Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Rădăuţi (ir-Rumanija) fit-3 ta’ Diċembru 2018 – OF vs PG

(Kawża C-759/18)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Judecătoria Rădăuţi

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: OF

Konvenut: PG

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li nuqqas min-naħa tal-konvenut li jqajjem oġġezzjoni li l-qrati Rumeni ma għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiddeċiedu fuq każ li jikkonċerna “divorzju li jinvolvi minuri” jammonta għall-kunsens taċitu tiegħu għall-każ li bih hija adita l-qorti mir-rikorrent, fejn il-partijiet għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru ieħor [tal-Unjoni Ewropea] (fil-każ preżenti, l-Italja) u fejn il-proċeduri tad-divorzju tressqu quddiem qorti tal-Istat li tiegħu l-partijiet huma ċittadini?

L-[Artikolu] 3(1) u l-[Artikolu] 17 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti tista’ jew għandha tqajjem, ex officio, oġġezzjoni li l-qrati Rumeni ma għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiddeċiedu fuq każ dwar “divorzju li jinvolvi minuri”, fejn ma kien hemm l-ebda ftehim bejn il-partijiet, li huma residenti fi Stat Membru ieħor [tal-Unjoni Ewropea] (fil-każ preżenti, l-Italja), dwar l-għażla tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni (li tirriżulta fl-azzjoni miċħuda bħala li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Rumeni), li għandha prijorità fuq l-Artikolu 915(2) tal-Codul de procedură civilă (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), skont liema tista’ titqajjem oġġezzjoni li l-Judecătoria Rădăuţi (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Rădăuţi) ma għandhiex ġurisdizzjoni territorjali esklussiva (li tirriżulta fiċ-ċaħda ta’ ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq il-każ favur il-Judecătoria Sectorului 5 Bucureşti (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, is-Settur 5, Bukarest) u l-kawża li ġiet deċiża fuq il-merti), speċjalment minħabba li dawk id-dispożizzjonijiet huma inqas favorevoli mid-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata (l-Artikolu 915(2) tal-Codul de procedură civilă (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)?

L-espressjoni li tinsab fl-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, jiġifieri “il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata... xort'oħra f'mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan”, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fejn il-partijiet, li huma abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor [tal-Unjoni Ewropea] (fil-każ preżenti, l-Italja), jagħżlu bħala l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fi proċeduri ta’ divorzju, qorti tal-Istat li tagħha huma ċittadini (il-Judecătoria Rădăuţi (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Rădăuţi) fir-Rumanija), dik il-qorti awtomatikament għandha wkoll ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq kapijiet tat-talbiet “tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, il-post tar-residenza abitwali tal-minuri u d-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-ġenituri għall-ispejjeż tal-kura u tal-edukazzjoni tal-minuri”?

Il-kunċett ta’ “responsabbiltà tal-ġenituri” msemmi fl-Artikolu 2(7) u l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi wkoll il-kunċetti ta’ “awtorità tal-ġenituri” msemmija fl-Artikolu 483 tal-Codul civil (il-Kodiċi Ċivili), “ir-residenza abitwali tal-minuri” kopert mill-Artikolu 400 tal-Codul civil (il-Kodiċi Ċivili), u “il-kontribut tal-ġenituri għall-ispejjeż tal-kura u l-edukazzjoni tal-minuri” koperti mill-Artikolu 402 tal-Codul civil (il-Kodiċi Ċivili)?

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6 p. 243).