Language of document : ECLI:EU:T:2019:65

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

7 ta’ Frar 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal – Ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz – Ugwaljanza fit-trattament – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għal smigħ – Dmir ta’ premura – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T‑11/17,

RK, ex uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn L. Levi u A. Tymen, u sussegwentement minn L. Levi, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Troupiotis u J. A. Steele, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni mingħajr data tal-Kunsill li toħroġ lir-rikorrenti fuq leave fl-interess tas-servizz fuq il-bażi tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u, sa fejn huwa neċessarju, tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2016 li tiċħad l-ilment ippreżentat mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens tad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn M. Prek, President, E. Buttigieg (Relatur), F. Schalin, B. Berke u M. J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-prezenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) ġew emendati, partikolarment, bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126).

2        Il-premessi 1, 3, 7 u 12 tar-Regolament Nru 1023/2013 jistabbilixxu:

“(1)      L-Unjoni Ewropea u l-aktar minn 50 istituzzjoni u aġenzija tagħha għandhom jibqgħu jkunu mgħammra b’amministrazzjoni pubblika Ewropea ta’ kwalità għolja, li tippermettilhom li jilħqu l-objettivi tagħhom, jimplimentaw il-politiki u l-attivitajiet tagħhom u jwettqu l-kompiti tagħhom sal-ogħla livell possibbli skont it-Trattati sabiex jilqgħu l-isfidi, kemm interni kif ukoll esterni, li jridu jiffaċċjaw fil-ġejjieni u jservu liċ-ċittadini tal-Unjoni.

[…]

(3)      Minħabba d-daqs tas-servizz pubbliku Ewropew, meta mqabbel mal-objettivi tal-Unjoni u l-popolazzjoni tagħha, it-tnaqqis fin-numru tal-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji tal-Unjoni ma għandux iwassal għal tfixkil fil-qadi tal-kompiti, tad-dmirijiet u tal-funzjonijiet tagħhom skont l-obbligi u s-setgħat fl-ambitu tat-Trattati. F’dan ir-rigward, hemm bżonn ta’ trasparenza fir-rigward tal-kostijiet tal-persunal li ġġarrab kull istituzzjoni u aġenzija fir-rigward tal-kategoriji kollha tal-persunal impjegat minnha.

[…]

(7)      Għan usa’ għandu jkun dak li l-ġestjoni tar-riżorsi umani fis-servizz pubbliku Ewropew issir bl-aħjar mod possibbli, u li fost il-karatteristiċi tas-servizz pubbliku Ewropew ikun hemm l-eċċellenza, il-kompetenza, l-indipendenza, il-lealtà, l-imparzjalità u l-istabbiltà tiegħu, kif ukoll diversità kulturali u lingwistika u kundizzjonijiet attraenti ta’ reklutaġġ.

[…]

(12) Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Frar 2013 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali, il-Kunsill Ewropew indika li l-ħtieġa li jiġu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi fit-terminu qasir, medju u twil tirrikjedi sforz partikolari minn kull amministrazzjoni pubblika u mill-persunal tagħha biex titjieb l-effiċjenza u l-effikaċja u taġġusta ruħha għall-kuntest ekonomiku li qiegħed jinbidel. Tali appell fil-fatt tenna l-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni tal-2011 għall-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, li għamlet sforz biex tiggarantixxi kosteffiċjenza u rrikonoxxiet li l-isfidi li attwalment qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewropea jeħtieġu sforz partikolari minn kull amministrazzjoni pubblika u minn kull membru tal-persunal tagħha bil-għan ta’ titjib tal-effiċjenza u ta’ aġġustament għall-kuntest ekonomiku u soċjali fl-Ewropa li qiegħed jinbidel. […]”

3        Il-punt 24 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1023/2013 ippreveda ż-żieda, fil-Kapitolu 2 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal, tat-Taqsima 7, intitolata “Leave fl-interessi tas-servizz”, li fiha dispożizzjoni waħda biss, l-Artikolu 42c. Skont din id-dispożizzjoni:

“Mhux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli, uffiċjal li għandu tal-anqas għaxar snin servizz jista’ jingħata l-leave, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra, fl-interessi tas-servizz għal ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda fi ħdan l-istituzzjonijiet.

In-numru totali ta’ uffiċjali li jiġu assenjati l-leave fl-interessi tas-servizz kull sena ma għandux ikun aktar minn 5% tal-uffiċjali fl-istituzzjonijiet kollha, li rtiraw matul is-sena ta’ qabel. In-numru totali kkalkulat b’dan il-mod għandu jkun allokat lil kull istituzzjoni skont in-numru rispettiv ta’ uffiċjali tagħha fil-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. Ir-riżultat ta’ tali allokazzjoni għandu jitqarreb ’il fuq sal-eqreb numru sħiħ li jkun imiss f’kull istituzzjoni.

It-tali leave ma għandux jikkostitwixxi miżura dixxiplinari.

It-tul ta’ żmien tal-leave għandu jikkorrispondi, bħala prinċipju, mal-perjodu sakemm l-uffiċjal jilħaq l-età pensjonabbli. Madankollu, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, l-awtorità tal-ħatra tista’ tiddeċiedi li ttemm il-leave u terġa’ ddaħħal l-uffiċjal.

Meta l-uffiċjal li ġie assenjat il-leave fl-interessi tas-servizz jilħaq l-età pensjonabbli, huwa għandu jirtira awtomatikament.

Il-leave fl-interessi tas-servizz għandu jkun regolat permezz tar-regoli li ġejjin:

(a)      uffiċjal ieħor jista’ jinħatar għall-pożizzjoni okkupata mill-uffiċjal;

(b)      uffiċjal bil-leave fl-interessi tas-servizz ma għandux ikun intitolat għat-tlugħ fi skala ogħla jew għall-promozzjoni fil-grad.

Uffiċjal assenjat bil-leave b’dan il-mod għandu jirċievi allowance maħduma skont l-Anness IV.

Fuq talba tal-uffiċjal, l-allowance għandha tkun suġġetta għall-kontribuzzjonijiet magħmulin għall-iskema tal-pensjoni, ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dik l-allowance. F’tali każ, il-perjodu ta’ servizz bħala uffiċjal bil-leave fl-interessi tas-servizz għandu jiġi kkunsidrat għall-fini tal-kalkolu tas-snin ta’ servizz pensjonabbli fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2 tal-Anness VIII.

L-allowance għandha [ma għandhiex] tkun suġġetta għal koeffiċjent tal-korrezzjoni.”

4        Ir-Regolament Nru 1023/2013 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2013 u l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal sar applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014.

5        Ir-rikorrenti, RK, hija ex uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Hija daħlet fis-servizz fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (iktar ’il quddiem is-“SĠK”) fis-16 ta’ Marzu 1989 u nħatret bħala uffiċjal fis-16 ta’ Settembru 1989. Waqt il-karriera tagħha, hija kienet assenjata f’diversi direttorati ġenerali u servizzi. Mill-1 ta’ April 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2016, hija kienet assenjata f’pożizzjoni ta’ assistent fl-unità “Żvilupp tal-persunal” (iktar ’il quddiem l-“UŻP”) fi ħdan id-Direttorat Ġenerali A (Amministrazzjoni).

6        Permezz tal-Komunikazzjoni lill-Persunal Nru 71/15, tat-23 ta’ Ottubru 2015 (iktar ’il quddiem il-“KP 71/15”), is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ipprovda informazzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal mill-istituzzjoni. Skont din il-komunikazzjoni:

“[…] L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom kontinwament jinnovaw u jimmodernizzaw ruħhom, u dan jimplika li l-uffiċjali għandhom jakkwistaw kompetenzi ġodda u jaġġornaw l-għarfien tagħhom sabiex jadattaw ruħhom għal żviluppi ġodda. Dawn il-kompetenzi ġodda jistgħu jkunu marbuta, pereżempju, ma’ għodda tal-informatika ġodda, ma’ sistemi implimentati għall-produzzjoni ta’ dokumenti tal-Kunsill Ewropew/tal-Kunsill, ma’ proċeduri ġodda fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi jew ta’ verifika interna, ma’ metodi ta’ ħidma ġodda jew ma’ metodi ta’ ġestjoni jew ta’ organizzazzjoni ġodda.

Il-leave fl-interess tas-servizz huwa intiż sabiex jippermetti lill-uffiċjali li għandhom xi diffikultajiet sabiex jiksbu kompetenzi ġodda u sabiex jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tal-ambjent fix-xogħol sabiex joħorġu fuq leave qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar. […]

Għall-2015 huma disponibbli ħames (5) possibbiltajiet fi ħdan il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7        Fit-12 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti kellha laqgħa mal-Kap tal-UŻP fejn dan tal-aħħar informaha bl-intenzjoni tiegħu li jissuġġerixxi lill-amministrazzjoni tikkunsidra li r-rikorrenti tinħareġ fuq leave fl-interess tas-servizz, konformement mal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

8        Hemm sunt tal-iżvolġiment u tal-kontenut ta’ din il-laqgħa f’nota tal-Kap tal-UŻP tat-18 ta’ Novembru 2015, indirizzata lid-Direttriċi tar-Riżorsi Umani u tal-Amministrazzjoni tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“Direttriċi RUAP”). Fil-kuntest ta’ din in-nota, il-Kap tal-UŻP talab lill-amministrazzjoni sabiex ir-rikorrenti tinħareġ fuq leave fl-interess tas-servizz abbażi tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

9        Fil-25 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti ntlaqgħet mid-Direttriċi RUAP, fil-preżenza ta’ uffiċjal li kien qiegħed jakkumpanja lir-rikorrenti, ta’ osservatur maħtur mill-Kumitat tal-Persunal u mill-Kap tal-Unità tal-konsulenti legali tal-amministrazzjoni. Waqt din il-laqgħa, id-Direttriċi RUAP ippreżentat il-kuntest legali tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal lir-rikorrenti u tatha sunt tar-raġunijiet li minħabba fihom ikkunsidrat li din id-dispożizzjoni setgħet tapplika għaliha. Ir-rikorrenti esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-miżura kkunsidrata.

10      Wara din il-laqgħa, fil-25 ta’ Novembru 2015, id-Direttriċi RUAP indirizzat nota lid-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”), fejn irrakkomandat il-ħruġ tar-rikorrenti fuq leave fl-interess tas-servizz fuq il-bażi tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2015. Ma’ din in-nota kienu annessi n-nota tal-Kap tal-UŻP tat-18 ta’ Novembru 2015 kif ukoll rendikont tal-istorja tal-karriera tar-rikorrenti.

11      Permezz ta’ nota tat-30 ta’ Novembru 2015, id-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li joħroġha fuq leave fl-interess tas-servizz u stedinha sabiex tifformula l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol.

12      Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fis-7 ta’ Diċembru 2015, li fihom hija talbet lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tirrevedi l-intenzjoni tagħha li tapplikalha l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u, fi kwalunkwe każ, sabiex tikkunsidra mill-ġdid din l-applikazzjoni għas-sena 2015 sabiex tkun tista’ tiddisponi minn terminu suffiċjenti sabiex tipprepara għall-ħruġ fuq leave tagħha minn perspettiva finanzjarja u psikoloġika.

13      Fit-8 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti nstemgħet mid-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni.

14      Permezz ta’ deċiżjoni mingħajr data tad-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, li r-rikorrenti ddikjarat li rċeviet fl-4 ta’ Frar 2016, hija nħarġet fuq leave fl-interess tas-servizz mit-30 ta’ Ġunju 2016. Sar sunt tar-raġunijiet mogħtija lir-rikorrenti għall-adozzjoni ta’ din il-miżura fil-punt 10 tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq.

15      Fl-ewwel lok, fil-punt 10(a) tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, ġie indikat li l-UŻP, li kienet assenjata magħha r-rikorrenti, kienet ipproċediet għall-adattament tal-metodi ta’ ħidma tagħha, f’konformità mar-riformi mwettqa wkoll fid-dipartimenti l-oħra tad-Direttorat Riżorsi Umani u Amministrazzjoni tal-Persunal. Dawn il-bidliet kienu jikkonsistu, prinċipalment, fl-istabbiliment ta’ proċessi u ta’ proċeduri awtomatizzati, fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ġodda, fid-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-kompiti u ta’ proċeduri oħra, kif ukoll fl-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ informatika interistituzzjonali applikabbli għas-sistemi kollha ta’ mmonitorjar tar-riżorsi umani. Ġie indikat li r-ritmu ta’ din l-evoluzzjoni kellu jinżamm sabiex jiġu osservati l-approċċi ġodda fil-qasam tar-riżorsi umani u tal-amministrazzjoni tal-persunal implimentati fi ħdan is-SĠK.

16      Fit-tieni lok, fil-punt 10(b) tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, kien ġie ppreċiżat li t-twettiq ta’ tali riformi kien jeħtieġ min-naħa tal-persunal għarfien adattat u ċertu grad ta’ flessibbiltà u ta’ adattabbiltà.

17      [kunfidenzjali]

18      [kunfidenzjali]

19      [kunfidenzjali]

20      [kunfidenzjali]

21      L-Awtorità tal-Ħatra ppreċiżat ukoll li d-deċiżjoni prevista fil-punt 14 iktar ’il fuq kellha tieħu effett fit-30 ta’ Ġunju 2016 sabiex tagħti lir-rikorrenti ż-żmien neċessarju sabiex tipprepara ruħha għall-ħruġ fuq leave tagħha minn perspettiva psikoloġika u finanzjarja.

22      Permezz ta’ nota tat-8 ta’ Frar 2016, il-Kap tal-Unità “Drittijiet Individwali” ikkomunika lir-rikorrenti l-informazzjoni dwar id-drittijiet finanzjarji tagħha li jirrigwardaw il-leave fl-interess tas-servizz.

23      Fid-29 ta’ April 2016, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan l-ilment ġie miċħud b’deċiżjoni espliċita tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2016.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti talbet l-anonimità, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2017, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba.

26      Fl-4 ta’ April 2017, il-Kunsill ippreżenta r-risposta tiegħu.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Mejju 2017, il-Parlament Ewropew talab sabiex jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li kien hemm fir-rikors u fl-annessi tiegħu tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali fir-rigward tal-Parlament.

29      Fl-14 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika.

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li kien hemm fir-replika u fl-annessi tagħha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali fir-rigward tal-Parlament.

31      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ġunju 2017, il-Parlament ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Ġie ppreċiżat li l-komunikazzjoni lill-intervenjent tad-dokumenti nnotifikati u, jekk ikun il-każ, li għad għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet prinċipali kellha tkun limitata għal verżjoni mhux kunfidenzjali u li deċiżjoni dwar il-fondatezza tat-talba għal kunfidenzjalità kienet, jekk ikun il-każ, ser tittieħed sussegwentement, fid-dawl tal-oġġezzjonijiet li setgħu jiġu ppreżentati f’dan ir-rigward.

32      Il-Parlament ma ppreżentax oġġezzjoni fit-terminu mogħti dwar it-talbiet għal trattament kunfidenzjali msemmija iktar ’il fuq magħmula mir-rikorrenti.

33      Fit-28 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill ippreżenta l-kontroreplika.

34      Fit-18 ta’ Awwissu 2017, il-Parlament ippreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu.

35      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li kien hemm fil-kontroreplika u fl-annessi tagħha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali fir-rigward tal-Parlament. Dan ma ppreżentax oġġezzjoni fit-terminu mogħti kontra din it-talba.

36      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill indika li ma kellux osservazzjonijiet x’jippreżenta fuq in-nota ta’ intervent tal-Parlament.

37      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tal-Parlament.

38      Fit-18 ta’ Ottubru 2017, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali nnotifika lill-partijiet bl-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura.

39      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat talba motivata, skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tinstema’ waqt il-fażi orali tal-proċedura.

40      Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-10 ta’ April 2018, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

41      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet u sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din l-istedina fit-terminu mogħti.

42      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2018.

43      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet b’deċiżjoni tal-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Lulju 2018, wara l-preżentazzjoni mill-Kunsill taż-żewġ settijiet ta’ dokumenti mitluba mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta u permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

44      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq u, sa fejn ikun neċessarju, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tas-27 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment”);

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas ta’ danni bħala kumpens għad-dannu materjali u morali mġarrab;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.

45      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

46      Il-Parlament jitlob li r-rikors jiġi miċħud.

III. Id-dritt

A.      Fuq is-suġġett tar-rikors

47      Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq u, “sa fejn ikun neċessarju”, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. B’hekk, huwa meħtieġ li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet u li jiġi ddeterminat, għaldaqstant, is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

48      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilment amministrattiv, kif previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, huma parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss kundizzjoni minn qabel għat-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors, anki jekk ikun formalment ippreżentat kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jressaq quddiem il-qorti l-att li jikkawża preġudizzju u li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punti 7 u 8), ħlief fil-każ fejn iċ-ċaħda tal-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li kontra tiegħu dan l-ilment ġie ppreżentat (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2006, Staboli vs Il-Kummissjoni, T‑281/04, EU:T:2006:334, punt 26).

49      Fil-fatt, kull deċiżjoni li tiċħad ilment, kemm jekk hija impliċita jew espliċita, kulma tagħmel, jekk hija pura u sempliċi, huwa li tikkonferma l-att jew in-nuqqas li l-lanjanti jilmenta dwarhom, u ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, att li jista’ jiġi kkontestat, b’tali mod li t-talbiet diretti kontra din id-deċiżjoni mingħajr kontenut awtonomu meta mqabbla mad-deċiżjoni inizjali għandhom jiġu kkunsidrati bħala diretti kontra l-att inizjali (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑88/13 P, EU:T:2015:393, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Deċiżjoni espliċita li tiċħad ilment tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal-att ikkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ikun fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn il-każijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li tieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew tikkunsidrah bħala att li jikkawża preġudizzju li jieħu post dan tal-aħħar (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2017, Skareby vs SEAE, T‑585/16, EU:T:2017:613, punt 18).

51      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ssostni li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment hija ammissibbli, peress li din id-deċiżjoni fiha elementi ġodda meta mqabbla mad-deċiżjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, mingħajr ma tippreċiża, madankollu, liema huma dawn l-elementi. Il-Kunsill u l-Parlament ma ħadux pożizzjoni dwar il-problema tad-definizzjoni tas-suġġett tar-rikors u, b’mod iktar ġenerali, ma kkontestawx l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament imressqa kontra ż-żewġ deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel punt tat-talbiet tar-rikorrenti.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-ilment u r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ġew ippreżentati fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

53      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tikkonferma d-deċiżjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq u l-motivazzjoni tagħha. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, mingħajr ma tagħmel eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, tirrispondi għall-ilmenti mqajma mir-rikorrenti fl-ilment u, f’din l-okkażjoni, tikkompleta l-motivazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-uniku att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti huwa d-deċiżjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u li l-legalità ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, HQ vs CPVO, T‑592/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:897, punti 20 u 21).

B.      Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti dokumenti ppreżentati mill-Kunsill fis-6 ta’ Ġunju 2018

54      Għandu jitfakkar li, waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kunsill sabiex jippreżenta, f’terminu ta’ ġimgħa, id-dokumenti ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 8 u 9 tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. Issa, fis-6 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill ippreżenta mhux biss iż-żewġ dokumenti msemmija (Annessi E.1 u E.6 tal-att proċedurali tas-6 ta’ Ġunju 2018), iżda wkoll erba’ dokumenti oħra li ma kinux koperti mit-talba tal-Qorti Ġenerali (Annessi E.2 sa E.5 tal-att proċedurali tas-6 ta’ Ġunju 2018) u ppreżenta l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti tal-aħħar fil-punti 4 sa 7 tal-att proċedurali tas-6 ta’ Ġunju 2018. Minn dan isegwi li d-dokumenti li hemm fl-Annessi E.2 sa E.5 msemmija iktar ’il fuq, id-dokument li hemm fl-Anness E.1 li jikkonċerna l-laqgħa tal-UŻP tad-29 ta’ Jannar 2015, li lanqas ma kien kopert mit-talba tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll l-iżviluppi magħmula fil-punti 4 sa 7 tal-att proċedurali tas-6 ta’ Ġunju 2018 huma inammissibbli abbażi tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn dawn ma humiex koperti mit-talba tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta u sa fejn il-Kunsill ma pprovda l-ebda spjegazzjoni dwar ir-raġuni għaliex ma ġewx ippreżentati preċedentement.

C.      Fuq it-talba għal annullament

55      Insostenn tat-talba għal annullament tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi, fejn l-ewwel wieħed jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal; it-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tal-KP 71/15, fuq żbalji ta’ fatt u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni; it-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ; u r-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal

a)      Osservazzjonijiet preliminari

56      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa illegali sa fejn jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat, b’mod partikolari, fuq l-età, stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), u fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

57      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn japplika espliċitament għall-uffiċjali u għall-aġenti “[m]hux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli”, jintroduċi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età kif iddefinita fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. Skont ir-rikorrenti, din id-differenza fit-trattament ma hijiex oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Barra minn hekk, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għandu għan leġittimu, il-mezzi użati sabiex jintlaħaq la huma xierqa u lanqas ma huma neċessarji fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

58      Il-Kunsill u l-Parlament jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti u jitolbu ċ-ċaħda ta’ dan il-motiv.

59      Qabel kollox, għandhom jiġu ddeterminati d-dispożizzjonijiet li fid-dawl tagħhom għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tiegħu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) ta’ din il-Karta huwa espressjoni partikolari (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 29).

61      Barra minn hekk, l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati, b’mod partikolari, lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-Unjoni, b’osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

62      Minn dan isegwi li l-legalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li ġie introdott fir-Regolamenti tal-Persunal permezz tar-Regolament Nru 1023/2013, għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-norma superjuri li jikkostitwixxi l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, previst mill-argument tar-rikorrenti, li jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età.

63      F’dak li jirrigwarda l-invokazzjoni mir-rikorrenti tad-Direttiva 2000/78, hemm lok li jiġu ppreżentati, preliminarjament, id-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha.

64      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Skop”, jipprevedi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

65      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji […]”

66      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)      L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

(c)      l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

67      Sussegwentement, għandu jitfakkar li mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE jirriżulta li d-direttivi jorbtu lill-Istati Membri destinatarji f’dak li jirrigwarda r-riżultat li jrid jintlaħaq. Minn dan isegwi li d-Direttiva 2000/78, kif inhu ppreċiżat fl-Artikolu 21 tagħha, hija indirizzata lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet. Bħala konsegwenza, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux jitqiesu bħala li jimponu, bħala tali, obbligi fuq l-istituzzjonijiet, fl-eżerċizzju tal-poteri leġiżlattivi jew deċiżjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C‑25/02, EU:C:2003:435, punt 24, u tal-21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il-Kunsill, T‑495/04, EU:T:2008:160, punt 43), u lanqas ma jistgħu, bħala tali, ikunu l-bażi ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 52).

68      Madankollu, anki jekk id-Direttiva 2000/78 ma tistax, bħala tali, tkun is-sors ta’ obbligi għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-poteri leġiżlattivi jew deċiżjonali tagħhom sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet ta’ xogħol bejniethom u l-membri tal-persunal tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li r-regoli jew il-prinċipji stabbiliti jew żviluppati f’din id-direttiva jistgħu jiġu invokati kontra dawn l-istituzzjonijiet meta, fihom innifishom, jidhru li huma biss l-espressjoni speċifika ta’ regoli fundamentali tat-Trattati u ta’ prinċipji ġenerali li japplikaw direttament għall-imsemmija istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2016, Todorova Androva vs Il-Kunsill et, T‑366/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:729, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li d-Direttiva 2000/78 tikkonkretizza, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Minn dan isegwi li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 ma jistgħux, bħala tali, ikunu l-bażi ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, dawn jistgħu jkunu sors ta’ ispirazzjoni għad-determinazzjoni tal-obbligi tal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan is-servizz pubbliku. Huwa b’dan il-mod li l-Qorti Ġenerali ser tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kawża preżenti, id-Direttiva 2000/78.

71      F’dak li jikkonċerna l-invokazzjoni mir-rikorrenti tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, b’mod partikolari d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, fl-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Din id-dispożizzjoni ddaħħlet fir-Regolamenti tal-Persunal permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 723/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130).

72      Sa fejn l-Artikolu 1d tar-Regolamenti jinsab fl-istess att, ta’ natura regolamentari, bħall-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri fir-Regolamenti tal-Persunal, u għandu għalhekk l-istess importanza bħal dan tal-aħħar fil-ġerarkija tan-normi, din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix regola li fid-dawl tagħha tista’ tiġi evalwata l-legalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ċċarat li r-referenza għall-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal kienet saret biss sa fejn din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età.

73      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-legalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-limiti esposti fil-punt 70 iktar ’il fuq, id-Direttiva 2000/78.

74      Kif diġà ġie nnotat (ara l-punt 60 iktar ’il fuq), l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta.

75      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età u, fit-tieni lok, jekk dan huwa l-każ, jekk din id-differenza fit-trattament hijiex madankollu konformi mal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 35).

b)      Fuq l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età

77      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal japplika “[m]hux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli” tal-uffiċjali kkonċernati. Il-Kunsill ippreċiża li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għal uffiċjali li jinsabu fl-età ta’ bejn 55 u 66 sena. Mill-kuntest regolamentari applikabbli u mill-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill mogħtija fil-kuntest tat-tweġiba bil-miktub tiegħu għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li din il-kategorija ta’ etajiet hija ddeterminata abbażi tar-raġunament li ġej.

78      F’dak li jikkonċerna l-uffiċjali li daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, għandu jiġi kkunsidrat il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi:

“Għall-uffiċjali fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, l-età pensjonabbli li għandha tkun ikkunsidrata għar-referenzi kollha tal-età tal-pensjoni f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, għajr jekk ikun previst b’mod ieħor fir-Regolamenti tal-Persunal.”

79      L-età tal-pensjoni tvarja bejn 60 u 65 sena skont l-età tal-uffiċjal fl-1 ta’ Mejju 2014, kif jirriżulta mill-kontenut tal-ewwel erba’ subparagrafi tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

80      F’dak li jikkonċerna l-uffiċjali li daħlu fis-servizz wara l-1 ta’ Jannar 2014, l-età tal-irtirar hija ta’ 66 sena skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal.

81      Minn dan isegwi li, peress li l-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz jista’ jiġi applikat għall-uffiċjali li jkollhom 10 snin ta’ servizz u li jkunu jinsabu, l-iktar kmieni, ħames snin bogħod mill-età tal-irtirar, dan potenzjalment jikkonċerna lill-uffiċjali li għandhom bejn 55 sena (għal dawk li kellhom 60 sena jew iktar fl-1 ta’ Mejju 2014 u li l-età tal-irtirar tagħhom kienet għalhekk stabbilita bħala 60 sena) u 66 sena (għal dawk li ġew irreklutati wara l-1 ta’ Jannar 2014 u li l-età tal-irtirar tagħhom kienet għalhekk stabbilita bħala 66 sena).

82      Peress li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal japplika biss għall-uffiċjali li jkollhom l-età ta’ bejn 55 sena u 66 sena u ma japplikax għall-uffiċjali ta’ età iżgħar li ma jaqgħux taħt l-età msemmija iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni toħloq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età.

83      Għandu jiġi osservat li l-Kunsill għandu dubji dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, peress li huwa ma jagħmilx referenza għal “età partikolari”, iżda għall-età tal-irtirar tal-uffiċjali kkonċernati, li tista’ tvarja. Għaldaqstant, din hija miżura ta’ akkumpanjament għall-ħruġ bil-pensjoni, intiża sabiex jittaffa l-“effett ta’ giljottina” ta’ dan il-ħruġ u mhux sabiex issir diskriminazzjoni abbażi ta’ età partikolari fil-konfront ta’ età oħra. Sabiex isaħħaħ dan l-argument, il-Kunsill jinnota wkoll li l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal hija suġġetta għal kundizzjoni sekondarja li hija indipendenti mill-età, li hija dik tal-eżistenza ta’ anzjanità ta’ mill-inqas għaxar snin.

84      Dan l-argument tal-Kunsill jikkonċerna l-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, li tinsab fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, u ma jdaħħalx fid-dubju l-eżistenza ta’ din id-differenza fit-trattament. Sa fejn din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss l-uffiċjali li jaqgħu taħt kategorija ta’ etajiet partikolari, identifikata b’mod ċar, hija tintroduċi differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età, minkejja ċ-ċirkustanza li l-kategorija ta’ etajiet prevista iktar ’il fuq hija ddeterminata skont l-età tal-irtirar tal-uffiċjali kkonċernati. Il-kwistjoni dwar jekk din id-differenza fit-trattament tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija kwistjoni distinta minn dik li tirrigwarda l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament.

85      Barra minn hekk, dejjem b’risposta għall-argument tal-Kunsill espost fil-punt 83 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi kundizzjonijiet oħra mhux marbuta mal-età, bħal dik dwar l-anzjanità tal-uffiċjali kkonċernati u dik dwar l-eżistenza ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, ma jbiddilx il-fatt li, meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, l-uffiċjali li jaqgħu fil-kategorija ta’ etajiet inkwistjoni huma ttrattati b’mod differenti mill-uffiċjali li ma jaqgħux fl-imsemmija kategorija.

86      Skont il-ġurisprudenza, sabiex ikun jista’ jiġi lmentat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jeħtieġ li huwa jkun ittratta b’mod differenti sitwazzjonijiet komparabbli, li jwassal għal żvantaġġ għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li għandu jiġi vverifikat, f’dan il-każ, jekk id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, toħloqx żvantaġġ għal uffiċjali li jaqgħu fil-kategorija ta’ etajiet inkwistjoni meta mqabbla ma’ dawk li ma jaqgħux fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 33).

87      Fil-kawża preżenti, l-uffiċjali li jaqgħu fil-kategorija ta’ etajiet inkwistjoni u li għalhekk huma potenzjalment suġġetti għall-miżura prevista fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jkunu suġġetti, kontra r-rieda tagħhom, għal bidla fil-pożizzjoni amministrattiva tagħhom fis-sens li ma jibqgħux f’“imjieg attiv” fis-sens tal-Artikolu 36 tar-Regolamenti tal-Persunal u jsibu ruħhom fuq “leave fl-interess tas-servizz”. Barra minn hekk, dawn l-uffiċjali ma jibqgħux jibbenefikaw mill-evoluzzjoni tal-karrieri tagħhom sa fejn, skont il-punt (b) tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, huma ma jibqgħux intitolati sabiex jipparteċipaw fl-avvanzament lejn skala ogħla u fil-promozzjoni fil-grad.

88      L-uffiċjali li ma humiex suġġetti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ma jsofrux minn żvantaġġi bħal dawn fuq il-livell tal-karriera tagħhom.

89      Barra minn hekk, l-uffiċjali li jinħargu fuq leave fl-interess tas-servizz ibatu inkontestabbilment tnaqqis fid-dħul professjonali tagħhom li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li huma ma jibqgħux jirċievu s-salarju bażiku, peress li dan jinbidel f’kumpens previst fis-seba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont din id-dispożizzjoni, dan il-kumpens huwa kkalkolat konformement mal-Anness IV tar-Regolamenti tal-Persunal, li jfisser li l-uffiċjali li jinħarġu fuq leave fl-interess tas-servizz jirċievu matul l-ewwel tliet xhur tal-applikazzjoni tal-miżura, allowance fix-xahar li hija daqs is-salarju bażiku tagħhom, mir-raba’ sas-sitt xahar tal-applikazzjoni tal-miżura allowance fix-xahar ta’ 85 % tas-salarju bażiku, u mis-seba’ xahar sat-tmiem tal-leave, jiġifieri sakemm jilħqu l-età tal-irtirar, allowance ta’ kull xahar ta’ 70 % tas-salarju bażiku. Skont id-disa’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ebda koeffiċjent ta’ korrezzjoni ma għandu jkun applikabbli fuq dan il-kumpens. Barra minn hekk, id-dannu finanzjarju msemmi iktar ’il fuq huwa potenzjalment aggravat mill-fatt li l-uffiċjali kkonċernati ma jibqgħux intitolati sabiex javvanzaw għal skala ogħla jew għal promozzjoni fil-grad, kif diġà ġie nnotat.

90      L-uffiċjali li ma jaqgħux fil-kategorija ta’ età inkwistjoni u li, għaldaqstant, ma jistgħux ikunu suġġetti għall-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jsofrux l-iżvantaġġi finanzjarji identifikati fil-punt 89 iktar ’il fuq.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età.

c)      Fuq l-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

92      Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din tal-aħħar għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

93      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, hija prevista minn “liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sa fejn din id-dispożizzjoni toriġina mir-Regolament Nru 1023/2013 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 37).

94      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament imsemmija iktar ’il fuq tikkonċerna kwistjoni ta’ portata limitata fil-kuntest tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, li hija dik ta’ ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz ta’ ċerti uffiċjali li jissodisfaw numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom dik relatata mal-età. Konsegwentement, din id-differenza fit-trattament “tirrispetta l-essenza” tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Sabiex tiġi kkorroborata din il-konklużjoni, għandu jiġi osservat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li n-numru totali ta’ uffiċjali li jinħarġu fuq il-leave fl-interess tas-servizz kull sena ma għandux ikun ta’ iktar minn 5 % tan-numru totali ta’ uffiċjali fl-istituzzjonijiet kollha li rtiraw matul is-sena preċedenti. B’hekk, jirriżulta li, fid-dawl ta’ dan il-limitu massimu u tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, previsti fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, in-numru annwali ta’ uffiċjali li jistgħu jinħarġu fuq leave fl-interess tas-servizz huwa limitat ħafna, kif jirriżulta wkoll mit-tweġibiet bil-miktub tal-Kunsill u tal-Parlament għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali. Bħala eżempju, il-Kunsill indika li, fi ħdanu, erba’ uffiċjali nħarġu fuq leave fl-interess tas-servizz matul kull sena bejn l-2015 u l-2017 minn total ta’ 2 757 uffiċjal fis-servizz tal-Kunsill fil-31 ta’ Diċembru 2017.

96      Il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-kwistjoni dwar jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jippermettu li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, humiex issodisfatti f’dan il-każ. Dawn il-kundizzjonijiet huma dik dwar l-eżistenza ta’ għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni li huwa ssodisfatt mid-differenza fit-trattament u dik dwar il-proporzjonalità.

1)      Fuq il-kwistjoni jekk id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tissodisfax għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni

97      Il-Kunsill, sostnut mill-Parlament, essenzjalment isostni li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, issegwi tliet għanijiet ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal. Fl-ewwel lok, din id-differenza fit-trattament issegwi l-għan tal-ottimizzazzjoni tal-investiment tal-istituzzjonijiet fir-rigward tat-taħriġ professjonali billi tippermettilhom jiffokaw l-investiment tagħhom fuq l-uffiċjali li jkun fadlilhom perijodu ta’ impjieg raġonevoli qabel l-irtirar. Fit-tieni lok, id-differenza fit-trattament imsemmija iktar ’il fuq issegwi l-għan ta’ akkumpanjament tal-uffiċjali li jkunu waslu sabiex jirtiraw u li la jirnexxilhom jiksbu kompetenzi ġodda u lanqas ma jirnexxilhom jadattaw għal bidliet fl-ambjent tax-xogħol tal-istituzzjonijiet. Fit-tielet lok, din id-differenza fit-trattament issegwi, essenzjalment, l-għan taż-żamma ta’ struttura tal-età bbilanċjata bejn uffiċjali ta’ età iżgħar u uffiċjali ta’ età ikbar, li tiffavorixxi, min-naħa tagħha, ir-reklutaġġ u l-promozzjoni tal-imsemmija uffiċjali ta’ età iżgħar, l-iskambju ta’ esperjenza u l-innovazzjoni kif ukoll id-diversità ġeografika.

98      Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza tat-tliet għanijiet imsemmija iktar ’il fuq. Hija ssostni li l-uniku għan imfittex mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa dak tat-tnaqqis tal-ispejjeż u tal-persunal tal-istituzzjonijiet “billi jeħilsu” mill-uffiċjali li jinsabu l-eqreb għall-irtirar u li jibbenefikaw minn remunerazzjoni għolja. Issa, dan l-għan ma jikkostitwixxix għan leġittimu ta’ “politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li jiġġustifika d-differenza fit-trattament abbażi tal-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

99      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li tiġi vverifikata l-eżistenza tal-għanijiet invokati mill-istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u, jekk ikun il-każ, il-kuntest ġenerali tiegħu li jippermetti li jiġi identifikat l-għan li huwa l-bażi tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita minnu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punti 56 u 57; tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 39; u tas-6 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑286/12, EU:C:2012:687, punt 58).

100    F’dak li jikkonċerna l-ewwel għan invokat, dak tal-ottimizzazzjoni tal-investiment fit-taħriġ professjonali, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal hija suġġetta għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”. Ir-referenza għal “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda” turi r-rabta bejn id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq u t-taħriġ professjonali.

101    Sussegwentement, mill-proċess u, b’mod partikolari, mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013 jirriżulta li r-Regolament Nru 1023/2013 u, għaldaqstant, l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ġew adottati f’kuntest ta’ dixxiplina baġitarja tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea, ta’ rieda tal-Istati Membri li jtejbu l-effiċjenza u l-prestazzjoni tagħha u ta’ tnaqqis progressiv tal-persunal tal-istituzzjonijiet b’5 % għall-perijodu 2013–2017.

102    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 1, 3, 7 u 12 tar-Regolament Nru 1023/2013 jenfasizzaw, l-ewwel nett, il-ħtieġa għall-Unjoni li tkun mgħammra b’amministrazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja (premessa 1) li tkun kapaċi twettaq il-kompiti mogħtija lill-istituzzjonijiet f’kuntest ta’ tnaqqis fil-persunal (premessa 3); it-tieni nett, il-ħtieġa ta’ ottimizzazzjoni fil-ġestjoni tar-riżorsi umani (premessa 7); u, it-tielet nett, filwaqt li tirreferi għall-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Kunsill Ewropew, il-ħtieġa ta’ titjib fl-effettività u fl-effiċjenza, il-bżonn ta’ adattament għat-tibdil fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi u sforz sabiex jiġi żgurat bilanċ tajjeb bejn in-nefqa u l-effiċjenza (premessa 12).

103    Il-premessi msemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 1023/2013 juru r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jilħaq l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tan-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea f’termini ta’ bilanċ bejn in-nefqa u l-effiċjenza, u li jippermetti għalhekk li jinżamm il-livell ta’ kwalità għolja ta’ din l-amministrazzjoni u li jippermetti, fl-aħħar mill-aħħar, li l-Unjoni tilħaq l-għanijiet tagħha, timplimenta l-politiki tagħha u twettaq il-missjonijiet tagħha f’kuntest ta’ dixxiplina baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal tal-istituzzjonijiet. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni u tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 100 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-eżistenza tal-għan ta’ ottimizzazzjoni tal-investiment iddedikat għat-taħriġ professjonali tal-uffiċjali, segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, hija stabbilita.

104    Fit-tieni lok, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi vverifikata l-eżistenza taż-żewġ għanijiet l-oħra invokati mill-istituzzjonijiet, għandu jiġi eżaminat jekk l-ewwel għan invokat, li l-eżistenza tiegħu ġiet stabbilita, jikkostitwixxix għan “ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

105    L-ewwel għan invokat jikkonċerna, essenzjalment, il-ġestjoni tajba tal-fondi pubbliċi f’termini ta’ bilanċ bejn in-nefqa u l-effiċjenza, f’kuntest ta’ dixxiplina baġitarji u ta’ tnaqqis tal-persunal tal-istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 310(5) TFUE, il-baġit tal-Unjoni għandu jiġi implimentat skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Barra minn hekk, l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1) jipprovdi li l-approprjazzjonijiet għandhom jintużaw f’konformità mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, jiġifieri skont il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja. It-tieni subpargrafu tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 966/2012 jippreċiża li l-prinċipju ta’ effiċjenza jikkonċerna l-aqwa relazzjoni bejn ir-riżorsi użati u r-riżultati miksuba. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura, permezz tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ottimizzazzjoni tal-infiq tal-istituzzjonijiet fir-rigward tat-taħriġ professjonali jikkostitwixxi għan “ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni”.

106    Barra minn hekk, sa fejn l-ewwel għan invokat jikkonċerna l-politika ta’ taħriġ professjonali tal-istituzzjonijiet, huwa jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li jsemmi, fost l-għanijiet leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età imposti minn miżuri nazzjonali, dak tat-taħriġ professjonali. Minn dan isegwi li, abbażi wkoll tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq, li tikkostwixxi sors ta’ ispirazzjoni għad-determinazzjoni tal-obbligi tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan il-każ (ara l-punt 70 iktar ’il fuq), l-ewwel għan invokat jikkostitwixxi għan ta’ “interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punti 42 u 43).

107    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkorrispondi għal, mill-inqas, għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

108    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti espost fil-punt 98 iktar ’il fuq. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni, imqajma minn dan l-argument, dwar jekk l-għan ta’ tnaqqis tal-ispejjeż u tal-persunal tal-istituzzjonijiet jistax jikkostitwixxi, bħala tali, għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma turix li dan jikkostitwixxi l-uniku għan segwit mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’, mill-inqas, għan leġittimu ieħor segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dan il-każ l-għan ta’ ottimizzazzjoni tal-investiment iddedikat għat-taħriġ professjonali tal-uffiċjali, ġiet stabbilita.

109    Peress li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tissodisfa, mill-inqas, għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 39).

2)      Fuq il-proporzjonalità

110    L-eżami tal-proporzjonalità tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jimplika li jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan il-għan (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 44).

111    F’dan ir-rigward, b’analoġija mal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lil-leġiżlatur nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg (sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 68; tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England, C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 51; u tad-9 ta’ Settembru 2015, Unland, C‑20/13, EU:C:2015:561, punt 57), għandu jiġi rrikonoxxut li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu għan ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal. Fid-dawl ta’ dan il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, l-istħarriġ tal-qorti għandu jirrigwarda, f’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk jidhirx li huwa irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tista’ tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu invokat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 72; tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 70; u tad-9 ta’ Settembru 2015, Unland, C‑20/13, EU:C:2015:561, punt 65).

112    F’dak li jikkonċerna l-ewwel għan invokat, dwar l-ottimizzazzjoni tal-investimenti relatati mat-taħriġ professjonali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ġie adottat f’kuntest ta’ dixxiplina baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal tal-istituzzjonijiet. Kif jirriżulta mill-proċess, dan jirrigwarda tnaqqis progressiv tal-persunal b’5 % għall-perijodu 2013–2017, li huwa applikabbli għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji kollha tal-Unjoni. Id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq ġiet adottata wkoll f’kuntest ta’ rieda li tittejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea fir-rigward tal-bilanċ bejn in-nefqa u l-effiċjenza, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 1023/2013.

113    Il-Kunsill ippreċiża li, f’kuntest bħal dan, u sabiex jiġu żgurati l-missjonijiet li qegħdin jevolvu b’numru dejjem inqas ta’ persunal, l-istituzzjonijiet għandhom jimmodifikaw il-metodi ta’ ħidma tagħhom u huwa meħtieġ li l-uffiċjali jadattaw u jiżviluppaw kompetenzi ġodda regolarment. Ma’ dawn iċ-ċirkustanzi jiżdiedu wkoll il-possibbiltajiet offerti permezz tal-kompjuterizzazzjoni u d-dematerjalizzazzjoni tal-proċeduri, li jwasslu għal tnaqqis fil-ħtiġijiet f’dak li jikkonċerna l-impjieg ta’ persunal inqas ikkwalifikat. Dawn iċ-ċirkustanzi kollha jobbligaw lill-istituzzjonijiet sabiex jinvestu b’mod qawwi fit-taħriġ kontinwu tal-uffiċjali tagħhom.

114    Il-Kunsill sostna li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti lill-istituzzjonijiet jiffokaw l-investiment iddedikat għat-taħriġ professjonali fuq l-uffiċjali li għad fadlilhom tul ta’ karriera raġonevoli qabel l-irtirar u joffru forma ta’ rtirar kmieni lill-uffiċjali fit-tmiem tal-karriera tagħhom.

115    Fil-fatt, ma jistax jiġi kkontestat li, fil-preżenza ta’ ħtiġijiet ta’ akkwist ta’ kompetenzi ġodda mill-uffiċjali u, għaldaqstant, tal-ħtieġa għall-istituzzjonijiet li jinvestu fit-taħriġ professjonali f’kuntest ta’ dixxiplina baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal, il-ħruġ fuq leave tal-uffiċjali li qegħdin joqorbu lejn l-età tal-irtirar jillibera fondi marbuta mat-taħriġ professjonali tagħhom li jistgħu jiġu allokati għat-taħriġ professjonali tal-uffiċjali ta’ età iżgħar, li għandhom quddiemhom karriera itwal fi ħdan l-istituzzjonijiet. Minn dan isegwi li dan il-leave jikkontribwixxi għall-ottimizzazzjoni tal-investimenti relatati mat-taħriġ professjonali, peress li jservi sabiex jittejjeb il-bilanċ bejn l-ispejjeż relatati ma’ dawn l-investimenti u l-benefiċċji miksuba mill-istituzzjonijiet. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li jibbenefika minnu l-leġiżlatur tal-Unjoni (ara l-punt 111 iktar ’il fuq), id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jintlaħaq l-ewwel għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

116    F’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk id-differenza fit-trattament imsemmija iktar ’il fuq tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, din għandha titqiegħed fil-kuntest leġiżlattiv li tinsab fih u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dannu li hija tista’ tikkawża lill-uffiċjali kkonċernati u kemm il-benefiċċji li jiksbu permezz tagħha, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 53).

117    Fir-rigward tal-benefiċċji miksuba mill-istituzzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-ottimizzazzjoni tal-investimenti relatati mat-taħriġ professjonali, prevista mid-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, tgħin sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu, fl-aħħar mill-aħħar, ikomplu jwettqu l-missjonijiet tagħhom f’kuntest ta’ dixxiplina baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal.

118    Barra minn hekk, meta d-differenza fit-trattament imsemmija iktar ’il fuq titqiegħed fil-kuntest tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod ġenerali, għandu jiġi osservat li l-ħruġ ta’ uffiċjal fuq leave fl-interess tas-servizz huwa, fl-aħħar mill-aħħar, strument għall-ġestjoni tal-persunal li qiegħed għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet, sa fejn jikkostitwixxi pożizzjoni amministrattiva addizzjonali li fiha l-uffiċjali jistgħu jitqiegħdu, minbarra l-pożizzjonijiet amministrattivi l-oħra li huma, skont l-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-impjieg attiv, l-issekondar, il-leave minħabba raġunijiet personali, id-disponibbiltà, il-leave għal servizz militari u l-leave tal-ġenituri jew tal-familja.

119    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ma jeżistux dispożizzjonijiet fir-Regolamenti tal-Persunal li jikkostitwixxu “alternattivi” għall-miżura prevista fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. B’mod partikolari, u sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-inkompetenza professjonali, għandu jiġi nnotat li din id-dispożizzjoni hija maħsuba sabiex jiġi kkonstatat u ssanzjonat it-twettiq mhux sodisfaċenti tal-kompiti minn uffiċjal u topera b’mod indipendenti mill-kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess tas-servizz, filwaqt li l-miżura adottata skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal topera fl-interess tas-servizz.

120    Bħala għodda addizzjonali ta’ ġestjoni tal-persunal, l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa, ipso facto, ta’ benefiċċju għall-istituzzjonijiet.

121    Fir-rigward tad-dannu kkawżat lill-uffiċjali kkonċernati, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 87 sa 89 iktar ’il fuq.

122    Fl-istess ħin, għandu jiġi nnotat, kif isostni wkoll ġustament il-Kunsill, li dawn l-uffiċjali jinħarġu fuq leave fl-interessi tas-servizz taħt kundizzjonijiet finanzjarji raġonevoli. Fil-fatt, hemm lok, partikolarment, li jitfakkar li l-uffiċjali jirċievu allowance ta’ kull xahar sat-tmiem tal-leave li l-kalkolu tagħha, li huwa ppreċiżat fil-punt 89 iktar ’il fuq, ma huwiex ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali bħala mhux raġonevoli. Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tmien paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali kkonċernati jistgħu jkomplu jikkontribwixxu fl-iskema tal-pensjoni u jżidu, b’hekk, l-ammont tal-pensjoni tagħhom. Il-kundizzjoni dwar l-għaxar snin ta’ anzjanità, prevista mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkontribwixxi wkoll għan-natura proporzjonali tal-miżura prevista minn din id-dispożizzjoni, sa fejn, kif innota ġustament il-Parlament, twassal sabiex tirriżerva l-applikazzjoni ta’ din il-miżura għal uffiċjali li għandhom livell ta’ paga u ta’ drittijiet għall-pensjoni li huwa tali li jnaqqas l-iżvantaġġi finanzjarji tal-ħruġ fuq leave. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-miżura prevista fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal hija suġġetta għal sensiela ta’ kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni; it-tieni nett, li l-adozzjoni tagħha ma hijiex obbligatorja għall-istituzzjonijiet, li għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ din l-adozzjoni; u, it-tielet nett, li l-għadd totali ta’ uffiċjali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ din il-miżura huwa limitat għal 5 % tat-total tal-uffiċjali fl-istituzzjonijiet kollha li rtiraw matul is-sena preċedenti (ara l-punt 95 iktar ’il fuq).

123    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jinsabu fil-punti 117 sa 122 iktar ’il fuq, ma jidhirx li huwa irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis neċessarju li jipprevedi l-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz għall-uffiċjali biss li jaqgħu fil-kategorija ta’ etajiet inkwistjoni u mhux għall-uffiċjali li ma jaqgħux f’din il-kategorija, bl-iskop li jintlaħaq l-għan leġittimu li jiġu ottimizzati l-investimenti relatati mat-taħriġ professjonali. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, hija proporzjonali għall-ewwel għan leġittimu invokat.

124    Sa fejn il-proporzjonalità tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ġiet stabbilita fir-rigward tal-ewwel għan leġittimu invokat, għandu jiġi konkluż li din id-differenza fit-trattament, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tmurx kontra l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tagħha. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata kontra l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi miċħuda.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-KP 71/15 kif ukoll fuq żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

125    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u l-KP 71/15 u li hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u bi żbalji ta’ fatt. F’dan il-kuntest, hija tikkontesta, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-“ħtiġijiet organizzattivi”, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tar-Regolamenti tal-Persunal, kemm fi ħdan l-UŻP u kemm fi ħdan is-SĠK kollu, u ssostni li l-Kunsill baqa’ ma weriex kif l-allegati bidliet fil-metodi ta’ ħidma tas-SĠK wasslu għal iktar diffikultajiet ta’ adattament għaliha milli għal kull uffiċjal ieħor tal-istituzzjoni. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li r-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha ma jurux nuqqas ta’ kapaċità ta’ adattament min-naħa tagħha għal rekwiżiti ġodda tas-servizz.

126    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jitlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

a)      Fuq id-determinazzjoni tal-kuntest ġuridiku applikabbli f’dan il-każ u fuq l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju

127    Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi b’mod espliċitu li l-ħruġ fuq leave tal-uffiċjali kkonċernati għandu jsir fl-interess tas-servizz. Huwa jipprevedi wkoll, bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tiegħu, l-eżistenza ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda fi ħdan l-istituzzjonijiet”.

128    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, permezz tal-KP 71/15, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ipprovda informazzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal minn din l-istituzzjoni. Minn din il-komunikazzjoni u mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti fil-kuntest tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment (ara, b’mod partikolari, il-punt 29 ta’ din id-deċiżjoni) jirriżulta li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni ż-żewġ elementi li ġejjin: minn naħa, il-kunsiderazzjoni tal-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda” fi ħdan l-istituzzjoni, fis-sens li jevalwa jekk l-istituzzjoni għandhiex tadatta u timmodernizza l-metodi ta’ ħidma tagħha u l-organizzazzjoni tagħha u jekk din il-modernizzazzjoni teħtieġx l-akkwist ta’ kompetenzi ġodda min-naħa tal-uffiċjali kkonċernati, u, min-naħa l-oħra, jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità tal-imsemmija uffiċjali sabiex jakkwistaw tali kompetenzi u sabiex jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol.

129    Fil-punt 29(ii) tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, il-Kunsill ippreċiża li l-evalwazzjoni tat-tieni element identifikat fil-punt 128 iktar ’il fuq kienet tinvolvi neċessarjament element ta’ tbassir fis-sens li jrid jiġi evalwat, fuq il-bażi tal-informazzjoni li jkollha l-Awtorità tal-Ħatra meta hija tieħu deċiżjoni, jekk huwiex raġonevoli li wieħed jassumi li l-uffiċjali kkonċernati ser ikollhom diffikultajiet sabiex jadattaw għall-evoluzzjoni sussegwenti tal-ambjent tax-xogħol.

130    Mill-kuntest ġuridiku, ikkostitwit f’dan il-każ mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal kif speċifikat permezz tal-KP 71/15, li torbot lill-Kunsill, jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ elementi identifikati fil-punt 128 iktar ’il fuq hija evalwazzjoni prospettiva.

131    Ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal imwettqa mill-Kunsill. Minn naħa, hija ssostni li dan, abbażi tal-KP 71/15, żnatura lil din id-dispożizzjoni billi ppreveda li l-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz ser japplika għall-“uffiċjali li għandhom xi diffikultajiet sabiex jiksbu kompetenzi ġodda u sabiex jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tal-ambjent fix-xogħol”. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, minħabba dan l-iżnaturament illegali, ir-raġunament tal-Kunsill, ippreżentat fil-punt 83 tar-risposta, li jipprovdi li dan jikkonċerna “l-evalwazzjoni tal-potenzjal ta’ uffiċjal sabiex jakkwista kompetenzi ġodda u jadatta ruħu għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol”, għandu wkoll jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet mhux awtorizzati mill-kliem tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

132    Dan l-argument tar-rikorrenti jeżiġi li jkun hemm stħarriġ tal-kompatibbiltà tal-approċċ tal-Kunsill, kif deskritt fil-KP 71/15 u kif iċċarat fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, man-norma ogħla li jikkostitwixxi l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2015, Barnett vs KESE, F‑20/14, EU:F:2015:107, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal fih referenza espliċita għall-“interess tas-servizz”. Kif ippreċiża l-Kunsill fil-kuntest tat-tweġiba bil-miktub tiegħu għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, imsemmija wkoll minn dan l-artikolu, huma aspett speċifiku tal-interess tas-servizz.

134    Sa fejn il-“ħtiġijiet organizzattivi” huma marbuta mal-“akkwist ta’ kompetenzi ġodda” u jikkostitwixxu biss aspett speċifiku tal-interess tas-servizz fil-kuntest tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi konkluż li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprekludix li l-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni, abbażi tal-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, il-kapaċità tal-uffiċjali kkonċernati “sabiex jiksbu kompetenzi ġodda u sabiex jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tal-ambjent fix-xogħol”, skont il-KP 71/15.

135    Dan it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element partikolari għall-uffiċjali kkonċernati lanqas ma huwa kuntrarju għar-ratio legis tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, peress li ġie stabbilit li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li jiġu ottimizzati l-investimenti tal-istituzzjonijiet relatati mat-taħriġ professjonali f’termini ta’ bilanċ bejn in-nefqa u l-effiċjenza, jidher li huwa kompatibbli ma’ dan l-għan li l-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ispejjeż tal-investimenti relatati mat-taħriġ professjonali, il-kapaċità tal-uffiċjali kkonċernati sabiex jiksbu kompetenzi ġodda u sabiex jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element partikolari għall-uffiċjali kkonċernati jidher ukoll iġġustifikat mill-fatt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ twassal għal konsegwenzi sfavorevoli għalihom u tista’ tiġi imposta kontra r-rieda tagħhom (ara l-punti 87 sa 89 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li dan it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element partikolari għall-uffiċjali kkonċernati jrendi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni inqas riġida.

136    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-evalwazzjoni mill-Kunsill tal-kapaċità tal-uffiċjali kkonċernati sabiex jakkwistaw għarfien ġdid u jadattaw għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol hija kompatibbli mal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

137    Barra minn hekk, sa fejn din l-evalwazzjoni titwettaq fit-tfittxija tal-interess tas-servizz, hija għandha bilfors tiffoka fuq il-kapaċità fil-futur (potenzjali) tal-uffiċjali kkonċernati sabiex jakkwistaw kompetenzi ġodda u jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol u għandha tinkludi, għaldaqstant, element ta’ tbassir, bħalma sostna ġustament il-Kunsill. Fil-każ kuntrarju, din l-evalwazzjoni ma ssegwix l-interess tas-servizz. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż ukoll li l-element ta’ tbassir li hemm fl-evalwazzjoni tat-tieni element identifikat fil-punt 128 iktar ’il fuq huwa kompatibbli mal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

138    Mill-kuntest ġuridiku kkostitwit mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-KP 71/15 jirriżulta li l-Kunsill kellu, f’dan il-każ, l-obbligu li jevalwa żewġ elementi skont il-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-ħtiġijiet organizzattivi futuri tal-istituzzjoni li jeħtieġu l-akkwist ta’ kompetenzi ġodda u, fit-tieni lok, il-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista l-kompetenzi ġodda identifikati minn qabel, bil-għan li jiġi evalwat, fl-aħħar mill-aħħar, il-bilanċ bejn in-nefqa u l-effiċjenza li jirrappreżenta l-investiment dwar it-taħriġ professjonali tar-rikorrenti, konformement mal-għan segwit mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

139    F’dak li jikkonċerna l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjoni tal-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, ir-rikorrenti kkontestat il-kunsiderazzjoni magħmula fil-punt 27 tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment li tipprovdi li l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont ir-rikorrenti, minħabba l-fatt li l-miżura adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni għandha konsegwenzi dannużi għall-uffiċjali kkonċernati, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din il-miżura għandu jkun stħarriġ fil-fond.

140    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda” jikkostitwixxu aspett speċifiku tal-interess tas-servizz fil-kuntest tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw l-interess tas-servizz, ikun xi jkun l-eżami li fil-kuntest tiegħu jew id-deċiżjoni li għaliha jrid jittieħed inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2018, Barnett vs KESE, T‑23/17, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2018:271, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, tali setgħa diskrezzjonali wiesgħa ġiet irrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet fir-rigward tax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, EU:T:2000:292, punt 53). Minn dan isegwi li, anki jekk tiġi segwita l-loġika tal-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punt 139 iktar ’il fuq, ma hemm l-ebda raġuni sabiex ma tiġix irrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda” b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz ma jirriżultax, għall-uffiċjali kkonċernati, f’konsegwenzi iktar diffiċli minn dawk ikkawżati minn xoljiment bikri ta’ kuntratt ta’ xogħol. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, kif osserva wkoll ġustament il-Kunsill, l-interess tal-uffiċjal ikkonċernat ma jikkostitwixxix element li jiddetermina l-portata tal-marġni diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni minnha skont id-dmir ta’ premura tagħha. Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti msemmi fil-punt 139 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

141    Mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-amministrazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax iddaħħal inkwistjoni din l-applikazzjoni ħlief fil-każ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, ta’ ineżattezza materjali jew ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, EU:T:2000:292, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Mejju 2018, Barnett vs KESE, T‑23/17, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2018:271, punti 36 u 38).

b)      Fuq l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi fil-futur

142    Qabel kollox, għandu jiġi nnotat li mill-proċess jirriżulta li l-Kunsill evalwa, f’dan il-każ, il-ħtiġijiet organizzattivi mhux biss tal-unità li fiha r-rikorrenti kienet assenjata, jiġifieri l-UŻP, iżda wkoll dawk tal-istituzzjoni kollha, jiġifieri tas-SĠK kollu. Ir-rikorrenti kkontestat dan l-approċċ tal-Kunsill u sostniet li l-allegati ħtiġijiet organizzattivi li jiġġustifikaw deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu marbuta biss mal-unità fejn l-uffiċjali kkonċernati huma assenjati. Jekk dan ma jkunx il-każ, ikun hemm riskju ta’ arbitrarjetà eżerċitata mill-istituzzjonijiet.

143    Din l-analiżi tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda. L-ewwel nett, hija ma ssibx sostenn mill-formulazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li jagħmel referenza għal “ħtiġijiet organizzattivi […] fi ħdan l-istituzzjonijiet”. Barra minn hekk, fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li jibbenefika minnha l-Kunsill f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-interess tas-servizz, l-approċċ li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, mhux biss tal-ħtiġijiet organizzattivi tal-UŻP, iżda wkoll dawk tas-SĠK kollu, ma huwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, il-Kunsill spjega, mingħajr ma ġie kkontestat, li r-rikorrenti tokkupa pożizzjoni ġenerali u hija, għaldaqstant, tista’ tiġi assenjata, għall-ħtiġijiet organizzattivi u fl-interess tas-servizz, f’pożizzjoni barra mill-UŻP jew mid-Direttorat Ġenerali tal-Amministrazzjoni. Bħala konsegwenza, minħabba dan il-potenzjal ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti, il-Kunsill ma wettaqx żball manifest meta evalwa l-ħtiġijiet organizzattivi mhux biss tal-UŻP, iżda wkoll ta’ dawk tas-SĠK kollu.

144    It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta li l-Kunsill wera, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ ħtiġijiet organizzattivi futuri fil-livell tal-UŻP u tas-SĠK kollu. Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-ħtiġijiet organizzattivi fil-livell tal-UŻP, hija ssostni, b’mod partikolari, li t-tranżizzjoni minn sistema kompjuterizzata għal oħra ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, bidla “sostanzjali”, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Kunsill fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, peress li hija l-kompjuterizzazzjoni bħala tali li tikkostitwixxi tali bidla. Issa, skont ir-rikorrenti, din il-kompjuterizzazzjoni kienet diġà seħħet fi ħdan l-UŻP. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll ir-rilevanza, f’dak li jikkonċernaha, tal-bidliet fil-metodi ta’ ħidma fis-SĠK, invokati mill-Kunsill, u takkuża lil dan tal-aħħar li ma spjegax b’liema mod dawn il-bidliet jaffettwawha speċifikament. Fil-fatt, huwa l-Kunsill li għandu juri, minbarra r-realtà tar-riformi, li dawn ser iwasslu għal problemi għar-rikorrenti sabiex takkwista kompetenzi ġodda u tadatta ruħha għalihom.

145    Mill-punt 10(a) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kunsill identifika, abbażi tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri tal-UŻP, l-introduzzjoni ta’ metodi u ta’ proċeduri awtomatizzati, bħall-politika ta’ arkivjar elettroniku, u d-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-kompiti u tal-proċeduri. Barra minn hekk, fil-punt 30 tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, ġie speċifikat li l-UŻP ilu jaħdem mix-xahar ta’ Novembru 2014, mill-inqas, fuq proġett li jipprevedi s-sostituzzjoni tal-għodda Ariane b’dik tal-Kummissjoni Ewropea, li jisimha Sysper, u fuq l-implimentazzjoni tal-għodda komuni Learning Management System. Din l-informazzjoni hija kkorroborata b’mod partikolari min-nota tal-Kap tal-UŻP tat-18 ta’ Novembru 2015 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

146    Fil-punt 10(d) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ippreċiża, b’mod partikolari, li s-servizzi kollha tas-SĠK kienu affettwati mill-evoluzzjoni kostanti fil-qasam tal-informatika. Fil-punt 31 tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill spjega li diversi bidliet fil-metodi ta’ ħidma saru jew għadhom qegħdin isiru fis-SĠK, li għalihom il-persunal tas-SĠK, u b’mod partikolari l-persunal AST, kellhom jadattaw ruħhom. Dawn il-bidliet kienu jikkonsistu f’iktar kompjuterizzazzjoni tal-metodi ta’ ħidma, b’mod partikolari bis-sostituzzjoni tal-aġendi stampati bis-sistema Outlook, bil-finalizzazzjoni tat-testi permezz ta’ track-changes, bid-distribuzzjoni tat-testi permezz ta’ posta elettronika minflok posta interna u bis-sostituzzjoni tal-formoli fuq il-karta b’formoli elettroniċi.

147    Mill-elementi preċedenti jirriżulta li l-Kunsill kien evalwa f’dan il-każ il-ħtiġijiet organizzattivi futuri tal-UŻP u tas-SĠK fit-totalità tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqitx elementi ta’ informazzjoni preċiżi u speċifiċi sabiex tikkontesta r-realtà ta’ dawn il-ħtiġijiet organizzattivi u sabiex turi l-eżistenza ta’ żbalji ta’ fatt jew ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. B’mod partikolari, l-allegazzjoni tagħha li tipprovdi li hija ma kinitx informata bl-eżistenza ta’ ħtiġijiet organizzattivi ġodda fi ħdan l-UŻP, ma turix in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ dawn il-ħtiġijiet ġodda. Barra minn hekk, din l-allegazzjoni hija infondata sa fejn il-Kunsill ipproduċa quddiem il-Qorti Ġenerali d-dokumenti msemmija fin-noti ta’ qiegħ il-paġna bin-numru 8 u 9 tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment li juru li r-rikorrenti kienet ġiet informata bl-eżistenza ta’ proġetti tal-informatika li jaffettwaw l-UŻP, imsemmija fil-punt 145 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma rnexxilhiex iddaħħal inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Kunsill tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri.

148    Sussegwentement, għandu jsir stħarriġ tal-legalità tal-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista l-kompetenzi ġodda meħtieġa u sabiex tadatta għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol. F’dan ir-rigward, l-argumenti tar-rikorrenti, ippreżentati fil-punt 144 iktar ’il fuq, dwar in-natura u l-importanza tar-riformi fi ħdan l-UŻP u tar-rilevanza tar-riformi tas-SĠK fil-konfront tagħha, ser jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dan l-eżami, sa fejn dawn l-argumenti jimplikaw ibbilanċjar bejn il-ħtiġijiet organizzattivi u l-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista l-kompetenzi ġodda meħtieġa u sabiex tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol.

c)      Fuq il-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista kompetenzi ġodda u sabiex tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol

149    [kunfidenzjali]

150    [kunfidenzjali]

151    [kunfidenzjali]

152    [kunfidenzjali]

153    [kunfidenzjali]

154    [kunfidenzjali]

155    [kunfidenzjali]

156    [kunfidenzjali]

157    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-approċċ tal-Kunsill li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha għas-snin 2011 u 2012. Skont ir-rikorrenti, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn ir-rapporti ma kienx rilevanti peress li, minn naħa, huma kienu iktar antiki mir-rapporti ta’ evalwazzjoni għas-snin 2013 u 2014, li kienu ta’ kwalità tajba, u, min-naħa l-oħra, hija kienet ġiet assenjata mill-ġdid mill-1 ta’ April 2013. Skont ir-rikorrenti, il-kapaċità ta’ adattament tagħha kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-funzjonijiet reali tagħha u fir-rigward tal-ħtiġijiet reali tas-servizz u mhux fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-passat jew ipotetiċi.

158    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kunsill tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti għas-snin 2011 u 2012, li, barra minn hekk, il-kontenut tagħhom ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti, ma huwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, għalkemm dawn ir-rapporti huma, ċertament, inqas rilevanti minn dawk l-iktar reċenti, xorta jibqa’ l-fatt li, b’mod ġenerali, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ rapporti li jikkonċernaw diversi snin ta’ xogħol tal-uffiċjali kkonċernati, u mhux biss sena jew sentejn, jippermetti li wieħed jista’ jasal għal konklużjonijiet iktar konkreti fir-rigward tal-kapaċitajiet tagħhom ta’ adattament għall-bidliet fl-ambjent tax-xogħol.

159    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li r-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha għas-snin 2013 u 2014 kienu ta’ kwalità tajba, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-kompetenza “Adattament għall-ħtiġijiet tas-servizz”, u li l-Kunsill ipprova juża l-kritika rari f’dawn ir-rapporti sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata. Issa, din il-kritika ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità tagħha sabiex tadatta għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol.

160    [kunfidenzjali]

161    [kunfidenzjali]

162    [kunfidenzjali]

163    [kunfidenzjali]

164    [kunfidenzjali]

165    [kunfidenzjali]

166    [kunfidenzjali]

167    [kunfidenzjali]

168    [kunfidenzjali]

169    [kunfidenzjali]

170    [kunfidenzjali]

171    Fir-raba’ lok, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti espost fil-punt 144 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li mill-proċess ma jirriżultax li l-ħtiġijiet organizzattivi futuri tal-UŻP u tas-SĠK fit-totalità tiegħu kienu jikkonsistu f’bidla fl-ambjent tax-xogħol mhux ikkompjuterizzat għal ambjent tax-xogħol kompjuterizzat. Fi kliem ieħor, dawn il-ħtiġijiet organizzattivi ma implikawx tibdil radikali fil-metodi ta’ ħidma. Madankollu, fid-dawl tal-informazzjoni li għandu l-Kunsill dwar il-kompetenzi u l-attitudni professjonali tar-rikorrenti u li jkopru diversi snin u servizzi differenti, kif miġbura fil-qosor fil-punt 167 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill seta’, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, jippreżumi li r-rikorrenti kien ser ikollha diffikultajiet kbar sabiex tadatta għal xi bidliet ta’ metodi ta’ ħidma inqas radikali u li jikkonsistu fl-iżvilupp tas-sistemi tal-informatika.

172    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista kompetenzi ġodda u sabiex tadatta għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol ma hijiex ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Minn dan isegwi li, fid-dawl ukoll tal-ilmenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-evalwazzjoni mill-Kunsill tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ

173    Ir-rikorrenti ssostni li d-dritt għal smigħ tagħha ġie miksur minħabba li n-nota tal-25 ta’ Novembru 2015 tad-Direttriċi RUAP ma ġietx ikkomunikata lilha matul il-proċedura prekontenzjuża. Din in-nota kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li ma kinitx taf b’din in-nota u lanqas bil-kontenut tagħha, ir-rikorrenti tafferma li ma setgħetx tiddefendi ruħha b’mod utli u effettiv qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

174    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jitlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

175    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata li tqiegħed lir-rikorrenti fuq leave fl-interess tas-servizz, kontra r-rieda tagħha, tikkostitwixxi mingħajr dubju att li jikkawżalha preġudizzju peress li din wasslet, b’mod partikolari, għal bidla fil-pożizzjoni amministrattiva tagħha u għall-waqfien tal-attività professjonali tagħha fi ħdan il-Kunsill u kkawżatilha dannu finanzjarju. Minn dan isegwi li l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni teħtieġ l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, C‑59/06 P, EU:C:2007:756, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

176    Id-drittijiet tad-difiża, kif issa stabbiliti fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li, skont il-qorti tal-Unjoni, huma ta’ applikazzjoni ġenerali (sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 84, u tal-11 ta’ Settembru 2013, L vs Il‑Parlament, T‑317/10 P, EU:T:2013:413, punt 81), ikopru, filwaqt li huma iktar estensivi, id-dritt proċedurali, previst fil-paragrafu 2(a) tal-imsemmi artikolu, ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed fil-konfront tagħha kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 31; u tal-5 ta’ Ottubru 2016, ECDC vs CJ, T‑395/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:598, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

178    Id-dritt għal smigħ mogħti lil kwalunkwe destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju għandu għan doppju: minn naħa, dan id-dritt iservi għall-istruttorja tal-proċess u għall-istabbiliment tal-fatti bl-iktar mod preċiż u korrett possibbli, u, min-naħa l-oħra, dan id-dritt jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. Id-dritt għal smigħ huwa intiż b’mod partikolari li jiżgura li kwalunkwe deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’għarfien sħiħ tal-fatti u għandu b’mod partikolari l-għan li jippermetti lill-awtorità kompetenti tikkorreġi żball jew lill-persuna kkonċernata ssostni l-elementi marbuta mas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw favur li d-deċiżjoni tittieħed jew ma tittiħidx jew li jkollha kontenut speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 49; tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 38; u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 37 u 59).

179    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kawża preżenti, id-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tiġi adottata qabel ma r-rikorrenti kienet ngħatat l-opportunità li tippreżenta l-pożizzjoni tagħha b’mod utli u effettiv fir-rigward tal-elementi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni, fil-kuntest ta’ skambju bil-miktub jew orali mniedi mill-Awtorità tal-Ħatra, li għandha l-oneru tal-prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, C‑59/06 P, EU:C:2007:756, punt 47). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq kunsiderazzjonijiet dwar il-ħtiġijiet organizzattivi tal-UŻP u tas-SĠK fit-totalità tiegħu u dwar il-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista kompetenzi ġodda u sabiex tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol. Dawn il-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom ibbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 4.1 sa 4.5 tan-nota tad-Direttriċi RUAP tal-25 ta’ Novembru 2015 li ma ġietx ikkomunikata lir-rikorrenti matul il-proċedura prekontenzjuża. Għandu jiġi vverifikat jekk dan in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ppreġudikax id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, kif issostni din tal-aħħar.

180    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti kellha laqgħa mal-Kap tal-UŻP fit-12 ta’ Novembru 2015 u laqgħa mad-Direttriċi RUAP fil-25 ta’ Novembru 2015. Anki jekk ma jeżistux minuti ta’ dawn il-laqgħat, min-noti tat-18 ta’ Novembru 2015 u tal-25 ta’ Novembru 2015, imfassla rispettivament minn dawn iż-żewġ superjuri fil-ġerarkija tar-rikorrenti, jirriżulta li, matul dawn il-laqgħat, ir-rikorrenti kienet ġiet informata kemm bil-ħtiġijiet organizzattivi fi ħdan l-UŻP u s-SĠK, u kemm bir-raġunijiet li minħabba fihom l-amministrazzjoni qieset li ma kellhiex il-kapaċità li tadatta għall-bidliet fl-ambjent tax-xogħol. Ir-rikorrenti ma kkontestatx quddiem il-Qorti Ġenerali li hija rċeviet dawn iż-żewġ elementi ta’ informazzjoni matul dawn il-laqgħat.

181    Fid-dawl tal-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ laqgħat, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti setgħet issostni, b’mod utli u effettiv, il-pożizzjoni tagħha dwar iż-żewġ elementi ta’ informazzjoni msemmija iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2015 indirizzati lill-Awtorità tal-Ħatra. Għalhekk, hija setgħet, b’mod partikolari, issostni li, fil-pożizzjoni tagħha, ma kienx hemm bidliet ippjanati fir-rigward ta’ softwer jew tal-metodu ta’ ħidma u setgħet tikkontesta, b’mod partikolari abbażi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni għas-snin 2013 u 2014, il-kunsiderazzjonijiet tal-amministrazzjoni li jipprovdu li kellha xi diffikultajiet sabiex tikseb kompetenzi ġodda.

182    Barra minn hekk, iż-żewġ laqgħat imsemmija iktar ’il fuq ippermettewlha ssostni b’mod utli u effettiv il-pożizzjoni tagħha matul is-smigħ tat-8 ta’ Diċembru 2015 mid-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra.

183    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni lir-rikorrenti, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tan-nota tad-Direttiriċi RUAP tal-25 ta’ Novembru 2015 ma kisirx id-dritt għal smigħ tagħha. Din il-konklużjoni ma tiddaħħalx inkwistjoni mis-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2015, BP vs FRA (T‑658/13 P, EU:T:2015:356), invokata mir-rikorrenti. Fil-fatt, din il-kawża hija differenti mill-kawża li tat lok għas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, peress li, f’dan il-każ, bil-kontra ta’ din il-kawża tal-aħħar, ir-rikorrenti, minn naħa, kienet ġiet informata, matul iż-żewġ laqgħat imsemmija mas-superjuri fil-ġerarkija tagħha, bir-raġunijiet ewlenin li kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżura kontenzjuża fir-rigward tagħha u, min-naħa l-oħra, din instemgħet darbtejn mill-Awtorità tal-Ħatra qabel l-adozzjoni ta’ din il-miżura, kemm bil-miktub kif ukoll oralment. Issa, mill-fatti kif ippreżentati fil-punt 14 tas-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2015, BP vs FRA (T‑658/13 P, EU:T:2015:356), jirriżulta li r-rikorrenti f’din il-kawża ma kinitx ġiet informata bir-raġunijiet prinċipali li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżura kontenzjuża li kienet tikkonsisti, partikolarment, f’deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, qabel l-adozzjoni tagħha, u lanqas ma nstemgħet mill-Awtorità tal-Ħatra (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2015, BP vs FRA, T‑658/13 P, EU:T:2015:356, punt 62).

184    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

185    Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li n-nota tad-Direttriċi RUAP tal-25 ta’ Novembru 2015 ma ġietx ikkomunikata lilha jikkostitwixxi ksur tad-dmir ta’ premura min-naħa tal-Kunsill, sa fejn, billi ma kkomunikalhiex din in-nota, il-Kunsill ma tahiex l-opportunità li tesprimi ruħha fuq l-opportunitajiet tal-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha f’servizzi oħra tas-SĠK, li kienu possibbiltajiet allegatament eżaminati fin-nota msemmija iktar ’il fuq.

186    [kunfidenzjali]

187    [kunfidenzjali]

188    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

189    Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-kunċett tad-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, kif ġie żviluppat mill-ġurisprudenza, jirrifletti l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjoni u l-persunal tas-servizz pubbliku. Dan il-bilanċ jimplika b’mod partikolari li, meta tagħti deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-amministrazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’dan il-mod, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz imma wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat (sentenzi tat-28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il-Kummissjoni, 33/79 u 75/79, EU:C:1980:139, punt 22, u tad-29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑298/93 P, EU:C:1994:273, punt 38).

190    Fl-istess ħin, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rekwiżiti tad-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni ma jistgħux jipprekludu lill-Awtorità tal-Ħatra milli tadotta l-miżuri li hija tqis neċessarji fl-interess tas-servizz (ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 1998, Volger vs Il-Parlament, T‑176/96, EU:T:1998:1, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-qorti tal-Unjoni ppreċiżat ukoll li, għalkemm l-awtorità li tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tipprekludi li l-awtorità twettaq razzjonalizzazzjoni tad-dipartimenti jekk hija tqis li dan huwa neċessarju (ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 1998, Volger vs Il-Parlament, T‑176/96, EU:T:1998:1, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

191    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti.

192    F’dak li jikkonċerna l-ewwel ilment, ippreżentat fil-punt 185 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, fin-nota tagħha tal-25 ta’ Novembru 2015, id-Direttriċi RUAP eżaminat u warrbet is-soluzzjoni tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti kemm fi ħdan id-Direttorat tar-Riżorsi Umani u tal-Amministrazzjoni tal-Persunal u kemm fi ħdan is-SĠK, billi bbażat ruħha fuq il-ħtiġijiet organizzattivi futuri ta’ dawn is-servizzi fir-rigward tal-evoluzzjoni tas-sistemi tal-informatika tagħhom u fuq il-kapaċità tar-rikorrenti li tikseb kapaċitajiet ġodda. Issa, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv ta’ annullament, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tippreżenta b’mod utli u effettiv l-osservazzjonijiet tagħha dwar iż-żewġ elementi msemmija iktar ’il fuq fil-kuntest tan-nota tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2015 u waqt is-smigħ tagħha mill-Awtorità tal-Ħatra fit-8 ta’ Diċembru 2015. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tan-nota tad-Direttriċi RUAP tal-25 ta’ Novembru 2015 lir-rikorrenti ma kienx ippreġudika fil-verità l-interessi tagħha u ma jikkostitwixxix ksur tad-dmir ta’ premura impost fuq il-Kunsill.

193    F’dak li jikkonċerna t-tieni lment tar-rikorrenti, ippreżentat fil-punt 186 iktar ’il fuq, għandu jiġi nnotat li, kif jirriżulta mill-proċess, waqt il-proċedura prekontenzjuża, ir-rikorrenti talbet lill-amministrazzjoni sabiex ma tapplikalhiex l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u, sussidjarjament, sabiex tipposponi din l-applikazzjoni lil hinn mid-data inizjalment prevista tal-31 ta’ Diċembru 2015.

194    Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 190 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma setax, abbażi tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tar-rikorrenti, jirrinunzja milli japplikalha l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, abbażi ta’ dan l-interess, il-Kunsill ippospona d-data tal-effett tal-ħruġ fuq leave sat-30 ta’ Ġunju 2016, u b’hekk laqa’ t-talba tagħha. Minn dan isegwi li l-Kunsill, f’dan il-każ, aġixxa konformement mad-dmir tiegħu ta’ premura lejn ir-rikorrenti.

195    F’dak li jikkonċerna t-tielet ilment tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jitfakkar li hija ma wrietx, fil-kuntest tat-tieni motiv ta’ annullament, li d-deċiżjoni tal-Kunsill li tinħareġ fuq leave fl-interess tas-servizz kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Peress li l-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz mill-Kunsill ma kinitx manifestament żbaljata, għandu jiġi konkluż li t-tielet ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud. [kunfidenzjali]

196    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud u, bħala konsegwenza, għandha tiġi miċħuda t-talba għal annullament.

D.      Fuq it-talba għal kumpens

197    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kkawżatilha dannu materjali u dannu morali.

198    Id-dannu materjali jikkonsisti prinċipalment f’telf ta’ dħul minħabba d-deċiżjoni kkontestata u l-Kunsill għandu jbati l-konsegwenzi kollha tal-annullament tagħha fir-rigward tar-remunerazzjoni tar-rikorrenti, billi jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dannu għall-progress fil-karriera tagħha.

199    Id-dannu morali tar-rikorrenti għandu l-oriġini tiegħu fid-deċiżjoni kkontestata stess, li ma hijiex iġġustifikata u hija bbażata fuq motivi żbaljati. Din id-deċiżjoni ppreġudikat il-fiduċja tar-rikorrenti fl-istituzzjoni tagħha. Id-dannu morali mġarrab huwa aggravat miċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. [kunfidenzjali]. Ir-rikorrenti tevalwa d-dannu morali tagħha għal EUR 10 000 ex aequo et bono.

200    Il-Kunsill jitlob, prinċipalment, li tiġi miċħuda t-talba għal kumpens imressqa mir-rikorrenti.

201    Għandu jitfakkar li t-talbiet intiżi għall-kumpens ta’ dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta jkunu marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament li, min-naħa tagħhom, kienu miċħuda bħala inammissibbli jew bħala infondati (ara s-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

202    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għad-danni tar-rikorrenti hija marbuta mill-qrib mat-talba għal annullament li ġiet miċħuda, peress li d-dannu, kemm materjali kif ukoll morali, invokat mir-rikorrenti, allegatament isib l-oriġini tiegħu fid-deċiżjoni kkontestata u ċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

IV.    Fuq l-ispejjeż

203    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135 tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’, minn naħa, tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti biss mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk hija tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li huma fiergħa jew vessatorji.

204    Fil-kawża preżenti, għandu jiġi nnotat li n-nota tad-Direttriċi RUAP tal-25 ta’ Novembru 2015 ma ġietx annessa mad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, bil-kontra ta’ dak li ġie indikat fil-punt 43 tagħha. Din in-nota ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti biss matul il-proċedura kontenzjuża, jiġifieri fil-kuntest tar-risposta ppreżentata mill-Kunsill.

205    Għandu jiġi rrilevat ukoll li żewġ dokumenti, imsemmija fin-noti ta’ qiegħ il-paġna bin-numru 8 u 9 tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi mwettqa fil-kuntest tagħha, lanqas ma ġew annessi ma’ din id-deċiżjoni, bil-kontra ta’ dak li kien ġie indikat f’dawn in-noti ta’ qiegħ il-paġna. Dawn iż-żewġ dokumenti ġew finalment ikkomunikati lir-rikorrenti wara s-seduta, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 54 iktar ’il fuq).

206    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li n-nuqqas tal-Kunsill li jannetti t-tliet dokumenti msemmija mad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, minkejja indikazzjoni kuntrarja f’din id-deċiżjoni, għamel iktar diffiċli, b’mod partikolari, il-preparazzjoni tar-rikors. L-ommissjoni milli jannetti d-dokumenti msemmija fil-punt 205 iktar ’il fuq wasslet ukoll għall-estensjoni tal-fażi orali tal-proċedura.

207    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-attitudni tal-Kunsill tiġġustifika li għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u li, barra minn hekk, għandu jiġi kkundannat ibati 20 % tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

208    Il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      RK għandha tbati 80 % tal-ispejjeż tagħha.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u 20 % tal-ispejjeż sostnuti minn RK.

4)      Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Prek

Buttigieg

Schalin

Berke

 

      Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Frar 2019.

Firem

Werrej



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.