Language of document : ECLI:EU:F:2012:148

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

25 ta’ Ottubru 2012

Kawża F‑8/12

BY

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (AESA)

“Persunal tal-AESA — Membru tal-persunal temporanju — Proċedura amministrattiva li għandha titwettaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu BY jitlob il-kumpens għad-danni allegatament subiti minħabba d-deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (iktar ’il quddiem l-“AESA” jew l‑“Aġenzija”, tal‑10 ta’ Ġunju 2011, li tkeċċih, b’effett mill‑15 ta’ Diċembru ta’ wara, u minħabba l-fastidju psikoloġiku li tiegħu kien vittma fil-kuntest tar-relazzjoni tax-xogħol tiegħu fi ħdan l-Aġenzija.

Deċiżjoni:      Ir-rikors ta’ BY huwa miċħud inkwantu manifestament inammissibbli ħlief fir-rigward tat-talbiet intiżi għall-kundanna tal-AESA għall-ħlas ta’ kumpensi għad-dannu subit minħabba t-tkeċċija u biss sa fejn iqajjem, f’dan ir-rigward, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura. L-ispejjeż huma riżervati.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors għad-danni — Eżistenza ta’ att deċiżjonali li jikkawża preġudizzju — Possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal kumpens mingħajr talba għal annullament tal-att — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors għad-danni — Rikors ibbażat fuq l-obbligu tal-amministrazzjoni li tikkumpensa dannu kkawżat lil uffiċjal minn terzi — Ammissibbiltà — Kundizzjoni — Eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji nazzjonali — Eċċezzjoni — Assenza ta’ rimedji effikaċi

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24)

1.      Fil-preżenza ta’ att deċiżjonali li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura prekontenzjuża għandha tibda b’ilment indirizzat kontra din id-deċiżjoni, fejn xejn ma jipprekludi li, diġà f’dan l-istadju, il-parti kkonċernata tiddeċiedi li tipprova biss tikseb kumpens għad-dannu li l-att ikkontestat ikkawżalu, mingħajr ma jitlob li dan l-att jiġi mħassar.

Madankollu, sabiex ikun ammissibbli jeħtieġ ulterjorment li r-rikors ma jbiddel la l-kawża u lanqas l-għan tal-ilment. F’dan is-sens, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għan tat-talbiet għal kumpensi li jinsabu rispettivament fl-ilment u fir-rikors, id-differenza de quantum fl-evalwazzjoni tal-ammont tal-kumpens ma hijiex tali li tqiegħed inkwistjoni l-identità tal-għan imsemmi, meta, fiż-żewġ każijiet, qiegħed effettivament jintalab il-kumpens għad-dannu subit minħabba d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, it-talbiet għal kumpens jistgħu jiġu ppreżentati jew fl-ilment, jew għall-ewwel darba fir-rikors, fl-okkażjoni tal-kontestazzjoni ta’ att deċiżjonali li jikkawża preġudizzju. A fortiori, uffiċjal jew membru tal-persunal leż jista’ jbiddel l-ammont tal-kumpensi mitluba fl-ilment tiegħu fl-istadju tar-rikors ġudizzjarju.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kawża, rispettivament, tal-ilment u tar-rikors, ikun hemm normalment bidla fil-kawża tat-tilwima u, għaldaqstant, nuqqas ta’ osservanza tar-regola ta’ konkordanza meta l-parti kkonċernata, li fl-ilment tagħha tikkritika biss il-validità formali tal-att li jikkawżalha preġudizzju, inklużi l-aspetti proċedurali tiegħu, tqajjem, fir-rikors, motivi fuq il-mertu jew fil-każ oppost fejn l-imsemmija parti kkonċernata, wara li fl-ilment tagħha tkun ikkontestat biss il-legalità fil-mertu tal-att li jikkawżalha preġudizzju, tippreżenta rikors li jkun fih motivi relatati mal-validità formali ta’ dan, inklużi l-aspetti proċedurali tiegħu.

(ara l-punti 41, 43, 45 u 46)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Mejju 2005, Dionyssopoulou vs Il‑Kunsill, T‑284/02, punti 61 sa 63

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 21 ta’ Frar 2008, Skoulidi vs Il‑Kummissjoni, F‑4/07, punti 60 sa 67; 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punti 109 u 120, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu bħala għan il-kumpens għad-danni kkawżati lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal minn wieħed mill-aġiri li jirriżulta minn terzi jew minn uffiċjali oħra msemmija fl-ewwel paragrafu tal-istess artikolu, sakemm ma jkunx irnexxielu jikseb kumpens għal dan l-aġir mingħand l-awtur tiegħu. L-ammissibbiltà tar-rikors għal kumpens ippreżentat minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa b’hekk suġġett għall-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji nazzjonali, sakemm dawn jiżguraw b’mod effikaċi l-protezzjoni tal-persuni kkonċernati u jistgħu jwasslu għall-kumpens għad-dannu allegat.

(ara l-punt 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Ottubru 2006, Schmidt-Brown, C‑365/05 P, punt 78

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Marzu 2005, L vs Il‑Kummissjoni, T‑254/02, punt 148

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, punt 67