Language of document : ECLI:EU:C:2019:504

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 18, 34, 56 u 92 TFUE – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi tariffa għall-użu tal-infrastrutturi għall-vetturi bil-mutur privati – Sitwazzjoni li fiha s-sidien ta’ vetturi rreġistrati f’dan l-Istat Membru jibbenefikaw minn eżenzjoni tat-taxxa fuq il-vetturi bil‑mutur ta’ ammont li jikkorrispondi għal din it-tariffa”

Fil-Kawża C‑591/17,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 259 TFUE, ippreżentat fit-12 ta’ Ottubru 2017,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżenta minn M. G. Hesse kif ukoll minn J. Schmoll u C. Drexel, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn J. Langer u J. M. Hoogveld kif ukoll minn K. Bulterman, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u S. Eisenberg, bħala aġenti, assistiti minn C. Hillgruber, Rechtsanwalt,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Nymann-Lindegren u M. Wolff, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, C.G. Fernlund, P.G. Xuereb, N. Picarra u L.S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bir-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi introduċiet it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi tal-vetturi bil-mutur privati permezz tal-Infrastrukturabgabegesetz (il-Liġi dwar it-Tariffi għall-Użu tal-Infrastrutturi), tat-8 ta’ Ġunju 2015 (BGBl. I, p. 904), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Artikolu 1 tal-Liġi tat-18 ta’ Mejju 2017 (BGBl. I, p. 1218) (iktar ’il quddiem l-“InfrAG”), u billi pprovdiet eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur li tikkorrispondi, minn tal-inqas, għall-ammont tal-imsemmija tariffa, fir-rigward ta’ sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, introdotta fil-Kraftfahrzeugsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi bil-Mutur), tas-26 ta’ Settembru 2002 (BGBl. I, p. 3818, iktar ’il quddiem il-“KraftStG”) biz-Zweites Verkehrsteueränderungsgesetz (it-Tieni Liġi Emendatorja tat-Taxxa fuq it-Trasport), tat-8 ta’ Ġunju 2015 (BGBl. I, p. 901), u emendata l-aħħar bil-Gesetz zur Änderung des Zweiten Verkehrsteueränderungsgesetzares (il-Liġi li Temenda t-Tieni Liġi Emendatorja tat-Taxxa fuq it-Trasport), tas-6 ta’ Ġunju 2017 (BGBl. I, p. 1493) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“miżuri nazzjonali inkwistjoni”), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikoli 18, 34, 56 u 92 TFUE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/62/KE tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372), kif emendata bid-Direttiva 2011/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2011 (ĠU 2011, L 269, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Eurovignette”), din tapplika għat-taxxi fuq il-vetturi, pedaġġi u drittijiet ta’ użu imposti fuq vetturi bħal dawk iddefiniti fl-Artikolu 2 tagħha. L-imsemmi Artikolu 2(d) jiddefinixxi t-terminu “vettura” fis-sens tad-Direttiva Eurovignette bħala “vettura bil-mutur jew kombinazzjoni ta’ vetturi artikolata maħsuba jew użata għall-ġarr ta’ merkanzija fuq it-triq u li għandha piż massimu permissibbli meta tkun mgħobbija ’l fuq minn 3.5 tunnellati”.

3        L-Artikolu 7 tad-Direttiva Eurovignette jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(1a), l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq in-netwerk trans-Ewropew tat-toroq jew fuq ċerti partijiet ta’ dak in-netwerk, u fuq kwalunkwe parti oħra addizzjonali tan-netwerk tal-awtostradi tagħhom li mhux parti min-netwerk trans-Ewropew tat-toroq taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikoli 7a sa 7k. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li japplikaw ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq oħra, dment li l-impożizzjoni ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq oħra bħal dawn ma jiddiskriminax kontra t-traffiku internazzjonali u ma jirriżultax f’distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi.

[…]

3.      Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utent ma għandhomx jiddiskriminaw, direttament jew indirettament, fuq il-bażi tan-nazzjonalità tat-trasportatur tal-merkanzija, tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz fejn it-trasportatur tal-merkanzija huwa stabbilit jew fejn il-vettura hi rreġistrata, jew tal-oriġini jew id-destinazzjoni tal-attività tat-trasport.

[…]”

4        L-Artikolu 7k tal-imsemmija Direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, din id-Direttiva ma taffetwax il-libertà tal-Istati Membri li jintroduċu sistema ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent għall-infrastruttura li jipprovdu kumpens adegwat għal dawk il-ħlasijiet imposti.”

 Id-dritt Ġermaniż

 L-InfrAG

5        L-Artikolu 1 tal-InfrAG jipprevedi l-ħlas ta’ tariffa għall-użu minn vetturi bil-mutur privati ta’ toroq federali (iktar ’il quddiem it-“tariffa għall-użu tal-infrastrutturi”), fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Bundesfernstraßengesetz (il-Liġi dwar it-Toroq Federali), fil-verżjoni ppubblikata fit-28 ta’ Ġunju 2007 (BGBl. I, p. 1206), inklużi l-awtostradi.

6        Konformement mal-Artikoli 3 u 7 tal-InfrAG, għall-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi għandha titħallas, fil-forma ta’ vinjetta annwali, mis-sid tal-vettura. Skont l-Artikolu 5(1) tal-InfrAG, l-ammont tat-tariffa għandu jiġi stabbilit b’deċiżjoni tal-awtorità responsabbli għall-imsemmija tariffa. Il-vinjetta għandha titqies li tkun inkisbet fil-mument tar-reġistrazzjoni.

7        Fir-rigward tal-vetturi rreġistrati barra mill-pajjiż, l-obbligu li titħallas it-tariffa, li hija dovuta biss fil-każ tal-użu tal-awtostradi, għandu jkun oneru tas-sid jew tas-sewwieq waqt l-imsemmi użu u jitnissel, konformement mal-Artikolu 5(4) tal-InfrAG, mal-ewwel użu ta’ triq li tkun suġġetta għal tariffa wara l-qsim ta’ fruntiera. It-tariffa għandha titħallas fil-forma ta’ xiri ta’ vinjetta. F’dan ir-rigward, tista’ tinxtara vinjetta ta’ għaxart ijiem, vinjetta ta’ xahrejn jew vinjetta annwali.

8        L-ammont tat-tariffa dovuta, li huwa s-suġġett tal-paragrafu 1 tal-Anness tal-Artikolu 8 tal-InfrAG, għandu jiġi kkalkolat skont iċ-ċilindrata tal-magna, il-mezz ta’ propulsjoni (tqabbid bl-ispark/tqabbid bil-kompressjoni) u l-klassi tal-emissjoni. Dan il-paragrafu huwa fformulat kif ġej:

“It-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi:

1.      għal vinjetta ta’ għaxart ijiem għall-vetturi, li fir-rigward tagħhom, għal vinjetta annwali skont il-punt 3, għandha titħallas tariffa għall-użu tal-infrastrutturi ta’

a)      inqas minn EUR 20, għandha tkun ta’ EUR 2.50

b)      inqas minn EUR 40, għandha tkun ta’ EUR 4

c)      inqas minn EUR 70, għandha tkun ta’ EUR 8

d)      inqas minn EUR 100, għandha tkun ta’ EUR 14

e)      inqas minn EUR 130, għandha tkun ta’ EUR 20 u

f)      EUR 130, għandha tkun ta’ EUR 25.

2.      għal vinjetta ta’ xahrejn għall-vetturi, li fir-rigward tagħhom, għal vinjetta annwali skont il-punt 3, għandha titħallas tariffa għall-użu tal-infrastrutturi ta’

a)      inqas minn EUR 20, għandha tkun ta’ EUR 7

b)      inqas minn EUR 40, għandha tkun ta’ EUR 11

c)      inqas minn EUR 70, għandha tkun ta’ EUR 18

d)      inqas minn EUR 100, għandha tkun ta’ EUR 30

e)      inqas minn EUR 130, għandha tkun ta’ EUR 40 u

f)      EUR 130, għandha tkun ta’ EUR 50.

3.      għal vinjetta annwali

a)      għall-vetturi fis-sens tal-Artikolu 1(1)(1) u (3) b’magni b’pistuni alternattivi u pistuni rotazzjonali għal 100 cm3 ta’ ċilindrata tal-magna jew parti minn dan il-volum meta

aa)       jitmexxew minn magni bi tqabbid bi spark u

aaa)      ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-klassijiet ta’ emissjoni ċċitati fil-punti bbb) u ccc) jew li l-osservanza tagħhom ma tkunx intweriet b’mod korrett, għandha tkun ta’ EUR 6.50

bbb)      jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-klassi ta’ emissjoni Euro 4 jew Euro 5, għandha tkun ta’ EUR 2

ccc)      jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-klassi ta’ emissjoni Euro 6, għandha tkun ta’ EUR 1.80

bb)      jitmexxew b’mutur bi tqabbid b’kompressjoni u

aaa)      jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-klassijiet ta’ emissjoni ċċitati fil-punti bbb) u ccc) u li l-osservanza tagħhom ma tintweriex korrettament, għandha tkun ta’ EUR 9.50

bbb)      jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-klassi ta’ emissjoni Euro 4 jew Euro 5, għandha tkun ta’ EUR 5

ccc)      jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-klassi ta’ emissjoni Euro 6, għandha tkun ta’ EUR 4.80

b)      għall-vetturi fis-sens tal-Artikolu 1(1)(2) għal 200kg tal-piż totali ammissibbli jew parti minn dan il-piż, għandha tkun ta’ EUR 16

madankollu, b’mod ġenerali ma għandhiex teċċedi EUR 130.”

9        Fil-każ li t-toroq suġġetti għat-tariffa jintużaw mingħajr vinjetta valida jew il-vinjetta tkun ġiet ikkalkolata għal ammont eċċessivament baxx, it-tariffa għandha tinġabar a posteriori b’deċiżjoni konformement mal-Artikolu 12 tal-InfrAG. Għaldaqstant, hemm lok li t-tariffa titħallas għall-ammont tal-vinjetta annwali jew tad-differenza bejn l-ammont diġà mħallas u l-ammont tal-vinjetta annwali.

10      L-Artikolu 11 tal-InfrAG jipprevedi spezzjonijiet għal għarrieda sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-obbligu li titħallas it-tariffa. Skont l-Artikolu 11(7) tal-InfrAG, l-awtoritajiet jistgħu jimponu fil-post tal-ispezzjoni t-tariffa għall-ammont tal-vinjetta annwali u garanzija ta’ ammont ekwivalenti għall-multa li għandha tiġi imposta skont l-Artikolu 14 tal-InfrAG flimkien ma’ spejjeż proċedurali. Barra minn hekk, is-sewwieq jista’ jiġi prekluż milli jissokta t-traġitt tiegħu meta t-tariffa ma titħallasx fil-post tal-ispezzjoni minkejja li huwa jintalab jagħmel dan u meta jkun hemm dubji raġonevoli dwar jekk din tkunx ser titħallas iktar tard, jew meta d-dokumenti meħtieġa għall-ispezzjoni ma jiġux ippreżentati, meta l-informazzjoni mitluba ma tingħatax jew meta ma titħallasx il-garanzija mitluba kollha jew parti minnha.

11      Skont l-Artikolu 14 tal-InfrAG, in-nuqqas ta’ ħlas jew il-ħlas inkomplet tat-tariffa, in-nuqqas ta’ provvista jew il-provvista żbaljata ta’ informazzjoni kif ukoll in-nuqqas ta’ konformità ma’ ordni ta’ waqfien tal-vettura fil-kuntest tal-ispezzjoni tal-osservanza tal-obbligu li titħallas it-tariffa jikkostitwixxu reati amministrattivi punibbli b’multa.

 Il-KraftStG

12      L-Artikolu 9(6) tal-KraftStG jipprovdi kif ġej:

“Fir-rigward tal-vetturi nazzjonali, it-taxxa annwali [fuq il-vetturi bil-mutur] għandha titnaqqas (eżenzjoni) għal:

1)      vetturi tal-passiġġieri għal 100 cm3 ta’ ċilindrata tal-magna jew parti minn dan il-volum

a)      meta josservaw il-valuri limiti obbligatorji fit-Tabella 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1),], u jitmexxew minn

aa)      magni bi tqabbid bi spark, b’EUR 2.32,

bb)      magni bi tqabbid b’kompressjoni, b’EUR 5.32,

b)      jekk josservaw il-valuri limiti obbligatorji fit-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament [Nru 715/2007] jew tal-linja B tal-klassi ta’ vettura M fit-tabelli fil-punt 5.3.1.4 tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 70/220/KEE [tal-20 ta’ Marzu 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis ta’ l-arja b’emissjonijiet minn vetturi b’mutur positive-ignition (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 64),] fil-verżjoni li kienet valida sal-1 ta’ Jannar 2013, u li huma propulsi minn

aa)      magni bi tqabbid bi spark, b’EUR 2,

bb)      magni bi tqabbid b’kompressjoni, b’EUR 5,

c)      jekk ma josservawx ir-rekwiżiti skont il-punti (a) u (b) u jitmexxew minn

aa)      magni bi tqabbid bi spark, b’EUR 6.50,

bb)      magni bi tqabbid b’kompressjoni, b’EUR 9.50,

madankollu, b’mod ġenerali ma għandhiex teċċedi EUR 130;

2)      karavans b’piż total ammissibbli ta’ 200 kg jew parti minn dan il-piż, ta’ EUR 16, madankollu, b’mod ġenerali ma għandhiex teċċedi EUR 130;

3)      vetturi għall-passiġġieri u l-karavans bi

a)      numru ta’ reġistrazzjoni mogħti għall-vetturi ta’ kollezzjoni, ta’ EUR 130,

b)      numru ta’ reġistrazzjoni staġonali mogħti għal kull jum tal-perijodu ta’ użu, mill-perċentwal tal-ammont annwali korrispondenti skont il-punti 1 sa 3(a).

L-ammont tal-eżenzjoni skont l-ewwel sentenza għandu jkun limitat għat-tariffa annwali skont il-punti 2 u 2a tal-paragrafu 1, kif ukoll tal-paragrafu 4(2) fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet staġonali sal-porzjon tal-ammont annwali bbażat fuq il-perijodu ta’ użu.”

13      Skont l-Artikolu 3(2) tat-Tieni Liġi Emendatorja tat-Taxxa fuq it-Trasport, id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament jiddependi mill-bidu tal-ġbir tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, konformement mal-InfrAG.

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14      B’ittra ta’ intimazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li fiha kkontestat, minn naħa, l-effetti kkombinati tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tal-prezzijiet tal-vinjetti għal perijodu qasir. L-ittra ta’ intimazzjoni, issupplimentata bit-tieni ittra ta’ intimazzjoni tal-10 ta’ Diċembru 2015, kienet tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi għall-possibbiltà li dawn il-miżuri kienu jiksru l-Artikoli 18, 34, 45, 56 u 92 TFUE. Wara skambju ta’ fehmiet mal-awtoritajiet Ġermaniżi u wara li ntbagħtet opinjoni motivata fit-28 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet fid-29 ta’ Settembru 2016 li tiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE.

15      Madankollu, wara emendi li saru fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża kkontestati mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet, fis-17 ta’ Mejju 2017 li ttemm il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

16      B’ittra tas-7 ta’ Lulju 2017, ir-Repubblika tal-Awstrija talbet opinjoni mingħand il-Kummissjoni skont l-Artikolu 259 TFUE dwar il-possibbiltà ta’ ksur mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-Artikoli 18, 34, 56 u 92 TFUE, li jirriżulta mill-effetti kkombinati tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur għas-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja.

17      B’ittra tal-14 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni kkonfermat li kienet irċeviet l-ittra tar-Repubblika tal-Awstrija.

18      B’ittra tal-11 ta’ Awwissu 2017, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ċaħdet l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija u ġġustifikat il-miżuri nazzjonali inkwistjoni prinċipalment abbażi tal-bidla fis-sistema, li kienet inbidlet mill-finanzjament bit-taxxa għall-finanzjament mill-utenti, kif ukoll abbażi tal-legalità tal-miżuri kumpensatorji fuq il-bażi tad-Direttiva Eurovignette.

19      Fil-31 ta’ Awwissu 2017, inżammet seduta fis-sede tal-Kummissjoni, li fiha r-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentaw l-argumenti rispettivi tagħhom.

20      Il-Kummissjoni ma tatx opinjoni motivata fi żmien il-perijodu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 259 TFUE.

21      Fit-12 ta’ Ottubru 2017, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat dan ir-rikors.

22      B’deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar u tal-14 ta’ Frar 2018, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tad-Danimarka ġew ammessi jintervjenu insostenn, rispettivament, tat-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

 Fuq ir-rikors

23      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka erba’ lmenti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, filwaqt li ppreċiżat li din, minkejja li ġiet adottata, għadha ma daħlitx fis-seħħ. L-ewwel u t-tieni lment huma bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 18 TFUE li jirriżulta, minn naħa, mill-effett ikkombinat tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur għall-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-iżvilupp u mill-applikazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi. It-tielet ilment huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 34 u 56 TFUE bil-miżuri kollha kkontestati fl-ewwel u fit-tieni lment. Ir-raba’ lment huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 92 TFUE bl-effett ikkombinat tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur irreġistrati fil-Ġermanja.

 L-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 TFUE li jirriżulta mill-effett ikkombinat tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni

 L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-effett ikkombinat tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u tal-eżenzjoni konkomitanti mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur għal ammont mill-inqas ekwivalenti għal din it-tariffa, li jibbenefikaw minnha s-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, iwassal sabiex l-imsemmija tariffa tkun de facto imposta fuq is-sidien u mhux fuq is-sewwieqa tal-vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma ċittadini ta’ dawn l-Istati. Dan ikun ifisser diskriminazzjoni indiretta abbażi ta’ nazzjonalità, li tmur kontra l-Artikolu 18 TFUE.

25      Diskriminazzjoni bħal din toriġina mir-rabta assoluta u inseparabbli mil-lat kemm materjali kif ukoll temporali bejn it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur għall-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, liema rabta timplika li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u jiġu evalwati flimkien mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.

26      Ir-Repubblika Awstrijaka tirrileva, barra minn hekk, li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhom bħala għan li jimplimentaw wegħda elettorali li saret matul il-kampanja elettorali fil-Bundestag matul is-sena 2013 fil-Ġermanja, bil-għan li jiġu involuti sewwieqa barranin ta’ vetturi bil-mutur fl-ispejjeż tal-finanzjament tal-infrastrutturi Ġermaniżi mingħajr ma jinħolqu ħlasijiet addizzjonali għas-sidien Ġermaniżi tal-vetturi.

27      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għall-punt 23 tas-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑195/90, EU:C:1992:219), sabiex issostni l-eżistenza tad-diskriminazzjoni indiretta invokata.

28      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, wara li rrikonoxxiet li l-miżuri nazzjonali kkontestati jifformaw unità kemm fir-rigward tal-għan suġġettiv tagħhom kif ukoll tal-kontenut oġġettiv tagħhom, tikkontesta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-introduzzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, anki meħuda inkunsiderazzjoni flimkien mal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur.

29      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinnota, l-ewwel nett, li minkejja li l-introduzzjoni tat-tariffa għall-infrastruttura tbiddel l-istatus quo għad-detriment tas-sidien u tas-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati f’pajjiż barrani, din ma timplikax trattament sfavorevoli fir-rigward tas-sidien u tas-sewwieqa meta mqabbla mas-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja. Għall-kuntrarju, f’termini ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-infrastrutturi ta’ trasport federali, is-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja jkunu f’sitwazzjoni iktar favorevoli mis-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, peress li dawn tal-aħħar ikollhom iħallsu t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi biss meta jużaw l-awtostradi Ġermaniżi, filwaqt li tat-tieni jkunu, fi kwalunkwe każ, suġġetti għal din it-tariffa u jkollhom isostnu t-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, anki jekk din tal-aħħar tista’ tkun suġġetta għal tnaqqis. Barra minn hekk, il-piż fuq is-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, skont it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, fi kwalunkwe każ tikkorrispondi l-iktar l-iktar għal dik imposta fuq is-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja.

30      It-tieni nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinnota li l-fatt li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur hija ta’ benefiċċju biss għas-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja huwa bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 112), li tistabbilixxi hija stess l-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ tassazzjoni ta’ vetturi skont il-post ta’ reġistrazzjoni u, għalhekk, skont il-post tar-residenza abitwali. Id-delimitazzjoni tas-setgħat nazzjonali ta’ tassazzjoni ta’ vetturi bil-mutur irregolata minn din id-direttiva, li għandha l-għan li teskludi t-tassazzjoni doppja ta’ operaturi tas-suq u ta’ ċittadini tal-Unjoni, fid-dawl tan-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam, tkun tfisser li, għal kull vettura, hija biss it-taxxa fuq il-vetturi tal-Istat Membru fejn hija rreġistrata l-imsemmija vettura li tkun deċiżiva. L-ammont tat-taxxa Ġermaniża fuq il-vetturi bil-mutur, li tiġi imposta biss fuq is-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, ma huwiex rilevanti għas-sidien ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra.

31      It-tielet nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-introduzzjoni ta’ tariffa għall-użu tal-infrastrutturi li r-rikavat tagħha jitħallas lill-baġit tat-trasport u li jintuża kollu konformement mal-użu tagħha, għat-titjib tal-infrastruttura federali tat-trasport, jissodisfa l-għan li jissaħħaħ il-finanzjament mill-utenti ta’ dawn l-infrastrutturi. L-imsemmi għan wassal lil dan l-Istat Membru jbiddel is-sistema, li kellu jaqleb mill-finanzjament mit-tassazzjoni għall-finanzjament mill-utenti. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz tal-kompetenza tagħha li tħallas taxxi diretti, iddeċidiet li taġġusta t-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, billi tintroduċi eżenzjoni ta’ parti minn din it-taxxa, sabiex iżżomm il-pressjoni finanzjarja ġenerali fuq is-sidien tal-vetturi rreġistrati f’dan l-Istat Membru fil-livell preċedenti u sabiex tipprekludi tassazzjoni doppja sproporzjonata.

32      Ir-raba’ nett, il-possibbiltà ta’ kumpens tat-tariffa għall-użu ta’ infrastrutturi bi tnaqqis tat-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur tirriżulta mill-oriġini tal-Artikolu 7(3), kif ukoll tal-Artikolu 7k tad-Direttiva Eurovignette, li sservi bħala mudell għar-regoli dwar it-tariffi għall-użu tan-netwerk tat-toroq għall-vetturi bil-mutur privati. Il-prattika reċenti ta’ ċerti Stati Membri, bħar-Renju Unit jew ir-Renju tal-Belġju, li, fir-rigward ta’ vetturi tqal, jirrikorru għal din il-possibbiltà, tikkonferma l-konformità tal-miżuri nazzjonali kkontestati mad-dritt tal-Unjoni.

33      Fl-aħħar, u l-ħames nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li d-dikjarazzjonijiet magħmula waqt kampanja elettorali ma għandhom ebda effett fuq il-konstatazzjoni ta’ possibbiltà ta’ differenza fit-trattament li tikkostitwixxi diskriminazzjoni.

34      Sussidjarjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka, bħala motivi li jiġġustifikaw eventwali diskriminazzjoni indiretta li tirriżulta mill-kombinazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni, kunsiderazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent, mad-distribuzzjoni tal-piż bejn l-utenti tal-infrastrutturi nazzjonali u barranin kif ukoll mal-bidla tas-sistema ta’ finanzjament tal-infrastrutturi tat-trasport federali.

35      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi essenzjalment jikkondividi l-argumenti invokati mir-Repubblika tal-Awstrija u jenfasizza n-natura komparabbli tas-sitwazzjoni tas-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u ta’ dik tas-sidien u tas-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, li jużaw awtostradi Ġermaniżi.

36      Ir-Renju tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, jikkondividi l-fehma tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma humiex diskriminatorji u, b’mod partikolari, jenfasizza l-kompetenza tal-Istati Membri li jintroduċu, jemendaw u jabolixxu taxxi diretti u tariffi nazzjonali li ma humiex armonizzati fil-livell tal-Unjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37      Ir-Repubblika tal-Awstrija essenzjalment issostni, fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, li t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur għal vetturi bil-mutur irreġistrati fil-Ġermanja, għalkemm ma humiex ibbażati formalment fuq distinzjoni skont in-nazzjonalità, iwasslu, bl-effett ikkombinat tagħhom, għal trattament iktar favorevoli minn dak fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra u għalhekk jiksru l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

38      Din id-dispożizzjoni tipprovdi li, fil-qasam tal-applikazzjoni tat-Trattati, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali li huma jipprevedu, kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi pprojbita.

39      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li għalihom it-Trattat ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger, C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Issa, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità jiġi implimentat, fost l-oħrajn, fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, fl-Artikolu 34 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 36 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, Medisanus, C‑296/15, EU:C:2017:431, punt 65), f’dak tal-moviment liberu tal-ħaddiema, fl-Artikolu 45 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Bechtel, C‑20/16, EU:C:2017:488, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fl-Artikoli 56 TFUE sa 62 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Minn dan isegwi li, f’din il-kawża, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jistgħu biss jiġu eżaminati fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE sa fejn japplikaw għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali regoli speċifiċi dwar in-nondiskriminazzjoni kif previsti mit-Trattat FUE.

42      Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq iċ-ċittadinanza, iżda wkoll il-forom kollha indiretti ta’ diskriminazzjoni li, permezz ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel ilment tar-Repubblika tal-Awstrija, huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi vverifikat jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhomx rabta bejniethom li tiġġustifika li huma jkunu suġġetti għal evalwazzjoni konġunta fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

44      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, ġew introdotti fl-istess jum, jiġifieri fit-8 ta’ Ġunju 2015, u ġew emendati f’dati viċini, jiġifieri, fit-18 ta’ Mejju 2017 u fis-6 ta’ Ġunju 2017 rispettivament, u li l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni kienet ġiet suġġetta għall-bidu tal-ġbir tal-imsemmija tariffa. Barra minn hekk, l-ammont tal-eżenzjoni li jibbenefikaw minnu s-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja jikkorrispondi mal-ammont tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi li dawn is-sidien kellhom iħallsu bil-quddiem, ħlief għall-vetturi tal-klassi ta’ emissjoni Euro 6, li s-sidien tagħhom kienu jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur għal ammont ogħla mit-tariffa li kellhom iħallsu. Minn dan jirriżulta li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur fil-każijiet kollha għandha l-effett, minn tal-inqas, li tikkumpensa lis-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, il-piż il-ġdid ikkostitwit bit-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi.

45      Sussegwentement, fir-rigward tal-impożizzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi fuq sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja pprevediet li din it-tariffa tkun dovuta, bħala taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, minħabba r-reġistrazzjoni tal-vettura.

46      Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, kemm mil-lat temporali kif ukoll mil-lat materjali, hemm rabta f’dan is-sens mill-qrib bejn il-miżuri nazzjonali inkwistjoni li tiġġustifika li dawn jiġu evalwati konġuntament fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 18 TFUE. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tali rabta hija rrikonoxxuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza.

47      Fit-tieni lok, huwa meħtieġ li jiġi aċċertat jekk il-miżuri nazzjonali kkontestati, evalwati konġuntament, jistabbilixxux differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità.

48      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, skont dawn il-miżuri, l-utenti kollha tal-awtostradi Ġermaniżi huma suġġetti għat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, irrispettivament mill-post ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi tagħhom. Madankollu, is-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ ammont li huwa minn tal-inqas ekwivalenti għal dak tat-tariffa li kellhom iħallsu, minkejja li l-piż ekonomiku ta’ din it-tariffa huwa de facto sostnut biss minn sidien u sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru għajr il-Ġermanja.

49      Jidher li, minħabba l-kombinazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni, is-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, li jużaw awtostradi Ġermaniżi, jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mis-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, fir-rigward tal-użu ta’ dawn l-awtostradi, u dan minkejja li jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward ta’ dan l-użu.

50      Tali inugwaljanza fit-trattament hija partikolarment manifesta fir-rigward ta’ vetturi tal-klassi ta’ emissjoni Euro 6. Fil-fatt, filwaqt li s-sidien ta’ dan it-tip ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja jibbenefikaw minn soprakumpens tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, is-sidien u s-sewwieqa tal-klassi ta’ emissjoni Euro 6 rreġistrati fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, li jużaw awtostradi Ġermaniżi, għandhom, fi kwalunkwe każ, iħallsu l-imsemmija tariffa. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mhux biss fir-rigward tas-sidien ta’ vetturi tal-klassi ta’ emissjoni Euro 6 rreġistrati fil-Ġermanja iżda wkoll meta mqabbla mas-sidien ta’ vetturi li jniġġsu iktar u li huma rreġistrati f’dan l-Istat Membru.

51      Fl-aħħar nett, minkejja li d-differenza fit-trattament ma hijiex ibbażata direttament fuq in-nazzjonalità, xorta jibqa’ l-fatt li l-maġġoranza l-kbira tas-sidien u tas-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja ma humiex ċittadini Ġermaniżi, filwaqt li l-maġġoranza l-kbira ta’ sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja huma ċittadini Ġermaniżi, b’mod li tali differenza twassal effettivament għall-istess riżultat bħal differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità.

52      Il-fatt li, minn naħa, is-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja huma suġġetti għat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u, barra minn hekk, huma suġġetti għat-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, u li, min-naħa l-oħra, l-ammont li jrid jitħallas mis-sidien u mis-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja, abbażi ta’ din it-tariffa, jikkorrispondi, fil-massimu, għall-ammont li għandu jitħallas mis-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, fir-rigward tal-istess tariffa, ma jbiddilx, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-konstatazzjoni fil-punt 49 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata għad-detriment tas-sidien u tas-sewwieqa tal-vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja tirriżulta mill-fatt li, minħabba l-eżenzjoni li jibbenefikaw minnha s-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, dawn tal-aħħar ma humiex, de facto, suġġetti għall-piż ekonomiku tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi.

53      Din il-konstatazzjoni lanqas ma tista’ tiġi invalidata bl-argumenti mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, deskritti fil-qosor fil-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza.

54      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur tibbenefika biss lis-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament ikkonstatat li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tat-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur, l-Istati Membri huma liberi li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom f’dan il-qasam, bir-reġistrazzjoni li tidher bħala l-korollarju naturali tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C‑451/99, EU:C:2002:195, punti 40 u 41). Tali fatt jispjega li t-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur tiġi imposta biss fuq is-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, b’mod li huma biss dawn tal-aħħar li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ din it-taxxa.

55      Madankollu, dan il-fatt ma jfissirx li l-ammont tal-imsemmija taxxa huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni li taffettwa s-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja.

56      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam tal-fiskalità diretta b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C‑451/99, EU:C:2002:195, punti 40, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, TTL, C‑553/16, EU:C:2018:604, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Minn dan isegwi li, bl-impożizzjoni ta’ taxxi fuq il-vetturi bil-mutur, l-Istati Membri għandhom josservaw, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, b’mod li l-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ dawn it-taxxi ma jikkostitwixxux mezz ta’ diskriminazzjoni.

58      F’dan il-każ, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur għall-benefiċċju tas-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja għandha l-effett li tikkumpensa kompletament it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi mħallsa minn dawn tal-aħħar, b’mod li, kif ġie rrilevat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-piż ekonomiku tal-imsemmija tariffa jiġi, de facto, sostnut biss mis-sidien u mis-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja, li jikkostitwixxi miżura diskriminatorja għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar.

59      B’hekk, l-ammont tat-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur huwa rilevanti għas-sidien u għas-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja sa fejn ir-regoli applikabbli għall-iffissar tagħha fil-fatt iwasslu għal differenza fit-trattament għad-detriment tagħhom.

60      It-tieni nett, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Istati Membri jistgħu jimmodifikaw is-sistema ta’ finanzjament tal-infrastrutturi tat-toroq tagħhom billi jissostitwixxu sistema ta’ finanzjament mit-tassazzjoni b’sistema ta’ finanzjament mill-utenti kollha, inklużi s-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra li jużaw tali infrastrutturi, sabiex jiġi żgurat li dawn l-utenti kollha jikkontribwixxu b’mod ġust u proporzjonat għall-imsemmi finanzjament, sa fejn din il-modifika tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sanċit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE. Tali modifika tirriżulta mill-għażla libera ta’ kull Stat Membru li jiddefinixxi l-mod ta’ finanzjament tal-infrastrutturi pubbliċi tiegħu, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

61      Fil-każ ineżami, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirriżulta li dan l-Istat Membru ddeċieda, fir-rigward tal-infrastrutturi tat-trasport federali tiegħu, li jibdel parzjalment minn sistema ta’ finanzjament mit-taxxa għal sistema ta’ finanzjament ibbażata fuq il-prinċipji ta’ “min juża jħallas” u ta’ “min iniġġes iħallas”.

62      Din il-bidla ta’ sistema hija bbażata fuq l-introduzzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi li huma suġġetti għaliha l-utenti kollha tal-awtostradi Ġermaniżi, indipendentement minn jekk il-vettura tagħhom tkunx irreġistrata fil-Ġermanja, u li d-dħul minnha huwa kompletament allokat għall-finanzjament tal-infrastrutturi tat-toroq, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja organizzat ir-rati ta’ din it-tariffa skont il-klassi ta’ emissjoni tal-vetturi kkonċernati.

63      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri nazzjonali kkontestati ma jidhrux li huma konsistenti mal-għan imfittex mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, meta din introduċiet it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, li huwa mfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza.

64      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’mod parallel mal-introduzzjoni ta’ din it-tariffa, fasslet mekkaniżmu individwali ta’ kumpens għas-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, permezz ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ ammont mill-inqas ekwivalenti għal dak imħallas għal din it-tariffa.

65      Madankollu, l-argument ta’ dan l-Istat Membru li din l-eżenzjoni tirrifletti l-bidla għal sistema ta’ finanzjament tal-infrastrutturi tat-toroq mill-utenti kollha, skont il-prinċipji ta’ “min juża jħallas” u ta’ “min iniġġes iħallas”, ma jistax jiġi aċċettat.

66      Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrikonoxxiet hija stess, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li, minħabba l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur li jibbenefikaw minnha, is-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, minkejja l-fatt li huma suġġetti għall-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, fil-fatt ma jsostnux piż addizzjonali b’effett mill-introduzzjoni tal-imsemmija tariffa.

67      Huwa minnu li dan l-Istat Membru jargumenta li l-imsemmija sidien kienu diġà qegħdin jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-infrastrutturi tat-toroq qabel ma ġiet introdotta din it-tariffa, permezz tat-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, u li għalhekk il-mekkaniżmu ta’ kumpens huwa intiż sabiex jiġi evitat piż fiskali sproporzjonat. Madankollu, minbarra l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza hija stess, f’termini ġenerali, li l-infrastrutturi federali huma ffinanzjati mit-tassazzjoni, hija ma pprovdiet ebda preċiżazzjoni dwar il-portata ta’ din il-kontribuzzjoni u għalhekk ma stabbilixxiet b’ebda mod li l-kumpens mogħti lil dawn is-sidien, fil-forma ta’ eżenzjoni mill-imsemmija taxxa ta’ ammont li huwa minn tal-inqas ekwivalenti għal dak tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, ma jeċċedix l-imsemmija kontribuzzjoni u għalhekk huwa ta’ natura xierqa.

68      Barra minn hekk, fir-rigward tas-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, hemm lok li jiġi osservat li t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi hija mfassla b’tali mod li b’ebda mod ma tiddependi fuq l-użu effettiv minnhom tat-toroq federali. Għalhekk, minn naħa, tali tariffa tkun dovuta anki minn sid li qatt ma juża dawn it-toroq. Min-naħa l-oħra, is-sid ta’ vettura rreġistrata fil-Ġermanja huwa awtomatikament suġġett għat-tariffa annwali u għalhekk ma għandux il-possibbiltà li jagħżel vinjetta ta’ tul iqsar jekk din tissodisfa aħjar il-frekwenza tiegħu tal-użu tat-toroq. Tali elementi, flimkien mal-fatt li dawn jibbenefikaw ukoll minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ ammont li huwa minn tal-inqas ekwivalenti għal dak imħallas skont din it-tariffa, juru li t-tranżizzjoni għal sistema ta’ finanzjament ibbażata fuq il-prinċipji ta’ “min juża jħallas” u “min iniġġes iħallas” fil-fatt tkopri esklużivament is-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja, filwaqt li l-prinċipju tal-finanzjament tat-taxxa jibqa’ applikabbli għas-sidien ta’ vetturi rreġistrati f’dan l-Istat Membru.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-mekkaniżmu ta’ kumpens inkwistjoni f’dan il-każ jiddiskrimina kontra s-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx kapaċi tistabbilixxi li l-imsemmi mekkaniżmu ta’ kumpens inkwistjoni jissodisfa l-għan imħabbar minn dan l-Istat Membru li jibdel minn sistema ta’ infrastruttura ta’ finanzjament mit-taxxa għal sistema ta’ finanzjament mill-utenti kollha, għaliex it-tnaqqis tat-taxxa fuq vetturi bil-mutur introdott minn dan l-Istat Membru fil-fatt għandu l-konsegwenza li jeżenta lis-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja mit-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi.

70      It-tielet nett, il-kombinazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma tista’ f’ebda każ tkun ibbażata, anki b’analoġija, fuq id-Direttiva Eurovignette.

71      Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ vetturi tqal għall-użu tal-infrastrutturi, ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tawtorizza mekkaniżmu għall-kumpens tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi bħal dik inkwistjoni fil-każ ineżami. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-Artikolu 7k ta’ din id-direttiva jirreferi biss għal “kumpens adegwat”, dan il-kumpens għandu, fi kwalunkwe każ, ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni.

72      Barra minn hekk, l-allegata eżistenza, fil-kuntest tad-Direttiva Eurovignette, ta’ mudelli għall-kumpens tat-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur simili għall-mudell inkwistjoni fil-każ ineżami fi Stati Membri oħra ma tistax tkun ibbażata fuq il-kompatibbiltà tal-kombinazzjoni ta’ miżuri nazzjonali inkwistjoni fl-Artikolu 18 TFUE.

73      Fl-aħħar u t-tielet nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u proporzjonati mal-għan leġittimu mfittex mid-dritt nazzjonali (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka, għall-fini li tiġġustifika d-diskriminazzjoni indiretta li tirriżulta mill-kombinazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni, kunsiderazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent, mat-tqassim tal-piż bejn l-utenti Ġermaniżi u l-utenti barranin sabiex tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema tat-taxxa, kif ukoll mal-bidla tas-sistema ta’ finanzjament tal-infrastrutturi.

75      Fir-rigward, qabelxejn, tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali, minkejja li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni tal-ambjent tikkostitwixxi għan leġittimu għall-finijiet ta’ ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għal-libertajiet fundamentali, is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑428/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:218, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja madankollu ma hijiex qiegħda tistabbilixxi kif l-introduzzjoni ta’ tariffa għall-użu tal-infrastrutturi li tiġi imposta, de facto, biss fuq is-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja, hija xierqa sabiex tiggarantixxi dan il-għan.

76      Fir-rigward, sussegwentement, tal-għan li jikkonsisti f’bidla minn sistema ta’ finanzjament tal-infrastrutturi permezz tat-taxxi għal sistema ta’ finanzjament mill-utenti, anki jekk dan l-għan jista’ jiġġustifika differenza fit-trattament, huwa ċar mill-punti 64 sa 69 ta’ din is-sentenza li l-kombinazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma tkunx xierqa sabiex jintlaħaq dan il-għan.

77      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq ir-rekwiżit li tiġi ggarantita l-koerenza mas-sistema fiskali bit-tqassim ġust tal-piż ta’ din it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, il-kombinazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni twassal, de facto, sabiex is-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja jiġu eżentati mill-imsemmija tariffa, u b’hekk sabiex il-piż ta’ din it-tariffa jiġi llimitat biss għas-sidien u għas-sewwieqa ta’ vetturi li ma jkunux irreġistrati f’dan l-Istat Membru.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel ilment għandu jintlaqa’ u għandu jiġi kkonstatat li, billi ġiet introdotta t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u billi ġiet prevista, simultanjament, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ ammont li huwa minn tal-inqas ekwivalenti għal dak tat-tariffa mħallsa, favur sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 18 TFUE.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 TFUE li jirriżulta mill-organizzazzjoni u mill-applikazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi

 L-argumenti tal-partijiet

79      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-organizzazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi hija fiha nnifisha diskriminatorja u, għalhekk, tmur kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li l-InfrAG tagħmel distinzjoni, fir-rigward ta’ diversi aspetti, bejn vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u dawk irreġistrati barra mill-pajjiż.

80      B’mod partikolari, is-setgħat ta’ intervent previsti fl-Artikoli 11, 12 u 14 tal-InfrAG, jiġifieri l-ispezzjonijiet għal għarrieda, l-impożizzjoni ta’ garanzija u l-projbizzjoni tal-kontinwazzjoni tat-triq, kif ukoll l-irkupru a posteriori tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi sal-ammont tal-vinjetta annwali jew id-differenza bejn l-ammont diġà mħallas u l-vinjetta annwali, skont l-Artikolu 12 tal-InfrAG, ikunu applikabbli biss għal vetturi rreġistrati barra mill-pajjiż.

81      L-impożizzjoni ta’ multi skont l-Artikolu 14 tal-InfraAG tkun tikkonċerna fil-biċċa l-kbira lis-sidien u lis-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra minbarra l-Ġermanja. Il-fatt li l-elementi li jikkostitwixxu ċertu ksur, bħall-“ħlas mhux komplut tat-tariffa”, jistgħu jiġu stabbiliti biss fir-rigward ta’ dawn is-sidien u ta’ dawn is-sewwieqa, isostnu din id-dikjarazzjoni.

82      Is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑224/00, EU:C:2002:185, il-punti 16 sa 19), tikkonferma d-differenza fit-trattament allegat kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

83      Ir-Repubblika tal-Awstrija tirrikonoxxi li l-għan li jiġi żgurat il-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura dovuta mis-sidien u mis-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja jista’ possibbilment jiġġustifika, għalhekk, id-differenza fit-trattament invokata, fir-rigward tas-setgħat ta’ intervent u tal-impożizzjoni ta’ multi. Min-naħa l-oħra, tali għan ma jistax jiġġustifika tali differenza fir-rigward tal-irkupru a posteriori tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, fis-sens tal-Artikolu 12 tal-InfAG. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi wkoll għas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑224/00, EU:C:2002:185, punt 26).

84      Fi kwalunkwe każ, il-modalitajiet prattiċi għall-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi huma sproporzjonati.

85      Fil-fatt, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ħlas ta’ garanzija, ir-Repubblika tal-Awstrija tfakkar li, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 tas-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni vs Spanja (C‑514/03, EU:C:2006:63), peress li hemm il-possibbiltà li jiġu imposti multi fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew ta’ trattati internazzjonali, id-depożitu ta’ garanzija jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat il-ħlas tal-multa. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għat-Trattat dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja fi Kwistjonijiet Amministrattivi bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

86      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tispeċifika li r-regoli dwar l-eżekuzzjoni u l-kontroll tal-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi japplikaw mingħajr distinzjoni għas-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u għas-sidien u sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja.

87      Filwaqt li huwa minnu li l-impożizzjoni ta’ depożitu, prevista fl-Artikolu 11(7) tal-InfrAG, tikkonċerna biss lis-sidien u lis-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, tali tariffa tkun iġġustifikata peress li d-debitur barrani tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi la jaqa’ taħt il-kontroll tal-awtorità amministrattiva kompetenti għall-imsemmija tariffa u lanqas taħt dak tal-awtorità superviżorja amministrattiva, meta jitlaq mit-territorju Ġermaniż. Barra minn hekk, l-impożizzjoni ta’ depożitu ma tkunx obbligatorja u l-ammont ma huwiex, barra minn hekk, sproporzjonat.

88      Fir-rigward tas-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑514/03, EU:C:2006:63), invokata mir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li, f’din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx b’mod ġenerali li r-rekwiżit ta’ depozitu huwa sproporzjonat fid-dawl tal-istat attwali ta’ żvilupp tal-kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam tal-ġustizzja, iżda kkonstatat ir-rekwiżit, għal raġunijiet ta’ proporzjonalità, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-istabbiliment ta’ depożitu li jitħallas diġà fl-Istat Membru ta’ oriġini, li ma sarx fil-każ ineżami.

89      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-irkupru a posteriori tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi sal-ammont tal-vinjetta annwali jew tad-differenza bejn l-ammont diġà mħallas u dak tal-vinjetta annwali huwa intiż li jiggarantixxi li t-tariffa dovuta effettivament titħallas, u li hija proporzjonata fir-rigward ta’ dan il-għan. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinnota li s-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja mhux qegħdin jiġu ttrattati b’mod differenti mis-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja li, fi kwalunkwe każ, iridu jħallsu l-prezz ta’ vinjetta annwali.

90      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-multa prevista fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi rigward it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, tali multa la tkun diskriminatorja u lanqas sproporzjonata. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrileva li l-impożizzjoni ta’ tali multa ma hijiex awtomatika u tibqa’ suġġetta għall-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ miżuri eċċessivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

91      Għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tal-InfrAG dwar spezzjonijiet għal għarrieda, il-projbizzjoni tal-kontinwazzjoni tat-triq, l-irkupru a posteriori tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, l-impożizzjoni possibbli ta’ multa kif ukoll il-ħlas ta’ depożitu, jikkostitwixxux diskriminazzjoni kontra sidien u sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja u, fl-affermattiv, jekk tistax tiġi ġġustifikata.

92      F’dan is-sens, rigward, l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet tal-InfrAG dwar kontrolli għal għarrieda, il-projbizzjoni tal-kontinwazzjoni tat-triq u l-possibbiltà ta’ impożizzjoni ta’ multa fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li titħallas it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi dovuta, għandu jiġi kkonstatat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 80 u 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, li xejn fil-proċess li ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi konkluż li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw biss għas-sidien u għas-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja.

93      Għall-kuntrarju, mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta li kemm is-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja kif ukoll is-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja jistgħu jkunu suġġetti għal spezzjonijiet għal għarrieda, bil-għan li jiġi vverifikat jekk dawn osservawx l-obbligu li titħallas it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi dovuta u, jekk dan ma jkunx il-każ, li jiġu pprojbiti milli jkomplu t-traġitt tagħhom permezz tal-vettura inkwistjoni u jimponu multa, kif argumentat fis-sottomissjonijiet tagħha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

94      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ma stabbilixxietx li d-dispożizzjonijiet tal-InfrAG dwar dan il-punt, għalkemm abbozzati b’mod newtrali, jiżvantaġġaw b’mod partikolari s-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja.

95      F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet relatati mal-impożizzjoni ta’ multi, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-fatt li l-elementi li jikkostitwixxu ċertu ksur, bħall-ħlas inkomplet tat-tariffa jew il-provvista żbaljata ta’ informazzjoni, jistgħu jiġu imputati biss fir-rigward tas-sidien u tas-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, ma jsostnix id-dikjarazzjoni li tgħid li l-maġġoranza l-kbira ta’ persuni affettwati minn dawn id-dispożizzjonijiet huma dawn is-sidien u s-sewwieqa.

96      Fil-fatt, tali ċirkustanza hija konsegwenza inevitabbli tad-differenzi oġġettivi li jeżistu bejn is-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u s-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, kemm fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi kif ukoll tal-ħlas tagħha. F’dan ir-rigward, filwaqt li s-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja huma obbligati jħallsu t-tariffa bil-quddiem, fil-forma ta’ vinjetta annwali fil-mument tar-reġistrazzjoni tal-vetturi, sa ammont stabbilit ex officio mill-awtorità kompetenti, is-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri minbarra l-Ġermanja għandhom iħallsu din it-tariffa biss meta jużaw l-awtostradi Ġermaniżi, wara l-qsim tal-fruntiera, fil-forma ta’ vinjetta ta’ tul varjabbli, skont l-għażla tal-utent ikkonċernat, u sa ammont fiss ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-utent stess.

97      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija ma pprovdiet ebda indikazzjoni dwar l-ammont tal-multi possibbli li jistgħu jiġu imposti għal ksur li jista’ jitwettaq biss minn sidien u sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja, b’tali mod li ma hemm xejn fil-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jippermetti li jiġi kkonstatat li tali ammont ikun sproporzjonat mal-gravità tal-ksur.

98      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-irkupru a posteriori, previst fl-Artikolu 12 tal-InfrAG, tat-tariffa għall-użu ta’ infrastrutturi mhux imħallsa sal-ammont tal-vinjetta annwali, fil-każ ta’ użu ta’ awtostradi Ġermaniżi mingħajr vinjetta valida, jew sad-differenza bejn l-ammont diġà mħallas u dak tal-vinjetta annwali, fil-każ ta’ awtostradi Ġermaniżi b’vinjetta għal perijodu ta’ validità qasir wisq, tali dispożizzjoni ma tidhirx li hija diskriminatorja sa fejn is-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja jkollhom iħallsu wkoll l-ammont li jikkorrispondi għal vinjetta annwali.

99      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li din id-dispożizzjoni toħloq differenza fit-trattament għad-detriment tas-sidien u tas-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja, din tkun iġġustifikata mill-għan li jiġi żgurat il-ħlas effettiv tat-tariffa dovuta għall-użu tal-infrastrutturi. Fil-fatt, minbarra l-fatt li dispożizzjoni bħal din tippermetti li jinkiseb dan l-għan, l-obbligu għas-sidien u għas-sewwieqa tal-vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja sabiex, fil-każ ta’ ksur, iħallsu t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi sal-ammont tal-vinjetta annwali jew sad-differenza bejn l-ammont tal-vinjetta annwali u l-ammont li diġà tħallas ma jidhirx li huwa sproporzjonat, fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet Ġermaniżi, meta jikkonstataw, waqt li jwettqu spezzjonijiet għal għarrieda, ksur tal-obbligu li tinxtara vinjetta għall-użu ta’ awtostradi Ġermaniżi, ġeneralment ma jkollhomx informazzjoni dwar il-perijodu ta’ żmien li matul tiegħu t-trasgressur ikun ilu fit-toroq mingħajr il-vinjetta meħtieġa.

100    Fir-rigward, it-tielet nett, tal-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 11(7) tal-InfrAG, għall-awtoritajiet li jikkonstataw, matul spezzjoni għal għarrieda, il-ksur tal-obbligu li titħallas it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi dovuta, li jeżiġu somma bħala depożitu ta’ ammont ekwivalenti għall-multa imposta u għall-ispejjeż tal-proċedura amministrattiva, huwa minnu, hekk ikkonfermat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-osservazzjonijiet tagħha, li din il-possibbiltà hija disponibbli biss għal trasgressuri li jużaw vettura rreġistrata fi Stat Membru għajr il-Ġermanja. Għalhekk, din id-dispożizzjoni toħloq differenza fit-trattament għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar.

101    Madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li tali differenza hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat il-ħlas ta’ multi imposti fuq trasgressuri li jużaw vettura rreġistrata fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, minħabba d-diffikultà li dan id-dejn jiġi rkuprat meta dawn il-persuni jitilqu mit-territorju Ġermaniż.

102    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li n-nuqqas ta’ strumenti konvenzjonali li jippermettu li jiġi żgurat l-infurzar ta’ kundanna fi Stat Membru differenti minn dak li fih tkun ġiet ordnata jiġġustifika oġġettivament differenza fit-trattament bejn trasgressuri residenti u mhux residenti u li l-obbligu li titħallas somma permezz ta’ garanzija imposta biss fuq trasgressuri mhux residenti hija adatta sabiex tipprekludihom milli jevitaw sanzjoni effettiva billi sempliċement jiddikjaraw li ma jagħtux il-kunsens tagħhom għall-impożizzjoni immedjata tal-multa (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑224/00, EU:C:2002:185, punt 21).

103    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkonstatat li l-għan li jiġi żgurat il-ħlas ta’ multi imposti fuq trasgressuri li jużaw vettura rreġistrata fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, li jipprovdi l-possibbiltà li dawn tal-aħħar jintalbu jħallsu garanzija, jiġġustifika d-differenza fit-trattament bejn dawn it-trasgressuri u t-trasgressuri li jużaw vettura rreġistrata fil-Ġermanja.

104    L-eżistenza ta’ ftehim bilaterali dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u amministrattiva bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandha ebda rilevanza f’dan ir-rigward, peress li, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, din tal-aħħar ma kkonkludietx ftehimiet simili mal-Istati Membri l-oħra kollha.

105    Peress li l-possibbiltà li jintalab il-ħlas ta’ somma bħala garanzija tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex, irid jiġi wkoll stabbilit jekk tali rekwiżit imurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-għan.

106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 11(7) tal-InfrAG, u kif indikat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-osservazzjonijiet tagħha, fil-każ ta’ konstatazzjoni, waqt spezzjoni għal għarrieda, ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, l-awtoritajiet Ġermaniżi jistgħu, iżda ma humiex obbligati, jitolbu lit-trasgressuri li jużaw vettura rreġistrata fi Stat Membru għajr il-Ġermanja u li jirrifjutaw li jħallsu minnufih il-multa imposta, li jħallsu garanzija għall-ħlas ta’ din il-multa.

107    Sa fejn il-ħlas ta’ garanzija ma jkunx awtomatikament meħtieġ mit-trasgressuri kollha, huwa raġonevoli li jitqies li l-awtoritajiet kompetenti jimponu dan ir-rekwiżit biss fejn, minħabba ċirkustanzi individwali, ikun hemm ir-riskju li l-multa imposta ma tkunx tista’ tiġi imposta jew tkun tista’ tiġi imposta biss b’mod diffiċli ħafna. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tal-Awstrija ma pprovdiet ebda evidenza li tqajjem dubji dwar din il-preżunzjoni.

108    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-ammont stabbilit għal din il-garanzija huwa limitat għall-multa imposta u għall-ispejjeż tal-proċedura amministrattiva.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-possibbiltà li t-trasgressuri li jużaw vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor għajr il-Ġermanja jħallsu garanzija sabiex jiġi żgurat li l-ħlas tal-multa imposta hija sproporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex.

110    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 34 u 56 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

111    Ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jistgħu jaffettwaw il-provvisti transkonfinali ta’ merkanzija mwettqa minn vetturi bil-mutur privati sa 3.5 tunnellati totali li huma suġġetti għat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, kif ukoll il-provvisti ta’ servizzi pprovduti minn persuni mhux residenti jew anki l-provvisti ta’ servizzi pprovduti minn persuni mhux residenti, b’tali mod li jiksru l-prinċipji ta’ moviment liberu tal-merkanzija u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi.

112    B’riferiment għall-argumenti tagħha żviluppati fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni lment, ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma diskriminatorji u jikkostitwixxu wkoll restrizzjonijiet illegali fuq il-libertajiet fundamentali msemmija fil-punt preċedenti.

113    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi taffettwa l-kanal ta’ distribuzzjoni għall-prodotti li jkunu ser jinbiegħu u tikkostitwixxi, għalhekk, arranġament ta’ bejgħ, fis-sens tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905), li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE, peress li ma huwiex diskriminatorju b’mod miftuħ jew dissimulat.

114    Barra minn hekk, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ma għandhiex karatteristika transkonfinali peress li kienet tikkonċerna biss liċ-ċittadini nazzjonali u għalhekk ma hijiex miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet.

115    Fi kwalunkwe każ, ir-rabta bejn l-introduzzjoni ta’ tariffa għall-użu tal-infrastrutturi għall-vetturi bil-mutur privati u l-ostakoli possibbli għall-aċċess għas-suq għall-merkanzija ttrasportata f’dawn il-vetturi, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1993, CMC Motorradcenter (C‑93/92, EU:C:1993:838), hija inċerta u indiretta wisq sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE.

116    Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi lanqas ma taffettwa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE. Fil-fatt, ma hemm ebda restrizzjoni effettiva tal-aċċess minn fornituri u minn destinatarji ta’ servizzi minn Stati Membri oħra tal-Unjoni għas-suq Ġermaniż, peress li l-impatt tal-miżuri inkwistjoni fuq l-ispiża tas-servizzi kkonċernati huwa marġinali.

117    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tfakkar li l-miżuri li l-uniku effett tagħhom huwa li jinħolqu spejjeż addizzjonali għall-provvista inkwistjoni u li jaffettwaw bl-istess mod il-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri u dik fi ħdan Stat Membru ma humiex koperti mill-Artikolu 56 TFUE (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile, C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518, punt 31). F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li, minħabba l-introduzzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u l-eżenzjoni simultanja mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, il-fornituri u d-destinatarji ta’ servizzi li joriġinaw minn Stati Membri oħra ma jġarrbu ebda diskriminazzjoni indiretta meta mqabbla mal-fornituri u mad-destinatarji Ġermaniżi tal-istess servizzi.

118    Fl-aħħar nett, ir-Renju tad-Danimarka josserva li l-Artikolu 7k tad-Direttiva Eurovignette neċessarjament jimplika li l-impożizzjoni ta’ piżijiet fuq l-użu ta’ vetturi tqal, b’kumpens konkomitanti għall-impriżi nazzjonali tat-trasport li aktarx taffettwa indirettament il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma tiksirx l-Artikoli 34 u 56 TFUE. Madankollu, dan ikun fundamentalment kuntrarju għall-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 7k li ebda skema ta’ kumpens bħal din ma setgħet titwaqqaf barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija

119    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat FUE li huwa espress fil-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE, ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll ta’ kull miżura li għandha effett ekwivalenti (sentenza tas-27 ta’ April 2017, Noria Distribution, C‑672/15, EU:C:2017:310, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 34 TFUE tirreferi għal miżuri minn Stati Membri li jistgħu jfixklu, direttament jew indirettament, effettivament jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑428/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:218, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Barra minn hekk, miżura, anki jekk la għandha l-għan u lanqas l-effett li tittratta b’mod inqas favorevoli prodotti minn Stati Membri oħra, taqa’ fi ħdan il-kunċett ta’ “miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi”, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, jekk tfixkel l-aċċess ta’ Stat Membru għal prodotti li joriġinaw fi Stati Membri oħra (sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑428/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:218, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi. Fiż-żewġ każijiet, il-miżura nazzjonali għandha tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan mixtieq u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑150/11, EU:C:2012:539, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu, C‑198/14, EU:C:2015:751, punt 110).

123    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi aċċertat jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jiksrux il-moviment liberu tal-merkanzija.

124    Għall-finijiet ta’ din il-verifika, huwa importanti li jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, ir-rabta bejn dawn il-miżuri tiġġustifika l-evalwazzjoni konġunta tagħhom fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk tal-Artikolu 34 TFUE.

125    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, anki jekk it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi ma tiġix imposta fuq prodotti trasportati bħala tali, xorta waħda tista’ taffettwa l-oġġetti kkunsinnati minn vetturi bil-mutur privati sa 3.5 tunnellati, irreġistrati fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, waqt il-qsim tal-fruntiera, u għalhekk għandha tiġi eżaminata, flimkien mal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-moviment liberu tal-merkanzija.

126    It-tieni nett, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza juru li, għalkemm it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi hija formalment applikabbli fir-rigward ta’ merkanzija kkunsinnata permezz ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u fir-rigward ta’ merkanzija kkunsinnata minn vetturi rreġistrati fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, jidher li, bħala riżultat tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, applikabbli fid-dawl tal-ewwel kategorija ta’ prodotti, din it-tariffa aktarx li taffettwa biss it-tieni kategorija ta’ merkanzija. Għalhekk, permezz tal-applikazzjoni kkombinata tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni, din il-merkanzija tal-aħħar tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn merkanzija kkunsinnata permezz ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja.

127    Minn dak li ntqal isegwi li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni aktarx li jfixklu l-aċċess għas-suq Ġermaniż ta’ prodotti minn Stati Membri oħra. Fil-fatt, it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi li huma suġġetti għaliha, fil-fatt, biss vetturi li jittrasportaw dawn il-prodotti, tista’ żżid l-ispejjeż tat-trasport u, konsegwentement, il-prezz tal-imsemmija prodotti, u b’hekk taffettwa l-kompetittività tagħhom.

128    L-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jgħid li t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi huwa biss modalità ta’ bejgħ, fis-sens tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mitouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905), ma jistax jiġi aċċettat.

129    Fil-fatt, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “modalità ta’ bejgħ” ikopri biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw kif il-prodotti jistgħu jiġu kkummerċjalizzati, peress li r-regoli dwar kif tista’ tiġi ttrasportata l-merkanzija ma jaqgħux taħt dan il-kunċett.

130    Lanqas ma jista’ jiġi aċċettat l-argument tal-Ġermanja li jgħid li l-effetti restrittivi possibbli tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi huma wisq inċerti u indiretti sabiex jagħtu lok għal ksur tal-Artikolu 34 TFUE, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1993, CMC Motorradcenter (C‑93/92, EU:C:1993:838).

131    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minħabba l-konsegwenzi tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni deskritti fil-punt 127 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi argumentat b’mod raġonevoli li l-effetti restrittivi ta’ dawn il-miżuri huma wisq inċerti u indiretti sabiex jagħtu lok għall-Artikolu 34 TFUE.

132    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, li jmur kontra l-Artikolu 34 TFUE, sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

133    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma invokat ebda raġuni sabiex tiġġustifika tali restrizzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjonijiet invokati minn dan l-Istat Membru, b’risposta għall-ewwel dikjarazzjoni, li jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament bejn is-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u s-sidien u s-sewwieqa tal-vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, ma jistgħux ikunu rilevanti għall-finijiet ta’ ġustifikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni, għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fil-punti 75 sa 77 ta’ din is-sentenza.

134    Konsegwentement, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, li tmur kontra l-Artikolu 34 TFUE.

–       Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

135    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe regola nazzjonali li jkollha l-effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi li huma purament interni għal Stat Membru (sentenza tat-28 ta’ April 1998, Kohll, C‑158/96, EU:C:1998:171, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    Il-miżuri nazzjonali li jipprojbixxu, ifixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, TTL, C‑553/16, EU:C:2018:604, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Min-naħa l-oħra, il-miżuri li l-effett waħdieni tagħhom huwa li jinħolqu spejjeż addizzjonali għall-provvista inkwistjoni u li jaffettwaw bl-istess mod il-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri u dik fi ħdan Stat Membru ma humiex koperti mill-Artikolu 56 TFUE (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile, C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

138    Għandu jitfakkar ukoll li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita ferm, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi mhux biss il-libertà li jiġu pprovduti servizzi attivi fil-kuntest li fih is-sid jiċċaqlaq lejn il-benefiċjarju tas-servizzi, iżda wkoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi passivi, jiġifieri l-libertà ta’ destinatarji ta’ servizzi li jmorru fi Stat Membru ieħor fejn jinsab il-fornitur sabiex jibbenefika minn dawn is-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, EU:C:1989:47, punt 15, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi aċċettata biss jekk l-għan tagħha jkun leġittimu u kompatibbli mat-Trattat FUE u jkun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn, jekk ikun il-każ, hija tkun kapaċi tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jinkiseb (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, TTL, C‑553/16, EU:C:2018:604, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi aċċertat jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni, evalwati b’mod konġunt, jiksrux il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

141    F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li l-fornituri tas-servizzi li jiċċaqilqu lejn il-Ġermanja sabiex jipprovdu servizzi hemmhekk permezz ta’ vettura sa 3.5 tunnellati rreġistrata fi Stat Membru għajr il-Ġermanja huma suġġetti għat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, u li l-maġġoranza ta’ dawn il-fornituri tas-servizzi huma stabbiliti fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, filwaqt li l-fornituri tas-servizzi fil-Ġermanja, li, għall-finijiet ta’ dan is-servizz, jiċċaqilqu permezz ta’ vettura rreġistrata f’dan l-Istat Membru, huma stabbiliti b’mod predominanti fil-Ġermanja.

142    Lanqas ma huwa kkontestat li dawk li jirċievu servizzi li, permezz ta’ vettura rreġistrata fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, jiċċaqilqu lejn il-Ġermanja sabiex jibbenefikaw mis-servizzi inkwistjoni huma suġġetti għall-imsemmija tariffa u li dawn id-destinatarji prinċipalment joriġinaw minn Stat Membru għajr il-Ġermanja, filwaqt li dawk li jirċievu s-servizzi pprovduti fil-Ġermanja li, sabiex jibbenefikaw minn dawk is-servizzi, jiċċaqilqu f’vettura rreġistrata fil-Ġermanja, normalment joriġinaw minn dan l-Istat Membru.

143    Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet imqajma fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza juru li, minħabba l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur li jibbenefikaw minnha l-fornituri u d-destinatarji tas-servizzi stabbiliti fil-Ġermanja, it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi hija fil-fatt imposta biss fuq il-fornituri tas-servizzi u d-destinatarji tas-servizzi li joriġinaw minn Stat Membru ieħor.

144    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jistgħu jostakolaw l-aċċess għas-suq Ġermaniż tal-fornituri tas-servizzi u tad-destinatarji tas-servizzi li joriġinaw minn Stat Membru għajr il-Ġermanja. Fil-fatt, it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi tista’, minħabba l-eżenzjoni mit-taxxa fuq vetturi bil-mutur li jagħmlu parti mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni, iżżid l-ispiża tas-servizzi fornuti fil-Ġermanja minn dawn il-fornituri, jew iżżid l-ispiża għal dawn id-destinatarji li jivvjaġġaw lejn dak l-Istat Membru sabiex jirċievu servizz hemmhekk.

145    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tibbaża ruħha validament fuq il-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 117 ta’ din is-sentenza sabiex teskludi l-eżistenza ta’ ostakolu f’dan il-każ.

146    Fil-fatt, ġurisprudenza bħal din hija applikabbli biss fejn il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jaffettwaw il-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri u l-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri bl-istess mod, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

147    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bi ksur tal-Artikolu 56 TFUE, sakemm ma tkunx iġġustifikata b’mod oġġettiv.

148    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma invokat ebda raġuni sabiex tiġġustifika tali restrizzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjonijiet invokati minn dak l-Istat Membru, b’risposta għall-ewwel ilment, sabiex tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament bejn is-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u s-sidien u s-sewwieqa tal-vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, ma jistgħux ikunu rilevanti għall-finijiet ta’ ġustifikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni, għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fil-paragrafi 75 sa 77 ta’ din is-sentenza.

149    Konsegwentement, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bi ksur tal-Artikolu 56 TFUE.

150    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jintlaqa’ t-tielet ilment u li jiġi kkonstatat li, billi introduċiet it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, u billi pprevediet, fl-istess ħin, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ mill-inqas ammont ekwivalenti għal dak tat-tariffa mħallsa lis-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 34 u 56 TFUE.

 Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 92 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

151    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tikser l-Artikolu 92 TFUE, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam tat-trasport, li jeskludi kull possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni u li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jkopri t-trasport kummerċjali bix-xarabank jew it-trasport ta’ merkanzija minn vetturi bil-mutur privati sa 3.5 tunnellati.

152    Ir-Repubblika tal-Awstrija tirrileva li l-kundizzjoni għan-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 92 TFUE hija l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja. Madankollu, ma hemm ebda leġiżlazzjoni sekondarja li hija vinkolanti fuq vetturi bil-mutur privati sa 3.5 tunnellati.

153    Ir-Repubblika tal-Awstrija għalhekk tqis li l-prinċipju legali li joħroġ mill-punt 23 tas-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑195/90, EU:C:1992:219), jista’ jiġi traspost għal din il-kawża.

154    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, l-ewwel nett, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 92 TFUE ma jkoprix it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, anki meta jittieħed inkunsiderazzjoni flimkien mal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, peress li, minħabba l-limitazzjoni tat-tariffa għal ċerti kategoriji ta’ vetturi, it-trasport kummerċjali huwa fil-biċċa l-kbira eżentat mill-obbligu li jħallas it-tariffa.

155    It-tieni nett, kuntrarjament għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 92 TFUE bħala klawżola ta’ standstill, li ġiet ikkonstatata fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Mejju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑195/90, EU:C:1992:219), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-projbizzjoni ta’ rigressjoni stabbilita fl-Artikolu 92 TFUE ma tispeċifikax il-protezzjoni tal-istatus quo fir-rigward tas-sitwazzjoni kompetittiva, iżda tipprojbixxi biss diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra impriżi barranin tat-trasport, projbizzjoni li f’dan il-każ ma ġietx miksura.

156    It-tielet nett, anki jekk l-Artikolu 92 TFUE għandu jiġi interpretat bħala garanzija tal-istatus quo, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li din id-dispożizzjoni ma għadhiex applikabbli peress li d-Direttiva Eurovignette fiha kriterji għal regoli nazzjonali li jistgħu japplikaw ukoll għal vetturi sa 3.5 tunnellati waqt il-ġbir tad-drittijiet għall-użu tat-triq. B’mod partikolari, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7k ta’ din id-direttiva jippermettu miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ.

157    Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑195/90, EU:C:1992:219), li tibbaża ruħha fuqha r-Repubblika tal-Awstrija, kellha esklużivament u speċifikament bħala għan il-klawżola ta’ standstill li llum tinsab fl-Artikolu 92 TFUE, b’kunsiderazzjoni għall-istat tad-dritt li jippreċedi l-leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi fuq vetturi tqal, li llum tinsab fid-Direttiva Eurovignette, li minnha jirriżulta li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni, stabbiliti simultanjament, huma konformi mal-Artikolu 92 TFUE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

158    Konformement mal-Artikolu 92 TFUE, sakemm jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 91(1) TFUE, u sakemm il-Kunsill ma jkunx adotta miżura li tagħti deroga, ebda Stat Membru ma għandu jirrendi inqas favorevoli, fl-effett dirett jew indirett tagħhom, għat-trasportaturi ta’ Stati Membri oħra meta mqabbla mat-trasportaturi nazzjonali, id-diversi dispożizzjonijiet li kienu jirregolaw il-qasam fl-1 ta’ Jannar 1958 jew, għall-Istati aderenti, fid-data tal-adeżjoni tagħhom.

159    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-attività tat-trasport suġġetta għat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi tista’ titwettaq bl-użu ta’ vetturi sa 3.5 tunnellati. F’dan il-każ, l-attività hija komunement magħrufa bħala “trasport ħafif”.

160    Min-naħa l-oħra, filwaqt li s-settur tat-trasport bit-triq huwa kopert fil-biċċa l-kbira mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għad ma hemm ebda leġiżlazzjoni dwar it-trasport ħafif fid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, ma ġiet stabbilita ebda leġiżlazzjoni dwar it-tassazzjoni tal-użu tat-toroq minn vetturi sa 3.5 tunnellati, konformement mal-Artikolu 91 TFUE. Mill-Artikolu 1 tad-Direttiva Eurovignette, moqri flimkien mal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri tapplika biss għal vetturi li jeċċedu t-3.5 tunnellati.

161    Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 141 u 143 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, minħabba l-kombinazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni, huma biss it-trasportaturi li jużaw vettura sa 3.5 tunnellati rreġistrati fi Stat Membru għajr il-Ġermanja (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi barranin”) li, fil-fatt, huma affettwati mit-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, peress li t-trasportaturi li jużaw vettura ta’ inqas minn 3.5 tunnellati rreġistrati fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi Ġermaniżi”) jibbenefikaw minn kumpens għal din it-tariffa.

162    Għandu jiġi kkonstatat li, billi jikkumpensaw integralment il-piż ġdid ta’ tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, imħallsa mit-trasportaturi kollha, b’eżenzjoni mit-taxxa fuq vetturi bil-mutur b’ammont li, minn tal-inqas, huwa ekwivalenti għat-tariffa mħallsa, li jibbenefikaw minnu t-trasportaturi Ġermaniżi u li huma esklużi minnu t-trasportaturi barranin, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhom bħala effett li jimmodifikaw, f’sens li huwa sfavorevoli għalihom, is-sitwazzjoni ta’ trasportaturi barranin meta mqabbla ma’ dik ta’ trasportaturi Ġermaniżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑195/90, EU:C:1992:219, punt 23).

163    Konsegwentement, hemm lok li jintlaqa’ r-raba’ lment u li jiġi kkonstatat li, billi nstab li, billi introduċiet it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, u billi tipprovdi, fl-istess ħin, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ mill-inqas ammont ekwivalenti għal dak tat-tariffa mħallsa lis-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 92 TFUE.

164    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi introduċiet it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi għall-vetturi bil-mutur privati, u billi pprevediet, fl-istess ħin, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ mill-inqas ammont ekwivalenti għal dak tat-tariffa mħallsa lis-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18, 34, 56 u 92 TFUE.

 Fuq l-ispejjeż

165    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, ħlief sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix li jkun iġġustifikat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, li waħda mill-partijiet ikollha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

166    F’dan il-każ, kemm ir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbu li l-parti l-oħra tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kellhiex suċċess fil-kuntest tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ lment invokati mir-Repubblika tal-Awstrija, u din fil-kuntest tat-tieni lment tagħha.

167    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tiġi kkundannata tħallas tliet kwarti tal-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika tal-Awstrija, u tiddeċiedi li kull parti għandha ssostni l-ispejjeż tagħha.

168    Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli tal-proċedura, li jipprovdi li Stati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, għandu jiġi deċiż li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tad-Danimarka għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi introduċiet it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi għall-vetturi bilmutur u billi pprovdiet, simultanjament, eżenzjoni mit-taxxa fuq ilvetturi bil-mutur privati ta’ ammont li huwa minn tal-inqas ekwivalenti għal dak tat-tariffa mħallsa, favur sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18, 34, 56 u 92 TFUE.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata tħallas tliet kwarti tal-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika tal-Awstrija u għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

4)      Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha.

5)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tad-Danimarka għandhom ibatu lispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.