Language of document : ECLI:EU:C:2007:795

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 20071(1)

Kawża C‑98/07

Nordania Finans A/S,

BG Factoring A/S

vs

Skatteministeriet

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret (id-Danimarka)]

“VAT – Proporzjon imnaqqas – Bejgħ ta’ vetturi minn kumpannija ta’ leasing fit-tmiem tal-kuntratti tal-kiri – Kunċett ta’ ‘oġġetti kapitali użati mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju tiegħu [tagħha]’”





1.        L-għan ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari huwa li jiġu ddeterminati d-drittijiet għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ kumpannija ta’ leasing li teżerċita attività doppja, jiġifieri, minn naħa, il-hire purchase ta’ vetturi u, min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji.

2.        Safejn l-ewwel waħda biss minn dawn l-attivitajiet hija suġġetta għall-VAT, il-kumpannija in kwistjoni tista’ tnaqqas biss it-taxxa li hija tkun ħallset meta akkwistat l-oġġetti u s-servizzi meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali tagħha, u dan b’mod proporzjonali għall-ammont tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-attivitajiet taxxabbli tagħha meta mqabbel ma’ l-ammont tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha.

3.        Il-kawża prinċipali tinvolvi d-determinazzjoni ta’ jekk l-ammont tad-dħul mill-bejgħ li jikkorrispondi għall-bejgħ ta’ vetturi fit-tmiem tal-kiri għandux jitqies fil-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas.

4.        Din il-kwistjoni għandha l-oriġini tagħha fil-fatt li l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill Nru 77/388/KEE (2), li jiffissa l-modalitajiet għall-kalkolu ta’ dan il-proporzjon imnaqqas, jipprovdi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li l-ammont ta’ dħul mill-bejgħ attribwit lill-provvisti ta’ oġġetti kapitali użati mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju tagħha huwa eskluż minn dan il-kalkolu.

5.        B’hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kunċett ta’ “oġġetti kapitali” previst fl-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva għandux jinftiehem bħala li jinkludi l-oġġetti li impriża ta’ leasing tixtri sabiex tikrihom u li mbagħad terġa’ tbiegħhom fit-tmiem tal-kuntratti ta’ leasing.

6.        F’dawn il-konklużjonijiet ser nesponi li, fil-fehma tiegħi, dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li ma jinkludix l-oġġetti li impriża tixtri bl-iskop li tikrihom u li mbagħad terġa’ tbiegħhom, peress li l-bejgħ ta’ dawn l-oġġetti fit-tmiem tal-kiri jagħmel parti integrali mill-attività ekonomika abitwali ta’ din l-impriża.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Is-Sitt Direttiva

7.        Il-VAT hija taxxa fuq il-konsum intiża sabiex tapplika b’mod ġenerali fuq l-oġġetti u s-servizzi. Is-sistema Komunitarja tal-VAT tikkonsisti fl-applikazzjoni, għall-oġġetti u s-servizzi, ta’ taxxa eżattament proporzjonali għall-prezz tagħhom, dovuta ma’ kull tranżazzjoni magħmula fil-kuntest taċ-ċiklu tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni u li għandu jbatiha biss il-konsumatur finali.

8.        Sabiex il-persuni taxxabbli, li huma responsabbli għall-ġbir tagħha, ma jbatux il-piż ta’ din it-taxxa, is-Sitt Direttiva tipprevedi mekkaniżmu ta’ tnaqqis intiż sabiex jassigura n-“newtralità” tat-taxxa fir-rigward tagħhom. Għalhekk, il-persuni taxxabbli huma awtorizzati jnaqqsu mit-taxxa li huma jkunu ġabru mingħand il-klijenti tagħhom, li tagħha huma debituri fil-konfront ta’ l-Istat Membru, il-VAT li huma stess ikunu batew qabel meta akkwistaw l-oġġetti u s-servizzi meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ l-attività professjonali tagħhom.

9.        Madankollu, id-dritt għal tnaqqis jippreżumi li l-persuna taxxabbli tuża dawn l-oġġetti jew is-servizzi għal attivitajiet li jkunu huma stess suġġetti għall-VAT. Is-Sitt Direttiva tinkludi diversi dispożizzjonijiet li huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni ta’ din is-sistema meta persuna taxxabbli tuża l-istess oġġett jew l-istess servizz għall-attivitajiet taxxabbli u għall-attivitajiet eżentati tagħha fl-istess ħin. Dawn id-dispożizzjonijiet jimplimentaw l-għan iddikjarat fit-tnax-il premessa tas-Sitt Direttiva, li tipprovdi li r-regoli dwar tnaqqis għandhom ikunu armonizzati safejn jolqtu l-ammonti attwalment miġbura, u l-proporzjon imnaqqas għandu jiġi kkalkulat bl-istess mod fl-Istati Membri kollha.

10.      B’hekk, l-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva jipprevedi li meta persuna taxxabbli tuża oġġetti jew servizzi għal tranżazzjonijiet taxxabbli, li jagħtuha dritt għal tnaqqis, u għal tranżazzjonijiet eżentati mill-VAT, li ma jagħtuhiex dan id-dritt, it-tnaqqis isir biss għal dik il-parti mill-VAT li hija proporzjonali għall-ammont attribwit għat-tranżazzjonijiet ta’ l-ewwel. Skond l-istess artikolu, din il-proporzjon hija ddeterminata, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, għat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa mill-persuna taxxabbli.

11.      L-Artikolu 19(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:

“Il-proporzjon imnaqqas taħt l-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 17(5) għandu jkun magħmul minn frazzjoni li jkollha:

–        bħala numeratur, l-ammont totali, esklużiv mit-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-bejgħ kull sena attribwit għat-tranżazzjonijet li fuqhom it-taxxa fuq il-valur miżjud titnaqqas […]

–        bħala denominatur, l-ammont totali, esklużiv tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-bejgħ kull sena attribwit lit-tranżazzjonijiet inklużi fin-numeratur u lit-tranżazzjonijiet fir-rigward ta’ li[ema] t-taxxa fuq il-valur miżjud mhux imnaqq[sa] […]

Il-proporzjon għandu jkun stabbilit fuq bażi annwali, iffissat bħala persentaġġ u magħmul figura sħiħa li ma teċċedix in-numru li jmiss.”

12.      L-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva, li huwa l-qofol ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, jipprovdi dan li ġej:

“Permezz ta’ deroga minn dispożizzjonijiet ta’ paragrafu 1, għandhom ikunu esklużi mill-kalkulazzjoni tal-proporzjon imnaqqas, l-ammonti tal-bejgħ attribwiti lill-provvisti ta’ oġġetti kapitali użati mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju [tagħha]. Ammonti ta’ bejgħ attribwiti għal tranżazzjonijet speċifikati fl-Artikolu 13B(d), sa kemm dawn huma tranżazzjonijiet inċidentali, u għall-beni immobbli inċidentali u għal tranżazzjonijiet finanzjarji għandhom ukoll ikunu esklużi. Fejn Stati Membri jeżerċitaw l-għażla pprovduta taħt l-Artikolu 20(5) li ma jeħtiġux l-aġġustament fir-rigward ta’ oġġetti kapitali, huma jistgħu jinkludu t-tneħħija ta’ oġġetti kapitali fil-kalkulazzjoni tal-proporzjon imnaqqas.”

13.      L-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva jiffissa r-regoli relattivi għall-aġġustament tat-tnaqqis. Huwa jipprovdi li:

“1.   It-tnaqqis inizjali għandu jkun aġġustat b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri […]

2.     Fil-każ ta’ oġġetti kapitali, l-aġġustment għandu jkun mifrux fuq ħames snin inkluż dik meta l-oġġetti jkunu akkwistati jew fabbrikati. L-aġġustament annwali għandu jsir biss fir-rigward ta’ wieħed minn ħamsa tat-taxxa imposta fuq [dawn] l-oġġetti. L-aġġustament għandu jsir fuq bażi tal-varjazzjonijet fit-tnaqqis intitolat fis-snin konsekwenti b’relazzjoni għal dik is-sena meta l-oġġetti kienu akkwistati jew fabbrikati.

[…]

Fil-każ ta’ proprjetà [im]mobbli akkwistata bħala oġġetti kapitali, il-perijodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż sa 20 sena.

3.     Fil-każ ta’ provvista matul il-perjodu ta’ l-aġġustament l-oġġetti kapitali għandhom ikunu meqjusa bħala li huma xorta kienu applikati għall-użu tan-negozju minn persuna taxxabbli sa l-iskadenza tal-perjodu ta’ l-aġġustament. […]

4.     Għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu:

–        jiddefinixxu l-kunċett ta’ l-oġġetti kapitali

[…]

5.     Jekk fi kwalunkwe Stat Membru l-effett prattiku ta’ l-applikazzjoni ta’ paragrafi 2 u 3 jkun insinifikanti, dak l-Istat Membru jista’[,] […] soġġett għall-konsultazzjoni [tal-kumitat tal-VAT], jgħadd[i] mingħajr l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi wara li [ji]kkunsidra l-bżonn li jevita tfixkil fil-kompetizzjoni, l-effett totali tat-taxxa fl-Istat Membru kkonċernat u l-bżonn ta’ ekonomija vera fl-amministrazzjoni.

[…]”

B –    Il-liġi nazzjonali

14.      L-Artikoli 17(5) u 19(1) u (2) tas-Sitt Direttiva ġew trasposti fil-liġi Daniża permezz ta’ l-Artikolu 38(1) tal-liġi tat-18 ta’ Mejju 1994. Dan l-artikolu huwa abbozzat kif ġej:

“Għall-oġġetti u s-servizzi li impriża reġistrata tuża, fl-istess ħin, għal skopijiet li jagħtuha dritt għal tnaqqis skond l-Artikolu 37 u għal skopijiet oħra fl-impriża, it-tnaqqis jista’ jsir għal dik il-parti mit-taxxa li tkun proporzjonali għad-dħul mill-bejgħ li jikkorrispondi għall-parti ta’ l-attività suġġetta għar-reġistrazzjoni. Fil-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ ma jitqiesx l-ammont tad-dħul mill-bejgħ attribwit għall-provvisti ta’ oġġetti kapitali li jkunu ntużaw fl-impriża. B’‘oġġetti kapitali’ wieħed jifhem il-magni, il-mobbli u l-mezzi l-oħra ta’ l-operat li l-prezz tagħhom (mingħajr it-taxxa prevista minn din il-liġi) ikun ogħla minn 50 000 DKK [sa mill-1996: 75 000 DKK] […]”.

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali

15.      Bejn l-1995 u l-1998, il-kumpannija BG Erhvervsfinans A/S (3), li fid-drittijiet tagħha daħlu l-kumpanniji Nordania Finans A/S u BG Factoring A/S, eżerċitat attività sostanzjali ta’ leasing, fl-għamla ta’ hire purchase, prinċipalment ta’ vetturi. Hija pprovdiet ukoll servizzi finanzjarji.

16.      L-attività ta’ leasing kienet tikkonsisti fil-kiri ta’ vetturi għal terminu ta’ żmien, ġeneralment ta’ 36 xahar, segwit mill-bejgħ ta’ dawn il-vetturi fit-tmiem tal-kiri. Il-dħul minn dan il-bejgħ kien jitqies fl-iffissar tal-kera, bix-xiri u l-bejgħ ta’ dawn il-vetturi organizzati b’mod professjonali u sistematiku. B’hekk, fl-1998, Erhvervsfinans kriet 4 500 vettura u biegħet iktar minn 600.

17.      Il-kiri ta’ vetturi u l-bejgħ tagħhom jikkostitwixxu attivitajiet suġġetti għall-VAT. Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, is-servizzi finanzjarji huma eżentati minn din it-taxxa.

18.      Bejn l-1995 u l-1998, Erhvervsfinans kellha spejjeż ġenerali, marbuta mal-bini fejn teżerċita l-attività tagħha, mal-mobbli ta’ l-uffiċċju, ma’ l-għodda ta’ l-informatika, mat-telefon, mal-verifika tal-kontijiet tagħha, eċċ, li fuqhom hija ħallset il-VAT. Għalhekk, hija kellha tikkalkula l-proporzjon tad-dritt tagħha għal tnaqqis minn din it-taxxa, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 17(5) u 19(2) tas-Sitt Direttiva.

19.      Fil-kuntest ta’ dan il-kalkolu, Erhvervsfinans inkludiet id-dħul mill-bejgħ tal-vetturi fl-ammont tad-dħul mill-bejgħ annwali tagħha peress li kkunsidrat li dan il-bejgħ kellu jiġi kkunsidrat bħala bejgħ normali ta’ merkanzija.

20.      B’deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 1999, l-awtoritajiet tat-taxxa Daniżi ddeċidew li l-vetturi mibjugħa fit-tmiem tal-kiri kellhom jiġu kkunsidrati bħala “oġġetti kapitali użati mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju tagħha”, b’tali mod li d-dħul mill-bejgħ li jirriżulta mill-bejgħ tagħhom kellu jkun eskluż mill-proporzjon imnaqqas. Din id-deċiżjoni kellha l-effett li tnaqqas dan il-proporzjon.

21.      Erhvervsfinans ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Landsskatteret li laqgħet it-talba tagħha. Dik il-qorti kienet tal-fehma li l-vetturi mikrija jinxtraw bil-ħsieb li jinkrew u li mbagħad jiġu mibjugħa, fit-tmiem tal-perijodu tal-hire purchase, lil terzi jew, jekk ikun il-każ, lill-kerrej. Minn dan, dik il-qorti kkonkludiet li l-bejgħ ta’ vetturi mikrija għandu jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel parti b’mod naturali mill-attività ta’ Erhvervsfinans, b’tali mod li dawn il-vetturi ma setgħux jiġu kkwalifikati bħala “oġġetti kapitali” skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva.

22.      L-iSkatteministeriet (il-Ministeru tal-Kontribuzzjonjiet) appella minn din id-deċiżjoni quddiem l-Østre Landsret li ddikjarat dan ir-rikors fondat wara li kkunsidrat li l-vetturi mikrija kienu jikkostitwixxu oġġetti kapitali skond it-tifsira tad-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija.

23.      Għalhekk, Nordania Finans A/S u BG Factoring A/S, bħala suċċessuri tad-drittijiet ta’ Erhvervsfinans, ressqu rikors kontra d-deċiżjoni ta’ l-Østre Landsret quddiem il-Højesteret.

24.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Højesteret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:

“L-espressjoni ‘oġġetti kapitali użati mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju [tagħha]’, li tinsab fl-Artikolu 19(2) [tas-Sitt Direttiva], għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi l-oġġetti li impriża ta’ leasing tixtri bil-ħsieb, min-naħa, li tikrihom, u min-naħa l-oħra, li terġa’ tbiegħhom fit-tmiem tal-kuntratti ta’ hire purchase?”

III – L-analiżi

25.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk id-dħul li jirriżulta mill-bejgħ abitwali ta’ oġġetti bħalma huma l-vetturi mikrija minn Erhvervsfinans għandux ikun inkluż fil-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas.

26.      L-implikazzjoni tar-risposta għal din id-domanda hija ċara ħafna. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li d-dħul mill-bejgħ għandu jkun inkluż f’dan il-kalkolu, dan jiżdied man-numeratur u mad-denominatur tal-frazzjoni li twassal għad-determinazzjoni ta’ dan il-proporzjon, u dan ikollu l-effett li jkabbar ir-riżultat ta’ l-istess proporzjon u għalhekk id-drittijiet għal tnaqqis tal-persuna taxxabbli.

27.      Il-Gvern Daniż, li jikkontesta din is-soluzzjoni, huwa tal-fehma li l-oġġetti li impriża ta’ leasing tixtri bil-ħsieb li tikrihom u li mbagħad terġa’ tbiegħhom għandhom jiġu kkunsidrati bħala “oġġetti kapitali użati mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju tagħha” skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva għar-raġunijiet li ġejjin.

28.      Skond dan il-gvern, din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien ma’ l-Artikolu 20(4) tas-Sitt Direttiva, li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu l-kunċett ta’ “oġġetti kapitali”. Għalhekk, dan il-kunċett għandu jkollu l-istess kontenut f’din id-direttiva kollha, kif tikkonferma r-referenza li tinsab fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 19(2) għall-Artikolu 20(5) ta’ din id-direttiva. F’dan is-sens, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu l-kunċett ta’ “oġġetti kapitali” kemm fil-kuntest ta’ l-Artikolu 19 kif ukoll fil-kuntest ta’ l-Artikolu 20 ta’ l-istess direttiva.

29.      Din l-analiżi hija kkorroborata mis-sentenza ta’ l-1 ta’ Frar 1977, Verbond van Nederlandse Ondernemingen (4), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “oġġetti kapitali” previst fl-Artikolu 17 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill Nru 67/228/KEE(5). Hija ddeċidiet li l-kriterji determinanti ta’ dan il-kunċett kienu t-tul ta’ żmien ta’ l-użu ta’ l-oġġetti in kwistjoni kif ukoll il-prassi fir-rigward tad-deprezzament tal-valur ta’ l-akkwist tagħhom u li l-Istati Membri kellhom ċerta diskrezzjoni fid-definizzjoni tal-kontenut ta’ kull wieħed minn dawn il-kriterji.

30.      Il-Gvern Daniż jinsisti li l-vetturi mikrija in kwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw dawn il-kriterji. Huwa jissottometti wkoll li m’hemmx għalfejn issir distinzjoni oħra, kif jitolbu Nordania Finans A/S u BG Factoring A/S, bejn dawn l-oġġetti kapitali u l-merkanzija.

31.      Fl-aħħar nett, dan il-gvern isostni li l-pożizzjoni tiegħu hija konformi ma’ l-għan ta’ l-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva kif ukoll max-xogħol preparatorju li wassal għall-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

32.      Għalhekk, l-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva għandu l-għan li jiżgura li l-bejgħ ta’ l-attiv li jkollu valur għoli u li jintuża għal żmien twil ma jiffalsifikax il-proporzjon imnaqqas. Anki jekk ikun diġà deċiż, meta jinxtara l-attiv, li dan se jerġa’ jinbiegħ wara li jkun intuża, l-inklużjoni tal-prezz tal-bejgħ fil-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas ikollha t-tendenza li tiffalsifika l-istess proporzjon.

33.      Il-bejgħ ta’ dan l-attiv ikun jikkonsisti fi tranżazzjonijiet iżolati li jkollhom effett limitat fuq ir-riżorsi ta’ l-impriża meta mqabbla ma’ l-operat kurrenti. Jekk ammont kbir ikun inkluż, bħala prezz tal-bejgħ, fil-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas, wara li l-element ta’ l-attiv in kwistjoni jkun intuża fl-impriża għal diversi snin, dan jiffalsifika l-proporzjon imnaqqas, peress li l-ammont tal-bejgħ ma jkunx jirrifletti l-effett reali ta’ din it-tranżazzjoni fuq ir-riżorsi tagħha.

34.      Fir-rigward tax-xogħol preparatorju fir-rigward ta’ l-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva, dan juri li l-intenzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kienet preċiżament dik li tħalli barra l-ammonti kollha tad-dħul mill-bejgħ attribwit għall-oġġetti kapitali, indipendentement minn jekk il-bejgħ ta’ l-oġġetti kapitali jaqax fl-ambitu ta’ attività professjonali eżerċitata b’mod abitwali mill-persuna taxxabbli.

35.      Jiena ma naqbilx ma’ din l-analiżi. Bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-kunċett ta’ “oġġetti kapitali użati mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju tagħha”, previst fl-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva, ma jinkludix l-oġġetti akkwistati minn impriża bil-ħsieb li tikrihom jew li terġa’ tbiegħhom, peress li l-bejgħ fit-tmiem tal-kuntratti ta’ kiri jagħmel parti integrali mill-attività ekonomika abitwali tal-persuna taxxabbli.

36.      Il-pożizzjoni tiegħi hija bbażata fuq l-ekonomija tas-sistema tat-tnaqqis li minnha tagħmel parti din id-dispożizzjoni, kif ukoll fuq l-għan tagħha.

37.      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li mill-qari tat-termini “oġġetti kapitali użati mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju tagħha”, iċċitati fl-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva, ma tistax tingħata risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju.

38.      Huwa wkoll paċifiku li l-kunċett ta’ oġġetti kapitali la huwa ddefinit f’dan l-artikolu u lanqas ma huwa ddefinit f’xi dispożizzjoni oħra tas-Sitt Direttiva.

39.      Huwa minnu li l-Artikolu 20(4) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu l-kunċett ta’ oġġetti kapitali għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 20(2) u (3). Madankollu, b’mod kuntrarju għall-pożizzjoni tal-Gvern Daniż, inqis li r-referenza, fit-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva, għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20(5) ta’ l-istess direttiva ma tippermettix interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 20(4) ta’ l-istess direttiva f’sens kuntrarju għall-kliem tagħha.

40.      Fil-fatt, huwa biss għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 20(2) u (3) tas-Sitt Direttiva, fir-rigward ta’ l-aġġustament tat-tnaqqis, li l-Artikolu 20(4) jagħti lil kull Stat Membru l-inkarigu li jiddefinixxi l-kunċett ta’ oġġetti kapitali. Għalhekk, din il-possibbiltà ma tistax tiġi estiża għall-kuntest ta’ l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, li jikkonċerna l-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas, mingħajr ma jkun hemm apprezzament żbaljat tal-kliem ċar u preċiż ta’ l-Artikolu 20(4) ta’ l-istess direttiva.

41.      Tali estensjoni tal-portata ta’ din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar tmur ukoll kontra l-għan ta’ l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, kif espost fit-tnax-il premessa tagħha, li tipprovdi li l-proporzjon imnaqqas għandu jkun ikkalkulat bl-istess mod fl-Istati Membri kollha.

42.      Barra minn hekk, id-dritt ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu l-kunċett ta’ oġġetti kapitali fis-sistema ta’ aġġustamenti tat-tnaqqis, prevista fl-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, ma jitlifx l-utilità effettiva tiegħu u lanqas ma jitqiegħed f’dubju minħabba l-fatt li l-kunċett ta’ “oġġetti kapitali” previst fl-Artikolu 19 ta’ l-istess direttiva għandu jkollu kontenut awtonomu u uniformi fil-Komunità Ewropea kollha.

43.      Fil-fatt, l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva għandu l-għan li jippermetti l-korrezzjoni ta’ l-ineżattezzi fil-kalkolu tat-tnaqqis li minnu l-persuna taxxabbli tkun ibbenefikat. Dan l-artikolu huwa intiż li japplika, partikolarment, meta l-modifiki ta’ l-elementi inizjalment ikkunsidrati għad-determinazzjoni ta’ l-ammont tat-tnaqqis isiru wara d-dikjarazzjoni magħmula mill-persuna taxxabbli(6). Dan jista’ jkun il-każ, per eżempju, meta l-persuna taxxabbli, li tkun akkwistat oġġett għall-eżerċizzju ta’ attività taxxabbli u li tkun ipproċediet għat-tnaqqis tal-VAT kollha mħallsa fuq l-akkwist ta’ dan l-oġġett, terġa’ tużah, b’mod totali jew parzjali, għal attività eżentata.

44.      Il-probabbiltà ta’ modifika bħal din fl-iskop ta’ oġġett hija ikbar fir-rigward ta’ l-oġġetti kapitali, peress li dawn huma intiżi sabiex jintużaw mill-persuna taxxabbli għal diversi snin. Huwa għalhekk li l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi sistema ta’ aġġustamenti speċifika fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti.

45.      Għalhekk, l-Artikolu 20(2) jipprevedi li t-tnaqqis magħmul fil-bidu jista’ jiġi aġġustat fuq firxa ta’ ħames snin għall-oġġetti mobbli u fuq firxa ta’ għoxrin sena jew iktar għall-oġġetti immobbli. Jagħti wkoll definizzjoni tal-modalitajiet tal-kalkolu ta’ dan l-aġġustament. L-Artikolu 20(3) jirregola wkoll il-każ fejn, qabel it-tmiem tal-perijodu applikabbli, l-oġġett kapitali in kwistjoni ma jibqax proprjetà tal-persuna taxxabbli, u dan billi jibdel l-aġġustament annwali b’aġġustament ta’ darba biss, fuq il-bażi ta’ l-użu preżunt ta’ dan l-oġġett matul il-perijodu li jkun fadal.

46.      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Gvern Daniż, jista’ jiġi preżunt li, fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jirrigwardaw l-aġġustamenti tat-tnaqqis, adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, oġġetti bħall-vetturi mixtrija mill-persuna taxxabbli huma kkunsidrati bħala oġġetti kapitali. Din il-kwalifika, applikabbli meta jsir aġġustament tat-tnaqqis, mhijiex mittiefsa minħabba l-fatt li fil-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas previst fl-Artikolu 19 ta’ l-imsemmija direttiva jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ abitwali ta’ vetturi fit-tmiem tal-kiri tagħhom.

47.      Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li vetturi mixtrija sabiex jiġu mikrija u mbagħad mibjugħa fil-kuntest ta’ l-attività abitwali tal-persuna taxxabbli huma esklużi mill-kunċett ta’ “oġġetti kapitali” previst fl-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva ma żżommx lill-awtoritajiet tat-taxxa Daniżi milli jipproċedu għall-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq il-vetturi mixtrija mill-persuna taxxabbli jekk jirriżulta li dawn il-vetturi, matul iż-żmien li kienu fi ħdan l-impriża u kuntrarjament għal dak li kien previst meta nxtraw, ma jibqgħux jintużaw b’mod komplet għall-attività tal-leasing, li hija attività suġġetta għat-taxxa, iżda għal attività eżentata.

48.      Fi kliem ieħor, il-fatt li vetturi mixtrija sabiex jiġu mikrija u mbagħad mibjugħa fil-kuntest ta’ l-attività abitwali tal-persuna taxxabbli huma esklużi mill-kunċett ta’ “oġġetti kapitali” previst fl-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva ma jaffettwax il-kwalifika ta’ “oġġetti kapitali” fis-sens ta’ l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva f’dak li jirrigwarda l-vetturi li tkun saritilhom bidla fl-użu tagħhom.

49.      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-aġġustamenti tat-tnaqqis għall-vetturi mixtrija mill-persuna taxxabbli sabiex jinkrew u mbagħad jinbiegħu fit-tmiem tal-kiri, din il-kwistjoni, a priori, ma tqajjem ebda diffikultà peress li l-persuna taxxabbli tkun użat dawn il-vetturi għall-eżerċizzju ta’ attività taxxabbli biss.

50.      Minn dan isegwi li s-sistema ta’ aġġustamenti tat-tnaqqis prevista fl-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva u d-dritt ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu l-kunċett ta’ oġġetti kapitali fil-kuntest ta’ din is-sistema mhumiex mittiefsa mill-fatt li l-kunċett ta’ “oġġetti kapitali” previst fl-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil-Komunità.

51.      Bl-istess mod, lanqas ma jidhirli li l-fakultà mogħtija lill-Istati Membri fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva li jinkludu d-dħul mill-bejgħ ta’ l-oġġetti kapitali fil-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas meta jagħmlu użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 20(5) ta’ din id-direttiva tmur kontra din l-analiżi.

52.      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi possibbiltà ta’ deroga mir-regola li tistipula li d-dħul mill-bejgħ ta’ oġġetti kapitali ma jitqiesx fil-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas. Din m’għandhiex tippermetti estensjoni ta’ l-ambitu ta’ applikazzjoni ta’ l-ewwel u t-tieni sentenzi ta’ l-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva, li jiċċitaw it-tranżazzjonijiet li d-dħul minnhom għandu jiġi eskluż mill-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas.

53.      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-Gvern Daniż, jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “oġġetti kapitali” previst fl-Artikolu 17 tat-Tieni Direttiva, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Verbond van Nederlandse Ondernemingen, iċċitata iktar’il fuq, mhijiex rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għad-domanda eżaminata.

54.      Huwa minnu li din l-interpretazzjoni tista’ tkun applikata fil-kuntest ta’ l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, u dan minħabba l-punti komuni li jorbtu lil din id-dispożizzjoni ma’ l-Artikolu 17 tat-Tieni Direttiva. Fil-fatt, dan l-Artikolu 17 kien jipprovdi li l-Istati Membri kellhom il-fakultà li “jeskludu […] l-oġġetti kapitali” mis-sistema ta’ tnaqqis prevista fl-Artikolu 11 tat-Tieni Direttiva, li kien jipprovdi li kull persuna taxxabbli kellha d-dritt tnaqqas it-taxxa mħallsa qabel għall-oġġetti u s-servizzi li tkun akkwistat għall-iskopijiet tan-negozju tagħha.

55.      L-Artikolu 17 tat-Tieni Direttiva, bħall-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, kien jipprevedi għalhekk il-kundizzjonijiet li kienu jirregolaw it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-oġġetti kapitali fis-sistema tat-tnaqqis intiża sabiex tiġi żgurata n-newtralità tas-sistema tal-VAT għal persuna taxxabbli(7). Madankollu, l-implikazzjoni tad-domanda għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ oġġetti kapitali sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza Verbond van Nederlandse Ondernemingen, iċċitata iktar’il fuq, kienet ferm differenti minn dik ta’ din il-proċedura.

56.      Fil-fatt, f’dik il-kawża, il-qorti tar-rinviju kienet qed tittratta regolament Olandiż adottat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 17 tat-Tieni Direttiva li, bis-saħħa tiegħu, ir-Renju ta’ l-Olanda ppreveda li setgħu jitnaqqsu biss 67 % mill-VAT imħallsa fuq ix-xiri ta’ “mezzi ta’ l-operat.” Kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-motivi ta’ dan ir-regolament, il-Gvern Olandiż b’hekk ried jeskludi mid-dritt għal tnaqqis l-oġġetti kollha użati sabiex l-impriża topera, inkluż it-tagħmir żgħir, u dan billi jinkludihom fil-kunċett ta’ “mezzi ta’ l-operat ta’ l-impriża”.

57.      Verbond van Nederlandse Ondernemingen, li fil-fehma tagħha dan il-kunċett ta’ “mezzi ta’ l-operat ta’ l-impriża” kien iktar wiesa’ minn dak ta’ “oġġetti kapitali” previst fl-Artikolu 17 tat-Tieni Direttiva, naqqset il-VAT imħallsa max-xiri ta’ stapler u ta’ formoli għall-użu waqt il-laqgħat.

58.      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju kellha quddiemha l-kwistjoni ta’ jekk dawn l-oġġetti kellhomx jiġu kkunsidrati bħala oġġetti kapitali, li setgħu jiġu esklużi mid-dritt għal tnaqqis. Għal dan il-għan, hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara jekk dan il-kunċett kellux jinftiehem fis-sens li jkopri l-oġġetti li l-ispiża ta’ akkwist tagħhom ma kinitx tqieset bħala spiża ta’ l-operat iżda kienet mifruxa fuq iktar minn sena finanzjarja waħda.

59.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet li l-kunċett ta’ oġġetti kapitali “jkopri oġġetti li, użati għall-finijiet ta’ attività ekonomika, jiddistingwu ruħhom minħabba l-użu għal żmien twil u l-valur tagħhom, elementi li minħabba fihom l-ispejjeż ta’ l-akkwist tagħhom ma jkunux normalment meqjusa bħala spejjeż ta’ l-operat, iżda jinfirxu fuq diversi snin finanzjarji”(8). Huwa wkoll f’dan il-kuntest li hija żiedet li l-Istati Membri jgawdu ċerta diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati fir-rigward tat-tul ta’ żmien u tal-valur ta’ l-oġġetti, kif ukoll fir-rigward tar-regoli ta’ deprezzament li għandhom jiġu applikati(9).

60.      Għalhekk, fis-sentenza Verbond van Nederlandse Ondernemingen, iċċitata iktar’il fuq, il-kwistjoni kienet li l-qorti tar-rinviju tiġi permessa tiddetermina jekk materjal ta’ l-uffiċċju ta’ valur baxx setax jiġi kkunsidrat bħala oġġett kapitali li seta’ jiġi eskluż mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT previst fit-Tieni Direttiva. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex quddiemha oġġetti li, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, inxtraw sabiex jiġu mikrija matul perijodu stabbilit u mbagħad, b’mod regolari, mibjugħa fit-tmiem ta’ l-istess perijodu.

61.      Fi kliem ieħor, jekk, skond il-kriterji applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Verbond van Nederlandse Ondernemingen, iċċitata iktar’il fuq, vetturi mixtrija minn impriża għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ekonomiċi tagħha huma intiżi li jikkostitwixxu oġġetti kapitali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, minn dawn il-kriterji ma jistax jiġi konkluż li dawn il-vetturi jaqgħu taħt din il-kwalifika meta l-bejgħ tagħhom, fit-tmiem tal-kuntratti ta’ kiri, jagħmel parti integrali mill-attività regolari tal-persuna taxxabbli.

62.      Huwa għalhekk li fil-fehma tiegħi l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ oġġetti kapitali mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Verbond van Nederlandse Ondernemingen, iċċitata iktar’il fuq, ma twassalx għal risposta għad-domanda magħmula mill-Højesteret.

63.      Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni determinanti fil-kontenut tas-Sitt Direttiva kif ukoll fil-ġurisprudenza, huwa proprju fid-dawl ta’ l-ekonomija tas-sistema ta’ tnaqqis li minnha jagħmel parti l-kunċett ta’ oġġetti kapitali u fid-dawl ta’ l-għan ta’ din is-sistema, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza kostanti, li għandhom jiġu determinati t-tifsira u l-portata ta’ dan il-kunċett għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali(10).

64.      B’mod konformi ma’ ġurisprudenza kostanti, is-sistema ta’ tnaqqis stabbilita mis-Sitt Direttiva hija intiża sabiex tiggarantixxi n-newtralità tas-sistema komuni tal-VAT. Għalhekk, din is-sistema għandha l-għan li teħles kompletament lill-persuna taxxabbli mill-piż tal-VAT li tkun ħallset fil-kuntest ta’ l-attivitajiet tagħha, li huma wkoll suġġetti għal din it-taxxa(11).

65.      Meta persuna taxxabbli takkwista oġġetti u servizzi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet taxxabbli u ta’ attivitajiet eżentati fl-istess ħin, l-Artikoli 17(5) u 19 tas-Sitt Direttiva huma intiżi sabiex jippermettulha tnaqqas b’mod komplet il-parti mill-VAT li tkun tħallset ma’ l-akkwist ta’ dawn l-oġġetti u ta’ dawn is-servizzi, li hija meqjusa bħala l-parti li tikkorrispondi għall-proporzjon li fih dawn jintużaw għall-attivitajiet taxxabbli.

66.      Meta stabbilixxa s-sistema tal-proporzjon imnaqqas fl-Artikoli 17(5) u 19 tas-Sitt Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju ppreżuma li l-proporzjon li fih dawn l-oġġetti u dawn is-servizzi li għandhom użu mħallat jintużaw, rispettivament, għall-attivitajiet taxxabbli u għall-attivitajiet eżentati, huwa proporzjonali għad-dħul mill-bejgħ ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ attivitajiet.

67.      Huwa għalhekk li l-Artikolu 19(1) tas-Sitt Direttiva jipprevedi li l-proporzjon imnaqqas tal-VAT imħallsa ma’ l-akkwist ta’ dawn l-oġġetti u s-servizzi jirriżulta minn frazzjoni li tinkludi, bħala numeratur, l-ammont tad-dħul mill-bejgħ attribwit lit-tranżazzjonjiet taxxabbli u, bħala denominatur, l-ammont tad-dħul mill-bejgħ kollu.

68.      B’dan il-mod, l-esklużjoni, fil-kuntest ta’ dan il-kalkolu, ta’ l-ammont tad-dħul mill-bejgħ attribwit għall-bejgħ ta’ “oġġetti kapitali użati mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju tagħha”, prevista fl-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva, tieħu s-sinifikat sħiħ tagħha. Id-dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-oġġetti għandu jiġi eskluż minn dan il-kalkolu minħabba li bejgħ bħal dan, bħala prinċipju, huwa ta’ natura eċċezzjonali jew, ta’ l-inqas, mhux abitwali. Għaldaqstant, dan il-bejgħ ma joħloqx il-ħtieġa li l-oġġetti u s-servizzi ta’ użu mħallat jintużaw b’mod li jkun proporzjonali għall-ammont iġġenerat minn dan il-bejgħ. Għalhekk, l-inklużjoni ta’ dan id-dħul mill-bejgħ fil-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas tirrendi riżultat żbaljat fis-sens li dan ir-riżultat ma jibqax jirrifletti l-proprozjon rispettiv ta’ l-użu ta’ l-oġġetti u tas-servizzi intiżi għal użu mħallat għall-attivitajiet taxxabbli u għall-attivitajiet eżentati.

69.      Din l-analiżi hija kkorroborata mis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, Régie Dauphinoise (12), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ir-raġunijiet għalfejn l-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva jipprevedi wkoll li, għall-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas, għandu jitħalla barra l-ammont tad-dħul mill-bejgħ attribwit lit-tranżazzjonijiet inċidentali marbuta ma’ beni immobbli jew finanzjarji. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, li kieku d-dħul kollu mit-tranżazzjonijiet finanzjarji tal-persuna taxxabbli li jkollhom rabta ma’ attività taxxabbli kellu jiġi inkluż fid-denominatur tal-frazzjoni użata għall-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas, inkluż meta l-kisba ta’ dan id-dħul ma timplikax użu ta’ oġġetti jew servizzi li għalihom tkun dovuta l-VAT jew, ta’ l-inqas, timplika biss użu limitat ħafna, il-kalkolu tat-tnaqqis ikun żbaljat.

70.      L-esklużjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ oġġetti kapitali kif ukoll l-esklużjoni tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat minn tranżazzjonijiet inċidentali huma għalhekk iġġustifikati mill-fatt li dawn it-tranżazzjonijiet ma jikkorrispondux għall-attività abitwali tal-persuna taxxabbli.

71.      Din il-ġustifikazzjoni, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ġiet spjegata wkoll b’mod ċar fid-dikjarazzjoni tal-motivi tal-proposta tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, ippreżentata mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Ġunju 1973(13).

72.      Għalhekk, il-kunċett ta’ “oġġetti kapitali”, previst fl-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, m’għandux jinkludi oġġetti li l-akkwist u l-bejgħ sussegwenti tagħhom jiffurmaw parti integrali mill-attività abitwali tal-persuna suġġetta għall-VAT. Fil-fatt, meta dan l-akkwist u dan il-bejgħ jiffurmaw parti minn din l-attività abitwali, dawn jirrikjedu l-użu ta’ l-oġġetti u tas-servizzi akkwistati mill-persuna taxxabbli għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet taxxabbli tagħha. Id-dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-oġġetti għandu għalhekk jitqies fil-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas sabiex dan ikun jista’ jirrifletti l-attivitajiet regolari tal-persuna taxxabbli u, għaldaqstant, il-proporzjon ta’ l-użu ta’ l-oġġetti u s-servizzi intiżi għal użu mħallat għall-attivitajiet taxxabbli. Fin-nuqqas ta’ dan, dan il-proporzjon ta’ l-użu ma jippermettix lill-persuna taxxabbli tikseb rimborż tal-VAT li għalih hija intitolata u ma jintlaħaqx l-għan tan-newtralità tas-sistema Komunitarja tal-VAT.

73.      Fil-kawża prinċipali, mill-indikazzjonijiet forniti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-akkwist u l-bejgħ ta’ vetturi mikrija kienu organizzati b’mod professjonali u sistematiku u li d-dħul mill-bejgħ ittieħed in kunsiderazzjoni fl-iffissar ta’ l-ammont tal-kera. Minn dan isegwi li l-bejgħ ta’ dawn il-vetturi ma kellux in-natura ta’ attività inċidentali, iżda kien jikkostitwixxi proprju attività abitwali u regolari. In-numru ta’ vetturi mibjugħa minn Erhvervsfinans fl-1998, kif tirrileva l-Kummissjoni, jikkonferma sewwa din l-analiżi.

74.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li huwa kkontestat li l-ispejjeż ġenerali li din l-impriża kellha fir-rigward tal-bini fejn teżerċita l-attività tagħha, tal-mobbli ta’ l-uffiċċju, ta’ l-għodda ta’ l-informatika, tat-telefon, tal-verifika tal-kontijiet tagħha, eċċ., servew ukoll għar-realizzazzjoni ta’ dan il-bejgħ. Jidher għalhekk li huwa ġustifikat li d-dħul minn dan il-bejgħ jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas sabiex il-persuna taxxabbli tkun effettivament liberata minn dik il-parti mill-VAT inkluża fl-ispejjeż ġenerali li servew għall-eżerċizzju ta’ din l-attività taxxabbli.

75.      Minħabba f’hekk nipproponi li għad-domanda eżaminata tingħata r-risposta li l-espressjoni “oġġetti kapitali użati mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju tagħha”, li tinsab fl-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tinkludix l-oġġetti li impriża ta’ leasing tixtri bil-ħsieb, minn naħa, li tikrihom u, min-naħa l-oħra, li terġa’ tbiegħhom fit-tmiem tal-kuntratti ta’ leasing, peress li l-bejgħ ta’ dawn l-oġġetti fit-tmiem tal-kiri jifforma parti integrali mill-attivitajiet ekonomiċi abitwali ta’ din l-impriża.

IV – Konklużjoni

76.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari tal-Højesteret:

“L-espressjoni ‘oġġetti kapitali użati mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju tiegħu [tagħha]’, li tinsab fl-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tinkludix l-oġġetti li impriża ta’ leasing tixtri bil-ħsieb, minn naħa, li tikrihom u, min-naħa l-oħra, li terġa’ tbiegħhom fit-tmiem tal-kuntratti ta’ leasing, peress li l-bejgħ ta’ dawn l-oġġetti fit-tmiem tal-kiri jifforma parti integrali mill-attivitajiet ekonomiċi abitwali ta’ din l-impriża.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ’il quddiem is-“is-Sitt Direttiva”).


3 – Iktar ’il quddiem “Erhvervsfinans”.


4 – 51/76, Ġabra p. 113.


5 – Direttiva tal-11 ta’ April 1967, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward tat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Struttura u modalitajiet ta’ l-applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 1967, 71, p. 1303, iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”). Permezz ta’ l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà jeskludu, għal perijodu tranżitorju, totalment jew parzjalment, l-oġġetti kapitali mis-sistema tat-tnaqqis.


6 – Sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Uudenkaupungin Kaupunki (C‑184/04, Ġabra p. I‑3039, punt 25).


7 – Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Centralan Property (C‑63/04, Ġabra p. I‑11087, punt 55).


8 – Punt 12.


9 – Punt 17.


10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Harbs (C‑321/02, Ġabra p. I‑7101, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, bħala applikazzjoni reċenti, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, CO.GE.P (C‑174/06, Ġabra p. I-9359, punt 30).


11 – Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1993, Sofitam (C‑333/91, Ġabra p. I‑3513, punt 10).


12 – C‑306/94, Ġabra p. I‑3695, punt 21.


13 – Proposta tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej, Suppliment 11/73). Skond din il-proposta, l-Artikolu 19(2) ġie mmotivat kif ġej:


“L-elementi previsti f’dan il-paragrafu għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-proporzjon sabiex jiġi evitat li dawn ikunu jistgħu jiffalsifikaw is-sinjifikat reali tal-proprozjon safejn dawn l-elementi ma jirriflettux l-attività professjonali tal-persuna taxxabbli. Dan ikun il-każ meta jinbiegħu oġġetti kapitali u jsiru tranżazzjonijiet marbuta ma’ beni immobbli jew finanzjarji li huma relatati biss b’mod inċidentali, jiġifieri li għandhom biss importanza sekondarja jew inċidentali meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ globali ta’ l-impriża. Barra minn hekk, dawn it-tranżazzjonijiet huma esklużi biss meta ma jkunux jagħmlu parti mill-attività professjonali abitwali tal-persuna taxxabbli” (p. 20).