Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta' Lulju 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (Chancery Division) - Ir-Renju Unit) L'Oréal SA et vs eBay International AG et

(Kawża C-324/09) 1

"Trade marks - Internet - Offerta għall-bejgħ, fuq suq online maħsub għal konsumaturi fl-Unjoni, ta' prodotti protetti minn trade mark maħsuba, mill-proprejtarju, għall-bejgħ fi Stati terzi - Tneħħija tal-imballaġġ tal-imsemmija prodotti - Direttiva 89/104/KEE - Regolament (KE) Nru 40/94 - Responsabbiltà tal-operatur ta' suq online - Direttiva 2000/31/KE ('Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku') - Ordnijiet ġudizzjarji lill-imsemmi operatur - Direttiva 2004/48/KE ('Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali')"

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (Chancery Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: L'Oréal SA, Lancôme parfums et beauté & Cie, Laboratoire Garnier et Cie, L'Oréal (UK) Limited

Konvenuti: eBay International AG, eBay Europe SARL, eBay (UK) Limited, Stephan Potts, Tracy Ratchford, Marie Ormsby, James Clarke, Joanna Clarke, Glen Fox, Rukhsana Bi

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Interpretazzjoni tal-Artikoli 5 u 7 tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), tal-Artikoli 9(1)(a) u 13(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta' Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ("Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku") (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399) kif ukoll tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32) - Kunċett ta' "tqegħid fis-suq" - Kampjuni ta' fwieħa u ta' prodotti kosmetiċi intiżi sabiex jingħataw lill-konsumaturi mingħajr ħlas - Kunċett ta' "użu" ta' trade mark - Reġistrazzjoni minn kummerċjant ta' sinjal identiku għal trade mark minn operatur li jipprovdi servizzi f'mutur ta' riċerka fuq l-internet sabiex jidher fuq l-iskrin, wara li jiddaħħal dan is-sinjal bħala terminu għar-riċerka, link dirett għall-URL tas-sit tiegħu li jipproponi prodotti u servizzi identiċi għal dawk koperti mit-trade mark

Dispożittiv

Meta l-prodotti li jinsabu fi Stat terz, li jkunu protetti minn trade mark irreġistrata fi Stat Membru tal-Unjoni jew minn trade mark komunitarja u li preċedentement ma jkunux ġew ikkummerċjalizzati fiż-Żona Ekonomika Ewropea jew, fil-każ ta' trade mark komunitarja, li preċedentement ma jkunux ġew ikkummerċjalizzati fl-Unjoni, jiġu mibjugħa minn operatur ekonomiku permezz ta' suq online u mingħajr il-kunsens tal-proprejtarju ta' din it-trade mark lil konsumatur li jinsab fit-territorju kopert mill-imsemmija trade mark, jew li jkunu s-suġġett ta' offerta għall-bejgħ jew ta' reklamar fuq tali suq maħsub għal konsumaturi li jinsabu f'dak it-territorju, l-imsemmi proprjetarju jista' jipprekludi dak il-bejgħ, dik l-offerta għall-bejgħ jew dak ir-reklamar skont ir-regoli ddikjarati fl-Artikolu 5 tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, kif emendata bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta' Mejju 1992, jew l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw fuq bażi ta' każ b'każ jekk jeżistux indizji rilevanti sabiex jiġi konkluż li offerta għall-bejgħ jew reklam murija fuq suq online, li huwa aċċessibbli mit-territorju kopert mit-trade mark, huma maħsuba għall-konsumaturi li jinsabu f'dan tal-aħħar.

Il-forniment mill-proprjetarju ta' trade mark, lid-distributuri awtorizzati tiegħu, ta' oġġetti koperti minn din tal-aħħar, maħsuba għad-dimostrazzjoni lil konsumaturi fil-ħwienet awtorizzati, kif ukoll ta' fliexken koperti minn din it-trade mark, li minnhom jistgħu jittieħdu kwantitatjiet żgħar sabiex jingħataw lil konsumaturi bħala kampjuni b'xejn, ma jikkostitwixxix, fin-nuqqas ta' provi kuntrarji, tqegħid fis-suq fis-sens tad-Direttiva 89/104 u tar-Regolament Nru 40/94.

L-Artikoli 5 tad-Direttiva 89/104 u 9 tar-Regolament Nru 40/94 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju ta' trade mark jista', skont id-dritt esklużiv mogħti minn din tal-aħħar, jipprekludi għall-bejgħ ulterjuri ta' prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li l-bejjiegħ ikun neħħa l-imballaġġ estern ta' dawn il-prodotti, meta din it-tneħħija tal-imballaġġ tirriżulta fin-nuqqas ta' informazzjoni essenzjali, bħal dik dwar l-identifikazzjoni tal-manifattur jew ta' min hu responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta' prodott kosmetiku. Meta t-tneħħija tal-imballaġġ ma jkunx wassal għal tali nuqqas ta' informazzjoni, il-proprejtarju tat-trade mark jista' madankollu jipprekludi l-bejgħ ulterjuri ta' fwieħa jew prodott kosmetiku protett mit-trade mark li huwa l-proprjetarju tagħha li jkun tneħħa mill-imballaġġ, jekk huwa jistabbilixxi li t-tneħħija tal-imballaġġ ippreġudikat l-immaġni tal-imsemmi prodott u, għalhekk, ippreġudikat ir-reputazzjoni tat-trade mark.

L-Artikoli 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 u 9(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju ta' trade mark jista' jimpedixxi lil operatur ta' suq online milli jagħmel, permezz ta' kelma prinċipali identika għall-imsemmija trade mark li ġiet magħżula minn dan l-operatur fil-kuntest ta' servizz ta' referenzar fuq l-internet, reklamar għal prodotti protetti minn din it-trade mark offruti għall-bejgħ fuq l-imsemmi suq, meta dan ir-reklamar ma jippermettix, jew jippermetti b'mod diffiċli biss, lill-utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent li jsir jaf jekk il-prodotti jew is-servizzi msemmija mir-reklam joriġinawx mill-proprjetarju tat-trade mark jew minn impriża li għandha rabta ekonomika miegħu jew, għall-kuntrarju, minn terzi.

L-operatur ta' suq online ma jagħmilx "użu", fis-sens tal-Artikoli 5 tad-Direttiva 89/104 u tar-Regolament Nru 40/94, minn sinjali identiċi jew simili għal trade marks li jidhru f'offerti għall-bejgħ fuq is-sit tiegħu.

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta' Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ("Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku"), għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal operatur ta' suq online meta dan ma jkunx assuma rwol attiv ta' natura li jagħtih tagħrif jew kontroll tad-data maħżuna.

L-imsemmi operatur jassumi tali rwol meta jagħti assistenza maħsuba b'mod partikolari sabiex ittejjeb il-preżentazzjoni tal-offerti għall-bejgħ inkwistjoni jew sabiex tippromwovi dawn tal-aħħar.

Meta l-operatur ta' suq online ma jkunx assuma rwol attiv fis-sens previst fil-punt preċedenti u meta l-forniment ta' servizz tiegħu konsegwentment jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, huwa ma jistax madankollu, f'kawża li tista' tirriżulta f'kundanna għall-ħlas tad-danni, jipprevalixxi ruħu mill-eżonorazzjoni mir-responsabbiltà prevista f'dik id-dispożizzjoni jekk huwa kellu konoxxenza ta' fatti jew ċirkustanzi li abbażi tagħhom operatur ekonomiku diliġenti kellu jikkonstata l-illegalità tal-offerti għall-bejgħ inkwistjoni u, f'każ ta' tali konoxxenza, ma jkunx aġixxa bla dewmien skont l-Artikolu 14(1)(b).

It-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha tiġi interpretata fis-sens li hija teżiġi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu jistgħu jordnaw lill-operatur ta' suq online jieħu miżuri li jikkontribwixxu, mhux biss sabiex jinġieb fi tmiemu ksur ta' dawn id-drittijiet mill-utenti ta' dan is-suq, iżda wkoll sabiex jiġi evitat ksur ġdid ta' din in-natura. Dawn l-ordnijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u ma għandhomx jikkawżaw ostakli għall-kummerċ legali.

____________

1 - ĠU C 267, 07.11.2009.