Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Argeş (ir-Rumanija) fl-4 ta’ Awwissu 2020 – Ministerul Dezvoltării Regionale şi Administraţiei Publice vs NE

(Kawża C-360/20)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Argeş

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Ministerul Dezvoltării Regionale şi Administraţiei Publice

Konvenut: NE

Domandi preliminari

Il-kunċett ta’ frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji [tal-Unjoni Ewropea] previst fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, ikopri l-ksur imwettaq sabiex tinħoloq id-dehra ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 57(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 1 , sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni mill-Istat Membru tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 98 tal-istess regolament, jew dan il-kunċett ikopri biss ksur imwettaq sat-tmiem tal-perijodu ta’ implimentazzjoni, bl-esklużjoni tal-atti mwettqa matul il-perijodu ta’ sostenibbiltà?

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) TUE flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 325(1) u (2) TFUE [u] tal-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, jista’ jiġi interpretat bħala li jipprekludi regola nazzjonali li teskludi s-sanzjonar tal-persuna akkużata bi ksur imwettaq wara t-tmiem tal-perijodu ta’ implimentazzjoni, jiġifieri matul il-perijodu ta’ sostenibbiltà, fir-rigward ta’ obbligi assunti minnha permezz ta’ kuntratt ta’ finanzjament, kif ukoll li jipprekludi l-interpretazzjoni tar-regola nazzjonali fis-sens li l-kunċett ta’ frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji [tal-Unjoni] ma jkoprix l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-benefiċjarju tal-finanzjament, matul il-perijodu ta’ sostenibbiltà tal-proġett, fir-rigward tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ finanzjament, irrispettivament mill-oriġini tal-fondi jew tal-ispejjeż sostnuti mill-benefiċjarju għas-sostenibbiltà tal-proġett, rispettivament mill-baġit tal-benefiċjarju stess jew mill-fondi [tal-Unjoni?].

____________

1     ĠU 2006, L 210, p. 25, rettifiki fil-ĠU 2006, L 239, p. 248, fil-ĠU 2007, L 145, p. 38, fil-ĠU 2007, L 164, p. 36, u fil-ĠU 2008, L 301, p. 40.