Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fil-11 ta’ Diċembru 2018 – WO vs Vas Megyei Kormányhivatal

(Kawża C-777/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: WO

Konvenuta: Vas Megyei Kormányhivatal

Domandi preliminari

Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fir-rigward tar-rimbors tal-ispejjeż ta’ kura tas-saħħa transkonfinali, teskludi l-possibbiltà li tiġi awtorizzata a posteriori l-kura tas-saħħa mogħtija fi Stat Membru ieħor mingħajr awtorizzazzjoni preliminari, inkluż meta, fil-każ li kieku kellha tiġi mistennija l-awtorizzazzjoni preliminari, kien jeżisti riskju reali li l-istat ta’ saħħa tal-pazjent jiddeterjora b’mod irreversibbli, tikkostitwixxi restrizzjoni kuntrarja għall-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)?

Is-sistema ta’ awtorizzazzjoni ta’ Stat Membru li, fir-rigward tar-rimbors tal-ispejjeż ta’ kura tas-saħħa transkonfinali, teskludi l-possibbiltà ta’ awtorizzazzjoni a posteriori, inkluż meta fil-każ li kieku kellha tiġi mistennija l-awtorizzazzjoni preliminari, kien jeżisti riskju reali li l-istat ta’ saħħa tal-pazjent jiddeterjora b’mod irreversibbli, hija konformi mal-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva  2011/24/UE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali, kif ukoll mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-pazjenti?

Leġiżlazzjoni nazzjonali li, indipendentement mill-istat ta’ saħħa tal-pazjent li jagħmel it-talba, tistabbilixxi terminu ta’ proċedura ta’ 31 ġurnata sabiex l-awtorità kompetenti tagħti l-awtorizzazzjoni preliminari u 23 ġurnata sabiex tiċħadha, hija konformi mar-rekwiżit ta’ terminu ta’ proċedura raġonevoli li jieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjoni speċifika u l-urġenza kif ukoll iċ-ċirkustanzi individwali, stabbilit fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva  2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali? L-awtorità tista’ teżamina, fir-rigward tat-talba, jekk l-għoti tal-kura huwiex kopert mis-sigurtà soċjali u, fl-affermattiv, jekk jistax jipprovdiha f’terminu ġustifikabbli mill-perspettiva medika fornitur ta’ assistenza finanzjarja ffinanzjat minn fondi pubbliċi, filwaqt li, fin-negattiv, teżamina l-kwalità, is-sigurtà u r-relazzjoni bejn il-prezz u l-effikaċja tal-kura li jipprovdi l-fornitur indikat mill-pazjent?.

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimbors tal-ispejjeż ta’ kura tas-saħħa transkonfinali jista’ jintalab biss jekk il-pazjent jitlob awtorizzazzjoni preliminari mingħand l-istituzzjoni kompetenti jew inkella l-Artikolu 20(1) ma jeskludix minnu nnifsu, f’każ bħal dan, il-possibbiltà li ssir talba għal awtorizzazzjoni a posteriori għar-rimbors tal-ispejjeż?

Jaqa’ fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, il-każ fejn il-pazjent jiċċaqlaq fi lejn Stat Membru ieħor wara li jkun kiseb appuntament konkret għal viżta medika u appuntament provviżorju għal eventwali operazzjoni jew intervent mediku l-għada tal-viżta medika, u, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa tal-pazjent, l-operazzjoni jew intervent mediku effettivament isiru? Huwa possibbli, f’dan il-każ, abbażi tal-Artikolu 20(1) li ssir talba ta’ awtorizzazzjoni a posteriori għar-rimbors tal-ispejjeż?

Jaqa’ taħt il-kunċett ta’ trattament ipprogrammat, fis-sens tal-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 987/20093 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, il-każ fejn il-pazjent jiċċaqlaq fi lejn Stat Membru ieħor wara li jkun kiseb appuntament konkret għal viżta medika u appuntament provviżorju għal eventwali operazzjoni jew intervent mediku l-għada tal-viżta medika, u, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa tal-pazjent, l-operazzjoni jew intervent mediku effettivament isiru? F’dan il-każ, huwa possibbli, abbażi tal-Artikolu 26, li ssir talba ta’ awtorizzazzjoni a posteriori għar-rimbors tal-ispejjeż? Fil-każ tal-kura urġenti u tan-natura vitali li jirreferi għalihom l-Artikolu 26(3), hija meħtieġa wkoll abbażi tal-leġiżlazzjoni awtoritazzazzjoni preliminari għall-każfis-sens tal-Artikolu 26(1)?

____________

1 ĠU 2011, L 88, p. 45

2 ĠU 2004, L 166, p. 1

3 ĠU 2009, L 284, p. 1