Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Mejju 2010 - Guittet vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-31/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Christian Guittet (Cannes, Franza) (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni ta' għeluq tal-proċedura miftuħa taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal li tirrikonoxxi lir-rikorrent rata ta' invalidità permanenti ta' 64.5 % u, min-naħa l-oħra, talba għall-kumpens għad-danni materjali u morali mġarrba.

Talbiet tar-rikorrent

Tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tas-27 ta' Lulju 2009 li tagħlaq il-proċedura miftuħa taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal insegwitu għall-inċident tar-rikorrent tat-8 ta' Diċembru 2003;

sa fejn ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni tas-16 ta' Frar 2010 li tiċħad l-ilment tar-rikorrent;

konsegwentement, tasal għall-evalwazzjoni tar-rata ta' invalidità parzjali permanenti (IPP) fuq il-bażi tar-regoli u tal-kriterji ta' evalwazzjoni fis-seħħ fil-ġurnata tal-inċident u sal-1 ta' Jannar 2006, wara li terġa' tiġi eżaminata t-talba mressqa mir-rikorrent taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal minn kumitat mediku kompost b'mod imparzjali, indipendenti u newtrali li jista' jaħdem malajr, indipendentement u mingħajr preġudizzju;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas ta' interessi moratorji fuq il-kapital dovut taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal b'rata ta' 12 % fuq perijodu li jibda l-iktar tard fit-8 ta' Diċembru 2004 sal-ħlas kollu tal-kapital;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas tad-danni, iffissati ex aequo et bono għal EUR 50 000 għad-dannu morali mġarrab minħabba fid-deċiżjoni meħuda;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas tad-danni, iffissati għal EUR 15 000 għad-dannu materjali mġarrab minħabba fid-deċiżjoni meħuda;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

____________