Language of document : ECLI:EU:F:2011:93

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

28 ta’ Ġunju 2010

Kawża F-49/10

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment

“Servizz Pubbliku — Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Assigurazzjoni għall-mard — Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal spejjeż mediċi — Talba għall-ħatra ta’ tabib indipendenti — Terminu raġonevoli”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 41 tar‑Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li permezz tiegħu C. De Nicola jitlob, b’mod partikolari, min-naħa waħda, l-annullament tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2010 li biha d-Direttur tar-Riżorsi Umani tal-Bank Ewropew tal-Investiment (iktar ’il quddiem il-“Bank”) ċaħad bħala inammissibbli t-talba tiegħu, imressqa abbażi tal-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank, intiża sabiex tinbeda proċedura ta’ konċiljazzjoni sabiex jikseb ir-rimbors ta’ ċerti spejjeż mediċi, u min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Bank sabiex iħallsu s-somma ta’ EUR 3 000 bl-interessi, għal dawn l-ispejjeż.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ kumitat tal-appell stabbilit fi ħdan il-Bank — Ammissibbiltà — Eċċezzjoni — Deċiżjoni li ma tikkostitwixxix eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni fl-appell

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Motivi — Motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-mard — Motivi ineffettiv fir-rigward ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ ftuħ tal-proċedura.

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 35)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Terminu għat-tressiq tat-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ kontestazzjoni — Applikazzjoni b’analoġija tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikoli 35 u 41)

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Drittijiet u obbligi — Obbligu tal-Bank li fl-atti li jikkawżaw preġudizzju jindika r-rimedji disponibbli għad-destinatarji kif ukoll it-termini — Assenza — Ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Assenza

1.      Talbiet imressqa kontra t-teħid ta’ pożizzjoni ta’ kumitat tal-appell, stabbilit fi ħdan il-Bank Ewropew tal-Investiment, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-membri tal-persunal għandhom l-effett li jressqu quddiem il-qorti tal-Unjoni rapporti ta’ evalwazzjoni li kontrihom ġie ppreżentat tali rikors amministrattiv. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tat-talbiet relatati mad-deċiżjoni ta’ kumitat tal-appell li għandu l-kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar kontestazzjonijiet diretti kontra rapporti ta’ evalwazzjoni u deċiżjonijiet fil-qasam tal-promozzjoni.

Ma tikkostitwixxix teħid ta’ pożizzjoni li tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata deċiżjoni li tiċħad talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank, li hija bbażata fuq l-istess raġunijiet bħad-deċiżjoni kkontestata u li tinvoka l-inammissibbiltà tat-talba. Tali deċiżjoni ta’ ċaħda, mill-għan tagħha stess, tipprekludi eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni kkontestata, li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni kellha tkopri, kieku din infetħet.

(ara l-punti 42 u 43)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑109/99, punt 132

2.      Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tallega li rikors ma kienx ippreċedut mill-proċedura interna fir-rigward ta’ assigurazzjoni għall-mard hija, skont id-definizzjoni tagħha stess, ineffettiva kontra t-talbiet għall-annullament imressqa kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għall-ftuħ tal-imsemmija proċedura, li permezz tagħhom ir-rikorrent jikkontesta preċiżament il-legalità tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ ftuħ.

(ara l-punt 57)

3.      Fit-tilwim bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-impjegati tiegħu, tilwim li min-natura tiegħu huwa simili għat-tilwim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tagħhom, skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom jittieħdu bħala gwida r-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal u ssir applikazzjoni b’analoġija, fil-każ li r-Regolamenti tal-Persunal ma jgħidu xejn, fid-dawl tan-natura speċifika tas-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal tal-Bank. F’dan ir-rigward, peress li r-rimedji ta’ kontestazzjoni disponibbli fi ħdan il-Bank għall-benefiċċju tal-membri tal-persunal tiegħu u d-dritt li jressqu kawża miftuħ għalihom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom l-istess għan bħall-proċeduri għat-tressiq ta’ ilment u ta’ kawża taħt l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-applikazzjoni b’analoġija ta’ terminu ta’ tliet xhur tista’ konsegwentement, bħalma jiġri għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni, tirrappreżenta konċiljazzjoni ġusta bejn, fuq naħa waħda, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali.

Għalhekk, fin-nuqqas ta’ terminu għat-tressiq ta’ talba biex jinħatar tielet tabib fil-kuntest tas-sistema stabbilita mill-Bank għar-rimbors tal-ispejjeż mediċi, għandu jiġi konkluż li t-talba għal ħatra għandha titressaq f’terminu ta’ tliet xhur. Fil-fatt, il-proċedura ta’ ħatra, li permezz tagħha membru tal-persunal jista’ jikkontesta l-opinjoni tal-uffiċjal mediku tal-Bank, hija prerekwiżit għat-tressiq tal-kawża quddiem il-qorti. Fuq dan il-punt, hija tidher iktar simili għall-proċedura għat-tressiq ta’ ilment prevista fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal milli għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni, li hija biss fakultattiva.

(ara l-punti 62 sa 64, 66, 70 u 72)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza De Nicola vs BEI, iċċitat iktar ’il fuq, punti 98 sa 101

4.      Għalkemm hija ħaġa pjuttost sfortunata, fid-dawl tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li d-dipartimenti kompetenti ma jinformawx b’mod sħiħ lil membru tal-persunal bid-drittijiet tiegħu u jidhru li jinjoraw huma infushom l-eżistenza ta’ proċedura ta’ kontestazzjoni, l-ebda dispożizzjoni ma tobbliga lill-Bank Ewropew tal-Investiment li jinnotifika r-rimedji ġudizzjarji u t-termini għall-preżentata ta’ rikors previsti kontra wieħed minn dawn l-atti tiegħu li jikkawżaw preġudizzju lill-membru tal-persunal tiegħu li jkun id-destinatarju tiegħu.

(ara l-punt 79)