenerali wettqet il-konstatazzjoni mfakkra fil-punt 43 ta’ dan id-digriet.

46      Issa, minn qari tan-nota ta’ adattament li tinsab fil-proċess tal-ewwel istanza, li ntbagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 167(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li din in-nota tindika b’mod formali li ġiet introdotta f’isem V. V. Yanukovych.

47      Ċertament, fil-punt 2 tal-istess nota, ġie indikat li V. V. Yanukovych kien miet fl-20 ta’ Marzu 2015, li l-proċess ta’ identifikazzjoni tas-suċċessur legali tiegħu kien għaddej fid-data tal-preżentata tal-imsemmija nota, li l-appellanti kienet qed tistenna l-konferma tad-drittijiet tagħha mill-awtoritajiet tal-Ukraina u li stenniet tkun tista’ tesprimi l-interess tagħha li tkompli bil-kawża, wara l-ħatra tagħha bħala suċċessur legali ta’ V. V. Yanukovych.

48      Madankollu, dawn l-indikazzjonijiet, li l-Qorti Ġenerali, minkejja dan, ġabbrithom fil-qosor b’mod korrett fil-punt 86 tad-digriet appellat, mhux talli ma jinvalidawx il-konklużjoni li n-nota ta’ adattament kienet ġiet introdotta f’isem V. V. Yanukovych, iżda jikkonfermawha, sa fejn minnhom jirriżulta li, fid-data tal-preżentata tal-imsemmija nota, l-ebda suċċessur legali tiegħu ma kien inħatar u l-appellanti ma kinitx għada assumiet l-istanza, iżda kienet biss ipprevediet li tagħmel dan fil-futur.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ġie kkonstatat, fil-punti 25 u 83 tad-digriet appellat, li n-nota ta’ adattament kienet ġiet introdotta f’isem V. V. Yanukovych u li ma kienx jirriżulta mill-proċess li din in-nota kienet ġiet ippreżentata f’isem u għan-nom tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-kontenut tal-imsemmija nota. L-allegazzjonijiet opposti tal-appellanti għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala infondati.

50      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, sa fejn l-identità tal-persuna li f’ismha n-nota ta’ adattament ġiet ippreżentata kienet indikata b’mod ċar f’din in-nota, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tidentifika persuna oħra bħala dik li f’isimha l-imsemmija nota kienet ġiet ippreżentata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo, C-439/13 P, EU:C:2015:753, punt 74).

51      Il-Qorti Ġenerali lanqas ma żnaturat l-atti tal-proċess u l-provi l-oħra, imsemmija mill-appellanti. Fir-rigward tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-appellanti lill-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Lulju 2015, għandu jiġi kkonstatat li din ma speċifikatx f’xiex kien jikkonsisti eżattament l-iżnaturament tagħhom mill-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, mill-qari tal-punti 86, 88 u 91 tad-digriet appellat jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġabrithom fil-qosor b’mod korrett, mingħajr ma wettqet żnaturament tagħhom. Fir-rigward tal-messaġġ elettroniku tas-7 ta’ April 2015 u tal-ittra tal-avukat tal-appellanti tat-30 ta’ Ottubru 2015, ukoll evokati minnha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li ma hemm ebda riferiment għalihom mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat u, għaldaqstant, ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żnaturament tagħhom.

52      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti differenti mressqa mill-appellanti sabiex tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li jgħidu li l-qorti tal-Unjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-ammissibbiltà fid-data tal-preżentata tan-nota ta’ adattament, għandu jiġi rrilevat li, sakemm il-Qorti Ġenerali tkun, korrettament u mingħajr ma tkun wettqet żnaturament tagħha, ikkonstatat li l-imsemmija nota ġiet ippreżentata f’isem V. V. Yanukovych, din in-nota tkun tista’ titqies li hija ammissibbli biss jekk kienet ġiet ippreżentata qabel il-mewt tiegħu.

53      Issa, l-appellanti ma tikkontestax li n-nota ta’ adattament ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-data msemmija fil-punt 43 ta’ dan id-digriet, li hija wara l-mewt ta’ V. V. Yanukovych. Din in-nota tista’, għaldaqstant, titqies li hija ammissibbli biss jekk l-ammissibbiltà tagħha tiġi evalwata f’data preċedenti għall-preżentata tagħha u qabel il-mewt ta’ V. V. Yanukovych. Madankollu, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi evalwata b’riferiment għas-sitwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors jew tan-nota ta’ adattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il-Kummissjoni, 50/84, EU:C:1984:365, punt 8).

54      Barra minn hekk, l-argumenti tal-appellanti li jgħidu li l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tan-nota ta’ adattament kellha titwettaq f’data wara l-preżentata tagħha għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. Fil-fatt, anki fl-ipoteżi li tali data tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, jibqa’ l-fatt li V. V. Yanukovych kien diġà miet fid-data tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tan-nota ta’ adattament ippreżentata f’ismu.

55      Għandu jingħad ukoll li l-inammissibbiltà tan-nota ta’ adattament ippreżentata f’isem V. V. Yanukovych ma kellhiex bħala effett li ċċaħħad lill-appellanti mid-dritt għal azzjoni legali tagħha fil-kwalità ta’ suċċessur legali u eredi tad-decujus.

56      Kif indikat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 87 tad-digriet appellat, l-appellanti setgħet jew tippreżenta rikors, f’isimha u għan-nom tagħha stess, intiż għall-annullament tal-atti kontenzjużi, jew tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tkompli l-proċedura mibdija minn żewġha, bl-adattament tat-talbiet f’dawn l-atti, jiġifieri bil-preżentazzjoni ta’ nota ta’ adattament f’isimha u għan-nom tagħha stess.

57      Fit-tielet lok, l-argument li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li sospensjoni tal-proċedura ingħatat wara l-preżentata tan-nota ta’ adattament, filwaqt li dan ma seħħx fil-każ fit-tieni rikors għal annullament, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, l-appellanti ma tista’ tislet l-ebda konklużjoni mill-benefiċċju mogħti lilha mis-sospensjoni tal-proċedura tal-ewwel istanza.

58      Fir-raba’ u l-aħħar lok, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-każ fejn l-aggravji l-oħra kollha ta’ appell ikunu ġew miċħuda, it-talbiet rigward l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li appell ma jistax isir biss fuq l-ammont tal-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, PROAS vs Il-Kummissjoni, C-616/13 P, EU:C:2016:415, punt 88, kif ukoll id-digriet tat-12 ta’ Jannar 2017, Europäischer Tier- und Naturschutz u Giesen vs Il-Kummissjoni, C‑343/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:10, punt 24).

59      Peress li l-appellanti tilfet l-aggravji tagħha, l-argument dwar it-tqassim tal-ispejjeż għandu, għaldaqstant, jiġi ddikjarat inammissibbli.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq l-ispejjeż

61      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

62      Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

63      Peress li l-Kunsill kien talab li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet l-aggravji tagħha, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill.

64      Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Olga Stanislavivna Yanukovych hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


*Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.