Language of document : ECLI:EU:F:2014:93

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

14 ta’ Mejju 2014

Kawża F‑34/13

Christodoulos Alexandrou

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/231/12 — Nuqqas ta’ ammissjoni għal parteċipazzjoni għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni — Aċċess għal dokumenti”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih C. Alexandrou jitlob għall-annullament tad-deċiżjonijiet li huwa ma jitħalliex jagħmel l-eżamijiet ta’ evalwazzjoni tal-kompetizzjoni EPSO/AD/231/12, ikkomunikati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) fit-28 ta’ Ġunju u fis-16 ta’ Lulju 2012, u tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2013 dwar ċaħda tal-ilment tiegħu, tal-25 ta’ Settembru 2012, kontra l-imsemmija deċiżjonijiet.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. C. Alexandrou għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Eliminazzjoni ta’ kandidat minħabba riżultati insuffiċjenti miksuba fl-eżamijiet b’għażla multipla — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Komunikazzjoni tan-nota eliminatorja finali — Motivazzjoni suffiċjenti ħlief fil-preżenza ta’ ċirkustanzi partikolari

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, bħal dik meħuda minn Bord tal-Għażla fir-rigward ta’ kandidat, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li jirrendi possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju.

Fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari, amministrazzjoni li torganizza eżamijiet għal reklutaġġ fil-forma ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi tikkomunika lill-kandidati li ma jkunux għaddew minn dawn l-eżamijiet il-proporzjoni, f’perċentwali, tat-tweġibiet korretti u billi tagħtihom, fil-każ ta’ talba f’dan is-sens, it-tweġiba li kellha tingħata għal kull waħda mill-mistoqsijiet magħmula.

(ara l-punti 30 sa 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il‑Kummissjoni, T‑53/00, punt 67, u tas-27 ta’ Marzu 2003, Martínez Páramo et vs Il‑Kummissjoni, T‑33/00, punt 43

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Ġunju 2011, Angioi vs Il‑Kummissjoni, F‑7/07, punti 136 sa 138