Language of document : ECLI:EU:T:2019:173

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Marzu 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija minn Spanja favur ċerti klabbs tal-futbol professjonali – Garanzija – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Vantaġġ – Obbligu ta’ motivazzjoni”

fil-Kawża T-766/16,

Hércules Club de Fútbol, SAD, stabbilita f’Alicante (Spanja), irrappreżentat minn S. Rating u Y. Martínez Mata, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn A. Gavela Llopis u M.J. García-Valdecasas Dorrego, sussegwentement minn García-Valdecasas Dorrego, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo, B. Stromsky u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/365 tal-4 ta’ Lulju 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva, Hércules Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva u Elche Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva (ĠU 2017, L 55, p. 12),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, J. Schwarcz u L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín, Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-14 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Hércules Club de Fútbol, SAD, hija klabb tal-futbol professjonali li għandha s-sede f’Alicante, fil-komunità ta’ Valencia (Spanja).

2        Il-Fundación Hércules de Alicante (iktar ’il quddiem il-“Fundación Hércules”) hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li għandha l-għan tagħha bħala kumpannija marbut mal-attivitajiet tar-rikorrenti. Skont id-dispożizzjonijiet tal-istatuti u tar-regolamenti tal-Fundación Hercules, il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Hercules CF huma legalment membri tal-korp governattiv ta’ Fundacion Hercules.

3        Fis-26 ta’ Lulju 2010, l-Instituto Valenciano de Finanzas (iktar ’il quddiem l-“IVF”), stabbiliment finanzjarju tal-Generalitat Valenciana (il-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, Spanja), ipprovdiet lill-Fundación Hércules garanzija għal self bankarju ta’ EUR 18 miljuni mogħti mill-Caja de Ahorros del Mediterráneo (iktar ’il quddiem il-“CAM”), sabiex takkwista ċert azzjonijiet maħruġa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ żieda tal-kapital deċiża minn din tal-aħħar. Fil-mument tal-ħruġ ta’ din iż-żieda tal-kapital, Fundación Hércules kellha 81.96 % tal-azzjonijiet tar-rikorrenti.

4        Il-garanzija kienet tkopri 100 % tal-ammont prinċipal tas-self, flimkien mal-imgħax u l-ispejjeż tat-tranżazzjoni ggarantita. Bħala korrispettiv, il-Fundación Hércules kellha tħallas lill-IVF kummissjoni annwali ta’ garanzija ta’ 1 %. Barra minn hekk, l-IVF kellu jirċievi bi pleġġ, bħala kontra-garanzija, l-azzjonijiet tar-rikorrenti akkwistati mill-Fundación Hércules. Provviżorjament, sal-għoti bi pleġġ tal-azzjonijiet, kien previst li l-IVF tirċievi garanzija mill-proprjetarju tal-istadju José Rico Pérez, Aligestión Integral SA (iktar ’il quddiem “Aligestión”), u l-għoti bi pleġġ tal-azzjonijiet tar-rikorrenti miżmuma minn Aligestión. It-tul tas-self sottostanti kien ta’ ħames snin. Ir-rata tal-imgħax tas-self sottostanti kienet ekwivalenti għal rata fissa ta’ 4 % fl-ewwel 36 xahar u r-rata Euribor sena fl-ewwel sena miżjuda b’marġni ta’ 2 % matul l-24 xahar suċċessivi. Barra minn hekk, kienet tapplika wkoll kummissjoni tal-ftuħ ta’ 0.5 %. Il-ħlas lura tas-self iggarantit (ammont prinċipali u interessi) kellu jsir bil-bejgħ tal-azzjonijiet tar-rikorrenti akkwistati mill-Fundación Hércules.

5        Wara l-għoti tal-garanzija pubblika mill-IVF, Fundación Hercules ma ħallasx lura s-self sottostanti. Konsegwentement, fl-24 ta’ Jannar 2012, l-IVF, sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu bħala garanti, ħallas lura l-ammont ta’ EUR 18.4 miljuni lil CAM, issostitwixxa lil dan tal-aħħar bħala l-kreditur tas-self inkwistjoni u sussegwentement beda proċeduri ġudizzjarji kontra Fundación Hercules sabiex jirkupra l-ammont inkwistjoni.

6        Ladarba ġiet informata bl-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat preżunta, mogħtija mill-Komunità Awtonoma ta’ Valencia fil-forma ta’ garanziji ta’ self bankarju favur Valencia Club de Fútbol, SAD, ir-rikorrenti u Elche Club de Fútbol, SAD, il-Kummissjoni Ewropea, fit-8 ta’ April 2013, stiednet lir-Renju ta’ Spanja jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din l-informazzjoni. Dan tal-aħħar weġibha fis-27 ta’ Mejju u fit-3 ta’ Ġunju 2013.

7        B’ittra tat-18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni innotifikat lir-Renju ta’ Spanja bid-Deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. B’ittra tal-10 ta’ Frar 2014, Spanja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ.

8        Matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet u l-informazzjoni tar-Renju ta’ Spanja, tal-IVF, tal-Liga Nacional de Fútbol Profesional, ta’ Valencia Club de Fútbol u tal-Fundaciόn Valencia Club de Fútbol.

9        Permezz ta’ tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/365 tal-4 ta’ Lulju 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva, Hércules Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva u Elche Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva (ĠU 2017, L 55, p. 12), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni sostniet b’mod partikolari li l-garanzija pubblika mogħtija lill-IVF fis-26 ta’ Lulju 2010 sabiex tkopri self bankarju mogħti lill-Fundación Hércules sabiex jiġu sottoskritti l-azzjonijiet tar-rikorrenti, fil-kuntest tat-tranżazzjoni ta’ żieda tal-kapital deċiża minn din tal-aħħar (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”), kienet tikkostitwixxi għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, fl-ammont ta’ EUR 6 143 000 (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, il-Kummissjoni ordnat lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-għajnuna mingħand ir-rikorrenti (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata), liema rkupru kellu jsir b’mod “immedjat u effettiv” (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fid-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni, mogħtija mill-IVF, kienet timmobilizza riżorsi statali u kienet imputabbli lir-Renju ta’ Spanja. Fit-tieni lok, il-benefiċjarju tal-għajnuna kienet ir-rikorrenti u mhux il-Fundación Hércules, li aġixxiet bħala vettura finanzjarja, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan tal-miżura li kienet intiża li tiffaċilita l-finanzjament taż-żieda tal-kapital tar-rikorrenti. Issa, is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti fil-mument tal-għoti tal-miżura inkwistjoni kienet dik ta’ impriża f’diffikultà fis-sens tal-paragrafu 10(a) kif ukoll tal-paragrafu 11 tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni”). Fir-rigward tal-kriterji ddefiniti fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-garanziji”), u fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti kif ukoll tal-kundizzjonijiet tal-garanzija pubblika li bbenefika minnha, il-Kummissjoni kkonkludiet favur l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu, li setgħet toħloq jew thedded li toħloq distorzjoni tal-kompetizzjoni u tinċidi fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkwantifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-element ta’ għajnuna allegatament mogħtija lir-rikorrenti billi bbażat ruħha fuq ir-rata ta’ riferiment applikabbli b’mod konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU 2008, C 14, p. 6), fl-assenza ta’ paragun sinjifikattiv possibbli abbażi ta’ tranżazzjonijiet simili mwettqa fis-suq. Fl-okkażjoni tal-kwantifikazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li l-valur tal-azzjonijiet tar-rikorrenti mogħtija bi pleġġ lill-IVF, bħala kontra-garanzija, kien kważi null. Fl-aħħar, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna kontenzjuża ma kinitx kompatibbli mas-suq intern, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji u tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida fuq is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti ppreżenta r-rikors odjern u fih talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tordna l-irkupru tal-għajnuna.

13      Fir-risposta tagħha, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      Ir-rikorrenti ppreżenta r-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Marzu 2017.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2017, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta li r-Renju ta’ Spanja jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

16      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ April 2017.

17      Ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Ġunju 2017.

18      Huwa jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ r-rikors u tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19      Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent tagħha fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Lulju 2017.

20      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti indikat li hija kienet tixtieq tinstema’ waqt is-seduta.

21      Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Marzu 2018, Hércules Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni (T-766/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:170), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji u żamm l-ispejjeż riżervati.

22      B’ittri tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2018, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet kollha, abbażi ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 u tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

23      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2018.

24      B’digriet tat-22 ta’ Novembru 2018, Hércules Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni [C-334/18 P(R), EU:C:2018:952], l-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-Qorti Ġenerali annulla d-digriet tat-22 ta’ Marzu 2018, Hércules Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni (T-766/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:170), u bagħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Fit-28 ta’ Novembru 2018, il-President tal-Qorti Ġenerali adotta digriet abbażi tal-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li bih huwa ordna s-sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, sad-data tad-digriet li jtemm il-proċedura ta’ miżuri provviżorji.

 Fid-dritt

 Fuq it-talba ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

25      Fil-kuntest tar-rikors, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex tikkonsulta ċerti elementi tal-proċess tal-proċedura amministrattiva li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata.

26      Skont ir-rikorrenti, l-aċċess għall-komunikazzjonijiet kollha magħmula mill-awtoritajiet amministrattivi Spanjoli, nazzjonali u reġjonali, mal-Kummissjoni matul il-fażi amministrattiva – sa fejn dawn ma jikkonċernawx speċifikament lil Valencia Club de Fútbol jew lil Elche Club de Fútbol – huwa neċessarju sabiex hija tkun tista’ teżerċita id-drittijiet tagħha tad-difiża b’mod sħiħ u tirrimedja t-trattament diskriminatorju li kienet vittma tiegħu min-naħa tal-imsemmija awtoritajiet. Barra minn hekk, mill-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din hija bbażata fuq dikjarazzjonijiet mhux eżatti tal-awtoritajiet Spanjoli, jew interpretazzjoni żbaljata ta’ dawn tal-aħħar, fatt li jsaħħaħ il-leġittimità tat-talba tagħha. L-aċċettazzjoni tat-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura hija l-unika raġuni għar-rikorrenti sabiex tikkompleta l-motivi u l-argumenti tagħha fil-mument adatt tal-proċedura, peress li huwa nnotat li hija kellha tippreżenta r-rikors odjern għal annullament u tressaq talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni mingħajr ma taċċedi għall-argumenti tal-awtoritajiet Spanjoli fformulati waqt il-fażi amministrattiva.

27      Skont l-Artikolu 88(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jistgħu jittieħdu f’kull stadju tal-proċedura, kemm ex officio, kif ukoll fuq talba ta’ parti prinċipali. Dawn il-miżuri huma intiżi, skont l-Artikolu 89 ta’ dawn ir-regoli, li jiżguraw, fl-aħjar kundizzjonijiet, is-smigħ tal-kawżi, l-iżvolġiment tal-proċeduri u s-soluzzjoni tal-kawżi. B’mod partikolari, dawn jistgħu jikkonsistu fit-talba lil parti sabiex tipproduċi kull att li huwa marbut mal-kawża [Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura].

28      Hemm ukoll lok li jiġi mfakkar li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-utilità tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba minn waħda mill-partijiet prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il-Kummissjoni, T-112/96 u T-115/96, EU:T:1999:134, punt 284).

29      Sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddetermina jekk huwiex utli għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura li tordna l-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti, il-parti li tkun talbet tali produzzjoni għandha tidentifika d-dokumenti mitluba u tipprovdi lill-Qorti Ġenerali għall-inqas b’informazzjoni minima li turi l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-finijiet tal-kawża (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, EU:C:1998:608, punt 93; ara wkoll, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2013, TF1 vs Il-Kummissjoni, T-275/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:535, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).B’hekk, ir-rikorrenti għandha b’mod partikolari tipproduċi indizji preċiżi u rilevanti li jkunu kapaċi jispjegaw kif id-dokumenti inkwistjoni jistgħu jkunu ta’ interess għar-riżoluzzjoni tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, Oikonomopoulos vs Il-Kummissjoni, T-483/13, EU:T:2016:421, punt 253).

30      F’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċiment tinvoka kunsiderazzjonijiet ġenerali marbuta mal-fatt li kien jeħtieġ li tiġi dedotta mill-allegati żbalji inklużi fid-deċiżjoni kkontestata l-eżistenza ta’ żbalji fl-osservazzjonijiet sottomessi mill-awtoritajiet pubbliċi matul il-fażi amministrattiva, jew tal-inqas interpretazzjoni żbaljata ta’ dawn tal-aħħar. B’dan, ir-rikorrenti ma turix kif id-dokumenti mitluba kienu ta’ interess għar-riżoluzzjoni tal-kawża.

31      Din is-soluzzjoni tapplika iktar u iktar minħabba l-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata u tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħha. Minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata diġà turi, fil-premessi 36 sa 45 tagħha, il-kontenut tal-osservazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, tal-IVF u tal-komunità awtonoma ta’ Valencia, li r-rikorrenti titlob li jiġi prodott. Min-naħa l-oħra, il-partijiet ikkonċernati, bl-eċċezzjoni tal-Istat Membru responsabbli tal-għoti tal-għajnuna, ma jiddisponux, fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat, minn dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C-139/07 P, EU:C:2010:376, punt 58).

32      Barra minn hekk, jekk ma jiġix muri l-interess tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba għar-riżoluzzjoni tal-kawża, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka preġudizzju għad-drittijiet tagħha tad-difiża naxxenti mill-assenza ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, van der Aat et vs Il-Kummissjoni, T-304/13 P, EU:T:2014:1055, punt 61).

33      Fl-aħħar, iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti batiet, min-naħa tal-Komunità awtonoma ta’ Valencia, rifjut ta’ trażmissjoni tal-imsemmija dokumenti peress li, fl-opinjoni tagħha, il-fatt li dawn tal-aħħar inġabu għall-konjizzjoni tal-Valencia Club de Fútbol huwa irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fuq it-talba preżenti għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Fil-fatt, id-diskriminazzjoni allegata ma tpoġġix f’dubju l-assenza ta’ interess għar-riżoluzzjoni tal-kawża tal-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni.

34      Konsegwentement, it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

35      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, li huma kollha bbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, l-ewwel wieħed sa fejn il-Kummissjoni identifikat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ vantaġġ naxxenti mill-miżura inkwistjoni, it-tieni, invokat b’mod sussidjarju, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li l-imsemmija miżuri kienet toħloq distorzjoni tal-kompetizzjoni u kienet tinċidi fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u, t-tielet, ukoll invokat b’mod sussidjarju, minħabba żball fl-evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna mogħtija.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball fl-identifikazzjoni ta’ vantaġġ

36      Ir-rikorrenti, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, taqsam l-ewwel motiv f’żewġ partijiet, li jeħtieġ li jiġu eżaminati suċċessivament.

–       Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, marbuta mal-klassifikazzjoni klassifikazzjoni żbaljata bħala impriża f’diffikultà

37      Ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx impriża f’diffikultà fid-data tal-għoti tal-garanzija kontenzjuża. Qabel xejn, il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 10(a) tal-linji gwida fuq is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ma humiex applikabbli għas-suq tal-futbol. Huwa biss il-metodu użat mill-Unjoni tal-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-futbol (UEFA) u l-Liga Nacional de Fútbol Profesional u li jikkonsisti fl-ipparagunar tal-kontijiet ta’ klabb mal-medja ta’ dawk ta’ klabbs oħrajn li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet fl-istess stat Membru, li huwa rilevanti, fid-dawl tal-partikolaritajiet tas-suq tal-futbol. Issa, ir-rikorrenti kienet f’sitwazzjoni aħjar mill-medja tal-klabbs li joperaw fl-ewwel u fit-tieni diviżjoni A tal-kampjonat tal-futbol fi Spanja u, barra minn hekk, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ din tal-futbol Ewropew kollu.

38      Barra minn hekk, fid-data tal-għoti tal-garanzija kontenzjuża, la l-ammont dovut tad-dejn u lanqas il-proporzjon dejn/fondi proprji ma kienu jikkostitwixxu, skont ir-rikorrent, indikaturi finanzjarji rilevanti, fid-dawl tal-kapaċità tas-self tal-klabbs, li sal-lum għadu separat mir-razzjonalità finanzjarja applikabbli fil-maġġoranza tas-setturi, kif ukoll tal-kontribuzzjonijiet ta’ fondi lill-klabbs, naxxenti minn azzjonisti jew minn terzi, li ma kinux suġġetti għal limitu massimu qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli marbuta mal-fair-play finanzjarju. Fl-aħħar, il-Kummissjoni kellha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti iċ-ċirkustanza li din tal-aħħar, fid-data tal-għoti tal-garanzija kontenzjuża, kienet ikkwalifikata tipparteċipa fl-istaġun sussegwenti fl-ewwel diviżjoni tal-kampjonat tal-futbol Spanjol. Ir-Renju ta’ Spanja jżid li d-deċiżjoni kkontestata tbati minn nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Kummissjoni ma weġbitx għall-argumenti żviluppati matul il-fażi amministrattiva dwar is-singularità tal-mudell ekonomiku tal-klabbs tal-futbol.

39      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

40      Hemm lok li jitfakkar li fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bil-linji gwida u bl-avviżi maħruġa minnha, sakemm dawn ma jmorrux lil hinn mir-regoli fit-Trattat u jiġu aċċettati mill-Istati Membri. B’mod partikolari, dawn it-test ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jnaqqsu l-portata tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE jew li jmorru kontra l-għanijiet previsti minn dawn tal-aħħar (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C-75/05 P et C-80/05 P, EU:C:2008:482, punti 61 u 65).

41      Fil-kawża odjerna, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fil-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-paragrafu 10(a), u l-paragrafu 11 tal-linji gwida fuq is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni sabiex tikklassifika lir-rikorrenti bħala impriża f’diffikultà fid-data tal-adozzjoni tal-garanzija kontenzjuża.

42      Kif jirriżulta mill-premessi 71 u 85 tad-deċiżjoni kkontestata, din il-klassifikazzjoni kienet rilevanti skont il-Kummissjoni, minn naħa, sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq li inkonnessjoni miegħu jiġi mqabbel il-premju marbut mal-garanzija kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk ġewx issodisfatti, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, il-kundizzjonijiet ta’ esklużjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna (punt 3.2 tal-avviż dwar il-garanziji).

43      Il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 10(a) u tal-paragrafu 11 tal-linji gwida fuq is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni huma tradotti, fi kliem konkret, fil-kunsiderazzjoni ġenerali esposta fil-paragrafu 9 ta’ dawn il-linji gwida, li jiddikjara li “impriża hija f’diffikultà meta tkun inkapaċi, bir-riżorsi proprji tagħha jew bil-fondi mislufa lilha mill-proprjetarji/azzjonisti tagħha jew lill-kredituri tagħha, tirkupra t-telf li, fl-assenza ta’ intervent estern mill-awtoritajiet pubbliċi kważi ċertament se jwassalha biex tfalli fi żmien qasir jew medju”.

44      Bl-argument tagħha, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li, f’ċirkustanzi normali, l-applikazzjoni tal-paragrafi suesposti tal-linji gwida fuq is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni kellhom iwasslu għall-klassifikazzjoni ta’ impriża f’diffikultà. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti tikkontesta l-applikabbiltà tal-kriterji inkwistjoni f’settur, dak tal-futbol, li huwa kkaratterizzat, essenzjalment, minn kapaċità ikbar ta’ impriżi jibnu kapital u dejn, indipendentement mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, kif ukoll minn volatilità ikbar fid-dħul u fl-attivi tagħhom, essenzjalment marbuta mar-riżultati sportivi tagħhom.

45      Dan l-argument għandu jiġi miċħud għas-segwenti raġunijiet.

46      Fl-ewwel lok, ir-riskju ta’ oxxillazzjoni tad-dħul u tal-valur tal-attivi, invokata mir-rikorrenti, hija ċirkustanza li tiġi ffaċċjata wkoll b’mod regolari mill-impriżi attivi fi swieq oħra li ma humiex tal-futbol professjonali.

47      Fit-tieni lok, il-manifestazzjoni puntwali tal-aġir estranju għall-loġika tas-suq, bħall-azzjonijiet ta’ sponsorship, ma hijiex suffiċjenti sabiex tpoġġi f’dubju n-natura ekonomika tal-attività inkwistjoni, li diġà ġiet irrikonoxxuta fir-rigward tal-prattika tal-futbol mill-klabbs professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il-Kummissjoni, T-193/02, EU:T:2005:22, punt 69), u lanqas il-kuntest ta’ riferiment li jikkostitwixxi l-operatur privat f’ekonomija tas-suq għall-ħtiġijiet tal-analiżi tal-eżistenza ta’ vantaġġ. Kif issostni l-Kummissjoni, l-eżistenza tal-miżura inkwistjoni tafferma, barra minn dan, il-fatt li dawn l-aġir ta’ investiment estranju għall-loġika tas-suq fis-settur tal-futbol, anki jekk jiġi preżunt li huwa minnu, ma pproteġewx lir-rikorrenti min-neċessità li tirrikorri għal garanzija pubblika sabiex tipproċedi b’żieda fil-kapital.

48      Fit-tielet lok, il-kunċett ta’ impriża f’diffikultà, kif iddefinita fil-paragrafu 9 tal-linji gwida fuq is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni, huwa kunċett oġġettiv li għandu jiġi evalwat unikament fid-dawl ta’ indizji konkreti tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-impriża inkwistjoni (sentenza tas-6 ta’ April 2017, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T-219/14, EU:T:2017:266, punt 184). Issa, ir-rikorrenti tibbaża ruħha essenzjalment fuq allegazzjonijiet ġenerali fuq il-kapaċità ta’ klabbs tal-futbol li jtellgħu fondi u li jieħdu self li, bħala tali, ma humiex ta’ natura li jirrinversaw il-konstatazzjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata abbażi tad-data finanzjarja individwali tar-rikorrenti.

49      Fir-raba’ lok, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq l-ipparagunar tas-sitwazzjoni finanzjarja mal-medja ta’ dik ta’ klabbs tal-futbol oħra, l-ewwel Spanjoli, imbagħad Ewropej, hemm lok li jiġi rrilevat li tali paragun lanqas ma huwa konformi mal-prinċipji, mfakkra fil-punt 48 iktar ’il fuq, li fuqhom huwa msejjes il-kunċett ta’ impriża f’diffikultà fis-sens tal-linji gwida fuq is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni. Fil-fatt, dan l-approċċ kumparattiv ma huwiex ibbażat, prinċipalment, fuq is-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti u kien iwassal, kieku kellu jiġi segwit, sabiex tiġi evitata l-verifika tal-għajnuna mill-Istat ta’ miżuri ta’ intervent fis-setturi li sejrin ħażin, qed iħallu żbilanċ jew għandhom profittabbiltà baxxa.

50      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tiġi miċħuda bħala infondata l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni, billi naqset milli tirrikorri għal dan il-metodu komparattiv, kisret il-paragrafi 97 et seq. tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 262, p. 1). Fil-fatt, l-analiżi komparattiv li jissemma f’dan l-avviż jikkonċerna t-tranżazzjoni inkwistjoni, evalwata b’riferiment ma’ tranżazzjoni ta’ riferiment, u mhux is-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju.

51      Fl-aħħar, fir-rigward taċ-ċirkustanza, barra minn hekk invokata mir-rikorrenti, li hija kienet, fid-data tal-għoti tal-garanzija kontenzjuża, ikkwalifikata sabiex tipparteċipa fl-istaġun suċċessiv fl-ewwel diviżjoni tal-kampjonat tal-futbol Spanjol, din kienet tirrappreżenta perspettiva ta’ żvilupp inċert fil-livell finanzjarju li, fi kwalunkwe każ, ma setgħetx minna nnifisha tpoġġi f’dubju l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni abbażi tal-konstatazzjoni tal-kapital proprju negattiv u tat-telf li qiegħed jikber tar-rikorrent.

52      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

53      Dan jgħodd ukoll għan-nuqqas ta’ motivazzjoni allegat barra minn hekk mir-Renju ta’ Spanja. Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punti 41 sa 43 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ddikjarat il-kriterji li fir-rigward tagħhom hija evalwat in-natura ta’ impriża f’diffikultà tar-rikorrent, filwaqt li speċifikat, fil-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni tagħhom għall-każ ineżami. Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni rigward l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, iżda huwa biżżejjed jekk tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li huma importanti fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Hagenmeyer u Hahn vs Il-Kummissjoni, T-17/12, EU:T:2014:234, punt 173 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, kif jirriżulta mill-eżami mill-Qorti Ġenerali ta’ din il-parti, kien mingħajr ma wettqet ebda żball, u għaldaqstant, filwaqt li bbażat ruħha fuq iċ-ċirkustanzi rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, li l-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet impriża f’diffikultà fil-mument tal-għoti tal-garanzija kontenzjuża.

–       Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, marbuta mal-evalwazzjoni żbaljata tal-kontra-garanziji offruti

54      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret, fid-deċiżjoni kkontestata, in-natura u l-portata tal-kontra-garanziji offruti lill-IVF bi skambju għall-għoti tal-garanzija kontenzjuża. Fil-fatt, il-kontra-garanzija offruta minn Aligestión, li kienet l-azzjonista prinċipali tar-rikorrenti, ma hijiex analizzata bħala garanzija provviżorja iżda bħala garanzija in solidum, li kienet torbot lil Aligestión iżda wkoll lill-komunità awtonoma ta’ Valencia, awtorità tat-tutela tal-Fundación Hércules u benefiċjarja indiretta tal-garanzija in solidum permezz tal-IVF, dment li din kienet għadha ma awtorizzatx l-għoti bi pleġġ tal-azzjonijiet tar-rikorrenti akkwistati mill-Fundación Hércules.

55      Issa, minn naħa, Aligestión kienet impriża solventi, li kellha patrimonju immobbiljari konsegwenti u benefiċjarja b’mod partikolari ta’ perċentwali mid-dħul sħiħ tar-rikorrent, li kien mistenni li jikber fl-okkażjoni tad-dħul tal-klabb fl-ewwel diviżjoni tal-kampjonat tal-futbol Spanjol. Min-naħa l-oħra, is-setgħa li tawtorizza l-għoti bi pleġġ tal-azzjonijiet tar-rikorrenti fil-prattika kienet tippermetti lill-komunità awtonoma ta’ Valencia li tissubordina l-għan tal-garanzija allegatament provviżorja mogħtija minn Aligestión għar-ristrutturazzjoni preliminari tad-dejn tar-rikorrenti minn par Aligestión, b’mod li jiġi żgurat, għall-komunità awtonoma ta’ Valencia, il-valur tal-azzjonijiet hekk mogħtija bi pleġġ.

56      Għaldaqstant, il-garanzija mogħtija mill-IVF saret fil-kundizzjonijiet tas-suq. Skont ir-rikorrenti xejn ma jimporta f’dan ir-rigward, li peress li l-kriterju tal-limitu massimu ta’ 80 % fuq is-self sottostanti stabbilit mill-avviż dwar il-garanzija ma ġiex osservat, il-Kummissjoni ma setgħetx teżonera ruħha, għal din ir-raġuni waħedha, minn analiżi tal-konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-garanzija kontenzjuża, fil-kuntest ta’ settur, dak tal-isports, li huwa s-suġġett ta’ protezzjoni speċifika skont l-Artikolu 165 TFUE. Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti tipproduċi deċiżjoni ġudizzjarja li tidher li tikkonferma li l-IVF fil-kwalità tagħha ta’ garanti in solidum daret fuq Aligestión abbażi tal-garanzija, u għadha tagħmel dan sal-lum.

57      Il-Kummissjoni ttenni li l-karatterizzazzjoni magħmula mir-rikorrenti tal-garanzija in solidum ta’ Aligestión, minbarra li hija kontradetta mill-kliem stess tal-garanzija u mill-konferma prodotta mill-awtoritajiet Spanjoli matul il-proċedura amministrattiva, hija diffiċilment konċiljabbli mal-għażla tal-IVF li tibda azzjoni kontra l-Fundación Hércules u mhux ta’ Aligestión, wara r-rimbors, mill-IVF, tas-self sottoskritt ma’ CAM. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li, kieku Aligestión kienet verament kapaċi tiggarantixxi direttament is-self, kif tallega r-rikorrent, allura l-għoti tal-garanzija mill-IVF ma kienx jagħmel sens. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li l-garanzija in solidum ta’ Aligestión finalment ma ħaditx xejra “provviżorja” jirriżulta minn elementi li huma suċċessivi għall-miżura ta’ għoti tal-garanzija u li huma, konsegwentement, irrilevanti għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

58      Preliminarjament, u qabel ma tiġi mistħarrġa n-natura allegatament żbaljata tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fuq il-kontra-garanzija offruta minn Aligestión, hemm lok li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda analiżi tal-effett tal-imsemmija kontra-garanzija fuq id-determinazzjoni ta’ vantaġġ.

59      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jekk ikun il-każ, jiġi invokat ex officio mill-qorti tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C-89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti Ġenerali hija marbuta li tagħti deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ nuqqas possibbli mill-obbligu ta’ motivazzjoni u li tisma’ lill-partijiet għal dan l-għan, kif għamlet fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-13 ta’ Lulju 2018, u sussegwentement fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2018.

61      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni b’mod li, minn naħa, il-persuni interessati jkunu jafu r-raġunijiet għall-miżura adottata biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u biex jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu u mir-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2012, Djebel – SGPS vs Il-Kummissjoni, T-422/07, mhux ippubblikata, EU:T:2012:11, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata issemmi darba biss il-kontra-garanzija offruta minn Aligestión, abbażi tad-deskrizzjoni tal-miżura inkwistjoni, u ma terġax tagħmel riferiment għaliha sussegwentement. Għaldaqstant l-iżviluppi tad-deċiżjoni kkontestata marbuta mad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna u mal-klassifikazzjoni tagħha ma jagħmlu l-ebda allużjoni għall-imsemmija kontra-garanzija. B’mod partikolari, mill-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq, l-ammont tal-primjum tal-garanzija rikjest mill-IVF fil-kuntest tal-miżura inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi biss garanzija waħda, il-pleġġ favur l-IVF tal-azzjonijiet tar-rikorrenti sottoskritti mal-Fundación Hércules, bl-esklużjoni ta’ kull garanzija oħra u, b’mod partikolari, tal-kontra-garanzija offruta minn Aligestión.

63      Madankollu, b’risposta għall-mistoqsija bil-miktub dwar dan il-punt mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li jeħtieġ li jiġi dedott mir-riferiment għan-natura “provviżorja” tal-kontra-garanzija inkwistjoni, kif ukoll mill-espożizzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ħlas tal-Fundación Hércules fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-għażla tal-IVF li tissubroga lill-kreditur tal-fondazzjoni u li taġixxi fil-konfront ta’ din tal-aħħar, li l-kontra-garanzija offruta minn Aligestión ma kinitx “effettiva” u, għaldaqstant, ma kinitx ġiet eżaminata ulterjorment.

64      Din l-assenza ta’ natura “effettiva” hija kkonfermata mill-osservazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja matul il-fażi amministrattiva, li jindikaw li “l-IVF [kienet] irċeviet kontra-garanziji għall-garanziji eżaminati, fil-forma ta’ pleġġ tal-azzjonijiet akkwistati mill-fondazzjonijiet permezz tas-self iggarantit” (premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll mill-kliem tal-kontra-garanzija offruta minn Aligestión, li minnu kien jirriżulta, skont il-Kummissjoni, li din kienet ingħatat għal żmien limitat u kellha tintemm mat-twettiq ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet li kellhom jiġu ssodisfatti, skont l-informazzjoni tal-Kummissjoni, f’terminu qasir ta’ żmien.

65      B’hekk, bl-argument tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-assenza ta’ rilevanza tal-kontra-garanzija offruta minn Aligestión sabiex tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ vantaġġ tirriżulta biżżejjed mid-deċiżjoni kkontestata, u tiġġustifika li din tal-aħħar ma tinkludi l-ebda żviluppi speċifiċi f’dan ir-rigward.

66      F’dan ir-rigward, jeħtieġ, qabel xejn, jiġi rrilevat li l-fatt, invokat mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni tal-impenn ta’ garanzija in solidum ta’ Aligestión kellhom ikunu ssodisfatti fi żmien qasir ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata.

67      Sussegwentement, ir-riferiment, fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-fatt li l-IVF irrimborsat l-ammont tad-dejn ikkuntrattat mill-Fundación Hércules u sussegwentement issubrogat lill-bank kreditur filwaqt li nnotifikat l-imsemmija fondazzjoni ma jipprovdi l-ebda informazzjoni fuq il-garanziji, fejn applikabbli, attivati mill-IVF u, fi kwalunkwe każ, bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet tqis, fi tmiem il-proċedura amministrattiva, li l-kontra-garanzija offruta minn Aligestión ma kinitx effettiva.

68      Fl-aħħar, is-sinteżi tal-osservazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja ipprovdut fil-premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata lanqas ma huwa ta’ natura li jipprovdi informazzjoni fuq l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tar-rilevanza tal-kontra-garanzija offruta minn Aligestión sabiex jiġi kkaratterizzat vantaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C-73/11 P, EU:C:2013:32, punt 84). Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi nnotat li, għalkemm il-verżjoni Franċiża tad-deċiżjoni kkontestata, speċifikament invokata mill-Kummissjoni, tagħti x’tifhem li r-Renju ta’ Spanja iqis biss il-garanzija kkostitwita fil-forma ta’ pleġġ tal-azzjonijiet tar-rikorrenti u l-garanziji ekwivalenti kkostitwiti fil-kuntest ta’ miżuri oħra previsti mid-deċiżjoni kkontestata, il-verżjoni Spanjola ta’ din id-deċiżjoni, l-unika verżjoni awtentika, tista’ tinqara’, bil-kuntrarju, bħala li tfisser li r-Renju ta’ Spanja jieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-eżistenza ta’ garanziji oħra.

69      Minn dan isegwi li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-kontra-garanzija offruta minn Aligestión, hija limitata għall-konstatazzjoni tan-natura provviżorja tagħha, sal-għoti bi pleġġ tal-azzjonijiet tar-rikorrenti mill-Fundación Hércules. Hija ma tispeċifikax jekk din iċ-ċirkustanza tiġġustifikax, waħedha, li tittiħidx inkunsiderazzjoni l-imsemmija kontra-garanzija sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna kif ukoll l-ammont tagħha. Hija tonqos a fortiori li tispjega għaliex dan kien il-każ.

70      Issa, mill-punt 3.2(d) u mill-punt 4.2 tal-avviż dwar il-garanziji jirriżulta li l-garanziji li ġew ikkostitwiti fl-okkażjoni tal-adozzjoni tal-garanzija jew tat-tranżazzjoni ta’ self sottostanti jikkostitwixxu fattur rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza u l-livell ta’ għajnuna. Għaldaqstant, il-kontra-garanzija offruta minn Aligestión tikkostitwixxi, bħala prinċipju, fattur rilevanti. Barra minn hekk, xejn fl-imsemmi avviż ma jwassal sabiex titwarrab bħala irrilevanti garanzija minħabba din kienet biss ta’ natura “provviżorja”.

71      Minn dan isegwi li, fid-dawl tar-regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat, f’dan il-każ l-Artikolu 107(1) TFUE u l-avviż dwar il-garanziji, il-persuni kkonċernati, minn naħa, u l-qorti, min-naħa l-oħra, setgħu jistennew li d-deċiżjoni kkontestata tkun tirrispekkja r-raġunament tal-Kummissjoni dwar l-effett tal-kontra-garanzija offruta minn Aligestión dwar il-konstatazzjoni fuq l-eżistenza ta’ għajnuna, kif ukoll, fejn applikabbli, l-ammont tagħha.

72      Barra minn dan, din hija parti mill-motivazzjoni li hija ta’ importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-fatt li valur tagħha kien “kważi null” (premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata) tal-unika garanzija eżaminata, u dan minkejja li l-livell ta’ garanziji konsentiti mill-IVF huwa iktar determinanti inkwantu r-rating tal-impriża kkunsidrata, f’dan il-każ ir-rikorrenti, huwa żbaljat (kategorija CCC, ara l-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata).

73      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix l-iskadenza sa liema l-azzjonijiet tar-rikorrenti kellhom jingħataw bi pleġġ lill-IVF mill-Fundación Hércules, filwaqt li jiġi indikat li kien dan l-avveniment li kien jillibera lil Aligestión mill-obbligi tagħha skont il-kontra-garanzija “provviżorja” mogħtija lill-IVF. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi dedott it-tul tal-applikazzjoni ta’ din il-kontra-garanzija “provviżorja” u, konsegwentement, il-probabbiltà li hija tista’, jew le, tidħol fis-seħħ fl-ipoteżi li l-garanzija mogħtija mill-IVF tiġi attivata.

74      B’hekk, la jirriżulta b’mod espliċitu (ara l-punt 67 iktar ’il fuq) u lanqas b’mod impliċitu mid-deċiżjoni kkontestata li l-kontra-garanzija offruta minn Aligestión kienet għal żmien qasir. Anki jekk jiġi preżunt, kif tidher li ssostni l-Kummissjoni, li l-indikazzjoni tat-tul tal-kontra-garanzija offruta minn Aligestión tista’ tikkostitwixxi element tal-kuntest li jista’ jnaqqas il-portata tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li din l-indikazzjoni ma tinsabx fid-deċiżjoni kkontestata.

75      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kellha tispjega, fid-deċiżjoni kkontestata, kif, jekk applikabbli, hija ħadet inkunsiderazzjoni din il-kontra-garanzija.

76      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li jiġi deċiż li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

77      B’kont meħud ta’ dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tagħti deċiżjoni fuq il-fondatezza tal-argumenti invokati mir-rikorrenti inkonnessjoni mat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha.

78      Għaldaqstant jeħtieġ, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-kumplament tar-rikors, li jiġi ddikjarat l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

80      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/365 tal-4 ta’ Lulju 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva, Hércules Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva u Elche Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva, hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil Hércules Club de Fútbol, SAD.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Hércules Club de Fútbol.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Kanninen

Schwarcz

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Marzu 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.