Language of document : ECLI:EU:C:2017:632

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Settembru 2017 (*)

“Appell – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Tnaqqis għal fedeltà – Ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 19”

Fil-Kawża C‑413/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Awwissu 2014,

Intel Corporation Inc., stabbilita f’Wilmington (l-Istati Uniti tal-Amerka), irrappreżentata minn D. M. Beard, QC, kif ukoll minn A. Parr u R. Mackenzie, solicitors,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Christoforou, V. Di Bucci, M. Kellerbauer u N. Khan, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Association for Competitive TechnologyInc., stabbilita f’Washington (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn J.‑F. Bellis, avukat,

Union fédérale des consommateurs – Que choisir (UFC – Que choisir),

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), E. Juhász, M. Berger, M. Vilaras u E. Regan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, J. Malenovský, E. Levits, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Intel Corporation Inc. (iktar ’il quddiem “Intel”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Ġunju 2014, Intel vs Il‑Kummissjoni (T‑286/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:547), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 3726 finali, tat-13 ta’ Mejju 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] u skont l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C‑3/37.990 – Intel) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Il-premessa 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), tispjega li:

“L-skoperta ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni qed tiġi aktar diffiċli, u, Sabiex il-kompetizzjoni tiġi protteta b’mod effettiv, il-poteri investigattivi tal-Kummissjoni jridu jiġu supplimentati. Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari jkollha s-setgħa li tintervista kwalunkwe persuna li tista tkun f’pussess ta’ xi informazzjoni utli u li tirrekordja xi stqarrijiet li saru. […] Uffiċjali awtorizzati mil-Kummissjoni għandhom ikollhom is-setgħa li jistaqsu għal kwalunkwe informazzjoni rilvanti għas-suġġett u r-raġuni tal-ispezzjoni.”

3        Skont il-premessa 32 ta’ dan ir-regolament:

“L-impriżi konċernati għandhom jiġu mogħtija d-dritt li jidrhu quddiem il-Kummissjoni, it-Terzi pesuni li l-interssi tagħhom jistgħu jiġu affetwati mid-deċiżjoni għandhom jingħataw l-opportunità li jissottometu l-osservazzjonijiet tagħhom qabel iż-żmien, u d-deċiżjonijiet meħuda għandhom jiġu publiċizzati. Filwaqt li tiżgura d-dritt għad-difiża tal-impriża konċernata, b’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess għal-file, huwa essenzali li s-siġrieti tal-kummerċ jiġu protetti. L-informazzjoni konfidenzali skambjata fin-networks għandhom jiġu salvagwardjati ukoll.”

4        L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Poter li jiġu meħuda stqarrijiet”, jistabbilixxi li:

“1.      Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tintervista kwalunkwe persuna naturali jew legali li jagħti l-kunsens li jiġi intervistat għall-għan li jinġabar informazzjoni relata mas-suġġett ta’ l-investigazzjoni.

2.      Fejn l-intervista skond paragrafu 1 tiġi kondotta fuq is-sit ta’ xi impriża, il-Kummissjoni ħa tinforma l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu saret l-intervista. Jekk ikun hekk mitlub mil-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru, l-uffiċjali tagħha jistgħu jassistu l-uffiċjali u persuni oħra li qed jakkompanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni biex tagħmel l-intervista.”

5        L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), intitolat “Poter (setgħa) li tieħu dikjarazzjonijiet”, jistabbilixxi li:

“1.      Fejn il-Kummissjoni tintervista persuna bil-kunsens tagħha skond l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, hija għandha, fil-bidu ta’ l-intervista, tiddikjara l-bażi legali u l-għan ta’ l-intervista, u tfakkar in-natura volontarja tagħha. Hija għandha wkoll tgħarraf lill-persuna intervistata bl-intenzjoni tagħha li tirrekordja (tirreġistra) l-intervista.

2.      L-intervista tista’ ssir b’kull mezz inkluż telefon jew mezzi elletroniċi.

3.      Il-Kummissjoni tista’ tirrekordja d-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-persuni intervistati b’kull għamla. Kopja ta’ reġistrazzjoni/rekord għandha tintgħamel disponibbli lill-persuna intervistata għal approvazzjoni. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skeda ta’ żmien [terminu] li fiha l-persuna intervistata tista’ tikkomunikalha kull korrezzjoni li għandha ssir lid-dikjarazzjoni.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

6        Intel hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt Amerikan li tiżgura d-disinn, l-iżvilupp, il-manifattura, u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ mikroproċessuri (iktar 'il quddiem is-“CPUs”), ta’ chipsets u ta’ komponenti oħra semikondutturi kif ukoll ta’ soluzzjonijiet għal pjattaformi fil-kuntest tal-ipproċessar tal-informazzjoni u tal-mezzi tal-komunikazzjoni.

7        Is-suq ikkonċernat b’din il-kawża jikkorrispondi għal dak tal-proċessuri, b’mod partikolari is-“CPUs x86”. L-arkitettura x86 hija standard imfassal minn Intel għas-CPUs tagħha u tippermetti l-funzjonament tas-sistemi operattivi Windows u Linux.

8        Wara lment formali ppreżentat fit-18 ta’ Ottubru 2000 minn Advanced Micro Devices Inc. (iktar ’il quddiem “AMD”), ikkompletat fis-26 ta’ Novembru 2003, il-Kummissjoni tat bidu, f’Mejju 2004, għal serje ta’ investigazzjonijiet u wettqet, f’Lulju 2005, spezzjonijiet f’diversi postijiet ta’ Intel, b’mod partikolari, fil-Ġermanja, fi Spanja, fl-Italja u fir-Renju Unit, kif ukoll fil-postijiet ta’ diversi klijenti tagħha, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja u fir-Renju Unit.

9        Fis-26 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni nnotifikat lil Intel b’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet marbuta mal-aġir tagħha fir-rigward ta’ ħames manifatturi kbar tal-informatika (Original Equipment Manufacturer, iktar 'il quddiem l-“OEM”), jiġifieri Dell Inc., Hewlett-Packard Company (HP), Acer Inc., NEC Corp. u International Business Machines Corp. (IBM). Intel wieġbet għal din id-dikjarazzjoni fis-7 ta’ Jannar 2008 u nżammet seduta fil-11 u fit-12 ta’ Marzu 2008.

10      Fis-17 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni nnotifikat lil Intel b’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali marbuta mal-aġir tagħha fir-rigward ta’ Media-Saturn-Holding GmbH (iktar ’il quddiem “MSH”), distributur ta’ apparati elettroniċi u l-ewwel distributur Ewropew ta’ desktops, kif ukoll fir-rigward ta’ Lenovo Group Ltd. (iktar ’il quddiem “Lenovo”), OEM ieħor. Din il-komunikazzjoni kienet tinkludi provi ġodda dwar l-aġir ta’ Intel fir-rigward ta’ ċerti OEM ikkonċernati mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tas-26 ta’ Lulju 2007. Intel ma rrispondietx fit-terminu stabbilit.

11      Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddeskriviet żewġ tipi ta’ aġir adottati minn Intel fir-rigward tas-sħab kummerċjali tagħha, jiġifieri it-tnaqqis kundizzjonali u r-“restrizzjonijiet ovvji”, intiżi sabiex jiġi eskluż kompetitur, jiġifieri AMD, mis-suq tas-CPUs x86. L-ewwel tip ta’ aġir jikkonsisti fl-għoti ta’ tnaqqis lil erba’ OEM, f’dan il-każ Dell, Lenovo, HP u NEC, bil-kundizzjoni li huma jixtru mingħandha t-totalità jew kważi totalità tas-CPUs x86 tagħhom. It-tieni tip ta’ aġir jikkonsisti fl-għoti ta’ ħlasijiet lil OEM sabiex idewmu, jikkanċellaw jew jirrestrinġu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti mgħammra b’CPUs ta’ AMD.

12      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien jeżisti ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol.52, p.3), bejn Ottubru 2002 u Diċembru 2007, u konsegwentement imponiet fuq Intel multa li tammonta għal EUR 1.06 biljun.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Lulju 2009, Intel ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża billi tinvoka disa’ motivi.

14      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Novembru 2009, l-Association for Competitive Technology Inc. (iktar ’il quddiem l-“ACT”) talbet tintervjeni f’din il-proċedura insostenn ta’ Intel. Hija ġiet awtorizzata tintervjeni permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2010.

15      Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, dwar il-kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw l-evalwazzjonijiet legali mwettqa mill-Kummissjoni, Intel ikkontestat it-tqassim tal-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova meħtieġ, il-klassifikazzjoni ġuridika tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet mogħtija bħala korrispettiv għal provvista esklużiva kif ukoll il-klassifikazzjoni ġuridika tal-ħlasijiet, li l-Kummissjoni tirreferi għalihom bħala “restrizzjonijiet ovvji”, intiżi sabiex l-OEM jipposponu, jannullaw jew jirrestrinġu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti mgħammra b’CPU AMD.

16      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li t-tnaqqis mogħti lil Dell, HP, NEC u Lenovo kien tnaqqis għal esklużività sa fejn dan kien marbut mal-kundizzjoni li l-klijent jixtri mingħand Intel għall-bżonnijiet kollha tiegħu fil-qasam tas-CPUs x86 jew għall-parti kbira tal-bżonnijiet tiegħu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qalet, fil-punti 80 sa 89 tas-sentenza appellata, li l-klassifikazzjoni ta’ tali tnaqqis bħala abbużiv ma jiddependix fuq analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ maħsub sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità tiegħu li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

17      Għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 172 sa 197 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni wriet, sal-grad rikjest mil-liġi u abbażi ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kapaċità tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet għal esklużività mogħtija minn Intel lil Dell, Hp, NEC, Lenovo u MSH li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

18      Dwar it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma tatx prova tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħha sabiex tapplika l-Artikoli 101 u 102 TFUE lill-prattiki implementati fil-konfront ta’ Acer u ta’ Lenovo, il-Qorti Ġenerali qieset, qabelxejn, fil-punt 244 tas-sentenza appellata, li, sabiex tiġi ġġustifikata l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku, huwa suffiċjenti li jiġu stabbiliti l-effetti kklassifikati tal-prattika jew l-implementazzjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea. Sussegwentement hija ddeċidiet, fil-punt 296 tas-sentenza appellata, li l-effetti sostanzjali, prevedibbli u immedjati li l-aġir ta’ Intel seta’ jipproduċi fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kienu jippermettu li tiġi ġġustifikata l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, għall-finijiet ta’ kompletezza hija qieset, fil-punt 314 tas-sentenza appellata, li din il-ġurisdizzjoni kienet iġġustifikata wkoll minħabba l-implementazzjoni tal-aġir inkwistjoni fit-territorju tal-Unjoni u taż-ŻEE.

19      Insostenn tat-tielet motiv tagħha, dwar id-difetti proċedurali allegati fil-konfront tal-Kummissjoni, Intel qajmet b’mod partikolari ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba l-assenza ta’ minuti tal-laqgħa ma’ D 1, fejn targumenta li ċerti elementi relatati ma’ din il-laqgħa setgħu jintużaw bħala elementi li jiskaġunaw. Ġie sostnut ukoll li l-Kummissjoni rrifjutat b’mod żbaljat l-organizzazzjoni tat-tieni seduta kif ukoll il-komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti ta’ AMD li setgħu jkunu rilevanti għad-difiża ta’ Intel.

20      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 618 tas-sentenza appellata, li l-laqgħa inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi intervista formali fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq tali intervista. Minn dan hija ddeduċiet, fl-imsemmi punt, li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 ma kienx applikabbli, bil-konsegwenza li l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-formalitajiet preskritti minn din id-dispożizzjoni kien ineffettiv.

21      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 621 u 622 tas-sentenza appellata, li, anki jekk il-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi astjeniet milli tistabbilixxi dokument li fih sinteżi qasir tas-suġġetti diskussi fl-imsemmija laqgħa kif ukoll l-ismijiet tal-parteċipanti tagħha, hija madankollu kkoreġiet din l-ommissjoni inizjali billi qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ Intel il-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ nota interna dwar din l-istess laqgħa.

22      Għal dak li jirrigwarda r-raba’ motiv, dwar allegati żbalji ta’ evalwazzjoni tal-prattiki fir-rigward ta’ OEM u ta’ MSH, il-Qorti Ġenerali ċaħdet fl-intier tagħhom l-ilmenti invokati minn Intel dwar Dell, HP, NEC, Lenovo, Acer u MSH fil-punti 665, 894, 1032, 1221, 1371 u 1463 tas-sentenza appellata.

23      Għal dak li jirrigwarda l-ħames motiv, li permezz tiegħu Intel ikkontestat l-eżistenza ta’ strateġija ġenerali maħsuba sabiex tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-mezzi ta’ bejgħ l-iktar importanti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 1551 u 1552 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet, essenzjalment, uriet sal-grad rikjest mil-liġi t-tentattiv ta’ ħabi tan-natura antikompetittiva tal-prattiki ta’ Intel u l-implementazzjoni ta’ strateġija ġenerali fuq bażi twila ta’ żmien li kellha l-għan li tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-imsemmija mezzi ta’ bejgħ.

24      Għal dak li jirrigwarda s-sitt motiv, li jallega li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2), il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari, fil-punt 1598 tas-sentenza appellata, li la l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tiddeċiedi li tadotta u li tapplika linji gwida ġodda għall-kalkolu tal-multi anki wara li jkun twettaq il-ksur. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fl-imsemmi punt, li applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tiġġustifika li impriża għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ bidla tal-politika ġenerali tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi fir-rigward kemm tal-metodu tal-kalkolu kif ukoll tal-livell tal-multi.

25      Dwar is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-allegata assenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, b’mod intenzjonat jew b’negliġenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 1602 u 1603 tas-sentenza appellata, li Intel ma setgħetx ma jkollhiex għarfien tan-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha u li l-provi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kontenzjuża kienu juru sal-grad rikjest mil-liġi li hija implementat strateġija ġenerali fuq bażi twila ta’ żmien maħsuba sabiex tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-mezzi ta’ bejgħ l-iktar importanti mill-perspettiva strateġika u li hija għamlet sforzi sabiex taħbi n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha.

26      Għal dak li jirrigwarda t-tmien motiv, ibbażat fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-multa imposta, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 1614 sa 1616 tas-sentenza appellata, li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas legali għal multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet invokati f’dan ir-rigward minn Intel ma humiex rilevanti fid-dawl tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostniet Intel, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 1627 u 1628 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett konkret tal-ksur fuq is-suq bil-għan li tiddetermina l-gravità tiegħu.

27      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda d-disa’ motiv, intiż sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa impost fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar iddeċidiet b’mod partikolari, fil-punt 1647 tas-sentenza appellata, li ma hemm xejn fl-ilmenti, fl-argumenti u fil-punti ta’ liġi u ta’ fatt ippreżentati minn Intel li jippermetti li jiġi konkluż li l-ammont tal-multa imposta kellha natura sproporzjonata. Fil-fatt, fl-imsemmi punt il-Qorti Ġenerali qieset li din il-multa kienet adatta għaċ-ċirkustanzi tal-każ u enfasizzat li hija kienet inferjuri sew għal-livell ta’ 10 % stabbilit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28      Intel titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla totalment jew parzjalment is-sentenza appellata;

–        tannulla totalment jew parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża;

–        tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta;

–        sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi b’mod konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u għal dawk sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lil Intel għall-ispejjeż.

30      L-ACT titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tilqa’ l-appell ta’ Intel fl-intier tiegħu, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż li hija sostniet fil-kuntest tal-appell u tar-rikorsi għal annullament.

 Fuq l-appell

31      Insostenn tal-appell tagħha, Intel tqajjem sitt aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju, Intel isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma eżaminatx it-tnaqqis kontenzjuż fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Permezz tat-tieni aggravju, Intel tinvoka żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-konstatazzjoni tal-ksur għall-2006 u l-2007, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kopertura tas-suq mit-tnaqqis kontenzjuż matul dawn is-sentejn. Permezz tat-tielet aggravju, Intel tallega żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tat-tnaqqis għal esklużività konkluż minn Intel ma’ HP u Lenovo. Permezz tar-raba’ aggravju, Intel tqis li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li ma kienx hemm difett proċedurali sostanzjali li jaffettwa d-drittijiet tad-difiża tagħha, fit-trattament, mill-Kummissjoni, tal-intervista ma’ D 1. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-kriterji dwar il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ ftehimiet konklużi minn Intel ma’ Lenovo għall-2006 u l-2007. Fl-aħħar nett, permezz tas-sitt aggravju, Intel titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.

 Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-kriterji dwar il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ ftehimiet konklużi minn Intel ma’ Lenovo għall-2006 u l-2007

 L-argumenti tal-partijiet

32      Permezz tal-ħames aggravju, li għandu jiġi eżaminat l-ewwel sa fejn huwa jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni, Intel issostni, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali kkonfermat, b’mod żbaljat, il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 102 TFUE fir-rigward ta’ ftehimiet konklużi minn Intel ma’ Lenovo, impriża Ċiniża, matul l-2006 u l-2007. Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-każ ma tistax tkun ibbażata fuq il-kriterju dwar il-post tal-implementazzjoni tal-prattiki antikompetittivi (iktar ’il quddiem il-“kriterju tal-implementazzjoni”) jew fuq dak dwar l-effetti kklassifikati ta’ dawn il-prattiki fl-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“kriterju tal-effetti kklassifikati”).

33      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 311 tas-sentenza appellata, li l-implementazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet setgħet tiġi stabbilita minħabba prattiki li jaffettwaw il-previżjonijiet tal-klijenti dwar il-bejgħ downstream tagħhom mad-dinja kollha, inkluż fiż-ŻEE. Issa, din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha ġurisdizzjoni abbażi tal-kriterju tal-implementazzjoni, għaliex l-aġir kontenzjuż ma ġiex implementat fiż-ŻEE u Intel ma biegħetx prodotti lil Lenovo fiż-ŻEE.

34      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi aċċettat, għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni, il-kriterju tal-effetti kklassifikati. Skont Intel, huwa biss il-kriterju tal-implementazzjoni li jikkostitwixxi bażi ta’ ġurisdizzjoni aċċettata mill-ġurisprudenza.

35      Sussegwentement, Intel issostni li, anki jekk jiġi preżunt li l-kriterju tal-effetti kklassifikati huwa effettivament applikabbli, dan ma jistax jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-każ. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punt 87 tas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il‑Kummissjoni (T‑91/11, EU:T:2014:92), li fiha l-Qorti Ġenerali qieset li, meta komponenti l-ewwel jinbiegħu barra miż-ŻEE lil xerrejja indipendenti, ir-rabta bejn is-suq intern u l-ksur tkun dgħajfa wisq. Minn dan Intel iddeduċiet li ma setax jiġi previst li l-ftehimiet konklużi ma’ Lenovo u li jirrigwardaw is-CPUs intiżi li jiġu kkunsinnati fiċ-Ċina kienu ser jipproduċu effett immedjat u sostanzjali fiż-ŻEE. Barra minn hekk, anki jekk l-effetti indiretti setgħu kienu biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni, il-ftehimiet tal-2006 u tal-2007 ma’ Lenovo ma setgħux jipproduċu effett sostanzjali fit-territorju taż-ŻEE.

36      Barra minn hekk, skont Intel, il-Qorti Ġenerali qalbet illegalment l-oneru tal-prova, fil-punt 289 tas-sentenza appellata, billi imponiet fuqha l-obbligu li turi li t-totalità tal-bejgħ ipprospettat kienet tirrigwarda partijiet tar-reġjun tal-Ewropa, tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika barra miż-ŻEE.

37      Fl-aħħar nett, Intel tenfasizza li l-approċċ tal-Kummissjoni jagħti lok għal kunflitti ta’ ġurisdizzjoni ma’ awtoritajiet oħra tal-kompetizzjoni u joħloq riskju reali ta’ inkriminazzjoni doppja.

38      L-ACT taqbel, essenzjalment, mal-argumenti ta’ Intel. Hija ssostni b’mod partikolari li, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni (89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:447), huwa neċessarju li jintwera li l-aġir inkwistjoni jirrestrinġi l-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

39      Il-Kummissjoni tqis li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 244 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u tissanzjona aġir adottat barra mill-Unjoni abbażi ta’ regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku tista’ tiġi stabbilita fid-dawl tal-kriterju tal-implementazzjoni jew fid-dawl tal-kriterju tal-effetti kklassifikati, qabel ma wettqet stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni f’din il-kawża fid-dawl tal-kriterju tal-effetti kklassifikati u wara, sussidjarjament, fid-dawl tal-kriterju tal-implementazzjoni.

41      F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, l-argument ta’ Intel u tal-ACT li jgħid li l-Qorti Ġenerali aċċettat b’mod żbaljat li l-kriterju tal-effetti kklassifikati jista’ jservi bħala bażi għall-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif jagħmel l-Avukat Ġenerali fil-punt 288 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 TFUE huma intiżi li jaqbdu l-aġir, kollettiv jew unilaterali, ta’ impriżi li jillimitaw il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 101 TFUE jipprojbixxi l-ftehimiet u l-prattiki li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni “fi ħdan is-suq intern”, l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi kull abbuż minn pożizzjoni dominanti “fi ħdan is-suq intern, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu”.

43      Għaldaqstant ġie deċiż, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, li l-fatt li impriża li tipparteċipa fi ftehim tinsab fi Stat terz ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, peress li tali ftehim jipproduċi l-effetti tiegħu fit-territorju tas-suq intern (sentenza tal-25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import, 22/71, EU:C:1971:113, punt 11).

44      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-kriterju tal-implementazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li jekk l-applikabbiltà tal-projbizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-kompetizzjoni kellha tkun dipendenti fuq il-post fejn jiġi fformat l-akkordju, dan ikun iwassal sabiex l-impriżi jingħataw metodu faċli kif jevitaw l-imsemmija projbizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:447, punt 16).

45      Issa, il-kriterju tal-effetti kklassifikati jipprova jilħaq l-istess għan, jiġifieri li jinqabad aġir li ma jkunx ġie adottat fit-territorju tal-Unjoni, iżda li l-effetti antikompetittivi tiegħu jistgħu jinħassu fis-suq tal-Unjoni.

46      Għalhekk Intel, sostnuta mill-ACT, hija żbaljata meta ssostni li l-kriterju tal-effetti kklassifikati ma jistax iservi bħala bażi għall-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni.

47      Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

48      It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat l-argument ippreżentat sussidjarjament minn Intel, li jgħid li, jekk jiġi preżunt li l-kriterju tal-effetti kklassifikati huwa applikabbli f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-ftehimiet konklużi ma’ Lenovo matul l-2006 u l-2007 kienu jipproduċu effetti prevedibbli, immedjati u sostanzjali fiż-ŻEE. Intel tenfasizza, f’dan ir-rigward, fuq in-numru allegatament limitat ta’ prodotti kkonċernati.

49      Għandu jiġi osservat, qabelxejn, li, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 233 u 258 tas-sentenza appellata, il-kriterju tal-effetti kklassifikati jippermetti li tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt internazzjonali pubbliku, meta jkun prevedibbli li l-aġir inkwistjoni jipproduċi effett immedjat u sostanzjali fl-Unjoni.

50      Għandu jiġi enfasizzat ukoll, kif tagħmel il-Qorti Ġenerali fil-punti 268 u 280 tas-sentenza appellata, li huwa fid-dawl tal-aġir tal-impriża jew tal-impriżi inkwistjoni, meħud fl-intier tiegħu, li għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni għandhiex il-ġurisdizzjoni neċessarja sabiex tapplika, f’kull każ, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

51      Sussegwentement, sa fejn Intel tilmenta li l-Qorti Ġenerali qieset li kien prevedibbli li l-ftehimiet konklużi ma’ Lenovo li jirrigwardaw is-CPUs intiżi li jiġu kkunsinnati fiċ-Ċina jipproduċu effett immedjat fiż-ŻEE, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punti 251, 252 u 257 tas-sentenza appellata, li huwa biżżejjed li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti probabbli ta’ aġir fuq il-kompetizzjoni sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà.

52      Min-naħa l-oħra, peress li fil-punt 255 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonstatat, essenzjalment, li l-aġir ta’ Intel fir-rigward ta’ Lenovo kien parti minn strateġija ġenerali intiża li twassal għas-sitwazzjoni fejn ebda kompjuter portabbli ta’ Lenovo li għandu CPU ta’ AMD ma jkun disponibbli fis-suq, inkluż iż-ŻEE, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta, fil-punt 277 tas-sentenza appellata, hija qieset li l-aġir ta’ Intel seta’ jkollu effett immedjat fiż-ŻEE.

53      Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

54      Fl-aħħar nett, Intel issostni li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet bi żball li l-ftehimiet konklużi ma’ Lenovo li jirrigwardaw is-CPUs intiżi li jiġu kkunsinnati fiċ-Ċina setgħu jipproduċu effett sostanzjali fis-suq taż-ŻEE, filwaqt li l-effetti ta’ dawn il-ftehimiet kienu negliġibbli.

55      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-aġir ta’ Intel fir-rigward ta’ Lenovo kien parti minn strateġija ġenerali intiża li tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-mezzi ta’ bejgħ l-iktar importanti tas-suq, liema fatt barra minn hekk ma huwiex ikkontestat minn Intel fl-appell tagħha.

56      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, fil-preżenza ta’ strateġija, bħal dik żviluppata minn Intel, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir tal-impriża meħud fl-intier tiegħu sabiex tiġi evalwata n-natura sostanzjali tal-effetti tiegħu fuq is-suq tal-Unjoni u taż-ŻEE.

57      Kif tenfasizza l-Kummissjoni, li kieku kellu jsir mod ieħor dan ikun jwassal għal frammentazzjoni artifiċjali ta’ aġir antikompetittiv globali, li tista’ taffettwa l-istruttura tas-suq fi ħdan iż-ŻEE, f’sensiela ta’ istanzi ta’ aġir distinti li jistgħu jaħarbu mill-ġurisdizzjoni tal-Unjoni.

58      Konsegwentement, l-argument imsemmi fil-punt 54 ta’ din is-sentenza għandu jiġi miċħud bħala infondat.

59      It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ Intel li jgħid li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 289 tas-sentenza appellata, qalbet illegalment l-oneru tal-prova, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 286 sa 289 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, għal dak li jirrigwarda l-posponiment tal-varar ta’ ċerti kompjuters fuq il-livell dinji, li minn elementi li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha kien jirriżulta li l-bejgħ ta’ dawn il-kompjuters kien previst fir-reġjun tal-Ewropa, tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika, li minnu ż-ŻEE tifforma parti importanti ħafna, liema fatt kien biżżejjed sabiex jiġu kkonstatati effetti tal-inqas potenzjali fiż-ŻEE.

60      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-assenza ta’ indizji konkreti li jippermettu li jiġi preżunt li l-bejgħ kollu previst kien ser jikkonċerna partijiet ta’ dan ir-reġjun għajr iż-ŻEE. Madankollu, din il-konstatazzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-punti 287 u 288 tas-sentenza appellata, li minnhom jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li s-suġġeriment, ifformulat waqt is-seduta, li jgħid li kien possibbli li t-totalità ta’ dawn il-kompjuters kienet intiża għal żoni għajr iż-ŻEE, kien jikkostitwixxi biss spekulazzjoni minn Intel li insostenn tagħha hija ma kienet invokat l-ebda argument.

61      Għaldaqstant, l-imsemmi argument huwa infondat.

62      Ir-raba’ u l-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-argumenti ta’ Intel dwar l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kriterju tal-implementazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 297 tas-sentenza appellata, li hija eżaminat dan il-kriterju għall-finijiet ta’ kompletezza.

63      Issa, l-ilmenti li jirrigwardaw motivi superfluwi tas-sentenza appellata ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ dik is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

65      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq difett proċedurali sostanzjali li jaffettwa d-drittijiet tad-difiża ta’ Intel

 L-argumenti tal-partijiet

66      Ir-raba’ aggravju, li għandu jiġi eżaminat fit-tieni lok sa fejn dan jikkonċerna l-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni jirrigwarda t-trattament proċedurali tal-intervista tal-Kummissjoni ma’ D 1. Dan huwa maqsum fi tliet partijiet.

67      L-ewwel nett, Intel issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 612 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004.

68      Minn naħa, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet għalhekk, fil-punt 614 tas-sentenza appellata, distinzjoni artifiċjali bejn l-intervisti formali u l-intervisti informali. Billi tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tal-14 ta’ Lulju 2009, Intel issostni li kull laqgħa ma terz intiża li tikseb informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni tikkostitwixxi intervista fis-sens tal-imsemmi Artikolu 19 u għandha għalhekk tiġi rrekordjata.

69      Min-naħa l-oħra, u sussidjarjament, fl-ipoteżi fejn ir-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li teżisti kategorija ta’ intervisti informali li ma tirrikjedix li dawn jiġu rrekordjati, Intel issostni li l-intervista ma’ D 1 ma kinitx taqa’ taħt din il-kategorija, bil-konsegwenza li l-Kummissjoni kellha tirrekordja l-kontenut tal-imsemmija intervista għaliex tali intervista, li damet ħames sigħat, kienet tinkludi elementi li għandhom importanza kbira u rabta oġġettiva mas-suġġett tal-investigazzjoni.

70      It-tieni nett, Intel issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta rrikonoxxiet li d-difett proċedurali li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, seta’ jiġi ssanat bil-komunikazzjoni lil Intel tal-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ nota li fiha l-punti tal-aġenda relatati mal-elementi essenzjali tal-intervista inkwistjoni, iżda nieqsa mis-sinteżi tal-kontenut tax-xhieda ta’ D 1. Intel issostni, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija nota ma kienx fiha sinteżi qasira tas-suġġetti diskussi, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 622 tas-sentenza appellata, iżda sempliċi lista tas-suġġetti diskussi matul din l-intervista.

71      Barra minn hekk, Intel tenfasizza li l-argument tal-Kummissjoni, ifformulat fir-risposta tagħha, li jgħid li l-komunikazzjoni tardiva tal-aide-mémoire ssanat il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, ma jistax jiġi rrikonċiljat mal-assenza flagranti fin-nota inkwistjoni tal-kontenut tax-xhieda ta’ D 1 jew mal-ammissjoni tal-Kummissjoni tal-fatt li din in-nota ma kinitx intiża li tirriproduċi eżattament jew b’mod eżawrjenti l-kontenut tal-laqgħa kkonċernata.

72      It-tielet nett, Intel issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma applikatx il-kriterju stabbilit mis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686). Billi sostniet, fil-punt 630 tas-sentenza appellata, li hija setgħet tikkostitwixxi mill-ġdid sal-grad rikjest mil-liġi l-kontenut tal-intervista inkwistjoni anki jekk hija ma kinitx attendiet għaliha, il-Qorti Ġenerali b’hekk imponiet fuqha l-oneru li tagħti prova tal-kontenut ta’ elementi li qatt ma kienu ġew ikkomunikati lilha.

73      L-ACT taqbel mal-argumenti ta’ Intel insostenn tar-raba’ aggravju u tenfasizza, b’mod partikolari, li ma setax jiġi eskluż li l-opinjoni espressa minn D 1 kienet tkun utli għad-difiża ta’ Intel peress li dan tal-aħħar kien ipproduċa provi li jiskaġunaw f’proċedura quddiem il-US Federal Trade Commission (aġenzija federali tal-kompetizzjoni tal-Istati Uniti) fl-2003.

74      Minbarra li tikkunsidra r-raba’ aggravju ineffettiv, il-Kummissjoni Ewropea tqis, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew, li fuqha tibbaża ruħha Intel, ma tistax tiġi invokata sabiex jintwera żball ta’ liġi, għar-raġuni li hija ma tikkontestax il-punt 617 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-laqgħa inkwistjoni ma kellhiex l-għan li tiġbor provi fil-forma ta’ rendikont iffirmat miż-żewġ partijiet jew ta’ dikjarazzjonijiet abbażi tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003. Il-Kummissjoni żżid li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 614 sa 616 tas-sentenza appellata, assimilat in-natura tal-informazzjoni li tista’ tinkiseb skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament għal dik ta’ informazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 18 tal-istess regolament qabel ma qieset li din il-laqgħa ma kinitx intervista fis-sens tal-imsemmi Artikolu 19.

75      Il-Kummissjoni ssostni, it-tieni nett, li l-komunikazzjoni tan-nota interna kienet tissana suffiċjentement l-irregolarità proċedurali invokata. Hija żżid li ċ-ċirkustanza li Intel ma kinitx preżenti għall-intervista inkwistjoni ma turi l-ebda żball fil-konklużjoni, fil-punt 631 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-prova setgħet tiġi kkostitwita mill-ġdid. Fil-fatt, Intel tikkontesta l-argumenti tagħha stess ippreżentati fl-ewwel istanza, li permezz tagħhom hija sostniet li d-dikjarazzjonijiet ta’ D 1 setgħu jiġu kkostitwiti mill-ġdid, tal-inqas sabiex jiġi kkonstatat li dawn id-dikjarazzjonijiet kienu neċessarjament ta’ natura li jiskaġunaw.

76      Il-Kummissjoni tgħid, it-tielet nett, li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ huma differenti minn dawk li taw lok għall-kawża tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686), fejn il-ksur tad-drittijiet tad-difiża kienet ġiet invokata fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-pożizzjoni dominanti ta’ Solvay SA fis-suq inkwistjoni, liema konstatazzjoni kienet ibbażata fuq preżunzjoni konfutabbli.

77      Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi applikat il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686), għaċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tikkonkludi li ma kienx jeżisti ksur tad-drittijiet tad-difiża.

78      Sa fejn id-dikjarazzjonijiet kollha ta’ Dell li jiċħdu l-eżistenza ta’ tnaqqis għal esklużività tqisu, fil-punt 582 tas-sentenza appellata, bħala li ma humiex kredibbli fid-dawl ta’ provi oħra prodotti, il-Kummissjoni tqis li rendikont in extenso taċ-ċaħda l-iktar kategorika ta’ D 1 ma kinitx tkun utli għal Intel.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

79      Qabelxejn, il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju huwa ineffettiv sa fejn il-konklużjoni tas-sentenza appellata li tgħid li Intel tat tnaqqis għal esklużjoni lil Dell ma hijiex ikkontestata.

80      Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud peress li, permezz ta’ dan l-aggravju, ir-rikorrenti titlob speċifikament, minn naħa, tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta u, min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn hija tirrigwarda lil Dell, billi ssostni li l-Kummissjoni, billi ma rrekordjatx l-intervista ma’ D 1, ċaħditha minn provi u għalhekk ippreġudikat id-drittijiet tad-difiża tagħha.

81      Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-imsemmi aggravju.

82      Permezz ta’ dan tal-aħħar, Intel tilmenta, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 612 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004.

83      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabelxejn, kif tagħmel il-Qorti Ġenerali fil-punt 621 tas-sentenza appellata, li min-nota interna tal-Kummissjoni dwar l-intervista ma’ D 1 jirriżulta, b’mod partikolari, li s-suġġetti diskussi waqt il-laqgħa ma’ dan tal-aħħar, li damet iktar minn ħames sigħat, kienu jirrigwardaw kwistjonijiet li għandhom rabta oġġettiva mal-mertu tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, D 1 kien wieħed mill-għola diretturi tal-ikbar klijent ta’ Intel u, kif enfasizzat Intel mingħajr ma tiġi kkontestata fuq dan il-punt, dan tal-aħħar kien, b’mod iktar partikolari, responsabbli għas-superviżjoni tar-relazzjonijiet tal-impriża tiegħu ma’ Intel. Minn dan jirriżulta li l-intervista li l-Kummissjoni kellha ma’ D 1 kienet intiża sabiex tinġabar informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni tagħha li tikkonċerna lil Intel, fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, liema fatt, barra minn hekk, ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

84      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda d-distinzjoni kkritikata bejn l-intervisti formali u l-intervisti informali stabbilita mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 614 tas-sentenza appellata, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż li japplika għal kull intervista li l-għan tagħha huwa l-ġbir ta’ informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjoni.

85      Il-premessa 25 tar-Regolament Nru 1/2003 tippreċiża, f’dan ir-rigward, li dan ir-regolament huwa intiż li jsaħħaħ is-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni billi jippermetti, b’mod partikolari, lil din tal-aħħar tintervista kwalunkwe persuna li tista’ tkun fil-pussess ta’ xi informazzjoni utli u tirrekordja l-istqarrijiet tagħha.

86      L-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jikkostitwixxi għalhekk bażi legali li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq intervista ma’ persuna fil-kuntest ta’ investigazzjoni, liema fatt huwa kkonfermat mix-xogħol preparatorju ta’ dan ir-regolament [ara l-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 81 u 82 [KE] u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 1017/68, (KEE) Nru 2988/74, (KEE) Nru 4056/86 u (KEE) Nru 3975/87 [COM (2000) 582 finali, ĠU 2000, C 365E, p. 284]].

87      Ebda element ibbażat fuq il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew fuq l-għan li hija tipprova tilħaq ma jippermetti li wieħed jikkonkludi li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jintroduċi distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ intervisti relatati mas-suġġett ta’ investigazzjoni jew jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni numru minn dawn l-intervisti.

88      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset, fil-punti 614 sa 618 tas-sentenza appellata, li għandha ssir distinzjoni, minn fost l-intervisti mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni, bejn l-intervisti formali li jaqgħu taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, u l-intervisti informali, li jaqgħu l-barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

89      It-tieni nett, sa fejn Intel issostni li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tirrekordja kull intervista mwettqa abbażi tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 773/2004, li jipprevedi li l-Kummissjoni “għandha wkoll tgħarraf lill-persuna intervistata bl-intenzjoni tagħha li tirrekordja (tirreġistra) l-intervista”, ma għandux jiġi interpretat fis-sens li l-irrekordjar tal-intervista għandu natura fakultattiva, iżda fis-sens li l-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-persuna kkonċernata bl-intenzjoni tagħha li tirrekordja l-intervista.

90      Sussegwentement, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2003, li jippreċiża li “[i]l-Kummissjoni tista’ tirrekordja d-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-persuni intervistati b’kull għamla”, jimplika, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament fil-punt 617 tas-sentenza appellata, li, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, bil-kunsens tal-persuna intervistata, li twettaq intervista abbażi tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, hija għandha l-obbligu li tirrekordja din l-intervista fl-intier tagħha, mingħajr preġudizzju għall-għażla mogħtija lill-Kummissjoni dwar il-forma ta’ dan l-irrekordjar.

91      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tirrekordja, bil-forma tal-għażla tagħha, kull intervista mwettqa minnha, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, għall-finijiet tal-ġbir ta’ informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni minnha.

92      Dwar il-kwistjoni jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidietx korrettament, fil-punt 622 tas-sentenza appellata, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ Intel, matul il-proċedura amministrattiva, tal-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ nota interna mfassla mill-Kummissjoni fir-rigward tal-laqgħa tagħha ma’ D 1 kien issana l-lakuna marbuta mal-assenza ta’ irrekordjar tal-intervista li seħħet waqt din il-laqgħa, għandu jitfakkar li, għalkemm, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punti 635 u 636 tas-sentenza appellata, din in-nota tinkludi sinteżi qasira tas-suġġetti diskussi waqt l-intervista kontenzjuża, hija ma fiha, għall-kuntrarju, ebda indikazzjoni dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet li nżammu waqt din l-intervista, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda n-natura tal-informazzjoni li D 1 ipprovda matul l-imsemmija intervista dwar is-suġġetti msemmija fiha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-komunikazzjoni tal-imsemmija nota interna lil Intel matul il-proċedura amministrattiva kienet issanat il-lakuna inizjali ta’ din il-proċedura, relatata mal-assenza ta’ irrekordjar tal-intervista inkwistjoni.

93      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi, l-ewwel nett, billi stabbilixxiet, minn fost l-intervisti relatati mas-suġġett ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, distinzjoni bejn l-intervisti formali, suġġetti għall-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, u l-intervisti informali, li jaqgħu l-barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, it-tieni nett, billi qieset li l-laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u D 1, minkejja li kellha bħala għan tali investigazzjoni tal-Kummissjoni, ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għar-raġuni li din ma kinitx tikkostitwixxi intervista formali, u, it-tielet nett, billi qieset, sussidjarjament, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ Intel, matul il-proċedura amministrattiva, ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota interna mfassla mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-laqgħa kien issana l-assenza ta’ irrekordjar ta’ din tal-aħħar.

94      Madankollu, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv jidher fondat fuq motivi ta’ dritt oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ dik is-sentenza u għandha ssir sostituzzjoni tal-motivi (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 611 ta-sentenza appellata, li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma bbażatx ruħha fuq informazzjoni miksuba waqt l-intervista ma’ D 1 sabiex takkuża lil Intel.

96      Madankollu, sa fejn din tal-aħħar sostniet li D 1 kien ipprovda lill-Kummissjoni elementi li jiskaġunaw li din tal-aħħar kellha żżomm f’minuti adegwati aċċessibbli minn Intel, għandu jitfakkar li, għal dak li jirrigwarda l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li allegatament jiskaġuna, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-detriment ta’ din tal-aħħar, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Għaldaqstant, l-impriża għandha turi li hija setgħet tuża l-imsemmi dokument li jiskaġuna għad-difiża tagħha, fis-sens li, jekk hija setgħet tużah matul il-proċedura amministrattiva, hija setgħet tinvoka elementi li ma jkunux jaqblu mal-konklużjonijiet li tkun waslet għalihom f’dan l-istadju il-Kummissjoni u setgħet għalhekk tinfluwenza, bi kwalsiasi mod, l-evalwazzjonijiet imwettqa minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Minn dan jirriżulta li l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi, minn naħa, li hija ma kellhiex aċċess għal ċerti provi li jiskaġunaw, u, min-naħa l-oħra, li hija setgħet tużahom għad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 24).

99      Issa, f’dan il-każ, mill-analiżi ddettaljata mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 629 sa 659 tas-sentenza appellata jirriżulta li Intel kienet ingħatat, matul il-proċedura amministrattiva, minbarra l-verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota interna mfassla mill-Kummissjoni fir-rigward tal-intervista ma’ D 1, “dokument ta’ segwitu” li fih it-tweġibiet bil-miktub ta’ Dell għall-mistoqsijiet orali li saru lil D 1 waqt din l-intervista.

100    Barra minn hekk, kif hemm indikat fil-punti 44 sa 49 u 628 tas-sentenza appellata, għalkemm Intel ingħatat il-possibbiltà, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fid-dawl tal-verżjoni kunfidenzjali ta’ din in-nota interna, li kien fiha indikazzjonijiet dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet, hija madankollu ma tat ebda indizju li jippermetti li jiġi preżunt li l-Kummissjoni astjeniet milli żżomm, waqt l-imsemmija intervista, elementi li jiskaġunaw u li setgħu kienu utli għad-difiża tagħha fis-sens li kienu ta’ natura li jixħtu dawl differenti fuq il-provi dokumentali diretti użati fid-deċiżjoni kontenzjuża sabiex tiġi stabbilita l-kundizzjonalità tal-prattiki inkwistjoni.

101    B’mod partikolari, kif tenfasizza il-Kummissjoni, Intel ma għamlitx użu mill-possibbiltà li hija kellha, skont l-Artikoli 68 sa 76 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fid-data tas-sentenza appellata, li titlob li D 1 jiġi mħarrek quddiem il-Qorti Ġenerali. Hija lanqas ma wriet quddiem il-Qorti Ġenerali li pprovat tikkuntattja lil D 1 sabiex tikseb minn dan tal-aħħar konferma li huwa ta, waqt l-intervista tiegħu, elementi li jiskaġunaw li setgħu kienu utli għad-difiża ta’ Intel.

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżbalji ta’ liġi, identifikati fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, li bihom hija vvizzjata s-sentenza appellata, ma humiex ta’ natura li jinvalidaw il-konklużjoni, fil-punt 625 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-proċedura amministrattiva ma hijiex ivvizzjata b’irregolarità, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Intel, li tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 164).

103    L-ewwel u t-tieni parti tar-raba’ aggravju għandhom, konsegwentement, jiġu miċħuda bħala ineffettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International, C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punt 66).

104    Sa fejn it-tielet parti tar-raba’ aggravju tirrigwarda l-applikazzjoni tas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686), għal dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq dan il-punt fil-kuntest tal-eżami, għall-finijiet ta’ kompletezza, tal-konsegwenzi ta’ irregolarità proċedurali ipotetika fil-konfront tad-deċiżjoni kontenzjuża.

105    Issa, l-ilmenti mressqa kontra motivi superfluwi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ dik is-sentenza u huma għalhekk ineffettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Għaldaqstant, it-tielet parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

107    Minn dan jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi minħabba l-assenza ta’ eżami tat-tnaqqis kontenzjuż fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha

 L-argumenti tal-partijiet

108    L-ewwel aggravju, li għandu jiġi eżaminat fit-tielet lok, sa fejn jirrigwarda l-klassifikazzjoni bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, jinqasam fi tliet partijiet.

109    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, Intel issostni li t-tnaqqis għal fedeltà jista’ jiġi kklassifikat bħala abbużiv biss wara eżami taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tnaqqis jistax jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Intel tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq il-punti 70 u 71 tas-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221), sabiex minnhom tiddeduċi li analiżi taċ-ċirkustanzi kollha tapplika kemm għal tnaqqis ta’ esklużività kif ukoll għal tnaqqis ieħor li jkollu effett li jiżgura l-fedeltà.

110    Intel iżżid li la l-formulazzjoni u lanqas l-istruttura tal-Artikolu 102 TFUE ma jindikaw li ċertu tip ta’ aġir, meta jiġi adottat minn impriża f’pożizzjoni dominanti, għandu jiġi kklassifikat bħala antikompetittiv min-natura tiegħu stess.

111    Intel issostni li l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, eżami taċ-ċirkustanzi kollha, inkluż eżami tal-livell tat-tnaqqis inkwistjoni, tat-tul tiegħu, tal-partijiet tas-suq ikkonċernati, tal-bżonnijiet tal-klijenti u tal-kapaċità tat-tnaqqis li jeskludi kompetitur daqstant effiċjenti (as efficient competitor test, iktar 'il quddiem it-“test AEC”), sabiex jiġi stabbilit li tali tnaqqis jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, għalhekk, jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

112    Barra minn hekk, l-affermazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li tgħid li impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ turi li l-aġir tagħha huwa oġġettivament iġġustifikat, tikkostitwixxi possibbiltà falza, peress li, fil-punt 89 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali affermat li l-effetti ta’ benefiċċju ta’ tali aġir ma jistgħux jiġu aċċettati. Bl-istess mod, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni twassal għas-sitwazzjoni fejn l-oneru tal-prova jinqaleb għaliex Intel ikollha tiġġustifika l-aġir tagħha qabel ma l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet li dan jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

113    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, Intel tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx il-probabbiltà ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-fatt li t-tnaqqis kontenzjuż jiġi kklassifikat jew analizzat fis-sentenza appellata bħala tnaqqis ta’ esklużività ma għandux jeskludi eżami tal-kapaċità tiegħu li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

114    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, Intel issostni li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 172 sa 197 tas-sentenza appellata, dwar il-kapaċità tat-tnaqqis li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u intiża sabiex turi li l-aġir inkwistjoni fil-konfront tal-benefiċjarji tat-tnaqqis seta’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni, hija insuffiċjenti u ma tissanax l-iżbalji ta’ liġi identifikati preċedentement.

115    Il-Qorti Ġenerali bi żball naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi importanti bħall-kopertura insuffiċjenti tas-suq mit-tnaqqis kontenzjuż, iż-żmien qasir tal-prattiki kkontestati, l-assenza ta’ esklużjoni mis-suq u tnaqqis malajr fil-prezzijiet kif ukoll l-analiżi minn qabel tal-kompetitur daqstant effiċjenti.

116    Għal dak li jirrigwarda l-kopertura tas-suq mit-tnaqqis kontenzjuż, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-parti tas-suq koperta mill-aġir kontenzjuż kienet sinjifikattiva. Ir-rata ta’ kopertura inkwistjoni, b’medja ta’ 14 %, ma hijiex paragunabbli mal-esklużjoni ta’ 39 % mis-suq ikkonċernat fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221), u ta’ 40 % fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il‑Kummissjoni (T‑65/98, EU:T:2003:281). Intel tikkontesta, f’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-kopertura tas-suq mill-prattiki kkontestati ma hijiex rilevanti, għaliex hija tieħu inkunsiderazzjoni biss l-effetti konkreti. Intel twieġeb li kopertura sostanzjali tas-suq hija element neċessarju sabiex jiġi kkonstatat abbuż.

117    Għal dak li jirrigwarda t-tul tal-prattiki kkontestati, Intel tqis li l-ftehimiet għal żmien qasir ma jipproduċu ebda effett dannuż reali jew potenzjali. Intel iżżid li, sabiex tiddikjara, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, li t-tul tal-ftehimiet ma kienx qasir, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq it-tul tal-ftehimiet ikkunsidrati individwalment, iżda fuq l-akkumulazzjoni ta’ bosta ftehimiet, bil-konsegwenza li ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-klijenti ta’ Intel setgħu frekwentement jerġgħu lura mill-ftehimiet tagħhom. Intel tikkontesta, f’dan ir-rigward, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-klijenti tagħha OEM ma setgħux jerġgħu lura mill-ftehimiet konklużi magħha minkejja t-tul qasir tagħhom. Il-fatt mhux ikkontestat li Dell bidlet il-fornitur favur AMD meta t-tnaqqis kien fl-iktar livell għoli tiegħu juri li l-possibbiltà ta’ bidla kienet reali.

118    Għal dak li jirrigwarda l-assenza ta’ esklużjoni mis-suq tat-tnaqqis kontenzjuż, Intel tqis li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet ta’ kapaċità li AMD kienet ġarrbet u li waqfuha milli tissodisfa d-domanda għal CPUs, minkejja li Dell u Lenovo kienu jixtru l-provvisti tagħhom esklużivament minn Intel matul il-perijodi kkonċernati.

119    Għal dak li jirrigwarda r-rilevanza tat-test AEC, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tqis li l-analiżi żviluppata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża kienet rilevanti u tifforma parti mill-istħarriġ li hija għandha twettaq sabiex tikkonforma ruħha mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Skont Intel, il-kwistjoni ma hijiex jekk il-Kummissjoni kellhiex l-obbligu li twettaq dan it-test. Madankollu, sa fejn hija wettqet tali analiżi, ir-riżultati korrettament evalwati kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fost iċ-ċirkustanzi rilevanti sabiex tintwera l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

120    L-ACT taqbel, essenzjalment, mal-pożizzjoni ta’ Intel.

121    Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq premessa mhux ipprovata li tgħid li t-tnaqqis ta’ esklużività jikkostitwixxi sempliċement tip ta’ prattika tariffarja. Għaldaqstant, ma hemmx il-bżonn li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina dan l-aggravju.

122    Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li t-tnaqqis ta’ esklużività għandu karatteristiċi antikompetittivi b’tali mod li ġeneralment ma huwiex meħtieġ li tintwera l-kapaċità tiegħu li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għaldaqstant, dan it-tnaqqis għandu effett dissważiv ikkawżat mill-prospett għall-impriża klijenta li titlef it-tnaqqis fuq il-parti inkontestabbli tas-suq. Minn dan jirriżulta li huwa jirrestrinġi ġeneralment il-libertà tal-klijenti li jagħżlu s-sorsi ta’ provvista tagħhom skont l-offerta l-iktar attraenti.

123    Barra minn hekk, Intel tat interpretazzjoni żbaljata lill-punti 70 u 71 tas-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221), billi affermat li dawn il-punti jirrigwardaw it-tnaqqis ta’ esklużività.

124    Il-Kummissjoni ssostni li l-argument ifformulat fit-tieni lok minn Intel huma inammissibbli għar-raġuni li hija ma tirreferi għal ebda żball ta’ liġi.

125    F’kull każ, l-imsemmi argument huwa ineffettiv għaliex, fil-punti 172 sa 197 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-aġir ta’ Intel kellu l-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

126    Il-Kummissjoni żżid, sussidjarjament, li l-kriterju ġuridiku stabbilit mill-ġurisprudenza dwar il-prattiki tariffarji kif ukoll dwar il-prattiki ta’ prezz ta’ esklużjoni ma huwiex applikabbli għat-tnaqqis ta’ esklużività. Hija tispjega, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet ittrasponiet il-kriterju ġuridiku ta’ evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ prattiki tariffarji għas-sistemi ta’ tnaqqis fis-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221), iżda li, f’dik is-sentenza, hija tenniet espressament li impriża f’pożizzjoni dominanti tabbuża minn din il-pożizzjoni meta hija tagħmel użu minn tali sistema ta’ tnaqqis.

127    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-argumenti mressqa minn Intel dwar il-punti 172 sa 197 tas-sentenza appellata, għaliex huwa biss għall-finijiet ta’ kompletezza li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet fid-deċiżjoni kontenzjuża l-kapaċità tal-aġir ta’ Intel li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

128    Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata turi sal-grad rikjest mil-liġi l-eżistenza ta’ strateġija ġenerali u li l-argumenti ta’ Intel fuq dan il-punt huma inammissibbli sa fejn dawn huma intiżi li jiksbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti. Hija twieġeb ukoll għall-argumenti ta’ Intel dwar in-natura permanenti tal-kopertura tas-suq kif ukoll tat-tul tal-prattika.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

129    L-ewwel nett, permezz tal-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju tagħha, Intel, sostnuta mill-ACT, tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-prattiki inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE mingħajr ma qabel jitwettaq eżami taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u mingħajr ma tiġi eżaminata l-probabbiltà ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn dan l-aġir.

130    It-tieni nett, permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, Intel tikkritika l-analiżi tal-Qorti Ġenerali mwettqa għall-finijiet ta’ kompletezza, b’mod partikolari fil-punti 172 sa 197 tas-sentenza appellata, dwar il-kapaċità tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet mogħtija lil Dell, lil HP, lil NEC, lil Lenovo u lil MSH li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

131    F’dan il-kuntest, Intel tikkontesta, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar ir-rilevanza tat-test AEC applikat mill-Kummissjoni f’dan il-każ.

132    B’mod partikolari, hija ssostni li, sa fejn il-Kummissjoni wettqet tali test, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina l-argument tagħha bbażat fuq il-fatt li l-applikazzjoni tal-imsemmi test kien jinkludi diversi żbalji u li, li kieku dan ġie applikat korrettament, kien iwassal għall-konklużjoni, opposta għal dik li waslet għaliha l-Kummissjoni, li t-tnaqqis kontenzjuż ma kellux il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

133    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 102 TFUE bl-ebda mod ma għandu bħala għan li jimpedixxi lil impriża li tikseb, fuq mertu tagħha stess, il-pożizzjoni dominanti f’suq. Din id-dispożizzjoni lanqas ma hija intiża li tiżgura li kompetituri inqas effettivi mill-impriża f’pożizzjoni dominanti jibqgħu fis-suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Għalhekk, mhux kull effett ta’ esklużjoni neċessarjament jippreġudika l-kompetizzjoni. Mid-definizzjoni tagħha stess, il-kompetizzjoni fuq il-mertu tista’ twassal għat-telf tas-suq jew għall-marġinalizzazzjoni tal-kompetituri inqas effettivi u għalhekk inqas interessanti għall-konsumaturi mill-perspettiva b’mod partikolari tal-prezzijiet, tal-għażla, tal-kwalità jew tal-innovazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    Madankollu, hija l-impriża f’pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 57, kif ukoll tas-27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    Din hija ir-raġuni għalfejn l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi, b’mod partikolari, lil impriża f’pożizzjoni dominanti milli timplementa prattiki li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri tagħha meqjusa li huma daqstant effettivi bħalha, sabiex b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha billi tapplika miżuri li ma jaqgħux taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu. Minn din il-perspettiva, kull kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet ma tistax għalhekk titqies li hija leġittima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 25).

137    F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li, għal impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti f’suq, il-fatt li torbot xerrejja, anki jekk fuq it-talba tagħhom, permezz ta’ obbligu jew ta’ wegħda li jiksbu l-bżonnijiet kollha tagħhom jew parti kunsiderevoli mill-bżonnijiet tagħhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, kemm jekk l-obbligu huwa stipulat mingħajr kwalifika oħra, kemm jekk dan ikollu l-korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis. L-istess japplika meta l-imsemmija impriża, mingħajr ma torbot lix-xerrejja permezz ta’ obbligu formali, tapplika, taħt il-ftehimiet konklużi ma’ dawn ix-xerrejja jew unilateralment, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri tnaqqis marbut mal-kundizzjoni li l-klijent, irrispettivament mill-ammont ta’ dan ix-xiri, jixtri esklużivament għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew għall-parti l-kbira tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 89).

138    Madankollu, din il-ġurisprudenza għandha tiġi ċċarata iktar fil-każ fejn l-impriża kkonċernata ssostni, matul il-proċedura amministrattiva u abbażi ta’ provi ta’ sostenn, li l-aġir tagħha ma kellux il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jipproduċi effetti ta’ esklużjoni allegati.

139    F’tali każ, il-Kummissjoni mhux biss hija obbligata tanalizza, minn naħa, l-importanza tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża fis-suq rilevanti u, min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ kopertura tas-suq mill-prattika kkontestata, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-għoti tat-tnaqqis inkwistjoni, it-tul tiegħu u l-ammont tiegħu, iżda hija obbligata wkoll tevalwa l-eżistenza eventwali ta’ strateġija intiża li teskludi l-kompetituri li tal-inqas huma daqstant effettivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 29).

140    L-analiżi tal-kapaċità ta’ esklużjoni hija rilevanti wkoll għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk sistema ta’ tnaqqis li taqa’, bħala prinċipju, taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 102 TFUE tistax tkun oġġettivament iġġustifikata. Barra minn hekk, l-effett ta’ esklużjoni li jirriżulta minn sistema ta’ tnaqqis, żvantaġġuża għall-kompetizzjoni, tista’ tiġi kkumpensata, jew anki maqbuża, permezz tal-vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effikaċja li minnhom japprofitta wkoll il-konsumatur (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 86). Tali bbilanċjar tal-effetti, vantaġġużi u żvantaġġużi għall-kompetizzjoni, tal-prattika kkontestata jista’ jsir fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni biss wara analiżi tal-kapaċità ta’ esklużjoni tal-kompetituri li tal-inqas huma daqstant effettivi, inerenti għall-prattika inkwistjoni.

141    Jekk, f’deċiżjoni li tikkonstata n-natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis, il-Kummissjoni twettaq tali analiżi, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina l-argumenti kollha tar-rikorrent intiżi li jqiegħdu inkwistjoni l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta’ esklużjoni tas-sistema ta’ tnaqqis ikkonċernata.

142    F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni, filwaqt li tenfasizza li t-tnaqqis inkwistjoni kellu, min-natura tiegħu stess, il-kapaċità li jirrestrinġi il-kompetizzjoni b’mod li analiżi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, test AEC ma kinux neċessarji sabiex jiġi kkonstatat abbuż minn pożizzjoni dominanti (ara, b’mod partikolari, il-punti 925 u 1760 ta’ din id-deċiżjoni), wettqet xorta waħda eżami fil-fond ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, billi pprovdiet, fil-punti 1002 sa 1576 ta’ din id-deċiżjoni, żviluppi ddettaljati ħafna fir-rigward tal-analiżi tagħha mwettqa fil-kuntest tat-test AEC, liema analiżi wasslitha sabiex tikkonkludi, fil-punti 1574 u 1575 tal-imsemmija deċiżjoni, li kompetitur daqstant effettiv kien ikollu joffru prezzijiet li ma kinux vijabbli u li, għaldaqstant, il-prattika ta’ tnaqqis inkwistjoni seta’ jkollha effetti ta’ esklużjoni ta’ tali kompetitur.

143    Minn dan jirriżulta li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, it-test AEC kellu importanza reali fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kapaċità tal-prattika ta’ tnaqqis inkwistjoni li tipproduċi effett ta’ esklużjoni ta’ kompetituri daqstant effettivi.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kellha l-obbligu li teżamina l-argumenti kollha ta’ Intel dwar dan it-test.

145    Issa, ġie deċiż, fil-punti 151 u 166 tas-sentenza appellata, li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx it-test AEC skont ir-regoli speċifiċi u mingħajr ma twettaq żbalji, u li lanqas ma kien neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-kalkoli alternattivi proposti minn Intel kinux sarux b’mod korrett.

146    Fil-kuntest tal-eżami tagħha, għall-finijiet ta’ kompletezza, taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali għalhekk eskludiet, fil-punti 172 sa 175 tas-sentenza appellata, kull rilevanza tat-test AEC imwettaq mill-Kummissjoni, u, għaldaqstant, ma weġbitx għall-kritika mressqa minn Intel kontra dan it-test.

147    Konsegwentement, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni, it-tielet u s-sitt aggravju, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali astjeniet b’mod żbaljat, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-kapaċità tat-tnaqqis kontenzjuż li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, milli tieħu inkunsiderazzjoni l-argument ta’ Intel intiż li jesponi allegati żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-test AEC.

 Fuq li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali

148    Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan madankollu ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.

149    Fil-fatt, l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-argumenti mressqa minn Intel, tal-kapaċità tat-tnaqqis kontenzjuż li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jimplika l-eżami ta’ elementi fattwali u ekonomiċi li għandha titwettaq minnha.

150    Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ispejjeż

151    Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ din il-proċedura ta’ appell jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Ġunju 2014, Intel vs IlKummissjoni (T286/09, EU:T:2014:547), hija annullata.

2)      Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.