Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fis-17 ta’ Jannar 2019. – Telecom Italia SpA vs Ministero dello Sviluppo Economico, Ministero dell’Economia e delle Finanze
(Kawża C-34/19)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Telecom Italia SpA
Konvenuti: Ministero dello Sviluppo Economico, Ministero dell’Economia e delle Finanze
Domandi preliminari
L-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 97/13/KE 1 jista’ jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, għas-sena 1998 ukoll, li jinżamm l-obbligu li titħallas tariffa, jiġifieri korrispettiv li jikkorrispondi – sa fejn hija kkalkolata abbażi tal-istess porzjon tad-dħul mill-bejgħ – għal dik dovuta taħt l-iskema li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva?
Id-Direttiva 97/13/KE, fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Settembru 2003, Albacom u Infostrada (C-292/01 u C-293/01, EU:C:2003:480), u tal-21 ta’ Frar 2008, Telecom Italia (C-296/06, EU:C:2008:106), tipprekludi li tingħata l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, li tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata jew minn nuqqas ta’ osservanza tad-direttiva nnifisha, bil-konsegwenza li din id-deċiżjoni tista’ ma tiġix applikata minn qorti oħra, adita b’tilwima bbażata fuq l-istess relazzjoni ġuridika sostantiva, iżda li hija differenti minħabba n-natura aċċessorja tal-ħlas mitlub meta mqabbel ma’ dak li huwa s-suġġett tal-kawża li fiha ngħatat id-deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata?
____________
1 Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ April 1997 dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU 1997, L 117, p. 15).