Language of document : ECLI:EU:F:2010:119

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

30 ta’ Settembru 2010

Kawża F-20/06

Patrizia De Luca

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Uffiċjali li javvanzaw għal grupp ta’ funzjonijiet ogħla permezz ta’ kompetizzjoni ġenerali — Kandidat inkluż f’lista ta’ riżerva qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda — Regoli tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad fil-mument tar-reklutaġġ — Klassifikazzjoni fi grad skont regoli ġodda inqas favorevoli — Artikolu 5(2) u Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu P. De Luca, kandidata li għaddiet minn kompetizzjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Frar 2005, li taħtarha amministratur, sa fejn din id-deċiżjoni tikklassifikaha fil-grad A*9, skala 2.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Bidu tad-dekorrenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25, 26, 90 u 91)

2.      Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja — Talba għal annullament ta’ att individwali li jikkawża preġudizzju — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja sabiex tikkonstata l-illegalità ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali fid-dispożittiv tas-sentenzi tagħha

(Artikolu 230 KE)

3.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 1(2) u 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

4.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 3; Anness XIII, Artikolu 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

5.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Ħatra fi grad tal-grupp ta’ funzjonijiet indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29(1) u 31(1); Anness XIII, Artikoli 2(1) u 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

6.      Uffiċjal — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

7.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Ħatra fi grad tal-grupp ta’ funzjonijiet indikati fl-avviż ta’ kompetizzjoni — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

1.      It-terminu ta’ lment iffissat bl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jibda’ jiddekorri mill-ġurnata li fiha l-persuna kkonċernata saret taf bl-att li jikkawżalha preġudizzju. Din id-dispożizzjoni, ta’ natura proċedurali u intiża sabiex tkopri numru kbir ta’ sitwazzjonijiet, għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ regoli fundamentali tar-Regolamenti tal-Persunal li jirregolaw l-informazzjoni tal-uffiċjali fuq l-elementi essenzjali tar-relazzjoni tagħhom ta’ impjieg, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-forma li għandha tieħu din l-informazzjoni. Mill-istruttura tar-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, mill-Artikoli 25 u 26 tagħhom, jirriżulta li d-deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni, bħal fil-fatt id-deċiżjonijiet ta’ ħatra, għandhom jiġu debitament innotifikati lill-persuna kkonċernata u li l-amministrazzjoni ma tistax tillimita ruħha li tinformaha b’dokument li jislet biss il-konsegwenzi ta’ dawn id-deċiżjonijiet, u lanqas ma tista’ tastjeni ruħha milli tiżgura li dawn id-deċiżjonijiet fil-fatt jaslu għand id-destinatarju tagħhom. Fil-fatt, li uffiċjal ikkonċernat jiġi impost fuqu l-obbligu li jippreżenta lment sa mhux iktar tard minn tliet xhur minn meta jirċievi l-offerta ta’ impjieg, u mhux min-notifika tad-deċiżjoni ta’ ħatra, ikollu l-effett li jirrendi mingħajr skop it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 u t-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-għan tagħhom huwa preċiżament li jippermettu lill-uffiċjali li jkollhom għarfien effettiv tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni amministrattiva tagħhom u li jinvokaw id-drittijiet tagħhom iggarantiti bir-Regolamenti tal-Persunali.

(ara l-punti 38 sa 40)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2006, Grünheid vs Il‑Kummissjoni, ĠabraSP p. I‑A‑1‑55 u II‑A‑1‑199, punti 49, 52 u 56

2.       Għalkemm, fil-kuntest ta’ talba għal annullament ta’ att individwali li jikkawża preġudizzju, il-qorti Komunitarja għandha fil-fatt il-ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata b’mod inċidentali l-legalità ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li fuqha l-att ikkontestat huwa bbażat, hija ma għandhiex, madankollu, ġurisdizzjoni sabiex tagħmel tali konstatazzjonijiet fid-dispożittiv tas-sentenzi tagħha.

(ara l-punt 44)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, F‑134/07 u F‑8/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑149 u II‑A‑1‑841, punt 38, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑325/09 P; 29 ta’ Settembru 2009, Aparicio et vs Il‑Kummissjoni, F‑20/08, F‑34/08 u F‑75/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑375 u II‑A‑1‑2013, punt 28

3.       Mill-qari flimkien tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-kelma “reklutati”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, għandha sens preċiż u għandha tinftiehem li tkopri l-uffiċjali li daħlu fis-servizz bejn l-1 ta’ Mejju 2004, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, u t-30 ta’ April 2006, f’pożizzjoni li saret aċċessibbli wara l-inklużjoni tagħhom, qabel l-1 ta’ Mejju 2006, f’lista ta’ kandidati xierqa li tirriżulta minn kompetizzjoni ppubblikata taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, irrispettivament minn jekk dawn l-uffiċjali kellhomx diġà dan l-istatus meta huma daħlu fis-servizz.

(ara l-punt 56)

4.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza jinkiser meta żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jippreżentawx differenzi essenzjali jiġu ttrattati b’mod differenti waqt ir-reklutaġġ tagħhom u tali differenza ta’ trattament ma hijiex oġġettivament iġġustifikata.

Barra minn hekk, mingħajr ma jiġi ostakolat kull żvilupp leġiżlattiv, il-prinċipju ta’ ugwaljanza ma jistax jostakola l-libertà tal-leġiżlatur li jagħmel, fi kwalunkwe mument, emendi lir-Regolamenti tal-Persunali li huwa jqis li huma konformi mal-interess tas-servizz, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda jirriżultaw inqas favorevoli minn dawk preċedenti għall-uffiċjali.

Barra minn hekk, mill-Artikolu 3 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-ħatra ta’ uffiċjal neċessarjament għandha l-oriġini tagħha f’att unilaterali tal-amministrazzjoni u huwa biss wara li jkun is-suġġett ta’ tali deċiżjoni li kandidat li għadda minn kompetizzjoni jista’ jikkontesta l-istatus ta’ uffiċjal u, għaldaqstant, jitlob li jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-klassifikazzjoni fi grad ta’ uffiċjali li nħatru mill-1 ta’ Mejju 2004, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali, kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, tista’ ssir legalment biss skont il-kriterji l-ġodda fis-seħħ f’din id-data. Matul il-perijodu tranżitorju mill-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006, dawn il-kriterji kienu ffissati bl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata b’kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw id-data tad-dħul fis-seħħ tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal. L-ewwel nett, jekk ma jistax jiġi eskluż li d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni ġdida tista’ tirriżulta diskriminatorja, dik tal-1 ta’ Mejju 2004 kienet, f’dan il-każ, oġġettivament iġġustifikata. Ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal kienet ġiet motivata mill-bidliet fis-soċjetà, b’mod ġenerali, u mill-bżonn li dawn jiġu riflessi fil-qafas leġiżlattiv applikabbli għas-servizz pubbliku Ewropew “sabiex jilqa’ [jissodisfa] l-bżonnijiet, li jinbidlu, ta’ l-istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom” skont il-kliem stess tal-premessa 1 tar-Regolament Nru 723/2004. Huwa konċepibbli, għaldaqstant, li d-dħul fis-seħħ tagħha setgħet tikkoinċidi mal-adeżjoni tal-għaxar Stati Membri l-ġodda. It-tieni nett, id-data tar-reklutaġġ deċiża mill-amministrazzjoni tikkostitwixxi element oġġettiv u indipendenti tar-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju.

(ara l-punti 68 sa 71 u 73)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, Ġabra p. I‑10945, punti 76 u 81; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Settembru 1998, Ryan vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑121/97, Ġabra p. II‑3885, punt 100; 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑135/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑297 u II‑A‑2‑1527, punt 105; 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, Ġabra p. II‑2523, punti 54, 55, 77, 86 u 113; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 19 ta’ Ġunju 2007, Davis et vs Il-Kunsill, F‑54/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑165 u II‑A‑1‑911, punt 81

5.      Fir-rigward tal-ħatra fi grad tal-uffiċjali, wara l-introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, id-determinazzjoni tal-livell tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew, imwettqa mill-amministrazzjoni fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki meta rrediġiet avviż ta’ kompetizzjoni, ma setgħetx testendi l-effetti tiegħu lil hinn mill-1 ta’ Mejju 2004, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004.

Għaldaqstant, id-dritt ta’ kandidati li għaddew minn kompetizzjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jingħataw il-grad indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni jista’ japplika biss kemm-il darba l-liġi ma tinbidilx, peress li l-legalità ta’ deċiżjoni hija evalwata skont punti ta’ ligi fis-seħħ fil-mument meta din tiġi adottata, u din id-dispożizzjoni ma tistax, għaldaqstant, tobbliga lill-amministrazzjoni tieħu deċiżjoni li hija inkompatibbli mar-Regolamenti tal-Persunal kif emendati mil-leġiżlatur u, għaldaqstant, illegali.

F’dan il-kuntest, bit-tħassir, mill-1 ta’ Mejju 2004, fil-kuntest tas-sistema tal-karrieri l-ġdida, tal-gradi indikati fl-avviżi ta’ kompetizzjoni li kienu ġew ippubblikati qabel din id-data, il-leġiżlatur seta’ jadotta l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Personali sabiex jirriżolvi d-diffikultajiet inerenti għal din is-sitwazzjoni u jiddetermina l-klassifikazzjoni fi grad tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni inklużi f’listi ta’ riżerva ppubblikati qabel l-1 ta’ Mejju 2004, iżda maħtura bħala uffiċjali bi prova abbażi ta’ dawn il-kompetizzjonijiet wara din id-data.

Huwa veru li l-klassifikazzjonijiet fi grad iddeterminati permezz tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jikkorrispondux għall-gradi mħabbra fl-avviżi ta’ kompetizzjoni ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, u li din id-dispożizzjoni tikkontradixxi r-regola li tinsab fl-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal, u rriprodotta mill-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki. Madankollu, fid-dawl tal-għan tiegħu, l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi dispożizzjoni tranżitorja ta’ natura speċjali li tista’, bħala tali, tidderoga, għal kategorija speċifika ta’ uffiċjali, mir-regola ta’ natura ġenerali prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, il-limiti inerenti għat-tranżizzjoni minn metodu ta’ tmexxija għal ieħor, fir-rigward tal-karriera tal-uffiċjali, jistgħu jġiegħlu lill-amministrazzjoni teskludi temporanjament, u f’ċerti limiti, l-applikazzjoni stretta tar-regoli u tal-prinċipji permanenti li normalment japplikaw għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-osservanza tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, li minnu jirriżulta li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jikkostitwixxi qafas legali vinkolanti għall-amministrazzjoni, dan l-artikolu ma għandux effett vinkolanti ikbar minn dak tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u ma jistax jieħu preċedenza fuq din id-dispożizzjoni speċjali u tranżitorja.

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunali, li jistabbilixxi relazzjoni iktar vantaġġuża minn dik iffissata mill-Artikolu 12(3) tal-istess anness bejn il-gradi l-antiki u dawk fis-seħħ matul il-perijodu tranżitorju mill-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006, kellu biss l-għan li jaqleb, fl-1 ta’ Mejju 2004, il-gradi miżmuma minn dawk bi status ta’ uffiċjal fit-30 ta’ April 2004 bl-għan li jirrendi applikabbli għalihom l-istruttura ta’ karrieri l-ġdida mistennija li tidħol kompletament fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2006. Interpretat b’mod strett, bħal kull dispożizzjoni tranżitorja, l-Artikolu 2(1) tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jingħata portata li testendi lil hinn mill-istabbiliment ta’ din ir-relazzjoni intermedjarja.

(ara l-punti 84 sa 86, 91 u 92)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 100 u 101; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Frar 2003, Leonhardt vs Il‑Parlament, T‑30/02, ĠabraSP p. I‑A‑41 u II‑265, punt 51; 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punt 213; Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 110 u 112 sa 115

6.      Uffiċjal ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontesta l-legalità ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ġdida, b’mod partikolari f’qasam li fih il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Barra minn hekk, id-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippreżupponi, b’mod partikolari, li l-assigurazzjonijiet mogħtija jkunu konformi mar-regoli applikabbli. L-Awtorità tal-Ħatra tkun ħadet deċiżjoni illegali, għaliex ma tkunx konformi mar-Regolamenti tal-Persunal, jekk hija tkun ikklassifikat uffiċjal maħtur qabel l-1 ta’ Mejju 2004, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, skont id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-gradi u l-karrieri tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, li ma kinux iktar fis-seħħ.

(ara l-punti 99 sa 101)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 91 u 100; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2002, Wasmeier vs Il‑Kummissjoni, T‑381/00, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑677, punt 106; 4 ta’ Mejju 2005, Castets vs Il‑Kummissjoni, T‑398/03, ĠabraSP p. I-A-109 u II‑507, punt 34; 23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, T‑282/02, Ġabra p. II‑319, punt 77; Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95; 4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il‑Kummissjoni, T‑145/06, Ġabra p. II‑145, punt 117

7.       Fil-kuntest tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, introdotta bir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, li wasslet għal bidla tal-istruttura tal-gradi tal-uffiċjali, il-prinċipju li kull uffiċjal għandu jkollu prospetti raġonevoli ta’ karriera fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu ma jistax jiġġustifika, bħala tali, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet antiki lil uffiċjal u, b’dan il-mod, jeqred l-għan segwit mil-leġiżlatur. Huwa fil-fatt stabbilit li, fil-każ ta’ emenda ta’ dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, regola ġdida għandha tapplika b’effett immedjat għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet legali li nħolqu, mingħajr ma huma madankollu interament ikkostitwiti, taħt l-influwenza tar-regola preċedenti. Ir-Regolamenti tal-Persunal ma jikkonferixxu l-ebda dritt li wieħed javvanza għal grad ogħla permezz ta’ kompetizzjoni ġenerali, anki għall-uffiċjali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha għal tali ħatra, peress li l-inklużjoni tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni fuq il-lista ta’ kandidati xierqa redatta fit-tmiem tal-proċeduri ta’ selezzjoni timplika biss li l-persuni kkonċernati huma sempliċement eliġibbli li jinħatru għal waħda mill-pożizzjonijiet li l-kompetizzjoni kienet intiża timla’ u peress li din l-eliġibbiltà neċessarjament teskludi kull dritt miksub.

(ara l-punti 125 u 126)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 sa 53