Language of document : ECLI:EU:F:2010:83

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

8 ta’ Lulju 2010

Kawża F-17/08

Andrzej Wybranowski

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Evalwazzjoni tal-eżami orali — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/60/06 — Motivazzjoni — Kompetenzi tal-Bord tal-Għażla — Evalwazzjoni tal-kandidati”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Wybranowski essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2007 li ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/60/06.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Implementazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni u tal-importanza mogħtija lil dawn il-kriterji

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Ċaħda tal-kandidatura — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Anness III, Artikolu 6)

1.      Il-Bord tal-Għażla jgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward ta’ kif imexxi x-xogħlijiet tiegħu. Għalhekk, meta l-avviż tal-kompetizzjoni ma jipprevedix kriterji ta’ evalwazzjoni, il-Bord tal-Għażla jista’ jiddetermina tali kriterji jew, meta l-avviż jipprevedi tali kriterji iżda ma jispeċifikax l-importanza rispettiva li għandhom jingħataw, il-Bord tal-Għażla jista’ jiddetermina din l-importanza.

(ara l-punt 32)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Frar 1981, Authié vs Il‑Kummissjoni, 34/80, Ġabra p. 665, punt 14; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Diċembru 1990, González Holguera vs Il‑Parlament, T‑115/89, Ġabra p. II‑831, pubblikazzjoni ta’ siltiet, punt 53; 14 ta’ Lulju 1995, Pimley-Smith vs Il‑Kummissjoni, T‑291/94, ĠabraSP p. I‑A‑209 u II‑637, punt 48; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Settembru 2008, Coto Moreno vs Il-Kummissjoni, F‑127/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑295 u II‑A‑1‑1563, punt 47

2.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ kwalitajiet suġġettivi bħall-“kompetenza”, il-“motivazzjoni” u l-“kapaċità” tal-kandidati, il-Bord tal-Għażla, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, jista’ jieħu inkunsiderazzjoni elementi speċifiċi għal kull kandidat, bħalma huma pereżempju l-esperjenza professjonali jew il-konoxxenzi lingwistiċi partikolari.

Is-sitwazzjoni fattwali tal-kandidati li jkollhom esperjenza professjonali u konoxxenzi lingwistiċi li jmorru lil hinn minn dawk mitluba mill-avviż tal-kompetizzjoni ma hijiex paragunabbli għas-sitwazzjoni tal-kandidati l-oħra u, sa fejn l-evalwazzjoni iktar pożittiva magħmula fil-konfront tal-ewwel kandidati ma tkunx il-konsegwenza tal-inklużjoni, mill-Bord tal-Għażla, ta’ kriterju li ma jkunx previst fl-avviż tal-kompetizzjoni iżda tkun il-konsegwenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità tal-kandidati li jissodisfaw il-kriterji previsti, din l-evalwazzjoni mhux biss tkun konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iżda, barra minn hekk, tkun meħtieġa minn dan il-prinċipju. Għalhekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza u tal-konoxxenza ta’ lingwi differenti minn dawk meħtieġa mill-avviż tal-kompetizzjoni ma huwiex diskriminatorju.

(ara l-punti 54 sa 56)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Ġunju 1987, Kolivas vs Il‑Kummissjoni, 40/86, Ġabra p. 2643, punt 11; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Jannar 2005, Roccato vs Il‑Kummissjoni, T‑267/03, ĠabraSP p. I‑A‑1 u II‑1, punt 41; 5 ta’ April 2005, Christensen vs Il‑Kummissjoni, T‑336/02, ĠabraSP p. I‑A‑75 u II‑341, punt 25

3.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu l-għan, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tingħata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun tista’ tevalwa l-fondatezza tad-deċiżjoni u tal-opportunità li tippreżenta rikors ġudizzjarju intiż sabiex tikkontesta l-legalità tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

Fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda minn Bord tal-Għażla, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi kkonċiljat mal-osservanza tas-sigriet impost fuq ix-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla. Dan il-prinċipju, previst fl-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, jippermetti li jiġu ggarantiti l-indipendenza u l-oġġettività tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla billi jħarsuh minn kull indħil u pressjoni esterni, kemm jekk ikunu ġejjin mill-istituzzjonijiet stess, mill-kandidati kkonċernati jew minn terzi.

Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li kandidat ma jiġix mistieden għall-eżamijiet hija l-konsegwenza tal-applikazzjoni, fir-rigward tal-kandidatura tiegħu, ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni oġġettivi stabbiliti fl-avviż tal-kompetizzjoni jew ippreċiżati mill-Bord tal-Għażla stess. Fir-rigward ta’ tali deċiżjonijiet, għalkemm f’kompetizzjonijiet fejn ikun hemm ħafna parteċipanti l-Bord tal-Għażla jista’, inizjalment, sempliċement jikkomunika lill-kandidati l-kriterji u r-riżultati tal-għażla biss, huwa sussegwentement ikun obbligat li jipprovdi lill-kandidati li jitolbuha spjegazzjoni individwali li tippreċiża r-raġunijiet għaliex ma jkunux tħallew jipparteċipaw fil-kompetizzjoni.

Id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Bord tal-Għażla jikkonstata li kandidat ma jkunx għadda minn eżami hija, għall-kuntrarju, l-espressjoni ta’ evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva mwettqa mill-Bord tal-Għażla. Fid-dawl tas-sigriet impost fuq ix-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdi Bord tal-Għażla fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riżultati tal-eżamijiet ta’ kompetizzjoni, dan tal-aħħar ma jistax għalhekk ikun obbligat, sabiex jimmotiva l-fatt li kandidat ma jkunx għadda minn eżami, li jippreċiża r-risposti tal-kandidat li ġew ikkunsidrati li huma insuffiċjenti jew li jispjega għaliex dawn ir-risposti ġew ikkunsidrati li huma insuffiċjenti. Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-komunikazzjoni tal-marki miksuba fid-diversi eżamijiet tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla.

Madankollu, is-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdi Bord tal-Għażla ma jimplikawx li l-kandidati għal kompetizzjoni ma jistgħux, jekk ikun il-każ, jiksbu l-komunikazzjoni, jekk ikunu talbuha, tal-marki miksuba fir-rigward ta’ kull wieħed mill-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-eżami orali msemmija fl-avviż tal-kompetizzjoni.

Meta tkun intalbet minn kandidat, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi sodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, issir qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, meta l-kandidat ikun ingħata motivazzjoni sommarja qabel ma jippreżenta r-rikors tiegħu, il-Bord tal-Għażla jista’, fil-mori tal-kawża, jikkompleta l-informazzjoni mogħtija inizjalment u b’hekk jista’ jċaħħad motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni mis-suġġett tiegħu.

(ara l-punti 94, 95 u 97 sa 100)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 27; 4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, Ġabra p. I‑3423, punti 24, 30 u 31; 23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, Ġabra p. I‑8691, punt 39; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: González Holguera vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43; 21 ta’ Mejju 1992, Fascilla vs Il‑Parlament, T‑55/91, Ġabra p. II‑1757, punt 35; 6 ta’ Novembru 1997, Berlingieri Vinzek vs Il‑Kummissjoni, T‑71/96, ĠabraSP p. I‑A‑339 u II‑921, punt 79; 23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il‑Kummissjoni, T‑53/00, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑73, punt 82; 25 ta’ Ġunju 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑72/01, ĠabraSP p. I‑A‑169 u II‑861, punt 70; 17 ta’ Settembru 2003, Alexandratos u Panagiotou vs Il‑Kunsill, T‑233/02, ĠabraSP p. I‑A‑201 u II‑989, punti 30 u 31; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Van Neyghem vs Il‑Kummissjoni, F‑73/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑441 u II‑A‑1‑2515, punt 78