Appell ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2019 minn Niche Generics Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-701/14, Niche Generics vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-164/19 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Niche Generics Ltd (rappreżentanti: F. Carlin, Barrister, M. Healy, Solicitor, B. Hoorelbeke, advocaat, S. Mobley, Solicitor, H. Sheraton, Solicitor, A. Robertson QC)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza kkontestata fl-intier tagħha;
tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha sa fejn tirrigwarda Niche; u
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha stess u dawk ta’ Niche fir-rigward ta’ din il-proċedura u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Niche tissottometti li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi:
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi ma applikatx it-test ta’ neċessità oġġettiva f’BAT.
It-tieni nett, fil-każ li ftehimiet dwar soluzzjonijiet jaqgħu taħt l-Artikolu 101 TFUE, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi kkaratterizzat b’mod żbaljat il-ftehim dwar soluzzjonijiet ta’ Niche bħala ksur ‘minħabba l-għan’.
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja d-dmir li tagħti raġunijiet meta caħdet l-interpretazzjoni ta’ Niche tal-ftehim dwar soluzzjonijiet mingħajr ma indirizzat l-argumenti legali tagħha.
Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi kkonkludiet li Niche kienet kompetitur potenzjal ta’ Servier.
Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ttrattat lil Niche b’mod differenti għal ġeneriċi f’sitwazzjonijiet simili u kkaratterizzat b’mod żbaljat il-ftehim dwar soluzzjonijiet ta’ Niche bħala ksur ‘minħabba l-għan’ tal-Artikolu 101(1) TFUE.
Is-sitt nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi ma rrikonoxxietx li l-ftehim dwar soluzzjonijiet jissodisfa l-kriterji ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 101(3) TFUE.
Is-seba’ nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi applikat b’mod żbaljat it-test legali biex jiġi ddeterminat ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Niche u/jew il-prinċipju ta’ proċeduri amministrattivi sodi.
It-tmien nett, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju legali ġenerali tal-UE ta’ proporzjonalità billi kkonfermat livell ta’ multa li kien sproporzjonat għall-mezzi finanzjarji ta’ Niche.
____________