Language of document : ECLI:EU:C:2020:117

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Frar 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Unjoni doganali u tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestatura 8302 41 90 – Bsaten għall-purtieri tal-metall”

Fil-Kawża C‑670/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

Gardinia Home Decor GmbH

vs

Hauptzollamt Ulm,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, C. Toader u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura tariffarja 8302 41 90 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010 tal‑5 ta’ Ottubru 2010 (ĠU 2010, L 284, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Gardinia Home Decor GmbH u l-Hauptzollamt Ulm (l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana ta’ Ulm, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana”), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodotti tal-metall importati bħala bsaten għall-purtieri.

 Il-kuntest ġuridiku

 Is-SA u n-Noti ta’ Spjega tas-SA

3        Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), imfassla mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), twaqqfet permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4        Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-verżjoni tan-Nomenklatura tas-SA rilevanti fir-rigward tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li seħħew bejn it‑13 u s‑26 ta’ April 2011, hija dik li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007.

5        In-Nomenklatura tas-SA fiha subdiviżjoni intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni [tas-SA]”, li tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura [tas-SA] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.      It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.      (a)      Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.

[…]”

6        Il-Kapitolu 83 tan-Nomenklatura tas-SA huwa intitolat “Taħlita ta’ oġġetti ta’ metall ta’ valur baxx”. Skont in-nota 1 taħt dan it-titolu, “[g]ħall-għanijiet ta’ dan il-kapitlu, partijiet ta’ metall ta’ valur baxx għandhom ikunu kklassifikati ma’ l-oġġetti li ġejjin minnhom. Madankollu, oġġetti ta’ ħadid jew azzar ta’ titlu 7312, 7315, 7317, 7318 jew 7320, jew oġġetti simili ta’ metall ieħor ta’ valur baxx (Kapitli 74 sa 76 u 78 sa 81) ma għandhomx jitqiesu bħala partijiet ta’ oġġetti ta’ dan il-kapitlu”.

7        L-intestatura 8302 tan-Nomenklatura tas-SA, li tinsab f’dan il-kapitolu, hija strutturata kif ġej:

8302


Fornituri, tagħmir u oġġetti simili ta’ metall ta’ valur baxx tajbin għal għamara, bibien, turġien, twieqi, persjani, qofsa ta’ vetturi, sruġ, bagolli, sniedaq, kaxxetti jew bħalhom; dniedel tal-kpiepel, witet tal-kpiepel, brazzi u apparat ta’ metall ta’ valur baxx; castors bl-immuntar ta’ metall ta’ valur baxx; għeluq awtomatiċi ta’ metall ta’ valur baxx għal bibien


8302 10

– Ċappetti


8302 20

Castors


8302 30

– Fornituri, tagħmir u oġġetti simili oħrajn tajbin għal vetturi bil-muturi



– Fornituri, tagħmir u oġġetti simili oħrajn:


8302 41

– – Tajbin għal bini


8302 42

– – Oħrajn, tajbin għal għamara


8302 49

– – Oħrajn


8302 50

– Dniedel tal-kpiepel, witet tal-kpiepel, brazzi u apparat simili


8302 60

– Għeluq awtomatiċi għal bibien


8        In-Noti ta’ Spjega tas-SA huma mfassla fi ħdan l-ODD konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija.

9        Fil-verżjoni tagħha adottata matul is-sena 2007, in-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8302 tipprovdi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Din l-intestatura tinkludi ċerti kategoriji ta’ fornituri jew ta’ tagħmir aċċessorju ta’ metall ta’ valur baxx, ta’ użu ġenerali ħafna, ta’ tipi normalment użati għall-għamara, bibien, twieqi, qofsa ta’ vetturi, pereżempju. Dawn l-oġġetti jibqgħu kklassifikati hawnhekk anki jekk huma intiżi għal użu partikolari, pereżempju l-manki u ċ-ċappetti għall-bibien ta’ vetturi bil-mutur. Madankollu, it-termini ta’ din l-intestatura ma jestendux għall-oġġetti li jikkostitwixxu l-komponenti essenzjali ta’ oġġett, bħal gwarniċi tat-twieqi, apparat ta’ orjentazzjoni u ta’ elevazzjoni ta’ ċerti siġġijiet.

Din l-intestatura tinkludi:

[…]

D)      Fornituri, tagħmir u oġġetti simili għal bini[.]

Dawn l-oġġetti jistgħu jinkludu:

[…]

5)      L-immuntar ta’ purtieri jew ta’ bibien u l-aċċessorji tagħhom, bħalma huma l-bsaten, tubi, kukkardi, brazzi, tiebacks, pinzetti, ħoloq (lixxi, b’castors, pereżempju), ġummien għall-ħbula, waqqafa; fornituri tat-turġien, bħall-borduri ta’ protezzjoni għat-taraġ, bsaten u apparat ieħor sabiex jinżammu t-twapet u l-blalen tar-rampi.

Il-bsaten, it-tubi u l-vireg għall-purtieri jew għat-twapet, li jikkonsistu f’profili, tubi u vireg sempliċement maqtugħin għat-tul, anki jekk imtaqqba, huma kklassifikati skont il-karatteristiċi tagħhom.

[…]”

 In-NM u n-noti ta’ spjega għan-NM

10      Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM. Din tal-aħħar tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

11      L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2658/87 jipprevedi li l-Kummissjoni Ewropea kull sena tadotta regolament li jinkludi l-verżjoni sħiħa tan-NM u tar-rati awtonomi u konvenzjonali tad-dazji tat-tariffa doganali komuni marbuta magħha, hekk kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Ottubru u għandu japplika mill‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

12      Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-verżjoni tan-NM applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 861/2010, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2011.

13      L-Ewwel Parti tan-NM, dwar id-dispożizzjonijiet preliminari, tinkludi t-Taqsima I, li jirrigwarda r-regoli ġenerali, li l-punt A tiegħu, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.      It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.      (a)      Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.

[…]”

14      It-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana” tinkludi Taqsima XV, dwar “Metalli ta’ valur baxx u oġġetti ta’ metalli ta’ valur baxx”. In-nota 2, li tinsab f’din it-taqsima, hija fformulata kif ġej:

“Matul in-nomenklatura, l-espresjoni ‘partijiet għal użu ġenerali’ tfisser:

[…]

(ċ)      oġġetti ta’ titli 8301, 8302 […]

F’Kapitli 73 sa 76 […] (iżda mhux f’titlu 7315), riferenzi għal partijiet ta’ oġġetti ma jinkludux riferenzi għal partijiet ta’ użu ġenerali kif definit hawn fuq.

Suġġett għall-paragrafu preċedenti u għal nota 1 għal Kapitlu 83, l-oġġetti ta’ Kapitlu 82 jew 83 huma esklużi minn Kapitlu 72 sa 76 […]”

15      L-imsemmija taqsima tinkludi Kapitolu 73, intitolat “Oġġetti ta’ ħadid jew azzar”. L-intestatura 7306 tan-NM, li taqa’ taħt dan il-kapitolu, hija strutturata kif ġej:

7306

Tubi, pajpijiet u profili vojta oħrajn (per eżempju, mhux magħluqin (open seam) jew iwweldjati, irbattuti jew hekk magħluqin), ta’ ħadid jew azzar


– Pajp tal-linja ta’ tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass

[…]



– Kejsing u tubi ta’ tip użati fi tħaffir għal żejt jew gass

[…]


7306 30

– Oħrajn, iwweldjati, b’wiċċ ta’ qatgħa tond, ta’ ħadid jew azzar mhux-liga


– – Tubi ta’ preċiżjoni, bi ħxuna ta’ ħitan

7306 30 11

– – – Mhux aktar minn 2 mm

7306 30 19

– – – Aktar minn 2 mm


– – Oħrajn


– – – Tubi (pajp tal-gass) bil-kamin jew li jista’ jingħaddilhom kamin

[…]



– – – Oħrajn, b’dijametru ta’ barra


– – – – Mhux aktar minn 168,3 mm

7306 30 72

– – – – – Miksijin jew mgħottijin biż-żingu

7306 30 77

– – – – – Oħrajn

7306 30 80

– – – – Aktar minn 168,3 mm, iżda mhux aktar minn 406,4 mm


16      L-istess Taqsima XV fiha Kapitolu 83, intitolat “Taħlita ta’ oġġetti ta’ metall ta’ valur baxx”. L-intestatura 8302 tan-NM, li taqa’ taħt dan il-kapitolu, hija strutturata kif ġej:

8302

Fornituri, tagħmir u oġġetti simili ta’ metall ta’ valur baxx tajbin għal għamara, bibien, turġien, twieqi, persjani, qofsa ta’ vetturi, sruġ, bagolli, sniedaq, kaxxetti jew bħalhom; dniedel tal-kpiepel, witet tal-kpiepel, brazzi u apparat ta’ metall ta’ valur baxx; castors bl-immuntar ta’ metall ta’ valur baxx; għeluq awtomatiċi ta’ metall ta’ valur baxx għal bibien

8302 10 00

– Ċappetti

8302 20 00

Castors

8302 30 00

– Fornituri, tagħmir u oġġetti simili oħrajn tajbin għal vetturi bil-muturi


– Fornituri, tagħmir u oġġetti simili oħrajn:

8302 41

– – Tajbin għal bini

8302 41 10

– – – Għall-bibien

8302 41 50

– – – Għat-twieqi u t-twieqi Franċiżi

8302 41 90

– – – Oħrajn

8302 42 00

– – Oħrajn, tajbin għal għamara

8302 49 00

– – Oħrajn

8302 50 00

– Dniedel tal-kpiepel, witet tal-kpiepel, brazzi u apparat simili

8302 60 00

– Għeluq awtomatiċi għal bibien


17      Il-merkanzija kklassifikata fis-subintestaturi kollha ta’ din l-intestatura 8302 għandha tkun suġġetta għal rata konvenzjonali ta’ dazji doganali ta’ 2.7 %.

18      In-noti ta’ spjega għan-NM li jirriżultaw mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata fis‑6 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, C 137, p. 1, iktar ’il quddiem in-“noti ta’ spjega għan-NM”) jirrigwardaw in-NM fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament Nru 861/2010. Din l-edizzjoni tal-imsemmija noti tinkludi indikazzjonijiet dwar l-intestatura 8302 tan-NM, iżda biss għall-kunċett ta’ “Castors”, fis-sens tas-subintestatura 8302 20 00.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Fit‑13, fil‑15 u fis‑26 ta’ April 2011, Gardinia Home Decor importat, miċ-Ċina lejn l-Unjoni, bsaten għall-purtieri tal-metall ta’ tul differenti, li kienu vojta minn ġewwa u wweldjati lonġitudinalment, li kellhom sezzjoni trasversali ċirkulari uniformi ta’ 16 jew 20 mm u li s-superfiċji tagħhom kienu bil-verniċ jew iggalvanizzati. Dawn il-vireg kienu ġew ippakkjati individwalment fil-film fil-pajjiż tal-manifattura, kellhom tikketta li tindika l-użu tagħhom bħala bsaten għall-purtieri u kienu ngħalqu fit-truf tagħhom permezz ta’ għatu tal-plastik li kien ta’ protezzjoni waqt it-trasport u l-preżentazzjoni għall-bejgħ, iżda li seta’ jintuża wkoll minflok għatu dekorattiv li seta’ jinxtara separatament.

20      L-imsemmija vireg kienu jagħmlu parti minn sistema modulari li tippermetti lill-klijenti li jipproduċu sett ta’ bsaten għall-purtieri minn diversi komponenti (virga, għatu, konnettur, brazza u ħoloq). Dawn kienu ġew ippakkjati f’kaxxi u importati fit-territorju tal-Unjoni b’mod separat, jew inkella ma’ komponenti oħra ta’ din is-sistema, fi kwantitajiet varjabbli li ma jikkorrispondux għan-numru tagħhom.

21      Meta dawn il-prodotti ġew iddikjarati sabiex jiġu rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera, Gardinia Home Decor indikat in-numru tal-kodiċi 8302 4200 900 tat-tariffa doganali elettronika nazzjonali (iktar ’il quddiem it-“TDE”), li jikkorrispondi għal “fornituri, tagħmir u oġġetti simili oħrajn, tajbin għal għamara”, jew in-numru tal-kodiċi 8302 4900 900 tat-TDE, li jikkorrispondi għal “fornituri, tagħmir u oġġetti simili oħrajn”, li huma kollha merkanzija suġġetta għal dazji doganali ta’ 2.7 %.

22      Wara spezzjoni doganali, il-kontrollur qies li l-bsaten għall-purtieri kkonċernati kellhom jiġu kklassifikati bħala “tubi oħra, pajpijiet tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat” taħt in-numru tal-kodiċi 7306 3077 800 tat-TDE, u għalhekk bħala prinċipju jkunu suġġetti għal eżenzjoni mid-dazji doganali. Madankollu, dazju antidumping ta’ 90.6 % kien japplika dak iż-żmien, b’mod partikolari, għall-importazzjonijiet ta’ ċerti tubi u pajpijiet iwweldjati, tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, li jaqgħu taħt il-kodiċi 7306 30 77 tan-NM u li kienu joriġinaw miċ-Ċina, bis-saħħa tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1256/2008 tas‑16 ta’ Diċembru 2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv kontra ċerti tubi u pajpijiet iwweldjati tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat li joriġinaw fil-Belarus, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Russja wara proċediment taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 384/96, li joriġinaw fit-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza taħt l-Artikolu 11(2) tal-istess Regolament, li joriġinaw fl-Ukraina wara reviżjoni ta’ skadenza taħt l-Artikolu 11(2) u reviżjoni interim taħt l-Artikolu 11(3) tal-istess Regolament, u li jtemm il-proċedimenti fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-istess prodott li joriġina fil-Bożnija u Ħerzegovina u t-Turkija (ĠU 2008, L 343, p. 1).

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Marzu 2014, l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana, inter alia, approva l-klassifikazzjoni indikata mill-kontrollur u ffissa, permezz ta’ rkupru a posteriori, dazju antidumping ta’ EUR 7 957.51 fuq il-bsaten għall-purtieri importati matul il-perijodu kopert mill-ispezzjoni. Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2016, huwa ċaħad, bħala infondat, l-ilment imressaq minn Gardinia Home Decor kontra l-iffissar ta’ dan id-dazju.

24      Il-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja) ġiet adita b’rikors ippreżentat kontra din l-aħħar deċiżjoni.

25      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, insostenn tar-rikors tagħha, Gardinia Home Decor issostni li, matul l-importazzjoni, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ġiet ippreżentata flimkien ma’ aċċessorji addizzjonali, jiġifieri għotjien, brazzi u ħoloq, li kien jippermetti li jiġi identifikat faċilment l-użu previst tagħhom bħala bsaten għall-purtieri. Skont din il-kumpannija, huwa irrilevanti li l-aċċessorji jkunu pprovduti fi kwantità li ma tikkorrispondix għan-numru ta’ bsaten importati, peress li tali differenza hija marbuta mal-bejgħ tagħhom fil-kuntest ta’ sistema modulari. Hija żżid li l-użu ta’ dawn il-bsaten jirriżulta wkoll b’mod ċar mit-tikketta mwaħħla fuq l-imballaġġ ta’ kull wieħed minnhom. Hija tallega li n-“noti ta’ spjega għan-NM dwar l-intestatura 8302” espressament isemmu l-bsaten għall-purtieri fil-forma ta’ tubi tal-metall bħala li jaqgħu taħt din l-intestatura u li l-esklużjoni tat-tubi sempliċement maqtugħin għat-tul prevista f’dawn in-noti ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li t-tubi kkonċernati huma mgħammra b’għotjien tal-plastik adattati.

26      L-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana joġġezzjona, prinċipalment, li l-klassifikazzjoni fis-subintestatura 8302 41 90 tan-NM kienet tkun possibbli biss jekk il-vireg ikkonċernati kienu ġew importati, bħala ħaġa waħda, bil-brazzi neċessarji għall-iffissar tagħhom mal-ħajt jew mas-saqaf. Fil-fehma tiegħu, dawn il-vireg ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala sistema ta’ purtieri “żarmati jew mhux armati”, fis-sens tat-tieni sentenza tar-regola 2(a) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA, peress li, fil-mument tal-preżentazzjoni tagħhom lid-dwana, kien impossibbli li jkun magħruf ma’ liema oġġett dawn kellhom jiġu mmuntati. Barra minn hekk, ċerti importazzjonijiet kienu kkostitwiti esklużivament minn bsaten.

27      Dan l-uffiċċju jsostni wkoll li l-klassifikazzjoni tariffarja hija bbażata fuq il-kwalità oġġettiva tal-merkanzija, u mhux fuq id-deskrizzjoni jew l-imballaġġ tagħhom. Issa, it-tubi importati ma għandhomx partikolaritajiet – bħal toqob, tħin jew kanali lonġitudinali għaż-żerżiq – li jippermettu li jiġi identifikat l-użu tagħhom bħala bsaten għall-purtieri, u l-għotjien protettivi tal-plastik imqiegħda fit-truf tagħhom ma humiex użati esklużivament għal dawn il-bsaten. In-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8302 jikkonfermaw li l-bsaten għall-purtieri li jikkonsistu f’tubi sempliċement maqtugħin għat-tul, anki jekk imtaqqba, huma kklassifikati skont il-karatteristiċi tagħhom.

28      Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-każ fejn il-merkanzija li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali ma tistax tiġi kklassifikata fis-subintestatura 8302 41 90 tan-NM, din għandha għalhekk mingħajr dubju tiġi kklassifikata fis-subintestatura 7306 30 77 tan-NM, peress li huwa ppreċiżat li, fil-fehma tagħha, is-subintestaturi msemmija minn Gardinia Home Decor waqt id-dikjarazzjoni doganali ta’ din il-merkanzija ma humiex rilevanti.

29      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi, fl-ewwel lok, sensiela ta’ kunsiderazzjonijiet favur klassifikazzjoni fis-subintestatura 8302 41 90 tan-NM tal-prodotti tal-metall li għandhom il-karatteristiċi oġġettivi ta’ dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tibbaża ruħha, b’mod iktar partikolari, fuq in-noti mqiegħda taħt it-titolu tat-taqsima tan-NM fejn tidher din is-subintestatura u fuq in-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8302, li fihom il-bsaten għall-purtieri jissemmew espressament.

30      Fit-tieni lok, din il-qorti tistaqsi jekk, fil-każ li jiġi deċiż li l-karatteristiċi ta’ tali prodotti ma jippermettux waħedhom li jidentifikaw l-użu tagħhom bħala bsaten għall-purtieri, dawn jistgħu madankollu jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8302 41 90 tan-NM meta dawn jiġu importati ma’ komponenti addizzjonali li juru dan l-użu, minkejja li, minn naħa, dawn ma humiex ippakkjati b’mod li jifformaw ħaġa waħda ma’ dawn il-komponenti l-oħra u li, min-naħa l-oħra, dawn ma humiex importati fi kwantità li tikkorrispondi għan-numru tagħhom, filwaqt li jitqies l-użu tagħhom fil-kuntest ta’ sistema modulari.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Baden-Württemberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Is-subintestatura 8302 41 90 tan-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri wkoll il-prodotti tal-metall importati ta’ tul differenti bħala bsaten għall-purtieri ta’ sistema modulari, b’sezzjoni trasversali ċirkulari uniformi ta’ 16 jew 20 mm, li huma vojta u wweldjati lonġitudinalment, li s-superfiċji tagħhom huma bil-verniċ jew iggalvanizzati, li huma ppakkjati individwalment fil-film u li jkollhom tikketta li tindika l-użu tagħhom bħala bsaten għall-purtieri, u li kull tarf tagħhom huwa magħluq b’għatu tal-plastik li jservi sabiex jipproteġi l-vireg matul it-trasport u l-preżentazzjoni [fuq l-ixkaffa], iżda li jista’ wkoll jiġi użat minflok għatu dekorattiv li jista’ jinxtara separatament?

2)      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti jekk il-vireg jiġu importati ma’ komponenti oħra u l-użu tagħhom bħala bsaten għall-purtieri jkun evidenti, anki jekk il-komponenti ma jkunux ippreżentatati bħala ħaġa waħda u lanqas importati f’numru korrispondenti?”

 Fuq id-domandi preliminari

32      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta domanda magħmula b’mod preliminari tkun identika għal domanda li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ddeċidiet, meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari magħmula ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

33      Hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża.

 Fuq l-ewwel domanda

34      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk is-subintestatura 8302 41 90 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-prodotti tal-metall importati ta’ tul differenti bħala bsaten għall-purtieri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jagħmlu parti minn sistema modulari, b’sezzjoni trasversali ċirkulari uniformi ta’ 16 jew 20 mm, li huma vojta u wweldjati lonġitudinalment, li s-superfiċji tagħhom huma bil-verniċ jew iggalvanizzati, li huma ppakkjati individwalment, li jkollhom tikketta li tindika l-użu tagħhom bħala bsaten għall-purtieri u li kull tarf tagħhom huwa magħluq b’għatu tal-plastik, li jservi sabiex jipproteġi dawn it-tubi matul it-trasport u l-preżentazzjoni għall-bejgħ, iżda li jista’ wkoll jiġi użat minflok għatu dekorattiv li jista’ jinxtara separatament.

35      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, l-irwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qrati nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jikklassifikaw b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM iktar milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar peress li hija mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Peress li l-qrati nazzjonali jidhru, fi kwalunkwe każ, f’pożizzjoni aħjar sabiex jagħmlu dan, huma dawn li għandhom iwettqu l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-risposta għad-domandi li huma jagħmlulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2019, Korado, C‑306/18, EU:C:2019:414, punti 33 u 34, kif ukoll tas‑16 ta’ Mejju 2019, Estron, C‑138/18, EU:C:2019:419, punti 67 sa 69).

36      It-tieni nett, għandu jitfakkar li r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprevedu, minn naħa, li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli u, min-naħa l-oħra, li l-formulazzjonijiet tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli jitqiesu bħala li għandhom biss valur indikattiv. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinsab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2016, Customs Support Holland, C‑144/15, EU:C:2016:133, punti 26 u 27; tas‑16 ta’ Mejju 2019, Estron, C‑138/18, EU:C:2019:419, punti 50 u 51, kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2019, TDK-Lambda Germany, C‑559/18, EU:C:2019:667, punt 26).

37      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, għalkemm il-klassifikazzjoni ma tistax issir biss abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott ikkonċernat, l-użu intenzjonat ta’ dan il-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni bil-kundizzjoni li dan ikun inerenti għalih, peress li huwa biżżejjed li jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu intenzjonat essenzjali tal-imsemmi prodott u li l-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi ta’ dan tal-aħħar (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sysmex Europe, C‑480/13, EU:C:2014:2097, punti 31 u 32; tat‑12 ta’ Mejju 2016, Toorank Productions, C‑532/14 u C‑533/14, EU:C:2016:337, punt 35, kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2019, TDK-Lambda Germany, C‑559/18, EU:C:2019:667, punt 27).

38      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, minkejja l-fatt li ma għandhomx saħħa vinkolanti, in-noti ta’ spjega għan-NM u tas-SA jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Lutz, C‑556/16, EU:C:2017:777, punt 40; tal‑15 ta’ Novembru 2018, Baby Dan, C‑592/17, EU:C:2018:913 punt 55, kif ukoll tal‑15 ta’ Mejju 2019, Korado, C‑306/18, EU:C:2019:414, punt 35).

39      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li, wara li eżaminat il-kampjuni tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tikklassifikahom bħala “prodotti tal-metall importati […] bħala bsaten [għall-] purtieri”, b’mod partikolari skont l-ewwel domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-klassifikazzjoni tirriżulta minn konstatazzjoni purament fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti tqajjem dubji fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, iktar u iktar meta din hija mistoqsija mhux dwar tali klassifikazzjoni, iżda biss dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2006, Proxxon, C‑500/04, EU:C:2006:111, punt 25).

40      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8302 41 90 tan-NM, inkella hija għandha l-intenzjoni li tikklassifikah fis-subintestatura 7306 30 77 tagħha. Fir-rigward tal-ordni hekk adottata, din il-qorti tirrileva, ġustament, li mit-tielet paragrafu tan-nota 2 li tinsab fil-bidu tat-Taqsima XV tan-NM jirriżulta li l-oġġetti li jaqgħu taħt il-Kapitolu 83 tagħha huma, bħala regola ġenerali, esklużi mill-Kapitolu 73 tagħha, b’tali mod li għandha tiġi kkunsidrata, fl-ewwel lok, klassifikazzjoni f’subdiviżjoni ta’ dan l-ewwel kapitolu, li huwa iktar speċifiku, qabel ma tiġi eżaminata, fit-tieni lok, il-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni f’subdiviżjoni ta’ dan it-tieni kapitolu.

41      Il-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha wkoll, ġustament, fuq il-prinċipju li l-klassifikazzjoni tariffarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiddependix fuq jekk il-prodott ikkonċernat jistax jitqies, fih innifsu, bħala oġġett tal-metall ta’ valur baxx jew bħala sempliċi parti ta’ tali xogħol, peress li, b’mod partikolari, in-nota 1 li tinsab fil-parti ta’ fuq tal-Kapitolu 83 li tinsab fit-Taqsima XV tas-SA tipprevedi li, fis-sens ta’ dan il-kapitolu, “partijiet ta’ metall ta’ valur baxx għandhom ikunu kklassifikati ma’ l-oġġetti li ġejjin minnhom” (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2006, Proxxon, C‑500/04, EU:C:2006:111, punt 32), u dan bla ħsara għal eċċezzjonijiet li huma irrilevanti f’dan il-każ, fid-dawl tal-għażla ta’ klassifikazzjoni prevista minn din il-qorti.

42      F’dan ir-rigward, skont it-tabella ta’ analiżi li hija stabbilita fir-regola 1 tar-“Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, għandu jiġi kkonstatat li prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex imsemmi espliċitament la fil-kliem tal-intestatura 8302 tan-NM u lanqas fin-noti relatati mat-Taqsima XV jew mal-Kapitolu 83 tan-NM. Dan lanqas ma jinsab fit-titoli ta’ din it-taqsima u ta’ dan il-kapitolu.

43      Madankollu, mill-istruttura tal-intestatura 8302 u mill-formulazzjoni tas-subintestatura 8302 41 90 tan-NM jirriżulta li din tal-aħħar għandha natura residwa, peress li hija tkopri l-fornituri, it-tagħmir u l-oġġetti simili tal-metall ta’ valur baxx għall-bini “oħrajn” u mhux dawk “għall-bibien” u “għat-twieqi u t-twieqi Franċiżi”. Għaldaqstant, bl-ebda mod ma huwa eskluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jinkludi taħt din is-subintestatura prodotti bħal dawk li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, b’anoloġija, is-sentenzi tat‑12 ta’ April 2018, Medtronic, C‑227/17, EU:C:2018:247, punt 43, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2018, Profit Europe, C‑397/17 u C‑398/17, EU:C:2018:564, punt 38).

44      Barra minn hekk, in-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8302 tipprovdi indikazzjonijiet sinjifikattivi għall-klassifikazzjoni tal-prodott ikkonċernat. Fil-fatt, din in-nota tipprovdi, fit-tieni paragrafu tal-punt D(5) tagħha, li l-“immuntar ta’ purtieri […] u l-aċċessorji tagħhom, bħalma huma l-bsaten, tubi, kukkardi, brazzi, tiebacks, pinzetti, ħoloq […]” jinsabu fost il-“fornituri, tagħmir u oġġetti simili għal bini” tal-metal ta’ valur baxx li jaqgħu taħt din l-intestatura, iżda li l-“bsaten, it-tubi u l-vireg għall-purtieri […] li jikkonsistu f’profili, tubi u vireg sempliċement maqtugħin għat-tul, anki jekk imtaqqba, huma kklassifikati skont il-karatteristiċi tagħhom”.

45      Minn dan jirriżulta li l-bsaten għall-purtieri ta’ valur baxx għandhom, bħala prinċipju, jiġu kklassifikati fl-intestatura 8302 tan-NM u, b’mod iktar preċiż, fis-subintestatura 8302 41 90 tagħha, sakemm dawn il-bsaten jikkonsistu f’profili, f’tubi jew f’vireg li kienu sempliċement maqtugħin għat-tul mixtieq.

46      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1472 tal‑11 ta’ Awwissu 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2017, L 210, p. 1), li ċertament ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, iżda jinkludi madankollu indikazzjonijiet li huma rilevanti, b’analoġija, f’din il-kawża. Fil-fatt, l-anness ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[v]irga tal-aluminju (magħrufa bħala ‘virga tal-aluminju għad-doċċa’) li tintuża biex tiddendel purtiera magħha”, li tikkonsisti f’żewġ tubi li jiżżerżqu u li għandhom mekkaniżmu li jippermetti l-imblukkar bejn il-ħitan, għandha tiġi “kklassifikat[a] taħt il-kodiċi tan-NM 8302 41 90 bħala ‘fornituri oħrajn tal-metall ta’ valur baxx, tagħmir u oġġetti simili oħrajn tajbin għall-bini’”, għar-raġunijiet, b’mod partikolari, li, “[m]inħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu ([fost oħrajn] il-kostruzzjoni li tiflaħ biss piżijiet ħfief eż. purtiera) l-oġġett huwa ddiżinjat bħala virga għall-purtieri” u li “[l]-vireg tal-purtieri huma klassifikati fl-intestatura 8302 (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar is-[SA] għall-intestatura 8302, it-tieni paragrafu, (D), (5))”.

47      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis, ġustament, li l-ittikkettjar tat-tubi tal-metall inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jindika l-użu tagħhom bħala bsaten għall-purtieri, ma jistax ikun deċiżiv għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ dawn it-tubi fis-subintestatura 8302 41 90 tan-NM. Fil-fatt, huwa stabbilit li la t-termini tal-intestatura 8302 tan-NM u lanqas in-noti li jinsabu fil-bidu tal-Kapitolu 83 tan-NM ma jagħmlu riferiment għall-preżentazzjoni tal-prodott, u minn dan jirriżulta li dan l-element ma għandux valur determinati għall-klassifikazzjoni tiegħu fin-NM (ara, b’analoġija, id-digriet tad‑9 ta’ Jannar 2007, Juers Pharma, C‑40/06, EU:C:2007:2, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, LEK, C‑700/15, EU:C:2016:959, punt 45).

48      Madankollu, skont il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula minn din il-qorti, il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher li għandu l-karatteristiċi oġġettivi ta’ bsaten għall-purtieri tal-metall ta’ valur baxx li jistgħu jaqgħu taħt is-subintestatura 8302 41 90 tan-NM. Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li t-tubi kkonċernati huma ppakkjati individwalment f’film protettiv u magħluqin fit-truf tagħhom permezz ta’ għotjien tal-plastik li jistgħu jservu bħala għotjien dekorattivi, li juri użu previst li għalih l-aspett estern tal-prodott, jew il-funzjoni ornamentali tiegħu, jikkostitwixxi kriterju importanti, b’kuntrast għal dak li jista’ jiġi kkonstatat, pereżempju, fil-każ tal-użu tiegħu bħala pajp. Barra minn hekk, jidher li, anki jekk la huma mtaqqba jew mitħuna u lanqas mgħammra b’kanali lonġitudinali għaż-żerżiq, kif invoka l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana quddiem il-qorti tar-rinviju, is-superfiċji tat-tubi kkonċernati huma madankollu ggalvanizzati jew bil-verniċ, li jagħtihom aspett miksi bir-ram jew ikkulurit, b’tali mod li dawn ma humiex tubi sempliċement maqtugħin għat-tul, fis-sens tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni paragrafu tal-punt D(5), fl-aħħar mill-aħħar, tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8302.

49      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li oġġezzjona l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana quddiem il-qorti tar-rinviju, il-fatt li l-prodott ikkonċernat ma kienx ġie importat sistematikament bil-brazzi li jippermettu l-iffissar tiegħu mal-ħajt jew mas-saqaf ma jistax, fih innifsu, ikun ta’ natura li jneħħi minn dan il-prodott il-karatteristiċi oġġettivi tiegħu ta’ bastun għall-purtieri tal-metall ta’ valur baxx. Fil-fatt, mill-kliem tan-NM jew min-noti ta’ spjega għaliha u tas-SA bl-ebda mod ma jirriżulta li dan il-fatt jista’ jostakola l-klassifikazzjoni ta’ prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-subintestatura 8302 41 90 tan-NM.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li n-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 861/2010, għandha tiġi interpretata fis-sens li bsaten għall-purtieri tal-metall ta’ valur baxx jaqgħu taħt is-subintestatura 8302 41 90, sakemm dawn il-bsaten jikkonsistu f’profili, f’tubi jew f’vireg li kienu sempliċement maqtugħin għat-tul mixtieq, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju sabiex hija stess tipproċedi għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għal din id-domanda.

 Fuq it-tieni domanda

51      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

In-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010 tal5 ta’ Ottubru 2010, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-bsaten għall-purtieri tal-metall ta’ valur baxx jaqgħu taħt is-subintestatura tariffarja 8032 41 90, sakemm dawn il-bsaten jikkonsistu f’profili, f’tubi jew f’vireg li kienu sempliċement maqtugħin għat-tul mixtieq, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju sabiex hija stess tipproċedi għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għall-ewwel domanda magħmula.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.