Language of document : ECLI:EU:F:2012:47

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

28 ta’ Marzu 2012

Kawża F-19/10

Letizia Marsili

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Evalwazzjoni tal-eżami orali — Kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marsili titlob, b’mod prinċipali, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/51/08 li ma tniżżilx isimha fil-lista ta’ riżerva.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Modalitajiet u kontenut tal-eżamijiet — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 5)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Ċaħda ta’ kandidatura — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25; Anness III, Artikolu 6)

4.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Kompożizzjoni — Rappreżentazzjoni bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 3)

1.      Il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-modalitajiet u l-kontenut iddettaljat tal-eżamijiet previsti fil-kuntest ta’ kompetizzjoni. Il-qorti ma tistax twettaq reviżjoni tal-modalitajiet ta’ eżami ħlief sa fejn ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-kandidati u l-oġġettività tal-għażla mwettqa bejniethom. Il-qorti lanqas ma għandha tagħmel reviżjoni tal-kontenut iddettaljat ta’ eżami, ħlief jekk dan ikun jaqa’ fil-qafas indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni jew jekk dan ma jkunx konformi mal-għanijiet tal-eżami jew tal-kompetizzjoni.

Fir-rigward ta’ kriterji li ma humiex relatati ma’ konoxxenzi speċifiċi li l-kandidat għandu jkollu, iżda ma’ kwalitajiet bħall-“motivazzjoni”, il-“kapaċità ta’ adattament” jew il-“kreattività”, li jrid juri l-kandidat, dawn il-kwalitajiet tal-kandidat jistgħu jiġu evalwati fid-dawl tal-aġir tiegħu u tad-dikjarazzjonijiet tiegħu matul l-eżami orali, mingħajr ma ssir ebda mistoqsija li għandha rabta diretta jew espliċita mal-kwalitajiet inkwistjoni.

Konsegwentement, sempliċi assenza ta’ mistoqsija b’rabta diretta u evidenti mad-dimostrazzjoni ta’ tali kwalitajiet, jekk wieħed jippreżupponi li tiġi stabbilita, ma tistax turi li l-Bord tal-Għażla ma kienx f’pożizzjoni li jwettaq evalwazzjoni tal-imsemmija kwalitajiet.

(ara l-punti 20, 23 u 24)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 7 ta’ Frar 2002, Felix vs Il-Kummissjoni, T-193/00, punt 35

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 5 ta’ Mejju 2010, Schopphoven vs Il‑Kummissjoni, F-48/09, punt 31

2.      L-evalwazzjonijiet li Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni jagħmel meta jevalwa l-konoxxenzi u l-kompetenzi tal-kandidati huma eżentati mill-istħarriġ tat-Tribunal.

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ kompetizzjoni, il-valur tar-rendiment tal-kandidati jiġi evalwat b’mod komparattiv. Għalhekk, id-dimostrazzjoni, anki jekk jiġi preżuppost li tiġi stabbilita, tar-realtà tal-kwalitajiet ta’ kandidat fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-avviż tal-kompetizzjoni ma tippermettix li tintwera l-eżistenza ta’ żball manifest li jivvizzja l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla.

Fl-evalwazzjoni tal-eżamijiet, il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u d-deliberazzjonijiet tiegħu ma jistgħux jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti ħlief fil-każ ta’ ksur evidenti tar-regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla.

(ara l-punti 39, 42 u 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Ottubru 1974, Campogrande et vs Il‑Kummissjoni, 112/73, 144/73 u 145/73, punt 53; 16 ta’ Ġunju 1987, Kolivas vs Il-Kummissjoni, 40/86, punt 11; 4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, punt 32

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Settembru 2008, Coto Moreno vs Il‑Kummissjoni, F-127/07, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, bħal dik meħuda minn Bord tal-Għażla fir-rigward ta’ kandidat, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li jirrendi possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni.

Fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda minn Bord tal-Għażla, dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jkun ikkonċiljat mal-osservanza tas-sigriet li jiċċirkonda x-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla skont l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

Dan is-sigriet ġie stabbilit bl-għan li jiggarantixxi l-indipendenza tal-Bordijiet tal-Għażla u l-oġġettività tal-ħidmiet tagħhom, billi jiġu protetti minn kull interferenza u pressjoni esterni, sew jekk dawn joriġinaw mill-amministrazzjoni stess, mill-kandidati kkonċernati jew minn terzi. L-osservanza ta’ dan is-sigriet tipprekludi, għaldaqstant, kemm l-iżvelar tal-attitudnijiet adottati mill-membri individwali tal-Bordijiet tal-Għażla kif ukoll l-iżvelar tal-elementi kollha li jirrigwardaw evalwazzjonijiet ta’ natura personali li jikkonċernaw lill-kandidati.

Fl-istadju tal-eżami tal-kompetenzi tal-kandidati, ix-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla jkunu qabelxejn ta’ natura komparattiva u, għalhekk, koperti bis-sigriet inerenti għal dawn ix-xogħlijiet.

B’teħid inkunsiderazzjoni tal-konċiljazzjoni neċessarja tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju mal-osservanza tas-sigriet li jiċċirkonda x-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, il-komunikazzjoni tal-marki miksuba fid-diversi eżamijiet tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla.

Tali motivazzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet tal-kandidati li ma jintgħażlux u tippermetti lit-Tribunal iwettaq stħarriġ ġudizzjarju adegwat għal dan it-tip ta’ tilwima.

(ara l-punti 47 sa 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Campogrande et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53; 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, punt 22; Il‑Parlament vs Innamorati, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23, 24, 28, 31 u 32; Kolivas vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11

4.      L-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 tiegħu, dwar il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla, ma jipprevedix il-possibbiltà li jinħatru membri ta’ sostituzzjoni, anki jekk il-ġurisprudenza taċċetta li l-amministrazzjoni tista’ tagħmel użu minnhom. Għaldaqstant, bħala prinċipju, fid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness isir riferiment għall-Bordijiet tal-Għażla b’membri titolari, bla ħsara għall-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu japplikaw, b’analoġija, għall-membri ta’ sostituzzjoni.

Fir-rigward tal-frażi “bord ta’ l-għażla jikkonsiti minn aktar minn erba’ membri”, użata fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, din għandha tinftiehem bħala “bord tal-għażla li jikkonsisti minn iktar minn erba’ membri titolari”.

Fil-fatt, il-membri ta’ sostituzzjoni ta’ Bord tal-Għażla jistgħu jiddeċiedu biss dwar il-kwalitajiet ta’ kandidat li jagħmel l-eżami orali sa fejn dawn jiżguraw is-sostituzzjoni ta’ membru titolari assenti, peress li n-numru ta’ voti deliberattivi fi ħdan il-Bord tal-Għażla huwa limitat għan-numru tal-membri titolari. L-użu ta’ membri ta’ sostituzzjoni għaldaqstant ma għandux l-effett li jemenda sostanzjalment in-numru ta’ membri tal-Bord tal-Għażla.

Barra minn hekk, applikazzjoni b’analoġija tal-frażi “bord ta’ l-għażla jikkonsiti minn aktar minn erba’ membri” għall-membri ta’ sostituzzjoni ma huwiex possibbli, peress li għandu jiġi ddeterminat, għal kull kompetizzjoni, livell uniku li minnu għandha tapplika r-regola prevista fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fl-aħħar nett, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tar-regola stabbilita fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala prinċipju għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-membri titolari tal-Bord tal-Għażla, peress li huma dawn li suppost għandhom jipparteċipaw fl-iżvolġiment effettiv tal-eżamijiet. L-osservanza tal-imsemmija regola għandha tiġi vverifikata matul il-pubblikazzjoni tal-lista tal-membri tal-Bord tal-Għażla u mhux matul l-iżvolġiment tal-eżamijiet.

(ara l-punti 83 sa 86, 88 u 91)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il-Kummissjoni, T‑100/04, punt 207; Il-Qorti Ġenerali 13 ta’ Ottubru 2008, Neophytou vs Il‑Kummissjoni, T‑43/07 P, punt 53

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ Novembru 2010, Bartha vs Il‑Kummissjoni, F-50/08, punti 39 u 41