Language of document : ECLI:EU:C:2013:220

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ April 2013 (*)

“Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6 – Konservazzjoni tal-habitats naturali – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett – Kriterji li għandhom jiġu applikati fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà li tali pjan jew proġett jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat – Sit ta’ Lough Corrib – Proġett ta’ triq N6 madwar il-belt ta’ Galway”

Fil-Kawża C‑258/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (L-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

Peter Sweetman,

L-Irlanda,

Attorney General,

Minister for the Environment, Heritage and Local Government

vs

An Bord Pleanála,

fil-preżenza ta’:

Galway County Council,

Galway City Council,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, G. Arestis (Relatur), J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal P. Sweetman, minn B. Harrington, solicitor, u R. Lyons, SC,

–        għall-Irlanda, għall-Attorney General u għall-Minister for the Environment, Heritage and Local Government, minn E. Creedon, bħala aġent, assistiti minn G. Simons, SC, u minn M. Gray, BL,

–        għall-An Bord Pleanála, minn A. Doyle u O. Doyle, solicitors, kif ukoll minn N. Butler, SC,

–        għall-Galway County Council u għall-Galway City Council, minn V. Raine u A. Casey, bħala aġenti, assistiti minn E. Keane, SC, kif ukoll minn B. Kennedy, BL,

–        għall-Gvern Elleniku, minn G Karipsiades, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn K. Smith, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Petrova u K. Mifsud‑Bonnici, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Habitats’”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn P. Sweetman, l-Irlanda, l-Attorney General u l-Minister for the Environment, Heritage and Local Government (Ministru għall-Ambjent, għall-Patrimonju u għall-Amministrazzjoni lokali) u l-An Bord Pleanála (iktar ’il quddiem l-“An Bord”), sostnut mill-Galway County Council u mill-Galway City Council, dwar id-deċiżjoni tal-An Bord li jawtorizza l-proġett ta’ triq N6 madwar il-belt ta’ Galway.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        It-tielet premessa tad-Direttiva “Habitats” tipprovdi:

“[b]illi, l-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tippromwovi l-manteniment ta’ biodiversità, billi tqis il-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-għan ġenerali ta’ l-iżvilupp sostenibbli; billi l-manteniment ta’ dik il-biodiversità f’ċerti każijiet teħtieġ li jsiru, jew saħansitra jiġu mħajra, l-attivitajiet umani”.

4        L-Artikolu 1(d), (e), (k) u (l) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

d)      tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità tfisser tipi ta’ habitat naturali li qegħdin fil-periklu li jgħibu għal kollox, li jinsabu fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2 u li l-Komunità għandha responsabbiltà partikolari għall-konservazzjoni tagħhom minħabba l-proporzjon tal-firxa naturali tagħhom li tinsab fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2; dawn it-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità huma indikati b’asterisk (*) fl-Anness I;

e)      l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jfisser l-influwenzi kollha li jagħfsu fuq l-habitat naturali u l-ispeċi tipiċi tiegħu li jistgħu jaffettwaw it-tqassim naturali tiegħu fit-tul, l-istruttura u l-funzjonijiet kif ukoll l-għajxien fit-tul ta’ l-ispeċi tipiċi tiegħu fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2.

L-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jitqies “favorevoli” meta:

–        il-medda naturali tiegħu u ż-żoni li jkopri f’dik il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu,

u

–        l-istruttura speċifika u l-funzjonijiet li huma meħtieġa biex ikun mantenut fit-tul jeżistu u x’aktarx jibqgħu jeżistu fil-ġejjieni prevedibbli,

u

–        l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċi tipiċi hu favorevoli kif imfisser f’(i);

[...]

k)      sit ta’ importanza għall-Komunità [iktar ’il quddiem “SIK”] tfisser sit li, fir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi li jinsab fih, jgħin b’ mod sinifikanti fil-manteniment jew fir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u jista’ wkoll jgħin b’ mod sinifikanti għall-koerenza ta’ Natura 2000 imsemmija fl-Artikolu 3, u/jew jgħin b’ mod sinifikanti fil-ħarsien tad-diversità bioloġika fi ħdan ir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi konċernati.

[...]

l)      żona speċjali ta’ konservazzjoni tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat”.

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva “Habitats” huwa mfassal b’dan il-mod:

“1. L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

6        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva msemmija, jipprovdi:

“Għandu jiġi stabbilit n etwork ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network […] għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva [tal-Kunsill] 79/409/KEE [, tat-2 ta’ April 1979, Dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)].”

7        L-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “Habitats” jipprovdi:

“2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinjifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru jrid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

8        L-Anness I tad-Direttiva “Habitats”, intitolat “tipi ta’ habitat naturali ta’ interess għall-komunita li biex ikunu kkonservati jeħtieġ li jkunu nnominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni”, taħt il-kodiċi 8240 jindika, bħala tip ta’ habitat naturali ta’ priorità, il-“[p]aviment b’ħaġar tal-ġir”.

 Id-dritt Irlandiż

9        Ir-regolament dwar il-Komunitajiet Ewropej (Habitats naturali) tal-1997 [European Communities (Natural Habitats) Regulations, 1997], fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-1997”), jimplementa l-obbligi tad-Direttiva “Habitats” fid-dritt Irlandiż.

10      L-Artikolu 30 tar-Regolament tal-1997, li jittrasponi r-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tad-Direttiva ”Habitats”, jipprovdi:

“(1)      Meta żvilupp propost ta’ triq li [jeħtieġ l-awtorizzazjoni tal-awtorità kompetenti] skont is-sezzjoni 51 tar-[Roads Act, 1993], ma jkun la direttament konness ma’ u l-anqas neċessarju għall-imaniġġar ta’ sit Ewropew, iżda x’aktarx ikollu effett sinjifikattiv fuqu kemm jekk waħdu jew jekk isir flimkien ma’ xi żviluppi oħra, il-Ministru għall-Ambjent għandu jiżgura li ssir evalwazzjoni xierqa tal-konsegwenzi fir-rigward ta’ dan is-sit fil-kuntest tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu.

(2)      Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent bħal dik meħtieġa mill-Artikolu 51(2) tal-Liġi tal-1993 dwar it-toroq, fil-kuntest ta’ proġett ta’ żvilupp ta’ toroq msemmi fis-subpararagrafu 1, hija kkunsidrata bħala evalwazzjoni xierqa għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu.

(3)      [L-awtorità kompetenti], billi tieħu kont tal-konklużjonijiet u tal-evalwazzjoni magħmulha skont is-subparagrafu 1, taqbel mal-iżvilupp propost tat-triq biss wara li tkun żgurat ruħha li dan mhux ser jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit Ewropew ikkonċernat.

(4)      Meta teżamina jekk il-proġett ta’ żvilupp ta’ toroq huwiex ta’ natura li jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit Ewropew ikkonċernat, [l-awtorità kompetenti] għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-mod ta’ kif jitwettaq il-proġett ta’ żvilupp u l-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li jekk jiġu osservati jwasslu għall-awtorizzazjoni.

(5)      [L-awtorità kompetenti] tista’ minkejja evalwazzjoni negattiva u meta tkun sodisfatta li ma jeżistux soluzzjonijiet alternattivi, tiddeċiedi li taqbel mal-iżvilupp propost tat-triq meta dan l-iżvilupp ikollu jsir minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza.

(6)      (a)   Suġġett għas-subparagrafu (b) raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza għandhom jinkludu raġunijiet ta’ natura soċjali jew ekonomika,

‎      (b)   Jekk is-sit inkwistjoni jkun jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità jew speċi ta’ priorità, l-uniċi fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati li huma ta’ interess pubbliku li jieħdu preċedenza huma:

(i)      dawk li jikkonċernaw is-saħħa tal-bniedem jew is-sigurtà pubblika;

(ii)      konsegwenzi benefiċi essenzjali għall-ambjent, jew

(iii) dawk li l-Kummissjoni tistabilixxi, permezz ta’ opinjoni, bħala raġunijiet oħra imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2008, l-An Bord iddeċieda li jawtorizza l-proġett ta’ triq N6 madwar il-belt ta’ Galway. Kien previst li parti mit-trieq ipproġettata kellha tgħaddi mis-SIK ta’ Lough Corrib. Wara li l-medda ta’ dan is-SIK żdiedet, dan jinkludi b’kollox erbatax-il ħabitat elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “Habitats”, li minnħom sitta huma tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità, inkluż il-paviment b’ħaġar tal-ġir karatteristiku, li huwa speċifikatament l-habitat protett li huwa s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

12      L-imsemmi proġett ta’ triq jimplika t-telf definittiv fi ħdan is-SIK ta’ Lough Corrib ta’ madwar 1.47 ettaru ta’ dan il-paviment b’ħaġar tal-ġir. Din iż-żona ta’ 1.47 ettaru ser tintilef f’żona deskritta mill-ispettur tal-An Bord bħala li tikkostitwixxi “sottożona distinta u żona li għandha l-karatteristika partikolari li tinkludi żoni mdaqqsa ta’ abitazzjoni prijoritarja”, li tinkludi medda totali ta’ 85 ettaru ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir. Din il-medda nnifisha tifforma parti mill-medda ta’ 270 ettaru ta’ dan il-paviment b’ħaġar tal-ġir, li tikkostitwixxi tip ta’ habitat naturali ta’ priorità msemmi fl-Anness I tad-Direttiva “Habitats” li tinsab fuq l-imsemmi SIK fit-totalità tiegħu.

13      Meta ttieħdet id-deċiżjoni tal-An Bord, din iż-żona kienet diġà tniżżlet bħala SIK potenzjali fil-lista ta’ siti mibgħuta mill-Irlanda lill-Kummissjoni. Is-sit estiż ta’ Lough Corrib ġie formalment ikklassifikat bħala SIK b’deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2008. Skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm dan is-sit ma ġiex formalment ikklassifikat mill-Kummissjoni bħala SIK qabel l-imsemmija data, l-An Bord kien obbligat, abbażi tad-dritt nazzjonali, li fil-konfront ta’ dan is-sit japplika, sa minn Diċembru 2006, protezzjoni ekwivalenti għal dik mogħtija mill-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “Habitats”.

14      Fid-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2008, l’An Bord b’mod partikolari indika li “[l]-parti tal-iżvilupp tat-triq approvata hija kkunsidrata bħala soluzzjoni xierqa għall-bżonnijiet identifikati tal-belt u ta’ barra l-belt f’termini ta’ ċirkulazzjoni […] u, għalkemm lokalment għandu jkollha impatt gravi fuq iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni proposta ta’ Lough Corrib, din ma għandhiex taffettwa ħażin l-integrità ta’ din iż-żona. L-iżvilupp approvat mill-preżenti għalhekk ma għandux ikollu effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent u huwa konformi ma żvilupp korrett u ma żvilupp sostenibbli fit-tul ta’ din iż-żona.”

15      P. Sweetman talab li jiġi awtorizzat jippreżenta rikors quddiem il-High Court biex jikkontesta, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-An Bord tal-20 ta’ Novembru 2008. Skont P. Sweetman, l-An Bord interpreta b’mod żbaljat l-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” meta kkonkluda, b’mod partikolari, li l-impatt ta’ proġett ta’ triq fuq is-sit protett ta’ Lough Corrib ma kienx jikkostitwixxi “effett ħażin fuq l-integrità tas-sit”.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009, il-High Court ċaħdet it-talba sabiex jitressaq rikors u kkonfermat id-deċiżjoni tal-An Bord. Fis-6 ta’ Novembru 2009, P. Sweetman ġie awtorizzat jappella minn din id-deċiżjoni quddiem is-Supreme Court.

17      Din tesponi li għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ meta u taħt liema kundizzjonijiet, meta evalwazzjoni xierqa ta’ pjan jew ta’ proġett titwettaq skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, tali pjan jew proġett jista’ jkollu “effett ħażin fuq l-integrità tas-sit”. F’dan ir-rigward, din il-ġurisdizzjoni tindika li s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, Ġabra p. I‑7405), ma neħħitiliex kompletament dawn id-dubji.

18      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supreme Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Liema huma l-kriterji legali li għandhom jiġu applikati minn awtorità kompetenti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà li pjan jew proġett, imsemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat, ikollhom “effett ħażin fuq l-integrità tas-sit”?

2)      L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni twassal sabiex tali pjan jew proġett ma jkunux jistgħu jiġu awtorizzati jekk jirriżultaw fit-telf permanenti u mhux sostenibbli tal-habitat inkwistjoni kollu jew ta’ parti minnu?

3)      X’inhi r-relazzjoni, jekk hemm, bejn l-Artikolu 6(4) [ta’ din id-Direttiva] u t-teħid tad-deċiżjoni taħt l-[imsemmi] Artikolu 6(3) li l-pjan jew proġett ma humiex se jaffettwaw ħażin l-integrità tas-sit?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

19      Il-Galway County Council u l-Galway City Council essenzjalment jallegaw li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domandi preliminari peress li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali minħabba l-fatt li d-deċiżjoni tal-An Bord li tapprova l-proġett ta’ triq N6 madwar il-belt ta’ Galway ġiet adottata qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika bħala SIK l-estensjoni tas-sit ta’ Lough Corrib ikkonċernata mill-imsemmi proġett.

20      Effettivament, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fl-20 ta’ Novembru 2008, id-data tad-deċiżjoni tal-An Bord, din l-estensjoni tas-sit ta’ Lough Corrib kienet ġiet innotifikata fl-Irlanda, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-1997, iżda kienet għadha ma ġietx imniżżla bħala SIK fil-lista ta’ siti adottata mill-Kummissjoni. Din tal-aħħar adottat tali deċiżjoni fit-12 ta’ Diċembru 2008, jiġifieri tliet ġimgħat wara d-deċiżjoni tal-An Bord.

21      Fil-kawża prinċipali, kif tindika l-qorti tar-rinviju nnifisha, l-Artikolu 30 tar-Regolament tal-1997 jirrifletti b’mod ġenerali ħafna l-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats”. Barra minn hekk, mit-titolu tal-imsemmi Regolament jirriżulta li, bl-adozzjoni tiegħu, il-leġiżlatur Irlandiż ried jittrasponi l-imsemmija direttiva fid-dritt intern. Fl-aħħar nett, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, billi tagħat lis-sit innotifikat, qabel ma tniżżel bħala SIK fil-lista adottata mill-Kummissjoni, protezzjoni ekwivalenti għall dik mogħtija bl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “Habitats”, l-Irlanda qieset li kienet ikkonformat ruħha mal-obbligu tagħha li tadotta miżuri ta’ protezzjoni xierqa fl-istennija tat-tniżżil tas-sit bħala SIK.

22      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għalkemm il-miżuri ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “Habitats” huma obbligatorji biss fir-rigward ta’ siti mniżżla fil-lista ta’ siti magħżula bħala SIK deċiża mill-Kummissjoni, madankollu minn dan ma jsegwix li l-Istati Membri ma għandhomx jipproteġu s-siti mill-mument li huma jipproponuhom, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, fil-lista nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni bħala siti li jistgħu jiġu identifikati bħala SIK (ara s-sentenzi, tat-13 ta’ Jannr 2005, Dragaggi et, C‑117/03, Ġabra p. I‑167, punti 25 u 26, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2006, Bund Naturschutz in Bayern et, C‑244/05, Ġabra p. I‑8445, punti 36 u 37).

23      Minn dan isegwi li sa minn meta sit jiġi propost minn Stat Membru, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Habitats”, fil-lista nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni bħala sit li jista’ jiġi identifikat bħala SIK, u minn tal-inqas sa meta din tal-aħħar tiddeċiedi f’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru huwa, skont din id-direttiva, obbligat li jadotta kull miżura ta’ protezzjoni li tista’ tħares l-interess ekoloġiku kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Dragaggi et, punt 29 u Bund Naturschutz in Bayern et, punt 38). Għalhekk is-sitwazzjoni ta’ tali sit ma tistax tiġi kklassifikata bħala sitwazzjoni li ma hijiex koperta mid-dritt tal-Unjoni.

24      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court.

 Fuq il-mertu

25      Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, pjan jew proġett li ma huwiex marbut direttament jew li ma huwiex neċessarju għall-ġestjoni tas-sit jaffettwax ħażin l-integrità ta’ dan is-sit. Għall-finijiet ta’ tali interpretazzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eventwali rilevanza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni kif ukoll dwar ir-relazzjonijiet li jeżistu bejn l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”.

26      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-twettiq ta’ proġett ta’ triq N6 madwar il-belt ta’ Galway għandu jsarraf fl-għajbien permanenti u irreparabbli ta’ parti mill-paviment b’ħaġar tal-ġir tas-SIK ta’ Lough Corrib, li huwa tip ta’ habitat naturali ta’ priorità speċjalment protett mid-Direttiva “Habitats”. Wara l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan il-proġett ta’ triq fuq is-SIK ta’ Lough Corrib, l-An Bord stabbilixxa l-eżistenza ta’ effett lokali negattiv kunsiderevoli fuqu, iżda ddeċieda li tali effett ma kienx wieħed ħażin għall-integrità ta’ dan is-sit.

27      Skont P. Sweetman, l-Irlanda, l-Attorney General, il-Minister for the Environment, Heritage and Local Government kif ukoll skont il-Kummissjoni, tali effett negattiv tal-imsemmi proġett ta’ triq fuq is-sit ikkonċernat neċessarjament jimplika effett ħażin fuq l-integrità tiegħu. Bil-kontra ta’ dan, l-An Bord, il-Galway County Council u l-Galway City Council kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidraw li l-konstatazzjoni ta’ deterjorament tal-imsemmi sit ma hijiex neċessarjament inkompatibbli mal-assenza ta’ effetti ħżiena fuq l-integrità tiegħu.

28      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jipprovdi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex, bis-saħħa ta’ kontroll minn qabel, tiggarantixxi li pjan jew proġett li ma jkunx marbut direttament jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jaffettwah b’mod sinjifikattiv, ikun awtorizzat biss jekk dan ma jkunx se jaffettwa ħażin lill-integrità tas-sit (sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2012, Solvay et, C‑182/10, punt 66).

29      L-imsemmija dispożizzjoni għalhekk tipprovdi żewġ fażijiet. L-ewwel waħda, prevista fl-ewwel sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni, teżiġi li l-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett meta jkun hemm il-probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv (ara f’dan is-sens, is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 43).

30      Fid-dawl ta’ dan, meta jkun hemm riskju li pjan jew proġett, li ma huwiex direttament marbut ma jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit, jikkomprometti l-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu, dan għandu jiġi meqjus bħala li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv. L-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju għandha ssir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

31      It-tieni fażi, prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, li tiġi wara l-imsemmija evalwazzjoni xierqa, tillimita l-awtorizzazzjoni ta’ tali pjan jew proġett għall-kundizzjoni li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4).

32      F’dan ir-rigward, sabiex il-portata tal-espressjoni “effett ħażin fuq l-integrità tas-sit” tiġi evalwata fil-kuntest globali tagħha, għandu jiġi ppreċiżat li, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” għandhom jiġu interpretati bħala ħaġa waħda koerenti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni mfittxa minn din id-direttiva. Fil-fatt, l-għan tal-Artikolu 6(2) u (3) ta’ din id-direttiva huwa li jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, Ġabra p. I‑11853, punt 142), filwaqt li l-Artikolu 6(4) tal-istess direttiva jikkostitwixxi biss dispożizzjoni derogatorja għat-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 6(3).

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, li jippermetti li jintlaħaq l-għan essenzjali ta’ preservazzjoni u ta’ protezzjoni tal-kwalità tal-ambjent, inkluża l-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġi, u li jistabbilixxi obbligu ta’ protezzjoni ġenerali, li jikkonsisti f’li jiġu evitati deterjorazzjoni u tfixkil li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C‑226/08, Ġabra p. I‑131, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats” jipprovdi li, fl-ipoteżi fejn, minkejja l-konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni mwettqa skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, pjan jew proġett għandu xorta waħda jitwettaq għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, u fejn ma tkun teżisti ebda soluzzjoni alernattiva, l-Istat Membru għandu jadotta l-miżuri kumpensatorji kollha meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000 (ara s-sentenzi, tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑304/05, Ġabra p. I‑7495, punt 81, kif ukoll Solvay et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

35      Fid-dawl ta’dan, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”, inkwantu eċċezzjoni għall-kriterju ta’ awtorizzazzjoni msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3), għandu jiġi applikat biss wara li l-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett ikunu ġew analizzati skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 6(3) (ara s-sentenza Solvay et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 73 u 74).

36      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “Habitats” jimponu fuq l-Istati Membri sensiela ta’ obbligi u ta’ proċeduri speċifiċi intiżi sabiex tiġi żgurata, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, iż-żamma jew, jekk meħtieġ, ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats naturali u, b’mod partikolari, taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

37      Fid-dawl ta’ dan, skont l-Artikolu 1(e) tad-Direttiva “Habitats”, l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali huwa kkunsidrat bħala “favorevoli”, b’mod partikolari, meta l-medda naturali tiegħu kif ukoll iż-żona li huwa jkopri f’din il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu u meta l-istruttura u l-funzjonijiet speċifiċi neċessarji għaż-żamma fit-tul tiegħu jeżistu u jistgħu jkomplu jeżistu f’ġejjieni prevedibbli.

38      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Habitats” huma intiżi sabiex l-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ protezzjoni xierqa sabiex jinżammu l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-siti li jinkludu tipi ta’ habitat naturali (ara s-sentenzi, tal-20 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑308/08, Ġabra p. I‑4281, punt 21, u tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 163).

39      Konsegwentement, minn dan għandu jiġi dedott li l-fatt li ma jkunx hemm effett ħażin fuq l-integrità ta’ sit inkwantu habitat naturali, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, jippresupponi li dan jinżamm fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, li jimplika, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 sa 56 tal-konklużjonijiet tagħha, iż-żamma fit-tul tal-karatterisitiċi kostituttivi tas-sit ikkonċernat, marbuta mal-preżenza ta’ tip ta’ habitat naturali li l-għan ta’ preservazzjoni tiegħu ġġustifika li dan is-sit jitniżżel fil-lista tas-SIK, fis-sens ta’ din id-direttiva.

40      Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” tista’ tingħata biss bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti, ladarba identifikati l-aspetti kollha tal-imsemmi pjan jew proġett li jistgħu, minnhom innifishom jew flimkien ma pjani jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat, u fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku fil-qasam, ikunu kisbu ċ-ċertezza li l-pjan jew il-proġett ma għandux effetti ħżiena fit-tul fuq l-integrità tas-sit ikkonċernat. Dan huwa minnu meta ma jibqa’ l-ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tan-nuqqas ta’ tali effetti (ara, f’dan is-sens. is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 99, kif ukoll Solvay et, punt 67).

41      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, l-awtorità li għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni tal-pjan jew tal-proġett ikkunsidrat meta jifdal inċertezza dwar l-assenza ta’ effett ħażin għall-integrità tas-sit, l-kriterju ta’ awtorizzazzjoni previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-direttiva “Habitats” jinkorpora l-prinċipju ta’ prekawzjoni u jippermetti li tiġi evitata, b’mod effettiv, il-ħsara għall-integrità tas-siti protetti minħabba l-pjanijiet jew il-proġetti li jkunu qed jiġu kkunsidrati. Kriterju ta’ awtorizzazzjoni anqas strett minn dak inkwistjoni ma jistax jiggarantixxi b’mod daqstant effettiv it-twettieq tal-għan ta’ protezzjoni tas-siti mfittex minn din id-dispożizzjoni (sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 u 58).

42      Tali evalwazzjoni tgħodd iktar u iktar fil-kawża prinċipali, sa fejn il-habitat naturali affettwat mill-proġett ta’ triq ippjanat huwa wieħed mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità li l-Artikolu 1(d) tal-imsemmija Direttiva jiddefinixxi bħala “tipi ta’ habitat naturali li qegħdin fil-periklu li jgħibu għal kollox” u li l-Unjoni Ewropea għandha “responsabbiltà partikolari” għall-konservazzjoni tagħhom.

43      Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jawtorizzaw interventi li jirriskjaw li jikkompromettu fit-tul il-karatteristiċi ekoloġiċi tas-siti li jinkludu tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità. Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta jkun hemm ir-riskju li intervent iwassal għall-għajbien jew għall-qerda parzjali u irreparabbli ta’ tip ta’ habitat naturali ta’ priorità li jinsab fis-sit ikkonċernat (ara, f’dak li jirrigwarda l-għajbien ta’ speċi ta’ prijorità, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-20 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni vs Spanja, punt 21, u tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 163).

44      F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, għandu jiġi ppreċiżat li din ma tistax titqies bħala xierqa jekk tinkludi lakuni u ma tinkludix konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet li kienu previsti fis-sit protett ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

45      Fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li s-SIK ta’ Lough Corrib ġie indikat bħala sit li jinkludi tip ta’ habitat ta’ prijorità minħabba, b’mod partikolari, l-preżenza f’dan is-sit ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir, riżorsa naturali li ma tistax tiġi ssostitwita ladarba tinqered. Għalhekk, fid-dawl tal-kriterji invokati iktar ’il fuq, l-għan ta’ konservazzjoni jikkorrispondi għaż-żamma fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-karatteristiċi kostituttivi tal-imsemmi sit, jiġifieri l-preżenza ta’ paviment b’ħaġar tal-ġir.

46      Għaldaqstant, jekk, wara l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-pjan jew tal-proġett fuq is-sit, mwettqa abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkonkludi li dan il-pjan jew proġett għandu jinvolvi t-telf permananti u irreparabbli, totali jew parzjali, ta’ tip ta’ habitat naturali ta’ prijorità li l-għan ta’ konservazzjoni tiegħu ġġustifika t-tniżżil tas-sit inkwistjoni bħala SIK, għandu jiġi kkunsidrat li tali pjan jew proġett għandu jaffettwa ħażin l-integrità tal-imsemmi sit.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmi pjan jew proġett ma jistax jiġi awtorizzat abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni. Madankollu, f’tali sitwazzjoni, jekk ikun meħtieġ din l-awtorità tista’ tagħti awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”, sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu jkunu sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

48      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li pjan jew proġett li ma huwiex marbut direttament jew li ma huwiex neċessarju għall-ġestjoni tas-sit għandu jaffettwa ħażin l-integrità ta’ dan is-sit jekk x’aktarx jipprekludi ż-żamma fit-tul tal-karatteristiċi kostituttivi tas-sit ikkonċernat, marbuta mal-preżenza ta’ habitat naturali ta’ prijorità li l-għan ta’ konservazzjoni tiegħu ġġustifika t-tniżżil ta’ dan is-sit fil-lista tas-SIK, fis-sens ta’ din id-Direttiva. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, għandu jiġi interpretat fis-sens li pjan jew proġett li ma huwiex marbut direttament jew li ma huwiex neċessarju għall-ġestjoni tas-sit għandu jaffettwa ħażin l-integrità ta’ dan is-sit jekk x’aktarx jipprekludi ż-żamma fit-tul tal-karatteristiċi kostituttivi tas-sit ikkonċernat, marbuta mal-preżenza ta’ habitat naturali ta’ prijorità li l-għan ta’ konservazzjoni tiegħu ġġustifika t-tniżżil ta’ dan is-sit fil-lista tas-siti ta’ importanza għall-Komunità, fis-sens ta’ din id-direttiva. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.