Language of document : ECLI:EU:C:2014:1057

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

5 ta’ Ġunju 2014 (*)

“Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen — Artikolu 54 — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Kamp ta’ applikazzjoni — Digriet mogħti minn qorti ta’ Stat kontraenti li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri quddiem qorti ta’ ġudizzju minħabba insuffiċjenza ta’ provi — Possibbiltà ta’ ftuħ mill-ġdid tal-inkjesta ġudizzjarja f’każ li jinstabu provi ġodda — Kunċett ta’ persuna li għaliha ‘inqata’ b’mod finali’ — Prosekuzzjoni kriminali fi Stat Membru ieħor kontraenti kontra l-istess persuna u għall-istess fatt — Estinzjoni tal-proċeduri kriminali u applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”

Fil-Kawża C‑398/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 35 UE, imressqa mit-Tribunale di Fermo (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Awwissu 2012, fil-proċeduri kriminali kontra

M,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan, J. Malenovský u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Q u R, minn C. Taormina, u L. V. Mascioli, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Schillemans, M. de Ree, C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Arciszewski u M. Szpunar, kif ukoll minn M. Szwarc, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 (iktar ’il quddiem il-“KIFS”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mibdija fl-Italja kontra M, fuq il-bażi tal-istess fatti bħal dawk li kienu s-suġġett ta’ istruttorja parallela fil-Belġju, talli wettaq, bejn Mejju 2001 u Frar 2004, fuq it-territorju ta’ dan l-Istat tal-aħħar, vjolenzi sesswali fuq il-persuna ta’ wild minorenni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali

3        Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) tinkludi f’anness il-Protokoll Nru 7, iffirmat fi Strasbourg fit-22 ta’ Novembru 1984 u rratifikat minn 25 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7 għall-KEDB”), li l-Artikolu 4 tiegħu intitolat “Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn” huwa fformulat kif ġej:

“1.      Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċcedura penali ta’ l-Istat in kwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

3.      Ebda deroga minn dan l-artikolu ma għandha ssir taħt l-Artikolu 15 tal-[KEDB].”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

4        L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat”, huwa redatt kif ġej:

“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”

 Il-Protokoll (Nru 19) Dwar l-Acquis ta’ Schengen

5        Il-Protokoll (Nru 19) Dwar l-Acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010, C 83, p. 290) jistabbilixxi, fl-Artikoli 1 u 2 tiegħu, li r-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Taljana jidhru fost l-Istati Membri li għalihom għandu japplika l-acquis ta’ Schengen.

 Il-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet transitorji

6        Skont l-Artikolu 10(1) u (3) tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, anness mat-Trattat FUE, is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea taħt it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għandhom jibqgħu l-istess, għall-ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-aħħar trattat, fir-rigward tal-atti tal-Unjoni li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi trattat, inkluż fejn dawn ġew aċċettati taħt l-Artikolu 35(2) tal-imsemmi Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

 Id-dikjarazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 35(2) UE

7        Mill-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fl-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56) jirriżulta li r-Repubblika Taljana għamlet dikjarazzjoni skont l-Artikolu 35(2) UE, li permezz tagħha dan l-Istat Membru aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari skont il-modalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 35(3)(b) UE.

 Il-KIFS

8        Jagħmel parti mill-acquis ta’ Schengen, b’mod partikolari, il-KIFS. It-Titolu III tiegħu, intitolat “Pulizija u Sigurtà”, jinkludi Kapitolu 3, intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”. Skont l-Artikolu 54 tal-KIFS, li jidher f’dan il-Kapitolu 3:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

 Id-dritt Belġjan

9        L-Artikolu 128 tal-Code d’instruction criminelle Belġjan (il-Kodiċi ta’ Investigazzjoni Kriminali: iktar ’il quddiem il-“KIK”) jgħid li meta ssir talba għal persuna li tkun investigata biex tintbagħat biex titqiegħed taħt att tal-akkuża, “[j]ekk l-awla ta’ smigħ preliminari [Chambre de Conseil] tikkonkludi li l-fatti ma juru ebda delitt, reat jew kontravenzjoni, jew li ma hemmx fatti u/jew provi kontra l-akkużat, hija għandha tiddikjara li l-proċeduri ma għandhomx jissoktaw”.

10      L-Artikolu 246 tal-KIK jgħid:

“Meta l-awla tal-att tal-akkuża [Chambre de mises en accusation] tkun iddeċidiet li ma jkunx hemm lok li l-każ jintbagħat għal kawża kriminali, l-akkużat jista’ ma jiġix iġġudikat sussegwentement abbażi tal-istess fatti, sakemm ma jkunx hemm fatti u/jew provi ġodda.”

11      L-Artikolu 247 tal-KIK jgħid:

“Dikjarazzjonijiet ta’ xhieda, dokumenti u proċessi verbal li ma kinux possibbli li jkunu sottomessi għal eżami mill-awla tal-att tal-akkuża, u li jkunu jistgħu jew isaħħu l-provi li l-awla tal-att tal-akkuża tkun sabet dgħajfin wisq, jew li jippreżentaw il-fatti b’modi ġodda li jkunu utli biex tkun stabbilita l-verità, jitqiesu bħala fatti u/jew provi ġodda.”

12      Mill-proċess jirriżulta li, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal-Belġju rriteniet li l-Artikoli 246 u 247 tal-KIK japplikaw mhux biss għal deċiżjonijiet tal-awla tal-att tal-akkuża li jipprovdu li l-każ ma jitkompliex f’kawża kriminali, iżda wkoll għall-istanzi kollha li fihom qrati tal-istruttorja, inkluża l-awla ta’ smigħ preliminari, ikunu għalqu investigazzjoni b’deċiżjoni li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri.

13      Jekk jiġu żvelati fatti u/jew provi ġodda, l-Artikolu 248 tal-KIK jitlob li l-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja rilevanti jew il-maġistrat inkwirenti jibagħtu kopji tad-dokumenti u/jew tal-materjal ta’ provi minnufih lill-avukat ġenerali quddiem il-qorti tal-appell, li jista’ jitlob lill-president tal-awla tal-att tal-akkuża biex jaħtar l-imħallef li quddiemu jkollha ssir istruttorja ġdida fuq talba tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni.

 Id-dritt Taljan

14      L-Artikolu 604 tal-Kodiċi Kriminali Taljan jgħid li atti ta’ vjolenza sesswali mwettqa minn ċittadini Taljani jistgħu jinġiebu quddiem qorti kriminali fl-Italja anki jekk ikunu twettqu barra l-pajjiż.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15      M, ċittadin Taljan li għandu r-residenza tiegħu fil-Belġju, kien is-suġġett ta’ tfittxijiet kriminali b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ diversi atti ta’ vjolenza sesswali jew, atti illegali ta’ natura sesswali, li fosthom l-attakk indiċenti fuq il-persuna ta’ minorenni ta’ inqas minn sittax-il sena, wara sensiela ta’ rapporti magħmulin fl-2004 minn Q, il-mara ta’ ibnu.

16      Kien allegat li bejn Mejju 2001 u Frar 2004, M kien wettaq dawk l-atti fil-Belġju kontra n-neputija tiegħu, N, imwielda fid-29 ta’ April 1999, bil-kompliċità ta’ ibnu O, li huwa missier ta’ N.

17      Wara investigazzjoni li matulha ġew miġbura u eżaminati diversi mezzi ta’ prova, fil-15 ta’ Diċembru 2008, l-awla tas-smigħ preliminari tat-tribunal de première instance de Mons (il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Mons) iddeċidiet b’digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri quddiem qorti ta’ ġudizzju minħabba l-insuffiċjenza ta’ provi (iktar ’il quddiem id-“digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri”).

18      L-awla tal-att tal-akkuża tal-cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons) (il-Belġju) ikkonfermat dan id-digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ April 2009. L-appell ippreżentat kontra din is-sentenza ġie miċħud mill-Cour de cassation (il-Belġju) b’sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009.

19      Fl-istess waqt li kienet qegħda ssir l-investigazzjoni fit-territorju Belġjan, wara li kien sar rapport minn Q lill-pulizija Taljana fit-23 ta’ Novembru 2006, kienu nfetħu proċeduri kriminali kontra M, li kienu msejsin fuq l-istess fatti bħal dawk imsemmija fil-punti 15 u 16 ta’ din is-sentenza, quddiem it-Tribunale di Fermo.

20      Fid-19 ta’ Diċembru 2008, wara li saret investigazzjoni li kienet, essenzjalment, bħall-investigazzjoni li kienet saret fil-Belġju, il-maġistrat inkwirenti tat-Tribunale di Fermo bagħat lil M biex ikun iġġudikat mill-formazzjoni kulleġġjali ta’ dik l-istess qorti.

21      Waqt is-smigħ li sar fid-9 ta’ Diċembru 2009 quddiem it-Tribunale di Fermo, M invoka l-prinċipju ta’ ne bis in idem minħabba s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009 tal-Cour de cassation.

22      Il-prosekuzzjoni u l-avukati ta’ Q, filwaqt li rrikonoxxew l-identità tal-fatti li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni kemm fil-Belġju kif ukoll fl-Italja, ikkontestaw l-eżistenza ta’ ġudizzju fil-mertu li għandu awtorità ta’ res judicata u, f’dan ir-rigward, sostnew li d-digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri tal-15 ta’ Diċembru 2008 ma kienx jostakola l-ftuħ mill-ġdid sussegwenti tal-proċeduri fuq preżentazzjoni ta’ provi ġodda.

23      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-imsemmi digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri jipprekludi li persuna li tkun investigata tintbagħat biex titqiegħed taħt att tal-akkuża, sakemm ma jitressqux provi ġodda kontra tagħha, bħal dawk iddefiniti fl-Artikolu 247 tal-KIK.

24      Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, skont id-dritt Belġjan, il-ftuħ mill-ġdid tal-inkjesta ġudizzjarja f’każ li jisseħħew provi ġodda jista’ jseħħ biss fuq talba tal-prosekutur pubbliku.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Fermo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Sentenza definittiva li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri mogħtija minn [qorti ta’] Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, firmatarju tal-KIFS, wara kumpilazzjoni twila fil-kuntest ta’ investigazzjoni magħmula fil-kuntast ta’ proċedura li tista’ tkun is-suġġett ta’ ftuħ mill-ġdid fil-każ ta’ produzzjoni ta’ provi ġodda, tipprekludi l-ftuħ jew l-iżvolġiment ta’ proċeduri dwar l-istess fatti u fil-konfront tal-istess persuna fi Stat Membru ieħor?ˮ

 Fuq id-domanda preliminari

26      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54 tal-KIFS għandux jiġi interpretat fis-sens li digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri quddiem qorti tal-ġudizzju li jipprekludi, fl-Istat kontraenti fejn dan id-digriet ingħata, tfittxijiet ġodda għall-istess fatti kontra l-persuna li bbenefikat mill-imsemmi digriet, sakemm ma jitressqux provi ġodda kontra din tal-aħħar, għandu jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni li hija ġudizzju definittiv, fis-sens ta’ dan l-artikolu, li b’hekk tostakola azzjonijiet ġodda fil-konfront tal-istess persuna u dwar l-istess fatti fi Stat ieħor kontraenti.

27      Mit-termini nfushom tal-Artikolu 54 tal-KIFS jirriżulta li ebda persuna ma tista’ tiġi mixlija fi Stat kontraenti għall-istess fatti bħal dawk li fir-rigward tagħhom il-każ tagħha jkun “inqata’ b’mod finali” fl-ewwel Stat kontraenti.

28      Sabiex jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni ġudizzjarja tikkostitwixxix deċiżjoni li tiġġudika persuna b’mod definittiv, fis-sens ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi żgurat li din id-deċiżjoni tkun ingħatat wara evalwazzjoni tal-mertu tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Miraglia, C‑469/03, EU:C:2005:156, punt 30).

29      Għal dan l-iskop, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat kontraenti, li biha akkużat ikun ġie lliberat b’mod definittiv minħabba nuqqas ta’ provi għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija bbażata fuq tali evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza van Straaten, C‑150/05, EU:C:2006:614, punt 60).

30      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri mogħti wara investigazzjoni li matulha jkunu ġew miġbura u eżaminati diversi mezzi ta’ prova għandu jiġi kkunsidrat li huwa s-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-mertu, fis-sens tas-sentenza Miraglia (EU:C:2005:156), sa fejn jimplika deċiżjoni finali dwar in-natura insuffiċjenti ta’ dawn il-provi u jeskludi kull possibbiltà li l-kawża terġa’ tinfetaħ fuq il-bażi tal-istess sensiela ta’ indizji.

31      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex il-każ tal-persuna kkonċernata jkun “inqata’ b’mod finali”, għall-fatti allegati kontriha, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KIFS, l-azzjoni kriminali għandha tkun ġiet estinta b’mod finali, b’mod li d-deċiżjoni inkwistjoni tagħti lok, fl-Istat kontraenti fejn hija ttieħdet, għall-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Turanský, C‑491/07, EU:C:2008:768, punti 32 kif ukoll 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fil-fatt, deċiżjoni li, skont id-dritt tal-ewwel Stat kontraenti li jkun beda proċeduri kriminali kontra persuna, ma ġġibx magħha l-estinzjoni definittiva tal-azzjoni kriminali fuq livell nazzjonali ma jistax ikollha l-effett, bħala regola, li tikkostitwixxi ostakolu proċedurali għall-eventwali teħid jew tkomplija ta’ proċeduri kriminali, fir-rigward tal-istess fatti, kontra din il-persuna fi Stat kontraenti ieħor (sentenza Turanský, EU:C:2008:768, punt 36).

33      Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, wara s-sentenza mogħtija mill-Cour de cassation fit-2 ta’ Diċembru 2009, id-digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri kiseb forza ta’ res judicata. Għaldaqstant, l-azzjoni kriminali għandha tiġi kkunsidrata bħala estinta, li b’hekk tostakola, fit-territorju tar-Renju tal-Belġju, azzjonijiet ġodda kriminali fil-konfront ta’ M u għall-istess fatti u fuq il-bażi tal-istess sensiela ta’ provi bħal dawk li ġew eżaminati fil-kuntest tal-proċeduri li taw lok għal dan id-digriet. Fil-fatt, l-Artikoli 246 sa 248 tal-KIK jipprovdu, essenzjalment, li l-proċeduri jistgħu jerġgħu jinfetħu biss fuq il-bażi ta’ provi ġodda, jiġifieri, b’mod partikolari, provi li ma jkunux għadhom ġew suġġetti għal eżami mill-awla tal-att tal-akkuża u li jistgħu jbiddlu d-deċiżjoni tagħha li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri.

34      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat fil-punt 40 tas-sentenza tagħha Bourquain (C‑297/07, EU:C:2008:708), dwar sentenza mogħtija in absentia, il-fatt biss li dawn il-proċeduri kriminali kienu, skont id-dritt nazzjonali, jinvolvu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri ma jeskludix, inkwantu tali, li din is-sentenza tiġi, fi kwalunkwe każ, ikkwalifikata bħala sentenza “finali” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 54 tal-KIFS.

35      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li peress li d-dritt li ma tistax terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat darbtejn għall-istess reat huwa wkoll stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, l-Artikolu 54 tal-KIFS għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-evalwazzjoni tan-natura “finali” tad-deċiżjoni kriminali inkwistjoni għandha ssir fuq il-bażi tad-dritt tal-Istat Membru li ta din id-deċiżjoni.

37      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, skont l-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 50 tal-Karta, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tiegħu (sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata), “(f)ir-rigward tas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru. 7, jiġifieri l-applikazzjoni tal-prinċipju fl-istess Stat Membru, id-dritt li huwa ggarantit għandu l-istess sens u l-istess ambitu bħad-dritt korrispondenti fil-KEDB”. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 54 tal-KIFS jagħmel in-natura “finali” dipendenti fuq deċiżjoni tal-ġustizzja, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għal tfittxijiet eventwali eżerċitati minn Stat kontraenti ieħor, tan-natura finali jew le ta’ din id-deċiżjoni fl-Istat kontraenti fejn din ingħatat, dan il-punt tal-ispjegazzjonijiet huwa rilevanti f’dan il-każ.

38      Issa, mill-Artikolu 4(2) tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB jirriżulta li l-prinċipju ne bis in idem stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma jipprekludix l-possibbiltà ta’ ftuħ mill-ġdid tas-smigħ “jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati” li huma ta’ natura li jaffettwaw id-deċiżjoni mogħtija.

39      F’dan ir-rigward, ġie deċiż fis-sentenza tal-Qorti EDB, Zolotoukhine vs Ir-Russja (Nru 14939/03, punt 83, 10 ta’ Frar 2009), li l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB “isir rilevanti meta tfittxijiet ġodda jinbdew u li l-liberazzjoni jew kundanna preċedenti jkunu diġà kisbu l-qawwa ta’ res judicataˮ. Min-naħa l-oħra, ir-rikorsi straordinarji ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jkun involut li jiġi ddeterminat jekk il-proċeduri ngħalqux b’mod finali. Għalkemm dawn ir-rimedji ġudizzjarji jirrappreżentaw kontinwazzjoni tal-ewwel proċeduri, in-natura “finali” tad-deċiżjoni ma tistax tiddependi mill-eżerċizzju tagħhom (Qorti EDB, Zolotoukhine vs Ir-Russja, Nru 14939/03, punt 108, 10 ta’ Frar 2009).

40      F’dan il-każ, il-possibbiltà ta’ ftuħ mill-ġdid tal-inkjesta ġudizzjarja f’każ li jitressqu provi ġodda, kif ipprovdut fl-Artikoli 246 sa 248 tal-KIK, ma tistax tqiegħed inkwistjoni n-natura finali tad-digriet li ‘ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri’ fil-kawża prinċipali. Ċertament, din il-possibbiltà ma hijiex “rikors straordinarju” fis-sens tal-imsemmija ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iżda timplika l-impenn eċċezzjonali, u dan fuq il-bażi ta’ provi differenti, ta’ proċeduri distinti, minflok is-sempliċi kontinwazzjoni tal-proċeduri diġà magħluqin. Barra minn hekk, fid-dawl tan-neċessità li tiġi vverifikata n-natura verament ġdida tal-provi invokati biex jiġi ġġustifikat ftuħ mill-ġdid, proċeduri ġodda għal kollox, ibbażati fuq din il-possibbiltà ta’ ftuħ mill-ġdid, kontra l-istess persuna u għall-istess fatti, jistgħu jitressqu biss fl-Istat kontraenti li fuq it-territorju jkun ingħata dan id-digriet.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 54 tal-KIFS għandu jiġi interpretat fis-sens li digriet li ‘ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri’ quddiem qorti tal-ġudizzju li jipprekludi, fl-Istat kontraenti fejn dan id-digriet ikun ingħata, tfittxijiet ġodda għall-istess fatti kontra l-persuna li bbenefikat mill-imsemmi digriet, sakemm ma jitressqux provi ġodda kontra din tal-aħħar, għandu jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni li hija ġudizzju definittiv, fis-sens ta’ dan l-artikolu, li b’hekk tostakola azzjonijiet ġodda fil-konfront tal-istess persuna u dwar l-istess fatti fi Stat kontraenti ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu), fid-19 ta’ Ġunju 1990, għandu jiġi interpretat fis-sens li digriet li ‘ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri’ quddiem qorti tal-ġudizzju li jipprekludi, fl-Istat kontraenti fejn dan id-digriet ikun ingħata, tfittxijiet ġodda għall-istess fatti kontra l-persuna li bbenefikat mill-imsemmi digriet, sakemm ma jitressqux provi ġodda kontra din tal-aħħar, għandu jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni li hija ġudizzju definittiv, fis-sens ta’ dan l-artikolu, li b’hekk tostakola azzjonijiet ġodda fil-konfront tal-istess persuna u dwar l-istess fatti fi Stat kontraenti ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.