Language of document : ECLI:EU:F:2013:129



SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

16 ta’ Settembru 2013

Kawżi magħquda F‑20/12 u F‑43/12

Barbara Wurster

vs

L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-EIGE – Membru tal-persunal temporanju – Proċedura ta’ evalwazzjoni tal-kapaċitajiet maniġerjali tal-membri tal-persunal tal-EIGE li għadhom kif ġew assenjati f’pożizzjoni maniġerjali intermedjarja – Assenzjazzjoni mill-ġdid f’pożizzjoni mhux maniġerjali – Dritt għal smigħ – Kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi – Konstatazzjoni ex officio – Sostituzzjoni tal-motivi li saret ex officio mill-qorti”

Suġġett:      Rikorsi, ippreżentati skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tagħhom Barbara Wurster titlob, fl-ewwel wieħed, irreġistrat bir-referenza F‑20/12 (iktar ’il quddiem ir-“rikors F‑20/12”) u fit-tieni wieħed, irreġistrat bir-referenza F‑43/12 (iktar ’il quddiem ir-“rikors F‑43/12”), essenzjalment, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2011 tad-Direttriċi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (iktar ’il quddiem l-“EIGE” jew l-“Istitut”) li tassenjaha mill-ġdid, sa mill-1 ta’ Ottubru 2011, fi-pożizzjoni ta’ kap ta’ tim taċ-Ċentru tar-Riżorsi u ta’ Dokumentazzjoni, it-tieni nett, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttriċi tal-EIGE (iktar ’il quddiem id-“Direttriċi”) tat-12 ta’ Jannar 2012 li ma tatihiex il-benefiċċju tal-allowance maniġerjali għall-perijodu ta’ mill-1 ta’ Ġunju 2010 sat-30 ta’ Settembru 2011 u, it-tielet nett li titħallas il-kumpens maniġerjali għall-perijodu ta’ mill-1 ta’ Ġunju 2010 sat-30 ta’ Settembru 2011, miżjud b’interessi moratorji kkalkulati bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjud b’żewġ punti.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tad-Direttriċi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, tat-8 ta’ Settembru 2011, li tassenja lil Barbara Wurster mill-ġdid fil-pożizzjoni ta’ kap ta’ tim taċ-Ċentru tar-Riżorsi u ta’ Dokumentazzjoni, hija annullata. Il-kumplament tar-rikorsi huwa miċħud. L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn Barbara Wurster.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Interess ġuridiku – Evalwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors – Rikors li jżomm is-suġġett tiegħu minkejja r-riżenja tar-rikorrent wara l-preżentata tiegħu – Żamma tal-interess ġuridiku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ġurisdizzjoni sħiħa – Rikonoxximent tad-dritt għal kumpens

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni tal-kapaċitajiet maniġerjali – Redazzjoni – Obbligu ta’ smigħ utli tal-persuna kkonċernata – Portata

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 14)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Forza maġġuri – Kunċett – Leave tas-sajf – Esklużjoni

5.      Rikorsi tal-uffiċjali – Motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi – Konstatazzjoni ex officio

6.      Atti tal-istituzzjonijiet – Applikazzjoni ratione temporis – Retroattività ta’ regola sostantiva – Kundizzjonijiet

7.      Rikorsi tal-uffiċjali – Interess ġuridiku – Motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali – Kompetenza marbuta tal-amministrazzjoni – Motiv ineffettiv

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

1.      Il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ interess ġuridiku u l-osservanza tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li għandhom jiġu vverifikati ex officio mill-qorti. L-interess ġuridiku jiġi evalwat fil-mument tal-preżentata tar-rikors tiegħu, mir-rikorrent, u mhux meta jiddeċiedi t-Tribunal.

Ċertament, il-fatt li membru tal-persunal temporanju jirriżenja wara l-preżentata tar-rikors tiegħu jista’ jwassal sabiex wieħed jistaqsi dwar jekk ir-rikors tilifx is-suġġett tiegħu, iżda meta rikors jitlef is-suġġett tiegħu, dan il-fatt ma jwassalx, waħdu, għall-obbligu għall-qorti tal-Unjoni li tagħti deċiżjoni dwar li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ suġġett. Fil-fatt, anki fil-każ ta’ nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż, li jiddependi b’mod partikolari mill-punt ta’ jekk, meta r-rikors ġie ppreżentat, dan kienx iġġustifikat.

(ara l-punti 55 sa 57)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs Fondation européenne pour la formation, C‑154/99 P, punt 15; 7 Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, punt 47

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 23 ta’ Ottubru 2012, Strack vs Il-Kummissjoni, F‑44/05 RENV, punt 97

2.      Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu ġurisdizzjoni sħiħa fit-tilwimiet ta’ natura pekunjarja. Issa, din il-ġurisdizzjoni sħiħa tawtorizza lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ dritt għall-benefiċċju ta’ allowances.

F’dan ir-rigward, b’analoġija ma’ talbiet għal allowance, meta persuna titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrikonoxxi, favur tagħha, l-eżistenza ta’ tali dritt, bħala konsegwenza tal-illegalità ta’ deċiżjoni li l-adozzjoni tagħha kkostitwixxiet ir-raġuni li wasslet lill-amministrazzjoni sabiex tirrifjuta lil din il-persuna l-ħlas tal-allowance kontenzjuża, din għandha tagħti bidu għall-proċedura prekontenzjuża billi tressaq ilment fi żmien tliet xhur min-notifika jew minn meta ssir taf b’din id-deċiżjoni, u dan anki jekk hija ma titlobx l-annullament ta’ dak l-att.

(ara l-punti 61 u 63)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Novembru 1993, Vjenna vs Il‑Parlament, T‑15/93, punt 41; 19 ta’ Ġunju 2007, Asturias Cuerno vs Il‑Kummissjoni, T‑473/04, punt 23, u l-ġurisprudenża ċċitata

3.      Kull persuna li jsirilha rapport ta’ evalwazzjoni li jista’ jipproduċi konsegwenzi fuq il-karriera tagħha għandu jkollha l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel ma l-imsemmi rapport isir definittiv u dan, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita. L-istess jgħodd fir-rigward ta’ rapport ta’ evalwazzjoni tal-kapaċitajiet maniġerjali ta’ membru tal-persunal temporanju stabbilit abbażi tad-dispożizzjonijiet interni ta’ aġenzija tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-persuna kkonċernata pparteċipat f’intervista fil-kuntest tal-proċedura prevista bl-Artikolu 14 tal-Kondizzjonjiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra ma jistax jeżenta lill-aġenzija milli tagħmel intervista fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-kapaċitajiet maniġerjali. It-trażmissjoni ta’ dokument f’dan ir-rigward ma jistax jissostitwixxi ż-żamma ta’ intervista. Fil-fatt, filwaqt li l-proċedura prevista fl-imsemmi Artikolu 14 hija intiża li tevalwa l-kompetenza tal-persuna kkonċernata li twettaq kompiti li huma inklużi fil-funzjonijiet tagħha kif ukoll ir-rendiment tagħha u l-imġiba tagħha fis-servizz li għandu jingħatalha kollu kemm hu, il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-kapaċitajiet maniġerjali hija intiża biss li tivverifika l-kapaċitajiet maniġerjali tal-persuna kkonċernata.

Barra minn hekk, sabiex difett proċedurali jwassal għall-annullament ta’ att, huwa neċessarju li l-assenza ta’ dan id-difett tkun setgħet twassal għal riżultat differenti. Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta fil-każ ta’ rapport ta’ evalwazzjoni tal-kapaċitajiet maniġerjali, fejn l-imsemmi rapport ikun fondat fuq ġudizzji tal-valur suġġettivi u għaldaqstant, min-natura tagħhom stess, jistgħu jiġu emendati.

(ara l-punti 75, 77 sa 79 u 82)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, punt 156; 25 ta’ Ottubru 2006, Carius vs Il-Kummissjoni, T‑173/04, punt 71; 25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T‑27/05, punt 49

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Settembru 2011, Nastvogel vs Il-Kunsill, F‑4/10, punti 90 u 94

4.      Il-forza maġġuri tippresupponi li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li l-avveniment allegat ikun estern, imprevedibbli u irresistibbli, u dan ma jistax ikun il-każ tal-leave tas-sajf.

(ara l-punt 80)

5.      Billi motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi huwa ta’ ordni pubbliku, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu l-obbligu li jikkonstatah ex officio, għaliex huwa jikser ir-rwol tiegħu ta’ qorti li tiddeċiedi dwar il-legalità jekk huwa jonqos milli jikkonstata, anki fl-assenza ta’ kontestazzjoni tal-partijiet fuq dan il-punt, li d-deċiżjoni kkontestata quddiemu ttieħdet abbażi ta’ regola li ma tistax tiġi applikata f’dan il-każ. L-indikazzjoni ex officio ta’ motiv ta’ ordni pubbliku għandha l-għan li tiġi osservata regola li, minħabba l-importanza tagħha, ma tistax tiġi suġġetta għad-diliġenza tal-partijiet jew għall-kwalità tad-dokumenti tagħhom u, konsegwentement, il-fatt li rikorrent ma jipprovdix kuntest fattwali u legali preċiż biżżejjed ma jipprekludix li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżamina ex officio motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi.

(ara l-punti 84 u 88)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Lulju 1994, Browet et vs Il‑Kummissjoni, T‑576/93 sa T‑582/93, punt 35

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2011, Kimman vs Il-Kummissjoni, F‑74/10, punt 44, li jinsab taħt appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑644/11 P

6.      Il-prinċipju ta’ ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali jipprekludi, b’mod ġenerali, li l-portata ratione temporis ta’ att ta’ portata ġenerali tieħu effett minn punt ta’ żmien stabbilit f’data qabel il-pubblikazzjoni tagħha, u ma jistax ikun mod ieħor ħlief, b’mod eċċezzjonali, meta l-għan li għandu jintlaħaq hekk ikun jitlob u jekk l-aspettattivi leġittimi ta’ dawk ikkonċernati jiġu debitament osservati. Barra minn hekk, tali effett għandu joħroġ b’mod ċar mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

Ċertament, kull regola ġdida tapplika mhux biss għas-sitwazzjonijiet li għad iridu jinħolqu, iżda wkoll għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li tnisslu, mingħajr ma jkunu kkostitwiti b’mod sħiħ, taħt ir-regola l-antika. Fi kwalunkwe każ, is-sitwazzjonijiet mhux totalment ikkostitwiti jirrigwardaw il-każ ta’ persuni li, fid-data li fiha r-regola tħassret jew ġiet emendata, kienu jissodisfaw biss parzjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex dik ir-regola tiġi applikata fir-rigward tagħhom.

(ara l-punti 93, 95 u 96)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Frar 1982, Bout, 21/81, punt 13; 11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni, C‑368/89, punt 17

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Ġunju 2012, Guittet vs Il-Kummissjoni, F‑31/10, punti 47 u 50, u l-ġurisprudenza ċċitata; 13 ta’ Ġunju 2012, BL vs Il-Kummissjoni, F‑63/10, punt 58

7.      Meta allowance tingħata mingħajr bażi legali valida, tkun xi tkun il-fondatezza tal-motivi mqajma minn rikorrent għall-ksib tal-ħlas tal-imsemmija allowance, l-amministrazzjoni ma tkunx tista’, b’eżekuzzjoni ta’ sentenza, twettaq il-ħlas tal-kumpens għaliex tali ħlas ikun illegali.

(ara l-punt 99)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 20 ta’ Mejju 1987, Souna vs Il-Kummissjoni, 432/85, punt 20

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Frar 2010, Wiame vs Il‑Kummissjoni, F‑15/08, punt 27; 26 ta’ Settembru 2011, Pino vs Il‑Kummissjoni, F‑31/06, punt 112