Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovenja

(Kawża C-413/19)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Kocjan, K. Talabér-Ritz)

Konvenuta: Ir-Repubblika tas-Slovenja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li s-Slovenja, billi llimitat l-obbligu li jiġi ppreżentat ċertifikat ta’ rendiment enerġetiku għall-bini li huwa proprjetà ta’ jew użat mill-poteri pubbliċi, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha abbażi tal-Artikolu 13(2) tad-direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija 1 ;

tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Abbażi tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2013/31/UE, l-Istati Membri għandhom jimplementaw l-obbligu li jipprovdi li f’bini ta’ superfiċi utli totali ta’ iktar minn 500 m2, li l-pubbliku jżur spiss u li għalih ikun ingħata ċertifikat ta’ rendiment enerġetiku skont l-Artikolu 12(1), l-imsemmi ċertifikat għandu jitpoġġa f’post prominenti u b’mod viżibbli b’mod ċar mill-pubbliku. Sa fejn ir-Repubblika tas-Slovenja implementat dan l-obbligu biss għall-bini li huwa proprjetà ta’ jew li huwa użat mill-poteri pubbliċi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

____________

1 Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, p. 13).