Language of document : ECLI:EU:F:2012:193

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑63/09

Paola Donati

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BĊE — Ilment dwar fastidju psikoloġiku — Investigazzjoni amministrattiva — Aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni — Trażmissjoni tal-fajl lill-persuni involuti fl-ilment — Dmir ta’ kunfidenzjalità — Rispett tad-drittijiet tad-difiża”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat UE u mat-Tattat FUE, li permezz tiegħu P. Donati essenzjalment titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li ma jilqax l-ilment dwar fastidju psikoloġiku u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-BĊE li jħallasha d-danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Sistema dixxiplinarja — Rapport ta’ investigazzjoni interna dwar allegat fastidju psikoloġiku li jikkonkludi għaċ-ċaħda tal-allegazzjonijiet — Deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv li tingħalaq l-investigazzjoni mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri — Konsegwenza — Nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura dixxiplinarja

(Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 8.3.2 ; Bank Ċentrali Ewropew, Ċirkulari Nru 1/2006)

3.      Bank Ċentrali Ewropew — Kompetenzi tal-Bord Eżekuttiv — Adozzjoni tad-deċiżjonijiet b’mod impliċitu — Ammissibbiltà

(Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 11(5))

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Investigazzjonijiet amministrattivi interni — Terminu għall-preżentata ta’ osservazzjonijiet — Assenza — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Bank Ċentrali Ewropew, Ċirkulari Nru 1/2006)

5.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Att preparatorju — Rapport redatt sussegwentement għal investigazzjoni amministrattiva interna — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2); Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 8.3.2)

6.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Dritt li persuna tiġi assistita minn avukat — Portata — Obbligu li lanjant ikun permess jiġi assistit fil-kuntest ta’ investigazzjoni interna — Assenza

7.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Drittijiet u obbligi — Investigazzjoni interna dwar allegat fastidju psikoloġiku — Dritt ta’ aċċess tal-lanjant għall-fajl tal-investigazzjoni — Limiti — Obbligu ta’ kunfidenzjalità tal-amministrazzjoni

(Bank Ċentrali Ewropew, Ċirkulari Nru 1/2006)

8.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Investigazzjonijiet amministrattivi interni — Obbligu tal-bord responsabbli mill-investigazzjoni li jsejjaħ ix-xhieda kollha proposti mil-lanjant — Assenza

(Bank Ċentrali Ewropew, Ċirkulari Nru 1/2006)

9.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Investigazzjonijiet amministrattivi interni — Ħatra tal-membri tal-bord responsabbli mill-investigazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Bank Ċentrali Ewropew, Ċirkulari Nru 1/2006)

10.    Uffiċjali — Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Applikazzjoni ratione temporis

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

1.      Id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha, ipprovdut mill-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ikkrea fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tas-servizz pubbliku. Dan id-dmir, kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jimplika b’mod partikolari li, meta hija tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal, l-awtorità kompetenti tikkunsidra l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, billi tagħmel dan, hija tikkunsidra mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Dan id-dmir ta’ premura, kif ukoll ir-rispett tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jaqgħu wkoll fuq il-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-persunal tiegħu.

(ara l-punt 94)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMEA, F‑35/07, punt 67; 11 ta’ Lulju 2012, AI vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑85/10, punt 166

2.      Mill-Artikolu 2 u mill-Artikolu 6(14) taċ-Ċirkulari Amministrattiv Nru 1/2006 fuq l-Investigazzjonijiet amministrattivi interni, adottat mill-Bank Ċentrali Ewropew, moqrija flimkien mal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank, jirriżulta li, meta rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva interna dwar allegat fastidju psikoloġiku jikkonkludi li l-allegazzjonijiet tal-lanjant dwar allegat nuqqas mill-obbligi professjonali minn naħa ta’ membru tal-persunal tal-Bank ma humiex fondati, l-uniċi konsegwenzi li jaqgħu fuq l-awtorità kompetenti huma biss l-għeluq tal-investigazzjoni amministrattiva interna u li ma tittieħed ebda azzjoni ulterjuri dwar l-ilment ippreżentat.

Konsegwentement, billi jadotta deċiżjoni formali, li permezz tagħha jirrikonoxxi r-rapport finali ta’ investigazzjoni u jiddeċiedi li jitlob lis-servizzi kompetenti jinformaw lill-persuni kkonċernati dwar ir-riżultat tagħhom, il-Bord Eżekuttiv japprova kemm il-kontenut tar-rapport finali ta’ investigazzjoni kif ukoll il-konsegwenzi implikati minn dan il-kontenut, jiġifieri l-għeluq tal-investigazzjoni amministrattiva u n-nuqqas li tittieħed azzjoni ulterjuri tal-ilment. Tali deċiżjoni timplika neċessarjament li l-Bord Eżekuttiv ma adottax deċiżjoni għall-finijiet li jiftaħ proċedura dixxiplinarja. Konsegwentement, il-lanjant ma jistax jikkritika lill-Bord Eżekuttiv li adotta impliċitament id-deċiżjoni li ma jiftaħx proċedura dixxiplinarja sa fejn in-nuqqas ta’ ftuħ ta’ tali proċedura hija l-konsegwenza awtomatika ta’ kull deċiżjoni li ma tittieħed ebda azzjoni ulterjuri dwar l-ilment li wassal għal investigazzjoni amministrattiva.

Fi kwalunkwe każ, sa fejn ir-rapport finali ta’ investigazzjoni jikkonkludi li l-allegazzjonijiet tal-lanjant ma humiex fondati, l-approvazzjoni tal-imsemmi rapport mill-Bord Eżekuttiv tkun inkompatibbli mal-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinarja fir-rigward tal-persuna li hija s-suġġett tal-investigazzjoni amministrattiva. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 8.3.2 tar-regoli applikabbli għall-persunal jipprovdi li l-Bord Eżekuttiv jista’ jiddeċiedi li ma jimponi ebda sanzjoni dixxiplinarja fuq il-persuna li hija s-suġġett tal-investigazzjoni amministrattiva u b’hekk li ma jibdiex proċedura dixxiplinarja fir-rigward tagħha, anki f’każ ta’ nuqqas mill-obbligi professjonali, għall-kuntrarju, peress li l-ebda responsabbiltà ma tista’ tiġi attribwita fir-rigward ta’ din il-persuna skont ir-rapport finali ta’ investigazzjoni, kulma jista’ jagħmel il-Bord Eżekuttiv huwa li jinforma lil din u jiċħad il-kawża mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri.

(ara l-punti 105, 106, 111 u 112)

3.      L-Artikolu 11.5 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew ma jistabbilixxix proċedura speċifika għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord Eżekuttiv, iżda jillimita ruħu li jistabbilixxi n-numru ta’ voti li għandu kull membru tal-Bord Eżekuttiv u l-maġġoranza ta’ voti meħtieġa għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet. Din id-dispożizzjoni b’hekk ma tippermettix li jiġi konkluż li hemm projbizzjoni għall-Bord Eżekuttiv li jadotta deċiżjonijiet b’mod impliċitu.

(ara l-punt 113)

4.      Fir-rigward tat-terminu mogħti lil membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew sabiex jippreżenta osservazzjonijiet fuq abbozz tar-rapport ta’ investigazzjoni dwar allegat fastidju psikoloġiku li kien vittma tiegħu, peress li ċ-Ċirkulari Amministrattiva Nru 1/2006 fuq l-Investigazzjonijiet amministrattivi interni, adottat mill-Bank, ma jistabbilixxi ebda terminu, huwa l-prinċipju tat-terminu raġonevoli li japplika.

F’dan ir-rigward, il-karattru raġonevoli tat-tul ta’ proċedura amministrattiva għandu jiġi evalwat abbażi ta’ ċirkustanzi proprji għal kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest li fiha sseħħ, tal-istadji proċedurali differenti li ġew segwiti, tal-kumplessità tal-kawża kif ukoll tal-eżitu għall-partijiet interessati differenti. Min-naħa l-oħra, il-karattru raġonevoli tal-imsemmi terminu ta’ preżentata tal-osservazzjonijiet ma tistax tiġi stabbilita abbażi tad-disponibbiltà professjonali ta’ terz.

(ara l-punti 129 u 131)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T‑213/95 u T‑18/96, punt 57; 17 ta’ Settembru 2003, Stadtsportverband Neuss vs Il-Kummissjoni, T‑137/01, punt 125

5.      L-att li jikkawża preġudizzju lil uffiċjal huwa dak li jipproduċi effetti ġuridiċi obbligatorji b’mod li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni ġuridika tagħha. B’hekk, fil-qasam ta’ rikors ta’ uffiċjal, l-atti preparatorji ta’ deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Dan jirriżulta minn rapport redatt sussegwentement għal investigazzjoni amministrattiva interna tal-Bank Ċentrali Ewropew, li tirreferi għal fatti u ċirkustanzi tan-nuqqas għall-obbligi professjonali ta’ membru tal-persunal tal-Bank u li jammonta l-iktar, għal att preparatorju tad-deċiżjoni finali li tinfetaħ jew le investigazzjoni dixxiplinarja.

(ara l-punti 137 u 138)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il-Parlament, F‑71/08, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata; 15 ta’ Settembru 2011, Munch vs UASI, F‑6/10, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      Sa fejn il-proċedura ta’ investigazzjoni li ġiet segwita f’investigazzjoni amministrattiva interna tal-Bank Ċentrali Ewropew hija ta’ natura amministrattiva u mhux ġudizzjarja, peress li l-unika finalità ta’ tali investigazzjoni hija dik li jiġu vverifikati l-fatti, membru tal-persunal tal-Bank li huwa lanjant fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni ma jistax validament isostni li għandu dritt, li jifforma parti mid-drittijiet ta’ difiża tiegħu, li jiġi assistit mill-avukat tiegħu fil-proċedura ta’ investigazzjoni. Il-fatt li l-parti kkonċernata ma setgħetx tiġi assistita mill-avukat tagħha f’investigazzjoni b’hekk ma jwassalx għal irregolarità ta’ din u lanqas, konsegwentement, tad-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank li tingħalaq l-investigazzjoni.

(ara l-punti 137 u 139)

7.      Fil-proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva li twettqet sussegwentement għal ilment dwar fastidju psikoloġiku, l-amministrazzjoni hija obbligata teżamina żewġ drittijiet li jistgħu jkunu kontradittorji, jiġifieri d-dritt għall-persuna li hija s-suġġett tal-ilment li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha u d-dritt tal-lanjant li l-ilment tiegħu jiġi eżaminat korrettement. Dan id-dritt tal-lanjant jissarraf fi dmir ta’ kunfidenzjalità tal-amministrazzjoni, skont liema din għandha tastjeni minn kull azzjoni li tista’ tikkomprometti r-riżultati tal-investigazzjoni amministrattiva.

F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 7(3) taċ-Ċirkulari Amministrattiva Nru 1/2006 fuq l-Investigazzjonijiet amministrattivi interni, adottata mill-Bank Ċentrali Ewropew, jirriżulta li l-persuni li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni amministrattiva għandhom dritt ta’ aċċess limitat għad-dokumenti ppreżentati mil-lanjant insostenn tal-ilment tiegħu, liema dritt ta’ aċċess huwa limitat għad-dokumenti li jiżvelaw fatti importanti. Billi tillimita d-dritt ta’ aċċess tal-persuni li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni amministrattiva, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tħares id-drittijiet tad-difiża ta’ dawn il-persuni filwaqt li tħares ir-rispett mill-amministrazzjoni tal-obbligu tagħha ta’ kunfidenzjalità.

(ara l-punti 171 u 174)

8.      Bord responsabbli milli jwettaq investigazzjoni amministrattiva interna tal-Bank Ċentrali Ewropew bl-ebda mod ma huwa obbligat li jsejjaħ ix-xhieda kollha proposti minn lanjant fil-kuntest tal-investigazzjoni.

(ara l-punt 187)

9.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva interna tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-persuna responsabbli mill-investigazzjoni u l-bord għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-evalwazzjoni tan-neċessità li jissejħu personalitajiet li huma esterni mill-Bank sabiex, rispettivament, jiġu maħtura bħala membri ta’ bord u sabiex jiġu kkonsultati għall-opinjoni tagħhom. L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni huwa limitat għad-domanda dwar jekk il-persuna responsabbli mill-investigazzjoni u l-bord aġixxewx f’limiti raġonevoli u ma għamlux użu manifestament żbaljat mis-setgħa diskrezzjonali tagħhom.

(ara l-punt 194)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il-Kummissjoni, F‑23/05, punt 136

10.    L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku, li jidher fl-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, japplika għall-aġir li seħħ sa mid-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni, jiġifieri, l-1 ta’ Mejju 2004.

(ara l-punt 212)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il-Kummissjoni, F‑52/05, punti 132, 133 u 135