Language of document : ECLI:EU:F:2009:137





SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

7 ta’ Ottubru 2009

Kawża F-101/08

Spyridon Pappas

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment lis-sistema Komunitarja ta’ drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Komunitajiet – Irtirar – Ammissibbiltà – Irtirar fl-interess tas-servizz – Ammont tal-pensjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu S. Pappas jitlob, fl-ewwel lok, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Frar 2008, li tiffissa d-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar, fit-tieni lok, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Frar 2003, li, minn naħa, irtirat l-ittra tat-23 ta’ Ottubru 2000 li ffissat għal tmintax-il sena u għaxart ijiem l-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz għall-pensjoni Komunitarja li tirriżulta mit-trasferiment, lis-sistema Komunitarja tal-pensjoni, ta’ drittijiet miksuba minnu b’mod partikolari bħala membru tal-Kunsill tal-Istat Elleniku u, min-naħa l-oħra, iffissat din l-akkreditazzjoni għal ħmistax-il sena, xahrejn u wieħed u għoxrin jum, u, fit-tielet lok, l-annullament ta’ deċiżjoni oħra tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Frar 2003, li, minn naħa, irtirat l-ittra tas-7 ta’ Settembru 2001 li ffissat għal sentejn, erba’ xhur u l-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz għall-pensjoni Komunitarja li tirriżulta mit-trasferiment ta’ drittijiet miksuba minnu bħala avukat fil-Greċja u, min-naħa l-oħra, iffissat din l-akkreditazzjoni għal sena, għaxar xhur u ħmistax-il jum.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Bidu tad-dekorrenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 50)

1.      Sabiex deċiżjoni tiġi debitament innotifikata, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ li din tkun ġiet ikkomunikata lid-destinatarju tagħha u li dan ikun f’pożizzjoni li jieħu konoxxenza utli tal-kontenut tagħha.

Huwa l-kompitu tal-istituzzjoni li ssostni l-iskadenza tat-terminu previst mill-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li l-ilmenti għandom isiru fi żmien perijodu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri “fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-persuna kkonċernata, iżda fl-ebda każ mhux aktar tard mid-data meta ta’ dan ta’ l-aħħar irċieva t-tali notifika, jekk il-miżura taffettwa persuna speċifika”, li tipproduċi l-prova tad-data li minnha dan it-terminu jkun beda jiddekorri.

Jekk il-prova li d-destinatarju ta’ deċiżjoni jkun ħa konoxxenza utli tagħha ma tistax tirriżulta minn sempliċi indizji, ċirkustanzi oħra għajr notifika formali tal-imsemmija deċiżjoni, bħalma hija posta elettronika tal-imsemmi destinatarju li minnha jirriżulta li jkun ħa konoxxenza utli tad-deċiżjoni, jistgħu jikkostitwixxu tali prova.

(ara l-punti 41 sa 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Ġunju 1976, Jänsch vs Il‑Kummissjoni, 5/76, Ġabra p. 1027, punt 10; 5 ta’ Ġunju 1980, Belfiore vs Il‑Kummissjoni, 108/79, Ġabra p. 1769, punt 7

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Ġunju 1993, Fiorani vs Il‑Parlament, T‑50/92, Ġabra p. II‑555, punt 16; 3 ta’ Ġunju 1997, H vs Il-Kummissjoni, T‑196/95, ĠabraSP p. I‑A‑133 u II‑403, punti 32 sa 35; 27 ta’ Settembru 2002, Di Pietro vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑254/01, ĠabraSP p. I‑A‑177 u II‑929, punti 25 sa 27

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 20 ta’ April 2007, L vs EMEA, F‑13/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑105 u II‑A‑1‑585, punti 29 sa 32; 25 ta’ April 2007, Lebedef-Caponi vs Il-Kummissjoni, F‑71/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑115 u II‑A‑1‑629, punt 34

2.      Mill-aħħar paragrafu tal-Artikolu 50 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta ċar li l-benefiċċju tad-dritt għall-pensjoni jinkiseb minn uffiċjal b’impjieg fil-grad A 1 jew A 2 li jkun ġie rtirat minn dan l-impjieg fl-interess tas-servizz mingħajr l-applikazzjoni tat-tnaqqis previst fl-Artikolu 9 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, bil-kundizzjoni li, fit-tmiem tal-perijodu li matulu jkollu d-dritt għall-allowance msemmija fl-Artikolu 50, l-uffiċjal ikun għalaq l-età ta’ 55 sena.

Interpretazzjoni litterali ta’ dan l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 50 hija tant iktar meħtieġa minħabba, minn naħa, li d-dispożizzjoni kkonċernata hija ta’ natura derogatorja fil-kuntest tar-regoli ġenerali tal-kalkolu ta’ pensjoni tal-irtirar u għandha għalhekk tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet li jagħtu dritt għal ħlasijiet ta’ flus għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.

(ara l-punti 62, 64 u 65)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Settembru 2003, Lebedef et vs Il‑Kummissjoni, T‑221/02, ĠabraSP p. I‑A‑211 u II‑1037, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata; 16 ta’ Diċembru 2004, Pappas vs Il‑Kummissjoni, T‑11/02, ĠabraSP p. I‑A‑381 u II‑1773, punt 53

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Diċembru 2006, André vs Il‑Kummissjoni, F‑10/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑183 u II‑A‑1‑755, punti 34 sa 36