Language of document : ECLI:EU:F:2011:94

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

28 ta’ Ġunju 2011

Kawża F-55/10

AS

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Ċaħda ta’ kandidatura — Interess ġuridiku — Uffiċjal invalidu — Indiviżibbiltà tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura u tad-deċiżjoni ta’ ħatra — Assenza — Distinzjoni bejn uffiċjali fl-istess grupp ta’ funzjonijiet u li għandhom l-istess grad u li huma fi stadju ta’ karriera differenti — Korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu AS titlob l-annullament, partikolarment, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Settembru 2009, li tiċħad il-kandidatura tagħha għal pożizzjoni ta’ assistent bibljotekarju u l-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallasha s-somma totali ta’ EUR 30 000 bħala kumpens għad-dannu materjali u morali allegatament subit minnha.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009 li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet il-kandidatura tar-rikorrenti hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 3 000. Il-kumplament tat-talbiet tar-rikors huma miċħuda. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u tliet kwarti tal-ispejjeż tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat kontra ċ-ċaħda ta’ kandidatura għal pożizzjoni vakanti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikors — Interess ġuridiku — Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Drittijiet fundamentali — Rispett tal-ħajja privata u tal-familja — Sigriet mediku — Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7)

4.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))

5.      Proċedura — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 35(1)(e) u 43(1))

6.      Uffiċjali — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Pożizzjoni tal-kategorija AST b’restrizzjoni tal-karriera — Eżami tal-kandidaturi — Esklużjoni tal-kandidati tal-kategorija AST mingħajr restrizzjoni tal-karriera — Illegalità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 5(4) u 7(1); Anness XIII, Artikolu 10)

7.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Annullament tal-att ikkontestat li ma jiżgurax il-kumpens adegwat għad-dannu morali — Għoti ta’ kumpens pekunjarju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal li jkun irtirat awtomatikament minħabba inkapaċità permanenti totali rrikonoxxuta mill-Kumitat tal-Invalidità hija sitwazzjoni riversibbli, u l-uffiċjal suġġett għal tali invalidità, li jista’ fil-futur jerġa’ jassumi l-funzjonijiet tiegħu, b’riżerva għal prova kuntrarja, jibqagħlu għalhekk interess li jitlob l-annullament taċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu għal pożizzjoni ddikjarata vakanti.

(ara l-punt 29)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea 9 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Strack, T‑526/08 P, punti 73 u 74

2.      Fil-każ ta’ rikors ippreżentat minn uffiċjal skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura tkun inseparabbli mid-deċiżjoni ta’ nomina korrispondenti għal dik il-kandidatura, l-interess tal-persuna kkonċernata li tikseb l-annullament ta’ dawk id-deċiżjonijiet għandu jiġi evalwat b’mod globali u uniku.

Madankollu, dan ma jfissirx għaldaqstant li l-imsemmija deċiżjonijiet huma indiviżibbli u li rikorrent huwa obbligat, biex tiġi evitata l-inammissibbiltà, li jitlob l-annullament taż-żewġ deċiżjonijiet b’mod simultanju. Fil-fatt, ir-rikorrent jista’ jitlob unikament l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu.

Barra minn hekk, huwa konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità li uffiċjal, bil-ħsieb li jippreżerva d-drittijiet ta’ terzi, jista’ jillimita ruħu sabiex jitlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu mingħajr ma jkun obbligat, sabiex jevita l-inammissibbiltà tar-rikors tiegħu, li jitlob l-annullament tan-nomina ta’ uffiċjali oħrajn.

(ara l-punti 30 sa 33)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, C‑17/07 P; Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Il‑Kummissjoni vs Strack, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45

3.      Is-sigriet mediku jkopri, b’mod partikolari, l-informazzjoni mogħtija lil professjonist mediku fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u kkomunikati lil dan tal-aħħar mill-persuna kkurata minnu. Id-dritt għall-protezzjoni tas-sigriet mediku, li huwa wieħed mill-aspetti tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, jikkostitwixxi dritt fundamentali protett mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dawk iż-żewġ drittijiet jistgħu jwasslu għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jista’ jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk żgurati.

F’dak ir-rigward, u b’riferiment għall-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-interferenza ta’ awtorità pubblika fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, li jinkludi d-dritt taż-żamma tas-sigriet dwar l-istat tas-saħħa tiegħu, tista’ tiġi ġġustifikata ġaladarba din tkun “prevista mil-liġi”, issegwi għanijiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu, bħalma huma “il-benessri ekonomiku” u l-“protezzjoni tas-saħħa”, u tkun “necessarja” sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

Dan ma jkunx il-każ meta istituzzjoni tagħmel użu, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn uffiċjal, minn elementi inklużi fil-fajl mediku tal-persuna kkonċernata bil-għan ewlieni li tiżviluppa argument li jista’ juri n-nuqqas ta’ interess ġuridiku tagħha.

(ara l-punti 41 u 42)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Lulju 1995, K vs Il‑Kummissjoni, T‑176/94, punti 34 sa 46

4.      Għalkemm il-qorti tal-Unjoni ma tistax tibbaża ruħha ex officio fuq motiv li ma jkunx ġie invokat mill-partijiet, ħlief jekk dan ikun ta’ ordni pubbliku, madankollu hija għandha tinterpreta l-motivi ta’ rikorrent fid-dawl tas-sustanza tagħhom iktar milli tal-klassifikazzjoni legali tagħhom, bil-kundizzjoni madankollu li l-imsemmija motivi jkunu jirriżultaw mir-rikors b’mod suffiċjentement preċiż. Madankollu, indipendentement minn kull kwistjoni ta’ terminoloġija, il-motivi għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun jista’ jagħti deċiżjoni fuq ir-rikors, fejn ikun xieraq mingħajr ma jkollu jitlob informazzjoni oħra.

(ara l-punt 50)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs L‑Awtorità Għolja, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61; 13 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, punt 45; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il‑Kummissjoni, T‑145/98, punt 66; Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea 26 ta’ Marzu 2010, Proges vs Il‑Kummissjoni, T‑577/08, punt 21

5.      Jekk rikorrent ikun ibbaża ruħu, fl-ilment u fir-rikors tiegħu, fuq motiv ta’ legalità interna, huwa ammissibbli li jinvoka motiv ġdid ta’ legalità interna, bħal ksur tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-ewwel darba quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti li l-motiv il-ġdid ikun ibbażat fuq raġunament legali preċiż u sostanzjalment differenti mill-ewwel motiv.

(ara l-punti 51 sa 53)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punti 108 sa 123

6.      Billi jipprovdi li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tpoġġi lil kull uffiċjal f’pożizzjoni tal-grupp ta’ funzjonijiet tiegħu li tikkorrispondi għall-grad tiegħu, l-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprekludi lill-imsemmija awtorità milli timpedixxi l-aċċess ta’ ċerti uffiċjali għal pożizzjoni li tikkorrispondi għall-gradi AST 1 sa AST 7 sempliċiment minħabba l-fatt li huma jistgħu jilħqu l-grad AST 11. Fil-fatt, dak l-Artikolu u l-Artikolu 5(4) tar-Regolamenti tal-Persunal jippermettu biss lill-istituzzjonijiet li jistabbilixxu korrispondenza, fi ħdan grupp ta’ funzjonijiet, bejn il-gradi u l-pożizzjonijiet.

F’dak ir-rigward, il-fatt li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 10 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jissuġġettaw lil ċerti uffiċjali, li qabel kienu fil-kategoriji antiki C u D, għal limitazzjonijiet fil-karriera tagħhom ma jawtorizzax lil istituzzjoni, sempliċiment minħabba dan il-fatt u unikament minħabba dik ir-raġuni, li tirriżerva għalihom ċerti pożizzjonijiet u, konsegwentement, li timpedixxi l-aċċess għal uffiċjali oħra li jkollhom l-istess grad bħalhom.

Iż-żamma minn istituzzjoni ta’ distinzjoni ta’ prinċipju bejn uffiċjali li jkollhom l-istess grad u li jkunu jappartjenu għall-istess grupp ta’ funzjonijiet, fir-rigward tal-aċċess għal ċerti pożizzjonijiet, ma hijiex kompatibbli ma’ wieħed mill-għanijiet segwiti waqt ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal li kienet tikkonsisti fl-għaqda tal-kategoriji antiki B, C u D fi grupp ta’ funzjonijiet wieħed AST. Għalhekk, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax legalment teżamina b’mod separat il-merti tal-uffiċjali tal-istess grad billi ssegwi l-appartenenza tagħhom għal gruppi differenti tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, peress li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jgħaqqadhom fi grupp ta’ funzjonijiet wieħed.

(ara l-punti 58 u 63 sa 65)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Marzu 2010, Angé Serrano et vs Il‑Parlament, C‑496/08 P, punt 106

7.      Id-dannu morali subit minn uffiċjal minħabba irregolarità ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni jagħti lok għad-dritt għall-ħlas ta’ kumpens meta l-annullament tal-att illegali kkontestat ma jkunx jista’ jikkostitwixxi fih innifsu kumpens adegwat għal dan id-dannu.

Dan ikun il-każ meta istituzzjoni, billi tirrifjuta illegalment li teżamina l-kandidatura ta’ uffiċjal għal pożizzjoni ddikjarata vakanti, meta l-persuna kkonċernata tkun okkupat dan it-tip ta’ funzjonijiet għal diversi snin, tikkaġunalu dannu morali li ma jkunx ikkumpensat suffiċjentement sempliċiment bl-annullament tal-att illegali, peress li l-persuna kkonċernata, fid-dawl tal-invalidità tagħha, ma tkunx tista’ tibbenefika iktar minn xi miżura ta’ eżekuzzjoni li għandha tiġi adottata mill-imsemmija istituzzjoni.

(ara l-punti 79 sa 80)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 7 ta’ Lulju 2009, Bernard vs Europol, F‑99/07 u F‑45/08, punti 103 sa 107