Language of document : ECLI:EU:F:2013:193

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

11 ta’ Diċembru 2013

Kawża F‑142/12

A

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Sigurtà soċjali — Inċident jew mard ikkaġunat mix-xogħol — Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal — Invalidità permanenti parzjali — Talba għal kumpens”

Suġġett:      Rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih A jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-11 ta’ Jannar 2012 li tirrikonoxxilu rata ta’ invalidità permanenti parzjali ta’ 20 % u li tiffissa d-data ta’ konsolidazzjoni tal-konsegwenzi tal-marda tiegħu kkaġunata mix-xogħol għall-25 ta’ Frar 2010 u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni biex tikkumpensah għal diversi danni subiti minħabba, minn naħa, it-tul eċċessiv tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 u, min-naħa l-oħra, minħabba l-marda tiegħu kkaġunata mix-xogħol.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-11 ta’ Jannar 2012 li tagħlaq il-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea b’riżultat tal-marda kkaġunata mix-xogħol li kien vittma tagħha A hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 3 500 lil A. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn A.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunati mix-xogħol — Perizja medika — Setgħa diskrezzjonali tal-Kumitat Mediku — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73)

2.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunati mix-xogħol — Perizja medika — Obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kumitat Mediku — Portata — Motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja — Konsegwenzi legali — Annullament tad-deċiżjoni bbażata fuq l-opinjoni tal-Kumitat Mediku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73)

3.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunati mix-xogħol — Perizja medika — Possibbiltà għall-Awtorità tal-Ħatra li tinjora l-evalwazzjoni tal-Kumitat Mediku — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Estensjoni tas-sitwazzjoni ta’ stennija pprovokata mill-illegalità ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni — Kumpens għad-dannu morali permezz ta’ ħlas xieraq

(Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73)

5.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunati mix-xogħol — Kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa skont is-sistema stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal — Talba għal kumpens komplementari bbażata fuq żball ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-istituzzjoni — Evalwazzjoni tat-talba għal kumpens komplementari li teħtieġ l-użu ta’ perizja medika — Inammissibbiltà matul il-proċedura miftuħa skont is-sistema stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73)

1.      Fir-rigward tal-Kumitat Mediku msemmi fl-Artikolu 22 tar-Regoli Komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni, evalwazzjonijiet mediċi proprji fformulati minn dan il-Kumitat għandhom jitqiesu bħala definittivi meta dawn ikunu nħarġu f’kundizzjonijiet regolari. Il-qorti għandha biss il-kompetenza li tivverifika, minn naħa, jekk il-Kumitat imsemmi ġiex ikkostitwit u ffunzjonax regolarment u, min-naħa l-oħra, jekk l-opinjoni tiegħu hijiex regolari, b’mod partikolari jekk tinkludix motivazzjoni li tippermetti li jiġu evalwati l-kunsiderazzjonijiet li hija bbażata fuqhom u jekk tistabbilixxix rabta li tinftiehem bejn il-konstatazzjonijiet mediċi li jinsabu fiha u l-konklużjonijiet li tasal għalihom. Meta l-Kumitat Mediku jkollu quddiemu kwistjonijiet ta’ natura medika kumplessi relatati ma’ dijanjosi diffiċli jew ma’ rabta kawżali bejn il-kundizzjoni li tbati minnha l-persuna kkonċernata u l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha ma’ istituzzjoni, dan għandu b’mod partikolari jindika fl-opinjoni tiegħu l-elementi tal-fajl li jibbaża ruħu fuqhom u jippreċiża, f’każ ta’ diverġenza sinjifikattiva, ir-raġunijiet għalfejn jinjora ċerti rapporti mediċi, preċedenti u rilevanti, li huma iktar favur il-persuna kkonċernata.

(ara l-punt 62)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Settembru 2010, AE vs Il‑Kummissjoni, F‑79/09, punti 64 u 65, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Ir-rapport tal-Kumitat Mediku msemmi fl-Artikolu 22 tar-Regoli Komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni għandu jkun fih motivazzjoni li tippermetti li jġu evalwati l-kunsiderazzjonijiet li dan huwa bbażat fuqhom u għandu jistabbilixxi rabta li tinftiehem bejn il-konstatazzjonijiet mediċi li jinsabu fih u l-konklużjonijiet li jasal għalihom.

Meta l-Kumitat Mediku, biex jiġġustifika l-iffissar tad-data ta’ konsolidazzjoni definittiva, jillimita ruħu għal kunsiderazzjonijiet amministrattivi u b’mod partikolari, jillimita ruħu li jindika d-data li fiha t-tobba ltaqgħu u saru jafu l-kontenut tar-rapport mediku, il-motivazzjoni għandha titqies li hija insuffiċjenti.

Barra minn hekk, meta l-Kumitat Mediku jinjora, fir-rapport tiegħu, l-evalwazzjonijiet mediċi preċedenti tiegħu stess mingħajr lanqas ma ppreċiża iktar ir-raġunijiet ta’ natura medika li wassluh għal tali konklużjonijiet, il-motivazzjoni jkollha natura kontradittorja.

B’hekk, billi adotta motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja, il-Kumitat Mediku ma ppermettiex lill-persuna kkonċernata li tagħraf b’mod li jinftiehem ir-rabta li dan ried jistabbilixxi bejn l-evalwazzjonijiet mediċi tiegħu u l-konklużjonijiet li wasal għalihom fir-rigward tad-data ta’ konsolidazzjoni tal-konsegwenzi tagħha.

Issa, id-drittijiet tal-persuna kkonċernata għall-iffissar tar-rata ta’ invalidità permanenti parzjali tagħha u, konsegwentement, għall-kapital previst fl-Artikolu 73(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll għall-kumpens komplementari għall-invalidità permanenti parzjali previst fl-Artikolu 13 tar-Regoli Komuni dwar l-assigurazzjoni jistgħu jiġu ddefiniti biss skont id-data ta’ konsolidazzjoni tal-konsegwenzi tal-mard ikkaġunat mix-xogħol tagħha, b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2006, tal-iskala, li l-applikabbiltà tagħha għall-persuna kkonċernata teħtieġ li l-leżjonijiet tagħha jkunu ġew ikkonsolidati wara dan id-dħul fis-seħħ, liema ħaġa għandha tiġi ppreċiżata mill-Kumitat Mediku billi jimmotiva l-evalwazzjoni tiegħu b’mod suffiċjenti fid-dritt.

Konsegwentement, il-konstatazzjoni tal-insuffiċjenza fil-motivazzjoni tal-opinjoni tal-Kumitat Mediku fir-rigward tad-data ta’ konsolidazzjoni hija tali li twassal għall-annullament ta’ deċiżjoni li tiffissa din id-data.

(ara l-punti 70 sa 78)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: AE vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata; 13 ta’ Ġunju 2012, Guittet vs Il‑Kummissjoni, F‑31/10, punti 54 u 68, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      L-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal relattivi għall-Kumitat Mediku li jaġixxi fil-kuntest tal-Artikolu 73 huwa dak li jafda lil esperti fil-qasam mediku l-evalwazzjoni definittiva tal-kwistjonijiet kollha ta’ natura medika, li ebda Awtorità tal-Ħatra, minħabba l-kompożizzjoni amministrattiva interna tagħha, ma tista’ twettaq. Konsegwentement, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tinjora evalwazzjonijiet ta’ natura medika maħruġa mill-Kumitat Mediku, ħlief jekk tistabbilixxi li tali evalwazzjonijiet huma irrilevanti għaliex inħarġu f’kundizzjonijiet irregolari. Madankollu, fil-każ fejn l-evalwazzjoni ta’ natura medika maħruġa mill-Kumitat Mediku tkun żbaljata, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax, mingħajr ma teċċedi s-setgħat tagħha, tissostitwixxi ruħha għal dan il-Kumitat billi tagħti deċiżjonijiet hija stess dwar kwistjonijiet ta’ natura medika.

Fir-rigward tal-iffissar tad-data ta’ konsolidazzjoni, biżżejjed jitfakkar li l-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet hija kunċett ta’ natura medika, li tifforma parti mill-evalwazzjoni tal-Kumitat Mediku, u li ma tistax tiġi ffissata skont it-tul tal-kura medika skont ir-Regoli Komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni.

Konsegwentement, billi tiffissa l-konsolidazzjoni tal-konsegwenzi tal-marda għal data differenti minn dik magħżula mill-Kumitat Mediku, l-Awtorità tal-Ħatra teċċedi s-setgħat tagħha u tivvizzja d-deċiżjoni tagħha, fuq dan il-punt, bi żball ta’ liġi.

(ara l-punti 81 sa 85)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il‑Kumitat tar-Reġjuni, F‑86/11, punt 78

4.      Fil-każ ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ istituzzjoni li ffissat ċertu rata ta’ invalidità permanenti parzjali, hija din l-istituzzjoni li għandha, b’applikazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE, tadotta l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza u, b’mod partikolari, li tadotta, fl-osservanza tal-prinċipju tal-legalità, kull att ta’ natura li jikkumpensa b’mod ekwu l-iżvantaġġi li rriżultaw, għar-rikorrent, mill-att annullat, bla ħsara għall-possibbiltà għar-rikorrent li sussegwentement jippreżenta rikors kontra miżuri adottati mill-istituzzjoni b’eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament.

Madankollu, peress li l-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet għadha ma ġietx iffissata, minħabba l-effett tas-sentenza ta’ annullament, f’dan l-istadju ma tistax tiġi evalwata n-natura raġonevoli tat-terminu tal-proċedura, peress li d-deċiżjoni li tiffissa b’mod definittiv ir-rata ta’ invalidità tar-rikorrent li tagħlaq din il-proċedura tkun tista’ tittieħed biss wara l-iffissar tad-data tal-konsolidazzjoni definittiva tal-leżjonijiet.

Madankollu, peress li, bl-effett tas-sentenza ta’ annullament, ir-rikorrent ikun mill-ġdid jinsab f’pożizzjoni ta’ stennija fir-rigward tar-regolament definittiv tal-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, tali estensjoni tas-sitwazzjoni ta’ stennija u ta’ inċertezza, ipprovokata mill-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, tikkostitwixxi dannu morali li hija l-istituzzjoni li għandha tikkumpensah permezz ta’ ħlas xieraq li jista’ jiġi ddeterminat ex æquo et bono, fil-kuntest tas-sentenza ta’ annullament.

(ara l-punti 90 sa 92)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, punt 98

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Ġunju 2008, Andres et vs BĊE, F‑15/05, punt 132; 13 ta’ Ġunju 2012, BL vs Il‑Kummissjoni, F‑63/10, punt 108

5.      L-uffiċjal vittma ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol għandu biss id-dritt li jitlob kumpens komplementari skont id-dritt komuni, meta s-sistema stabbilita mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tippermettix kumpens xieraq. Konsegwentement u fil-prinċipju, it-talba għal kumpens intiża għall-ħlas tad-dannu materjali u morali li ġie kkawżat lil uffiċjal minn mard ikkaġunat mix-xogħol ma hijiex ammissibbli sakemm il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persuna ma tkunx spiċċat.

Ċertament, mill-fatt li ma spiċċatx il-proċedura medika ma tistax tiġi sistematikament dedotta l-prematurità ta’ talba intiża għall-għoti ta’ danni minħabba nuqqas amministrattiv allegatament imwettaq minn istituzzjoni. Huwa fir-rigward tal-ekonomija tal-proċedura li l-ammissibbiltà tar-rikors għad-danni fid-dritt komuni hija suġġetta għall-eżawriment tal-mezzi ta’ kumpens skont ir-Regolamenti tal-Persunal.

Madankollu, meta d-determinazzjoni tar-rabta kawżali bejn il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet mill-persuna kkonċernata u d-danni invokati kif ukoll l-evalwazzjoni tad-dannu jkunu jeħtieġu l-użu ta’ perizja medika, b’tali mod li ma tkunx tista’ titwettaq id-determinazzjoni tar-rabta kawżali u dik tad-danni allegati qabel ma tispiċċa l-proċedura mressqa abbażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-talba għal kumpens għad-danni morali u materjali kkawżati mill-mard ikkaġunat mix-xogħol tkun prematura.

(ara l-punti 95 sa 97)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑300/97, punt 94; 10 ta’ Diċembru 2008, Nardone vs Il‑Kummissjoni, T‑57/99, punt 56

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il-Kummissjoni, F‑124/05 u F‑96/06, punti 151 u 152