Language of document : ECLI:EU:F:2011:55

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Mejju 2011 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors għad-danni — Regola ta’ konkordanza bejn it-talba, l-ilment u r-rikors fil-qasam tad-danni — Natura kontradittorja tal-proċedura — Użu minn qorti ta’ dokument kunfidenzjali, ikklassifikat bħala ‘Restreint UE’ — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Responsabbiltà għal ħtija — Rabta kawżali — Pluralità ta’ kawżi tad-dannu — Għemil ta’ terz — Responsabbiltà indipendenti mill-ħtija — Dmir ta’ assistenza — Obbligu ta’ istituzzjoni li tiżgura l-protezzjoni tal-persunal tagħha — Qtil ta’ uffiċjal u tal-konjuġi tiegħu minn terz — Telf ta’ possibbiltà ta’ sopravvivenza”

Fil-Kawża F‑50/09,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Livio Missir Mamachi di Lusignano, residenti f’Kerkhove-Avelgem (il-Belġju), f’ismu kif ukoll bħala rappreżentant legali tal-werrieta ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, ibnu, li kien uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea,

irrappreżentat minn F. Di Gianni, R. Antonini u N. Sibona, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Pignataro, B. Eggers u D. Martin, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, H. Kreppel u M. I.Rofes i Pujol, Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tal-15 ta’ Diċembru 2009 u tat-8 ta’ Diċembru 2010,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-12 ta’ Mejju 2009 permezz ta’ faks (il-preżentata oriġinali saret fit-18 ta’ Mejju segwenti), L. Missir Mamachi di Lusignano jitlob, b’mod partikolari, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2009 li permezz tagħha l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ċaħdet it-talba tiegħu ta’ kumpens għad-danni materjali u morali li rriżultaw mill-qtil ta’ ibnu u ta’ ħtintu (il-mara ta’ ibnu), fit-18 ta’ Settembru 2006 f’Rabat (il-Marokk), min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu, kif ukoll lill-aventi kawża ta’ ibnu, diversi ammonti bħala kumpens għad-dannu patrimonjali u mhux patrimonjali li rriżulta minħabba dan il-qtil.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għal din il-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”):

“L-uffiċjali f’impie[g] atti[vi] għandhom jingħataw l-kondizzjonijiet tax-xogħol, konformi ma’ l-istandards xierqa tas-saħħa u tas-sigurtà, mill-anqas ekwivalenti għall-ħtiġijiet minimi applikabbli taħt il-miżuri adottati f’dawn l-oqsma skond it-Trattati.”

3        L-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Il-Komunitajiet għandhom jassistu kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew propjetà li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba il-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu.

Huma għandhom jikkumpensaw in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkawżata.”

4        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 70 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Fil-każ tal-mewt ta’ uffiċjal, is-sieħba [il-konjuġi] u t-tfal dipendenti li jibqgħu ħajjin, għandhom jirċievu r-remunerazzjoni sħiħa tal-mejjet sa l-aħħar tat-tielet xahar ta’ wara x-xahar li fih tiġri l-mewt.”

5        L-Artikolu 73(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1. Uffiċjal huwa assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz, kontra r-riskju tal-mard minn fuq il-post tax-xogħol u ta’ aċċident suġġett għar-regoli mħejjija mill-ftehim komuni ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa għandu jikkontribwixxi għan-nefqa ta’ l-assigurazzjoni kontra r-riskji mhux tax-xogħol sa 0.1 % tas-salarju tiegħu.

It-tali regoli għandhom jispeċifikaw liema riskji mhux koperti.

2. Il-benefiċċji pagabbli jkunu kif ġej:

a) fil-każ ta’ mewt:

[p]agament lill-persuni mniżżla hawn taħt ta’ somma f’daqqa daqs ħames darbiet is-salarju bażiku fis-sena tal-mejjet maħduma b’riferenza għall-ammonti fix-xahar tas-salarju riċevut matul it-tnax il-xahar qabel l-aċċident:

–        lill-konsorti [konjuġi] u t-tfal tal-mejjet skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta’ l-uffiċjal; madankollu, l-ammont pagabbli lill-konsorti m’għandux ikun anqas minn 25 % tas-somma f'daqqa;

–        fejn m’hemmx persuni tal-kategorija t’hawn fuq, lid-dixxedenti l-oħra skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta’ l-uffiċjal;

–        fejn m’hemmx persuni mill-ebda waħda miż-żewġ kategoriji t’hawn fuq, lill-qraba ta’ warajh skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta’ l-uffiċjal;

–        fejn m’hemmx persuni fl-ebda waħda mit-tliet kategoriji t’hawn fuq, lill-istituzzjoni.

[…]

Kif ipprovdut f’dawn r-regoli, annwalità tista’ tieħu post il-pagamenti pprovduti fuq.

Il-benefiċċji mniżżla hawn fuq jistgħu jitħallsu bl-addizzjoni tal-benefiċċji pprovduti fil-Kapitolu 3 [...]”

6        Il-leġiżlazzjoni komuni dwar l-assigurazzjoni tar-riskji ta’ inċident u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, adottata għall-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni komuni”), jipprovdi, fit-tielet inċiż tal-Artikolu 7(2) tiegħu, li għandhom jiġu kkunsidrati li huma inċidenti fis-sens tal-leġiżlazzjoni komuni “il-konsegwenzi ta’ aggressjonijiet jew ta’ attentati mwettqa fuq il-persuna tal-parti assigurata, anki matul strajkijiet jew irvelli, ħlief jekk jiġi pprovat li l-parti assigurata tkun ħadet volontarjament sehem fl-azzjonijeit vjolenti li minnhom hija kienet vittma, barra mill-portata ta’ difiża leġittima”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Skont l-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal, rigali, self jew avvanzi jistgħu jingħataw lil uffiċjal, lil dawk li qabel kienu uffiċjali jew lill-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut, li jinsabu f’sitwazzjoni partikolarment diffiċli, b’mod partikolari wara mard serju jew fit-tul, diżabbiltà jew minħabba ċ-ċirkustanzi tal-familja.

8        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Meta uffiċjal […] imut u ma jħalli l-ebda sieħba intitolata [konjuġi intitolat] għall-pensjoni ta’ l-għajxien [tas-superstiti], it-tfal dipendenti mill-mejjet fis-sens ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Anness VII, fil-mument tal-mewt tiegħu għandhom ikunu intitolati għal pensjoni ta’ l-orfni skond l-Artikolu 21 ta’ l-Anness VIII.”

9        L-Artikolu 21 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-pensjoni tal-orfni tammonta għal 80 % tal-pensjoni tas-superstiti li għaliha kellu dritt il-konjuġi superstiti tal-uffiċjal u din tiġi inkrementata, għal kull wieħed mit-tfal dipendenti, mit-tieni tifel ’il quddiem, b’ammont ugwali jew doppju tal-allokazzjoni għal kull tifel dipendenti.

10      L-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jiddetermina d-dispożizzjonijiet speċjali u ta’ eċċezzjoni applikabbli għall-uffiċjali li jservu f’pajjiż terz. L-Artikolu 5 ta’ dan l-anness jipprovdi:

“1. Jekk l-istituzzjoni tipprovdi ’l-uffiċjal bl-alloġġ li jikkorrospondi mal-livell tad-dmirijiet tiegħu u għall-komposizzjoni tal-familja dipendenti tiegħu, huwa għandu jgħix fiha.

2. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandhom jitniżżlu mill-Awtorità tal-Ħatra, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal. L-Awtorità tal-Ħatra għandha wkoll tiddeċiedi fuq l-intitolament għall-għamara u oġġetti oħra ta’ l-akkomodazzjoni li jitwaħħlu, skond il-kondizzjonijiet li japplikaw f’kull post ta’ l-impieg.”

11      Skont l-Artikolu 25 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, il-konjuġi, it-tfal u l-persuni l-oħra dipendenti tal-uffiċjal huma koperti minn assigurazzjoni li tkopri l-inċidenti li jistgħu jirriżultaw barra mill-Unjoni fil-pajjiż li jkun jinsab imniżżel f’lista deċiża f’dan ir-rigward mill-Awtorità tal-Ħatra. Nofs il-primjum għandu jitħallas mill-uffiċjal u nofs mill-istituzzjoni.

12      Fis-26 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tistabbilixxi politika armonizzata fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà fix-xogħol għall-persunal kollu tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-26 ta’ April 2006”).

13      Kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ dan it-test, sottomess lill-Kulleġġ tal-Kummissarji għall-approvazzjoni tagħhom fil-laqgħa tas-26 ta’ April 2006, l-imsemmija deċiżjoni, adottata sabiex jiġi sodisfatt kif ipprovdut fl-Artikolu 1e tar-Regolamenti tal-Persunal, imsemmi iktar ’il fuq, hija intiża sabiex tiżgura u tippreżerva s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tal-persunal kollu u fid-dipartimenti kollha tal-istituzzjoni, mhux biss fis-sede, iżda fil-postijiet kollha sew jekk ġewwa kif ukoll jekk barra mill-Unjoni.

14      Id-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2006 tapplika, skont l-Artikolu 1 tagħha, “fil-postijiet tax-xogħol kollha tal-istituzzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fejn dawn il-postijiet huma ddefiniti, skont l-Artikolu 2(a) ta’ din id-deċiżjoni, bħala l-postijiet “li jħaddnu xogħlijiet fil-bini tal-Kummissjoni jew f’kull post ieħor ġewwa dan il-bini, fejn il-persunal għandu aċċess fil-kuntest tax-xogħol tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija tinkludi d-dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali, ispirati mid-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349).

15      Fil-mori tal-kawża, wara l-adozzjoni ta’ miżuri istruttorji (ara l-punti 46 sa 48 ta’ din is-sentenza), il-Qorti Ġenerali rnexxielha tistabbilixxi li, għas-sena 2006, il-Kummissjoni kienet adottat ċerti miżuri ta’ sigurtà applikabbli għar-residenzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-persunal tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-pajjiżi terzi. Dawn il-miżuri jinsabu f’dokument ikklassifikat bħala “Restreint UE”, li l-portata ġuridika tiegħu u l-użu tiegħu quddiem qorti għandhom jagħtu lok għal eżami ulterjuri.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

16      Alessandro Missir Mamachi di Lusignano li daħal fis-servizz mal-Kummissjoni bħala uffiċjal fl-1 ta’ Novembru 1993, iżżewweġ lil Ariane Lagasse de Locht fl-1995. Il-koppja kellha erba’ wlied imwielda bejn l-1996 u l-2002.

17      Promoss għall-grad A 7 fl-1996 u għall-grad A 6 fl-2002, Alessandro Missir Mamachi di Lusignano pparteċipa b’mod partikolari, mill-2001 sal-2005, fin-negozjati ta’ adeżjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija, fi ħdan l-unità “Turkija” tad-direttorat ġenerali (DĠ) “Tkabbir”.

18      Mit-28 ta’ Awwissu 2006, Alessandro Missir Mamachi di Lusignano ġie assenjat mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni f’Rabat, bħala kunsillier politiku u diplomatiku. Qabel it-trasferiment tiegħu, huwa kien indika li martu u wliedu kienu ser jakkumpanjawh fil-post li fih ġie assenjat. Meta ġie mistieden sabiex jipparteċipa f’sessjonijiet ta’ informazzjoni organizzati għall-uffiċjali assenjati ma’ delegazzjonijiet f’pajjiżi terzi u li kienu jikkonċernaw b’mod partikolari problemi ta’ sigurtà fil-varji postijiet ta’ assenjazzjoni, huwa ma ħax sehem. Il-partijiet ma pprovdewx elementi suffiċjenti lill-Qorti Ġenerali sabiex hija tkun tista’ tiddetermina liema kienu r-raġunijiet għal dan in-nuqqas, b’mod partikolari jekk dan kienx dovut għal impediment ta’ natura professjonali.

19      Bejn it-28 u l-31 ta’ Awwissu 2006, il-familja Missir Mamachi di Lusignano irrisjediet f’lukanda u, mill-1 ta’ Settembru, provviżorjament, f’dar bl-għamara mikrija mid-delegazzjoni tal-Kummissjoni, u li kienet tinsab f’rue Lailak, n° G 2, Secteur 16, fiż-żona residenzjali ta’ Hay Riad f’Rabat. Il-kuntratt ta’ kiri bejn il-proprjetarju ta’ din id-dar u l-Kummissjoni kien ġie konkluż fit-8 ta’ Awwissu 2006 għal terminu inizjali ta’ tliet xhur b’effett mill-15 ta’ Awwissu 2006, qabel il-wasla f’Rabat tal-familja Missir Mamachi di Lusignano.

20      Fil-lejl ta’ bejn is-17 u t-18 ta’ Settembru 2006, lejn in-nofssiegħa, ħalliel daħal fid-dar billi għadda minn bejn il-vireg tat-tieqa tas-sular t’isfel man-naħa ta’ waħda mill-faċċati tal-ġenb tad-dar. Meta qam f’salt bil-preżenza tal-ħalliel fil-kamra tas-sodda tal-konjuġi li kienet tinsab fl-ewwel sular, Alessandro Missir Mamachi di Lusignano ssorprenda lill-intruż li kien qiegħed iqalleb fil-kamra. Għalhekk il-ħalliel ta bosta daqqiet ta’ sikkina lill-uffiċjal u ħallieh mal-art. Mart A. Missir Mamachi di Lusignano, li wkoll kienet qamet, qalgħet daqqa ta’ sikkina fuq dahrha u jidher li mietet malajr minħabba l-feriti li kellha. Wara li rabat u sadd ħalq ir-raġel tal-familja, l-intruż ħa doċċa imbagħad ra li l-uffiċjal, gravement ferit, jikkomunikalu l-kodiċi tal-karta ta’ kreditu tiegħu. L-uffiċjal finalment miet minħabba l-feriti li kellu. Il-qattiel ma qatilx lill-ulied. Huwa telaq mill-post għall-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu, fejn ħa diversi oġġetti fosthom televiżjoni, u telaq bil-karozza tal-familja Missir Mamachi di Lusignano.

21      Fid-19 ta’ Settembru 2006, il-pulizija Marokkina arrestat lill-persuna bl-isem Karim Zimach. Waqt is-smigħ preliminari tiegħu, dan tal-aħħar irrikonoxxa li kien l-awtur tal-qtil doppju tal-konjuġi Missir Mamachi di Lusignano imwettaq matul il-lejl ta’ bejn is-17 u t-18 ta’ Settembru. Karim Zimach ġie ddikjarat ħati ta’ dawn il-fatti u ġie kkundannat għall-piena kapitali, permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Frar 2007, tal-Awla kriminali tal-ewwel grad tal-Qorti tal-Appell ta’ Rabat, ikkonfermat fl-appell permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Ġunju 2007 tal-Awla tal-appell kriminali tal-istess qorti. Għandu jiġi nnotat li, sa mill-1993, data tal-aħħar eżekuzzjoni ta’ kundannat għall-mewt fil-Marokk, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat ma baqgħux jeżegwixxu tali kundanna.

22      Il-Kummissjoni kkostitwixxiet lilha nnifisha parti ċivili quddiem il-ġustizzja kriminali Marokkina. Permezz tad-digriet tagħha msemmi iktar ’il fuq, l-Awla kriminali tal-ewwel grad tal-Qorti tal-Appell ta’ Rabat iddikjarat ammissibbli l-azzjoni ċivili tal-Kummissjoni u kkundannat lil Karim Zimach iħallas MAD 1 simbolika lill-Unjoni Ewropea.

23      Wara l-mewt traġika tal-ġenituri tagħhom, l-erbat itfal tal-familja Missir Mamachi di Lusignano tqiegħdu taħt it-tutela tan-nanniet tagħhom, fosthom ir-rikorrent, permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Novembru 2006 tal-juge de paix ta’ Kraainem (il-Belġju).

24      Mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni pproċediet sabiex twettaq il-ħlas previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 70 tar-Regolamenti tal-Persunal.

25      Il-Kummissjoni ħallset ukoll lill-ulied u lill-werrieta tal-uffiċjal deċedut is-somma ta’ EUR 414 308.90, bħala benefiċċji pagabbli fil-każ ta’ mewt, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll is-somma ta’ EUR 76 628.40, minħabba l-mewt tal-konjuġi, skont l-Artikolu 25 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

26      Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet fil-konfront tal-erbat ulied, sa mill-1 ta’ Jannar 2007, id-dritt għall-pensjoni tal-orfni prevista fl-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-benefiċċju tal-edukazzjoni previst fl-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

27      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tat promozzjoni post mortem għall-ewwel skala tal-grad A*11 lill-uffiċjal deċedut, b’effett retroattiv għall-1 ta’ Settembru 2005. Din il-promozzjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-pensjoni tal-orfni u tal-benefiċċji pagabbli fil-każ ta’ mewt.

28      Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2007, mogħtija abbażi tal-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni tat lil kull wieħed mill-ulied, sas-sena ta’ 19-il sena, għajnuna fix-xahar straordinarja għal raġunijiet soċjali, ugwali għall-ammont ta’ allowance għal wild dipendenti.

29      Fit-18 ta’ Settembru 2007, jum l-anniversarju tal-qtil doppju tal-konjuġi Missir Mamachi di Lusignano, il-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva tad-DĠ “Tkabbir”, organizzat ċerimonja fil-bini tagħha, b’tifkira tal-mejtin. Matul din iċ-ċerimonja, ġiet inawgurata sala għal-laqgħat iddedikata f’ġieh l-uffiċjal deċedut u plakka li ġġib ismu.

30      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Frar 2008 indirizzata lill-President tal-Kummissjoni, ir-rikorrent, wara li rringrazzja lill-Kummissjoni għaċ-ċerimonja tat-18 ta’ Settembru 2007, qabel kollox, wera n-nuqqas ta’ qbil tiegħu fir-rigward tal-ammonti tas-somom imħallsa lill-erba’ neputijiet tiegħu u d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat li tawtorizza l-impjieg permanenti ta’ governanti jew ta’ persuna li tgħin lill-familja, li fl-opinjoni tiegħu kien indispensabbli minħabba l-età rispettiva tat-tfal u tan-nanniet tagħhom. Sussegwentement, ir-rikorrent staqsa jekk il-Kummissjoni kinitx diġà bdiet negozjati mal-Marokk sabiex dan il-pajjiż iħallas kumpens adegwat, li jmur lil hinn mill-MAD 1 mogħti simbolikament lill-Unjoni Ewropea mill-qorti Marokkina. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent ġibed l-attenzjoni tal-President tal-Kummissjoni fuq it-tweġiba mogħtija fis-6 ta’ Awwissu 2007 minn Benita Ferrero-Waldner, Kummissarju inkarigat mir-relazzjonijiet esterni, għal mistoqsija bil-miktub ta’ Paul-Marie Coûteaux, Membru tal-Parlament Ewropew (mistoqsija bil-miktub tal-25 ta’ Ġunju 2007, P‑3367/07, ĠU C 45 tas-16 ta’ Frar 2008, p. 179), dwar “il-qtil ta’ uffiċjal tad-Direttorat Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni fil-Marokk” (iktar ’il quddiem it-“tweġiba bil-miktub tas-6 ta’ Awwissu 2007”). Skont ir-rikorrent, il-miżuri ta’ sigurtà adegwati, normalment previsti mill-Kummissjoni u mfakkra fit-tweġiba tal-Kummissarju inkarigat mir-relazzjonijiet esterni, ma ttieħdux qabel ma sar il-qtil doppju. B’hekk il-Kummissjoni kienet ħatja ta’ negliġenzi serji, li jiġġustifikaw il-ħlas lit-tfal minuri ta’ kumpens ekwivalenti mill-inqas għat-total tas-salarju li l-uffiċjal maqtul kien jirċievi sad-data preżunta tal-irtirar tiegħu, fl-2032, jiġifieri 26 sena ta’ salarju.

31      Permezz ta’ ittra tal- ta’ Ġunju 2008, Siim Kallas, Viċi-President tal-Kummissjoni, inkarigat mill-persunal, wieġeb lir-rikorrent. F’din l-ittra, S. Kallas enfasizza li ebda aġir negliġenti jew li jikkostitwixxi delitt min-naħa tal-awtoritajiet Marokkini ma setgħet tiġi kkonstatata u li l-kundizzjonijiet għall-bidu ta’ negozjati diplomatiċi mal-Marokk għall-kisba ta’ kumpens ma kinux sodisfatti. Huwa indika li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-persunal meħuda mill-Kummissjoni kienu konformi mal-kundizzjonijiet ta’ sigurtà li jirrigwardaw id-delegazzjoni ta’ Rabat u li t-talba għal kumpens ippreżentata f’dan is-sens fl-ittra tal-25 ta’ Frar 2008 mir-rikorrent ma setgħetx tintlaqa’. Huwa speċifika li l-ħlasijiet li diġà saru mill-Kummissjoni (EUR 490 937.30 għall-benefiċċji fil-każ ta’ mewt u l-assigurazzjoni tal-inċident, EUR 4 376.82 fix-xahar għall-pensjonijiet tal-orfni u l-benefiċċji tal-edukazzjoni, EUR 2 287.19 fix-xahar — inkluża l-eżenzjoni mit-taxxa — għall-allowances għal wild dipendenti, u EUR 1 332.76 fix-xahar għall-għajnuna straordinarja jiġifieri allowance għal kull wild dipendenti li hija supplimentari għal kull wild) kienu ġew korrettament ikkalkolati.

32      Madankollu, f’din l-istess ittra tal-11 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissarju informa lir-rikorrent li l-Kummissjoni, li ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolarment traġiċi ta’ dan il-każ, kienet iddeċidiet li tadotta miżura supplimentari u li żżid, b’mod eċċezzjonali, l-ammonti mħallsa skont l-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal. Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2008, kull wieħed mit-tfal iż-żgħar ingħata f’dan is-sens, mill-1 ta’ Awwissu 2008 u sal-età ta’ 19-il sena, somma kull xahar li tikkorrispondi għal żewġ allowances għal wild dipendenti. Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, il-ħlas ta’ kull xahar tal-Kummissjoni lill-ulied tal-uffiċjal deċedut kien stabbilit għal somma ogħla minn EUR 9 800 (EUR 9 862 fi Frar 2009).

33      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrent ippreżenta lment kontra l-ittra tal-11 ta’ Ġunju 2008 abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan l-ilment, huwa sostna li r-responsabbiltà tal-Kummissjoni kienet responsabbli għal delitt, minħabba nuqqasijiet fl-obbligu tagħha li tipproteġi l-persunal tagħha. Huwa sostna wkoll li r-responsabbiltà tal-Kummissjoni kienet responsabbli anki mingħajr delitt, minħabba d-dannu kkawżat b’att illegali. Fl-aħħar nett, sussidjarjament, huwa invoka l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li skonthom il-Komunitajiet għandhom l-obbligu li jħallsu in solidum id-dannu kkawżat minn terz lill-membri tal-persunal tagħhom.

34      Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2009, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet dan l-ilment.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

35      Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-3 ta’ Frar 2009;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni jħallas, lill-aventi kawża ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano:

–        l-ammont ta’ EUR 2 552 837.96, li jikkorrispondi għal 26 sena ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjal maqtul, li għandu jevalwa mill-ġdid skont il-perspettivi tal-karriera tiegħu, bħala kumpens għad-dannu patrimonjali mġarrab;

–        l-ammont ta’ EUR 250 000, bħala kumpens għad-dannu mhux patrimonjali mġarrab mill-vittma qabel mewtha;

–        l-ammont ta’ EUR 1 276 512, bħala kumpens għad-dannu mhux patrimonjali li l-ulied ġarrbu talli kienu xhieda tal-qtil traġiku;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ammont ta’ EUR 212 752, bħala kumpens għad-dannu mhux patrimonjali subit mir-rikorrent bħala missier il-vittma;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-“interessi kompensatorji u l-interessi moratorji dovuti tul iż-żmien”;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

36      Il-Kummissjoni titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

37      Ir-rikorrent speċifika l-portata tat-talbiet tiegħu għal kumpens fis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2009, billi pproduċa żewġ tabelli. Il-Kummissjoni ma kkontestatx l-inklużjoni ta’ dawn l-atti fil-proċess. L-ewwel tabella tesponi b’mod sommarju t-talbiet ta’ kumpens tar-rikorrent. Minn din it-tabella tirriżulta evalwazzjoni mill-ġdid tal-ammont tad-dannu materjali allegat. Dan l-ammont, stmat provviżorjament fir-rikors għal EUR 2 552 837.96, ġie miżjud għall-ammont globali ta’ EUR 3 975 329, fid-dawl tal-figuri prodotti mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni promozzjonijiet fi grad li seta’ kiseb it-tifel tar-rikorrent sa tmiem il-karriera tiegħu. Permezz tat-tieni tabella, ir-rikorrent isostni li, fost l-ammont mħallsa u li għandhom jitħallsu fil-futur mill-Kummissjoni lill-aventi kawża tal-uffiċjal deċedut, huwa biss l-ammont ta’ EUR 414 308 allokat skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal li jista’ jiġi analizzat bħala ammont mogħti bi ħlas għad-dannu mġarrab mill-werrieta tal-uffiċjal, filwaqt li l-ammonti l-oħra mħallsa msemmija mill-Kummissjoni jikkostitwixxu biss, skont ir-rikorrent, għotjiet ta’ natura ta’ assigurazzjoni soċjali.

38      Fir-rapport preparatorju għas-seduta, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku indika lill-partijiet li, sabiex jeżamina l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx debitament issodisfat l-obbligu li tiżgura s-sigurtà ta’ wlied ir-rikorrent u tal-familja tiegħu, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirreferi, fir-rigward tal-“istandards xierqa […] tas-sigurtà”, għall-kundizzjonijiet minimi applikabbli skont il-miżuri deċiżi f’dawn l-oqsma b’applikazzjoni tat-Trattati, li fosthom jirriżultaw dawk li jinsabu fid-Direttiva 89/391. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-partijiet sabiex jesponu, fis-sottomissjonijiet orali tagħhom, liema kien fl-opinjoni tagħhom l-effett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fuq l-analiżi tal-kundizzjonijiet tal-konstatazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-amministrazzjoni f’din il-kawża.

39      Fl-istess rapport preparatorju għas-seduta, fost mistoqsijiet oħra, it-Tribunal għas-Servizz talab ukoll lill-Kummissjoni sabiex tispeċifika liema kien il-livell ta’ riskju kkunsidrat fl-2006 għad-dipartimenti tagħha fir-rigward tal-uffiċjali assenjati fil-Marokk u jekk kinux irriżultaw miżuri partikolari ta’ sigurtà mil-livell ta’ riskju ffissat għal dan il-pajjiż, skont id-direttivi interni għad-DĠ “Relazzjoni esterni” jew testi oħra. Fil-fatt fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu (ittra tal-25 ta’ Frar 2008, ilment tal-10 ta’ Settembru 2008 u r-rikors) ir-rikorrent sostna, b’riferiment għat-tweġiba bil-miktub tas-6 ta’ Awwissu 2007 ta’ B. Ferrero-Waldner, għal mistoqsija ta’ membru tal-Parlament, li miżuri ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni kienu rrakkomandati u applikati fir-residenzi tal-persunal tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-pajjiżi terzi u li dawn il-miżuri ma kinux ġew osservati f’dan il-każ. Barra minn hekk ġew indikati, f’rapport anness mar-rikors, stabbilit fl-4 ta’ Ottubru 2006 minn żewġ persuni responsabbli mid-dipartimenti inkarigati mis-sigurtà fi ħdan id-DĠ “Relazzjonijiet esterni” u d-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” (iktar ’il quddiem id-“DĠ Admin”), mibgħuta Rabat ftit wara l-qtil tat-tifel u ta’ ħtint ir-rikorrent: “[i]l-kundizzjonijiet ta’ sigurtà relatati mad-[d]elegazzjoni ta’ Rabat u mar-residenti huma msejħa tal-grupp [III], għal bosta xhur. Dan jimponi għaldaqstant is-sorveljanza tar-residenzi tal-persunal espatrijat”.

40      Fis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2009, fis-sottomissjonijiet orali tagħha, il-Kummissjoni ma weġbitx direttament għaż-żewġ mistoqsijiet magħmula lilha, imsemmija fl-ewwel sentenza tal-punt preċedenti. Hija enfasizzat li t-tweġiba bil-miktub tas-6 ta’ Awwissu 2007 ingħatat kważi sena wara l-qtil doppju, sabiex tiġi kkjarifikata t-tipoloġija tal-miżuri rrakkomandati fid-delegazzjonijiet fl-2007, u għaldaqstant ma hijiex rilevanti f’dan il-każ.

41      Bi tweġiba għal mistoqsija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar l-eżistenza ta’ regoli interni dwar il-miżuri ta’ sigurtà applikabbli għall-uffiċjali tad-delegazzjonijiet assenjati fil-pajjiżi terzi fl-2006, il-Kummissjoni wieġbet li f’dan il-qasam ma kien jeżisti ebda test li jorbot u li l-obbligu tal-istituzzjoni li tiżgura l-protezzjoni tal-persunal tiegħu assenjat f’dawn id-delegazzjonijiet kien jirriżulta biss mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fejn f’dan il-qasam l-istituzzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa. Il-Kummissjoni qieset li d-Direttiva 89/391 kienet issemmi biss il-post tax-xogħol tal-ħaddiema u li għaldaqstant hija ma setgħetx tkun rilevanti f’din il-kawża, li kienet tikkonċerna s-sigurtà tar-residenza privata tal-uffiċjal. Il-Kummissjoni speċifikat li d-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2006 kellha bħala għan li “tittrasponi” l-imsemmija direttiva fid-dipartimenti tagħha. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsijiet oħra, il-Kummissjoni insistiet fuq il-fatt li l-obbligu li jiġu adottati ċerti miżuri ta’ protezzjoni ma kienx jikkonċerna r-residenza privata tal-uffiċjali tad-delegazzjonijiet.

42      Barra minn hekk, mid-dibattiti waqt is-seduta rriżulta, minn naħa, li d-dipartimenti tal-Kummissjoni jistabbilixxu, skont numru ta’ kriterji, klassifika tal-pajjiżi terzi fejn huma preżenti d-delegazzjonijiet, skont il-livell ta’ riskju (dgħajjef, medju jew qawwi) li jippreżentaw l-Istati kkonċernati u, min-naħa l-oħra, li l-Marokk kien ikklassifikat taħt livell ta’ riskju meqjus li huwa “qawwi” fl-2006. Il-Kummissjoni ammettiet ukoll li miżuri partikolari ta’ sigurtà adattati għal-livell ta’ riskju meqjus li huwa “qawwi” kellhom jittieħdu u jiġu implementati fid-delegazzjonijiet ikkonċernati.

43      Parti mis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2009 nżammet in camera, skont it-talba tal-Kummissjoni, mingħajr ma r-rikorrent oġġezzjona għal dan. Matul din il-parti tas-seduta, il-Kummissjoni pprovdiet ċerti spjegazzjonijiet supplimentari lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u lir-rikorrent iżda mingħajr ma semmiet it-testi jew dokumenti, ikunu liema jkunu l-valur ġuridiku jew il-forma tagħhom (deċiżjonijiet, direttivi interni, rakkomandazzjonijiet eċċ.), dwar il-miżuri ta’ sigurtà msemmija fil-punt preċedenti. Il-Kummissjoni indikat ukoll spezzjonijiet u verifiki ta’ sigurtà li twettqu fl-ewwel sitt xhur tal-2006 f’Rabat, u li kienu saru biss għall-bini tad-delegazzjoni, bl-esklużjoni ta’ 18-il residenza “permanenti” mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-uffiċjali tad-delegazzjoni.

44      Billi qieset li ma kinitx irċeviet biżżejjed informazzjoni bit-tweġibiet tal-Kummissjoni waqt is-seduta, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Jannar 2010, talbitha tipproduċi t-testi jew id-dokumenti, ikun liema jkun il-valur ġuridiku jew il-forma tagħhom, li jippreċiżaw liema miżuri ta’ sigurtà kienu rrakkomandati/previsti/preskritti fl-2006 għad-delegazzjoni ta’ Rabat, li jikkorrispondi għal-livell ta’ riskju li dak iż-żmien kien ikkunsidrat għall-Marokk, ir-rapporti eventwali dwar l-ispezzjonijiet u verifiki li saru f’Rabat fl-ewwel sitt xhur tal-2006 jew id-dokumenti li jispjegaw il-kontenut u r-riżultati ta’ dawn l-ispezzjonijiet u verifiki, il-kuntratt ta’ kera tar-residenza provviżorji konkluża bejn il-Kummissjoni u l-proprjetarju ta’ dan l-immobbli, kif ukoll id-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2006.

45      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni pproduċiet id-dokumenti mitluba, filwaqt li ppreċiżat li dokument minnhom — nota tas-6 ta’ Ġunju 2006 indirizzata mill-kap tad-delegazzjoni fil-Marokk lid-direttur tad-direttorat “Servizz estern”, inkarigat mill-kwistjonijiet ta’ sigurtà fi ħdan id-DĠ “Relazzjonijiet esterni”, u bgħattlu f’anness ir-rapport ta’ missjoni tar-responsabbli tas-sigurtà reġjonali — kellu jkun aċċessibbli biss lill-avukati tar-rikorrent biss fil-bini tar-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u mingħajr possibbiltà ta’ kopja. Fl-istess, il-Kummissjoni semmiet l-eżistenza ta’ żewġ dokumenti oħra li minħabba l-klassifikazzjoni tagħhom “Restreint UE”, hija qieset li ma tistax tipproduċihom u li barra minn hekk hija qieset li dawn ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża, madankollu hija ddikjarat li kienet lesta tikkomunikahom biss lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u bil-kundizzjoni li jiġu strettament rispettati miżuri ta’ sigurtà strettament ekwivalenti għall-miżuri ta’ sigurtà ffissati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom, tad-29 ta’ Novembru 2001, li temenda r-regoli interni tal-proċedura (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 353).

46      It-Tribuna għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li wieħed minn dawn iż-żewġ dokumenti kklassifikati “Restreint UE”, ippreżentat mill-kummissjoni bħala r-“rendikont dwar il-miżuri ta’ sigurtà li jikkorrispondu għall-grupp III għar-residenzi definittivi tad-dokument ‘regoli u kriterji’ tad-DĠ [‘Persunal u amministrazzjoni’ — Direttorat ‘Sigurtà’], seta’ jkollu importanza partikolari għas-soluzzjoni tal-kawża. B’hekk, permess ta’ digriet tas-17 ta’ Marzu 2010, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta dan id-dokument. F’dan id-digriet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku speċifika l-miżuri ta’ sigurtà li għalihom huwa suġġett l-aċċess għal dan id-dokument, billi indika b’mod partikolari li huma biss ir-Reġistratur u l-Imħallfin membri tal-formazzjoni ġudikanti li huma awtorizzati jikkonsultaw id-dokument, biss fl-uffiċċji tar-reġistru fejn huwa miżmum, u li la r-rikorrent u lanqas l-avukat tiegħu ma huma awtorizzati jikkonsultaw dan l-att.

47      Fid-digriet tiegħu tas-17 ta’ Marzu 2010, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku indika li, li kieku kellu l-intenzjoni li jibbaża s-soluzzjoni tal-kawża fuq dan id-dokument, kien ikun meħtieġ li tistaqsi fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni f’dan il-każ tal-prinċipju tan-natura kontradittorja tal-proċedura u tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-proċedura, billi dan il-prinċipju u dawn id-dispożizzjonijiet setgħu jimplikaw li r-rikorrent kellu aċċess, mill-inqas parzjalment, għad-dokument imsemmi. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku osserva li l-fatt li l-imsemmi dokument huwa kklassifikat “Restreint UE”, l-inqas livell għoli ta’ protezzjoni previst bid-Deċiżjoni 2001/844, ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, raġuni assoluta ta’ rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ dan id-dokument lir-rikorrent. Fil-fatt, fl-ewwel lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li d-dokumenti kklassifikati “Restreint UE” ma humiex fost id-dokumenti kkunsidrati li huma “dokumenti sensittivi” skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) u minn dan iddeduċa li tali dokument għaldaqstant jista’ jiġi applikat għas-sistema ta’ dritt komuni stabbilit b’dan ir-regolament, li jipprovdi l-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, b’esklużjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Fit-tieni lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku osserva li d-Deċiżjoni 2001/844 tipprovdi li dokument b’informazzjoni kklassifikata jista’ jkun suġġett għal deċiżjoni ta’ tnaqqis fi grad jew ta’ deklassifikazzjoni mill-awtorità ta’ oriġini.

48      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2010, għall-attenzjoni tal-persunal tar-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, f’envelopp issiġillat u rreġistrata, il-Kummissjoni kkomunikat dokument ta’ ħames paġni, li kien jiġbor fih siltiet ta’ dokument intitolat “Dokument fuq ir-Regoli u l-Kriterji”, edizzjoni 2006 (“N & C édition 2006/ DS3/A.W”, iktar ’il quddiem id-“dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà”), dwar il-miżuri ta’ sigurtà applikabbli b’mod partikolari għar-residenzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-persunal tad-delegazzjonijiet (“staff houses”). F’din l-istess ittra, il-Kummissjoni enfasizzat li hija ppreżentat dan id-dokument “biss sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun f’pożizzjoni li jivverifika n-natura kunfidenzjali tiegħu fis-sens tal-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura”. Hije reġgħet tenniet li d-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà ma kienx jidhrilha li huwa rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża, b’mod partikolari peress li kien jikkonċerna biss is-sitwazzjoni ta’ residenzi definittivi — u mhux provviżorji — imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-persunal tad-delegazzjonijiet fil-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni sostniet ukoll li fi kwalunkwe ipoteżi, kien eskluż li dan id-dokument jiġi ddeklassifikat u li jiġi kkomunikat, anki parzjalment, lir-rikorrent, peress li t-tali żvelar jista’ jikkomprometti s-sigurtà tal-uffiċjali tad-delegazzjonijiet fil-pajjiżi terzi. Hija ssostni wkoll li r-Regolament Nru 1049/2001 ma kienx applikabbli għal din il-kawża u li, fi kwalunkwe każ, rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ dan id-dokument lir-rikorrent u ġġustifikat b’kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà pubblika, skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament. Madankollu l-Kummissjoni indikat li, għalkemm it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jikkunsidra li dan id-dokument kien rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża, jeħtieġ li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżamina magħha l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonċilja l-prinċipju ta’ kontradittorju mal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jinsabu f’dan id-dokument “pereżempju billi jiġi ppreżentat sunt tad-dokument (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Frar 1981, AM & S vs Il‑Kummissjoni, 155/79) li l-avukat tal-parti rikorrenti biss għandu d-dritt jikkonsulta skont il-kundizzjonijiet previsti fil-kawża F‑2/07 [Matos Martins vs Il‑Kummissjoni, li tat lok għal sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta’ April 2010]”.

49      Ir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rċieva l-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2010, fil-31 ta’ Marzu 2010. Il-Membri tal-formazzjoni ġudikanti kkonsultaw is-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, fl-uffiċċji tar-reġistru.

50      L-avukat tar-rikorrent ikkonsulta fir-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku d-dokument imsemmi fl-ewwel sentenza tal-punt 45 iktar ’il fuq. L-avukat tar-rikorrent ma kellux aċċess għas-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà.

51      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ April 2010, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar id-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni bi tweġiba għad-digriet tat-22 ta’ Jannar 2010 u b’mod partikolari dwar id-dokument li seta’ jikkonsulta fir-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. F’din l-ittra, ir-rikorrent enfasizza li dawn id-dokumenti kienu juru l-eżistenza ta’ obbligu ta’ sigurtà min-naħa tal-Kummissjoni inkluż għar-residenzi provviżorji tal-persunal assenjat fil-Marokk u li, fost il-miżuri li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tadotta kien hemm b’mod partikolari servizz permanenti ta’ għassa professjonali minn kumpanniji speċjalizzata. Għassa ta’ dan it-tip ma ġietx stabbilita f’dan il-każ, meta din setgħet tkun operattiva fi ftit jiem. Tali miżura ta’ sigurtà ċertament kienet tiddiswadi lill-qattiel milli jwettaq ir-reati tiegħu u mill-inqas kienet tippermetti intervent ta’ sokkors ta’ urġenza li setgħet issalva l-ħajja ta’ iben ir-rikorrent.

52      Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Mejju 2010, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ordna lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi silta oħra tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, din id-darba dwar il-kundizzjonijiet tal-installazzjoni tal-gradilji (“installation requirements for grids”) applikabbli għar-residenzi tal-persunal fid-delegazzjonijiet tal-pajjiżi terzi li jaqgħu taħt il-grupp II jew il-grupp III (li jikkorrispondu rispettivament għal-livell ta’ riskju medju u qawwi). Fid-digriet imsemmi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku speċifika li l-preżentata ta’ dan id-dokument u l-aċċess għalih huma suġġetti għall-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti fid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-17 ta’ Marzu 2010.

53      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ittra tar-rikorrent tat-12 ta’ April 2010. Fl-osservazzjonijiet tagħha (fosthom il-punti 57 sa 60 ġew ikkomunikati biss lill-avukat tar-rikorrent fl-uffiċċji tar-reġistru), il-Kummissjoni enfasizzat li fir-rigward tar-residenzi privati tal-uffiċjali assenjati f’delegazzjoni, hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u għandha biss dmir ġenerali ta’ diliġenza. Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha tista’ tirriżulta biss fil-każ ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi. Id-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2006 tapplika biss għall-postijiet tax-xogħol u għalhekk ma timponi ebda miżura ta’ sigurtà fir-residenzi tal-persunal assenjati fid-delegazzjonijiet, sew jekk dawn ir-residenzi jkunu definittivi jew provviżorji. L-uniku test li jirreferi għal miżuri ta’ sigurtà għar-residenzi definittivi huwa l-vade-mecum tad-DĠ “Relazzjonijiet esterni” anness mal-ittra tagħha tat-12 ta’ Frar 2010. Issa, dan il-vade-mecum jinkludi biss rakkomandazzjoni ġenerali ta’ protezzjoni tad-djar u/jew tar-residenzi tal-persunal għall-attenzjoni tal-kapijiet ta’ delegazzjoni, filwaqt li jħallu lill-amministrazzjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa tal-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni. Peress li r-residenza ta’ iben ir-rikorrent kienet biss residenza provviżorja, ebda miżura ta’ sigurtà partikolari ma kienet irrakkomandata skont regola ta’ dritt. Barra minn hekk, iben ir-rikorrent aċċetta li jidħol jgħix fir-residenza mal-familja tiegħu. Fi kwalunkwe każ, din id-dar provviżorja kienet sigura u kienet tinkludi miżuri ta’ sigurtà adegwati fir-rigward tal-livell dgħajjef ta’ kriminalità rregolata mil-liġi komuni kkonstatata għall-Marokk, b’mod partikolari servizz ta’ għassa paragunabbli għal dak previst għar-residenzi definittivi fid-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà. Anki li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni setgħet wettqet nuqqas, ir-rikorrent ma pprovax li d-dannu kien direttament ikkawżat minħabba n-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni li bihom ġiet akkużata.

54      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni ppreżentat is-silta tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, dwar il-kundizzjonijiet ta’ installazzjoni tal-gradilji. F’din l-ittra, il-Kummissjoni enfasizzat li, bil-kontra ta’ dak li kkonstata t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-digriet tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010, il-kundizzjonijiet ta’ installazzjoni tal-gradilji, li huma msemmija fit-taqsima 54.3 tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, japplikaw biss fir-residenzi definittivi tal-persunal tad-delegazzjonijiet li jaqgħu taħt il-grupp III u mhux taħt dawk li jaqgħu taħt il-grupp II.

55      Il-Membri tal-formazzjoni ġudikanti kkonsultaw is-silta tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, dwar il-kundizzjonijiet ta’ installazzjoni tal-gradilji, fl-uffiċċji tar-reġistru.

56      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Lulju 2010, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku indika lill-partijiet li huwa kien iqis li s-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà kienu rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża. Wara li laqa’ l-proposta magħmula mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Marzu 2010, huwa informa lill-partijiet dwar l-intenzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jistabbilixxi sunt ta’ dawn is-siltiet u sabiex jinkludihom fil-proċess. Huwa speċifika li dan is-sunt jinkludi ċerti taqsimiet minn dan id-dokument (li jinsabu fil-paġni 37, 140 u 142, jiġifieri 3 paġni minn fost is-7 paġni kkomunikati mill-Kummissjoni lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku). Il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ittra tat-2 ta’ Lulju 2010.

57      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni ħadet konjizzjoni tal-ittra tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-2 ta’ Lulju 2010 u speċifikat li, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ protezzjoni tas-sigurtà tal-uffiċjali tad-delegazzjonijiet fil-pajjiżi terzi li hija diġà kienet spjegat fl-ittri tagħha tat-30 ta’ Marzu u tat-8 ta’ Ġunju 2010, hija setgħet taċċetta biss li s-sunt tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà jirreferi għas-suġġett tat-taqsimiet inkwistjoni ta’ dan id-dokument iżda mhux li jinkludi siltiet mill-imsemmi dokument. Bi tweġiba għal mistoqsija tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni speċifikat li b’sunt kellu jinftiehem is-“suġġett” tat-taqsimiet rilevanti, billi pprovdiet eżempju ta’ sunt mixtieq għat-taqsima 54.3, li tinsab fil-paġna 140 tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà.

58      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrent informa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li kien jaqbel mal-proposta li t-Tribunal jistabbilixxi sunt tas-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà.

59      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ottubru 2010, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkomunika lill-Kummissjoni abbozz ta’ sunt tat-taqsimiet rilevanti tal-paġni 37, 140 u 142 tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, liema sunt ma kienx jikkonsisti minn siltiet tad-dokument iżda kien jirreferi għas-suġġett tal-imsemmija taqsimiet, bħal ma kienet issuġġeriet il-Kummissjoni.

60      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ottubru 2010, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku staqsa lir-rikorrent jekk xtaqx jibbenefika mill-possibbiltà li jibqa’ fl-anonimat. Din il-mistoqsija baqgħet mingħajr tweġiba.

61      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni esponiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ sunt, billi talbet lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tħassar, fit-titolu ta’ dan l-abbozz, ir-riferiment għall-paġna 37 tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà.

62      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ din it-talba tal-Kummissjoni u stabbilixxa s-sunt definittiv tas-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà.

63      Dan is-sunt ġie kkomunikat lill-Kummissjoni. Fir-rigward tar-rikorrent, l-imsemmi sunt ġie kkomunikat biss lill-avukat tar-rikorrent, fl-uffiċċji tar-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fit-30 ta’ Novembru 2010.

64      Fid-dawl tal-elementi prodotti wara s-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2009, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li kien neċessarju li tinżamm seduta oħra.

65      Fir-rapport preparatorju għas-seduta, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill-partijiet sabiex jikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fuq il-mistoqsijiet li ġejjin:

“1/ Mistoqsijiet proċedurali:

a) Fl-istadju tat-talba tiegħu għal kumpens ippreżentata abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent ma talabx il-ħlas ta’ danni ta’ natura morali; huwa permess li jippreżenta talbiet għal kumpens f’dan is-sens quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku?

b) Id-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà jagħmel parti mill-kuntest ġuridiku tal-kawża?

ċ) Is-siltiet rilevanti ta’ dan id-dokument li, għal raġunijiet leġittimi ta’ sigurtà, jistgħu jiġu kkomunikati lir-rikorrent biss fil-forma ta’ sunt qasir, jistgħu minkejja kollox jittieħdu inkunsiderazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex tevalwa jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni aġixxietx b’mod li jikkostitwixxi tort? It-tiftixa ta’ ekwilibriju ġust bejn il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ dan id-dokument u d-dritt tar-rikorrent għal kontroll ġudizzjarju effettiv ma jimplikax, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dderoga mill-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-proċedura (ara, b’analoġija, il-Qorti [Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sentenza A et vs Ir-Renju Unit, tad-19 ta’ Frar 2009, Nru 3455/05], b’mod partikolari l-punti 205 sa 208)?

2/ Mistoqsijiet fuq il-mertu:

a) Liema hija l-portata ġuridika tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà?

b) Il-Kummissjoni aġixxiet b’mod li jikkostitwixxi tort fl-implementazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà li kienu applikabbli għar-residenza provviżorja mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ iben ir-rikorrent?

ċ) Ir-rabta kawżali bejn tort eventwali tal-Kummissjoni u d-danni allegati hija diretta u ċerta?

d) Li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod li jikkostitwixxi tort ta’ natura li tagħti lok għar-responsabbiltà tagħha, il-Kummissjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala responsabbli għad-danni kollha mġarrba jew ta’ parti biss minnhom, minħabba t-tort eventwali tal-vittmi jew minħabba terz?

e) Il-parti tad-dannu direttament marbut mat-tort tal-Kummissjoni kienet suffiċjentement ikkumpensata mill-istituzzjoni?”

66      Qabel is-seduta, permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni għamlet ċerti osservazzjonijiet fuq ir-rapport preparatorju għas-seduta, li kienu jirreferu għall-mistoqsija li tinsab fil-punt 1(ċ) ta’ dan ir-rapport. B’mod partikolari hija enfasizzat li, fil-fehma tagħha, l-ekwilibriju ġust bejn in-neċessità li tiġi ppreżervata l-kunfidenzjalità tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent kien instab bis-sunt stabbilit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Għaldaqstant it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax, ħlief jekk jikser l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-proċedura tiegħu, jibbaża l-analiżi tiegħu tal-proċess fuq is-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà li ma jinsabux f’dan is-sunt. Il-Kummissjoni qalet li madankollu kienet disponibbli, fil-każ fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien jidhirlu li s-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà li hija kienet ikkomunikat jinkludu informazzjoni li ma tinsabx fis-sunt, sabiex tanalizza l-possibbiltà, għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tikkompleta s-sunt billi tkompli tfittex l-ekwilibriju ġust bejn in-neċessità li tiġi ppreżervata l-kunfidenzjalità tad-dokument u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, u dan qabel it-tieni seduta.

67      Permezz ta’ ittra mibgħuta lill-partijiet permezz ta’ faks fit-2 ta’ Diċembru 2010, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku speċifika li ma kienx meħtieġ, f’din il-kawża, li jiġi mfittex l-ekwilibriju ġust bejn il-preżervazzjoni tal-kunfidenzjalità tad-dokument u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent iżda bejn il-preżervazzjoni tal-kunfidenzjalità tad-dokument u r-rekwiżiti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, billi r-rikorrent għandu jkun jista’ jibbenefika minn kontroll ġudizzjarju effettiv meta ċerti dokumenti utli għar-rikors tiegħu jinsabu fil-pussess tal-amministrazzjoni. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-partijiet sabiex jirreferu, fuq din il-kwistjoni, għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2006, Mobistar (C‑438/04, punt 40) u tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, b’mod partikolari l-punti 52, 53, u d-dispożittiv). It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab ukoll lill-Kummissjoni tindika, qabel is-seduta, jekk hija kinitx lesta taċċetta li s-sunt isemmi liema miżuri speċifiċi ta’ sigurtà (karatteristiċi tas-servizz ta’ għassa, tas-sistema ta’ allarm, tal-buttuni anti-paniku, tal-gradilji ta’ protezzjoni tat-twieqi) huma previsti, fid-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà għar-residenzi tal-persunal tad-delegazzjonijiet fil-livell ta’ riskju li jaqa’ taħt il-grupp III. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ppreċiża li huwa biss l-avukat tar-rikorrent li jkollu aċċess għal dan is-sunt ġdid.

68      Permezz ta’ ittra li waslet ir-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku permezz ta’ faks fit-3 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni wieġbet li hija ma kinitx lesta taċċetta li s-sunt isemmi l-miżuri speċifiċi ta’ sigurtà previsti fid-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà.

69      Permezz ta’ ittra li waslet ir-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku permezz ta’ faks fis-6 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrent sostna li d-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà kien rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża. Wara li osserva li s-sunt li għalih kellu aċċess l-avukat tiegħu kien jikkonċerna biss is-suġġett ta’ dan id-dokument u mhux fuq il-kontenut tal-miżuri ta’ sigurtà li kienu diskussi fih, ir-rikorrent talab sabiex ikollu aċċess għas-siltiet rilevanti ta’ dan id-dokument, mill-inqas permezz tal-avukat tiegħu, f’isem id-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u skont il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali tal-partijiet. Ir-rikorrent enfasizza li l-livell ta’ klassifikazzjoni tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, l-inqas livell għoli fil-klassifika prevista mid-Deċiżjoni 2001/844, ma deherx li seta’ jiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess ikkontestat mill-Kummissjoni. Fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, id-dokumenti kklassifikati “Restreint UE” huma normalment aċċessibbli għall-partijiet fil-kawża, permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni neċessarji (projbizzjoni milli jsiru fotokopji, aċċess għall-avukati tal-partijiet biss). Jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li ma setax jikkompleta s-sunt li diġà ġie stabbilit u lanqas ma seta’ jikkomunika lir-rikorrent is-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu, abbażi tal-ġurisprudenza (sentenza Varec iċċitata iktar ’il fuq) tal-Qorti tal-Ġustizzja u billi jidderoga mill-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, jiddeċiedi l-kawża billi jieħu inkunsiderazzjoni s-siltiet rilevanti ta’ dan id-dokument fil-pussess tiegħu u ma għandux jissodisfa ruħu biss bis-sunt.

70      It-tieni seduta nżammet fit-8 ta’ Diċembru 2010. Matul is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li, fl-ipoteżi fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jqis li d-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà japplika għar-residenzi provviżorji, hija ma tikkontestax il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi l-kawża billi jieħu inkunsiderazzjoni s-siltiet rilevanti ta’ dan id-dokument, indipendentement mis-sempliċi sunt.

 Id-dritt

I –  Fuq is-suġġett tar-rikors

71      Għalkemm ir-rikorrent formalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-3 ta’ Frar 2009, għandu jitfakkar li tali deċiżjoni, li permezz tagħha l-amministrazzjoni adottat pożizzjoni fuq il-pretensjonijiet ta’ natura kumpensatorja tar-rikorrent, tagħmel parti sħiħa mill-proċedura amministrattiva li tippreċedi rikors għad-danni ppreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u għandha biss bħala effett li tippermetti lir-rikorrent jippreżenta talba għal kumpens quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. B’hekk, it-talbiet għal annullament ippreżentati mir-rikorrent ma jistgħux jiġu evalwati b’mod awtonomu mit-talbiet għal kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 1997, Gill vs Il‑Kummissjoni, T‑90/95, punt 45).

72      B’hekk, ir-rikors għandu jiġi analizzat bħala li għandu bħala għan waħdieni l-kumpens għad-danni li r-rikorrent, l-uffiċjal deċedut u l-ulied tiegħu ġarrbu minħabba l-aġir tal-Kummissjoni.

II –  Fuq l-ammissibbiltà

A –  L-argumenti tal-partijiet

73      Il-Kummissjoni tqajjem numru ta’ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

74      Fl-ewwel lok, hija ssostni li, fit-talba tiegħu għal kumpens tal-25 ta’ Frar 2008, ippreżentata skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent illimita l-pretensjonijiet tiegħu għal kumpens ta’ dannu materjali u ma ppreżenta ebda talba għall-kumpens ta’ dannu morali. Għaldaqstant ir-rikors huwa inammissibbli inkwantu jitlob il-kumpens tad-danni morali tal-uffiċjal deċedut, ta’ uliedu u tar-rikorrent.

75      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dannu morali tal-uffiċjal deċedut, minn naħa, l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jsemmix lill-vittma fost l-aventi kawża. Għaldaqstant il-vittma ma tistax validament tinvoka dannu fil-kuntest ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali bbażata fuq l-Artikolu 236 KE. B’hekk, peress li l-uffiċjal deċedut ma għandu ebda dritt taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, ebda dritt ma jista’ jiġi trażmess lir-rikorrent, skont il-massima nemo dat quod non habet. Min-naħa l-oħra, azzjoni għal kumpens ippreżentata abbażi tal-Artikolu 236 KE tippermetti li jintalab kumpens supplimentari wieħed biss fir-rigward tal-kumpens previst fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u din it-talba hija disponibbli biss lill-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni.

76      Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dannu morali subit mir-rikorrent, dan id-dannu ma ssemmiex fl-ilment tal-10 ta’ Settembru 2008 u għaldaqstant huwa inammissibbli. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma huwiex fost l-aventi kawża li għandhom dritt għal kumpens imsemmija fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u għaldaqstant ma jistax validament jinvoka dannu fil-kuntest tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 236 KE.

77      Fir-raba’ lok, fir-rigward tad-dannu morali subit minn ulied l-uffiċjal deċedut, dan id-dannu ma huwiex ammissibbli insostenn ta’ rikors għal kumpens ibbażat fuq l-Artikolu 236 KE, u dan minħabba l-fatt li l-ulied tal-vittma jibbenefikaw minn dritt taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jipprovdi ebda prova inizjali tad-dannu eżistenzjali subit.

78      Fil-ħames lok, l-argument tar-rikorrent, li jgħid li l-uffiċjal deċedut, li kieku għex, kien iħalli lil uliedu kapital ogħla sew mill-ammont imħallas mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, dan ma huwa sostnut minn ebda prova hu huwa nieqes minn kull preċiżjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma stabbilixxa ebda sors ta’ dħul alternattiv (pereżempju, dħul eventwali minn assigurazzjoni fuq il-ħajja li għalih kienu intitolati l-uffiċjal deċedut u martu) li jippermetti li jiġi determinat it-telf mid-dħul effettivament imġarrab mill-aventi kawża li tagħhom huwa r-rappreżentant legali.

79      Fis-sitt lok, la t-tieni u lanqas it-tielet motiv invokati fir-rikors — rispettivament, ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni anki mingħajr responsabbiltà għal att illegali u r-responsabbiltà skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal — ma kienu jinsabu fit-talba għal kumpens tal-25 ta’ Frar 2008. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ motivi ma jinkludu ebda element li jippermetti li d-dannu allegat jiġi kkwantifikat u ma huwa s-suġġett ta’ ebda talba fir-rikors. Għaldaqstant dawn il-motivi għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

80      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent ma pproduċa ebda mandat ta’ tuturi oħra ta’ ulied l-uffiċjal deċedut, li għandu d-dritt li jippreżenta azzjoni f’isem u fil-persuna ta’ dawn tal-aħħar. Għaldaqstant huwa ma għandux interess ġuridiku.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

81      Fl-ewwel lok għandhom jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà msemmija fil-punti 74 sa 77 ta’ din is-sentenza, li kollha kemm huma jikkonċernaw it-talbiet tar-rikorrent għall-ħlas tad-danni morali.

82      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sistema ta’ rimedji previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta rikors huwa strettament ta’ natura kumpensatorju, fis-sens li jikkomporta ebda talba għall-annullament ta’ att partikolari, iżda jikkonċerna esklużivament il-ħlas tad-dannu allegatament ikkawżat minn serje ta’ tort jew nuqqasijiet li, fin-nuqqas ta’ kull effett ġuridiku, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala atti li jikkawżaw preġudizzju, il-proċedura amministrattiva għandha imperattivament, taħt piena ta’ inammissibbiltà tar-rikors ulterjuri, tibda permezz ta’ talba mill-parti interessata li tistieden lill-Awtorità tal-Ħatra tħallas id-danni allegati u tkompli, jekk ikun il-każ, bil-preżentazzjoni ta’ lment dirett kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 1995, Saby vs Il‑Kummissjoni, T‑44/93, punt 31).

83      Barra minn hekk hija ġurisprudenza stabbilita li t-talbiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Unjoni għandhom ikollhom l-istess suġġett bħal dawk esposti fl-ilment u għandhom jinkludu biss kontestazzjonijiet ibbażati fuq l-istess kawża bħal dawk invokati fl-ilment, liema kontestazzjonijiet jistgħu, fil-fażi kontenzjuża, jiġu żviluppati permezz tat-tressieq ta’ motivi u argumenti li ma jinsabux neċessarjament fl-ilment iżda li jkunu marbutin strettament miegħu (ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 2002, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, C‑62/01 P, punt 34).

84      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku reċentement ikkunsidra li l-kunċett ta’ “kawża” kellu jiġi interpretat fis-sens wiesa’ (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punt 119). Għalkemm din l-orjentazzjoni tal-ġurisprudenza nbdiet mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward ta’ rikors għal annullament, dan ma jeskludix li tista’ tiġi applikata fir-rigward ta’ kumpens, bil-kundizzjoni li tiġi osservata n-natura speċifika ta’ dan l-aħħar kontenzjuż. Issa, fil-qasam strettament kumpensatorju, il-kunċett ta’ “kawża” ma huwiex iddefinit b’riferiment għal “kontestazzjonijiet” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti iżda għal “danni” invokati mill-uffiċjal ikkonċernat fit-talba tiegħu għal kumpens. Huma dawn id-danni li jiddeterminaw is-suġġett tal-kumpens mitlub mill-uffiċjal u, konsegwentement, is-suġġett tat-talba li fuqha għandha tiddeċiedi l-amministrazzjoni.

85      Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fit-tliet punti preċedenti jirriżulta li talbiet għal kumpens ibbażati fuq diversi danni huma ammissibbli quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss jekk, qabel kollox, ikunu ppreċeduti b’talba indirizzata lill-amministrazzjoni bl-istess suġġett u li ssemmi l-istess danni, imbagħad b’ilment ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni wara li din tkun iddeċidiet, espliċitament jew impliċitament, fuq din it-talba.

86      Dan ma jipprojbixxix lill-uffiċjal ikkonċernat milli jadatta l-ammont tal-pretensjonijiet li jinsabu fit-talba tiegħu lill-amministrazzjoni, b’mod partikolari jekk id-danni tiegħu jaggravaw ulterjorment jew jekk il-portata tad-danni tiegħu ma hijiex magħrufa jew tista’ tiġi evalwata biss wara li tiġi ppreżentata din it-talba (ara, f’dan is-sens, dwar il-possibbiltà li dannu jiġi kkwantifikat fl-istadju tar-rikors, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, punt 62), iżda bil-kundizzjoni li d-danni li għalihom huwa jitlob kumpens ikunu tniżżlu fl-imsemmija talba.

87      F’dan il-każ, għalkemm ir-rikorrent jipprova jikseb kumpens għal konsegwenzi dannużi mill-istess fatti bħal dawk imsemmija fit-talba tiegħu tal-25 ta’ Frar 2008, min-naħa l-oħra t-talbiet tiegħu għal kumpens huma bbażati fuq il-ħlas ta’ diversi danni morali li ġew ikkawżati lilu stess, lil ibnu deċedut kif ukoll lin-neputijiet tiegħu.

88      Issa, huwa paċifiku li, fit-talba għal kumpens li tinsab fl-ittra tiegħu tal-25 ta’ Frar 2008, ir-rikorrent talab biss il-ħlas ta’ danni materjali u mkien ma semma d-danni morali allegati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

89      Ċertament, sussegwentement, fl-ilment tiegħu, ir-rikorrent talab mhux biss il-kumpens ta’ danni materjali iżda wkoll dak ta’ danni morali, liema fatt ippermetta lill-amministrazzjoni tieħu pożizzjoni fuq dawn id-danni fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, qabel ma ġiet ippreżentata l-azzjoni. Madankollu, din il-parti tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment għandha tiġi analizzata bħala l-ewwel deċiżjoni mogħtija mill-amministrazzjoni fuq l-imsemmija danni. Issa, ir-rikorrent ma ppreżentax ilment, kif imissu għamel, kontra din l-aħħar deċiżjoni, u għaldaqstant ma osservax il-proċedura amministrattiva maqsuma f’żewġ partijiet li tikkundizzjona l-ammissibbiltà tat-talbiet għal kumpens ibbażati fuq dawn id-danni.

90      Fir-rigward tal-argument mislut mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni (224/87), żviluppat mir-rikorrent matul it-tieni seduta, dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, f’din is-sentenza, li uffiċjal kellu d-dritt jippreżenta talbiet għal kumpens għall-ewwel darba quddiem il-Qorti, dan huwa minħabba l-fatt li l-kontestazzjoni tal-legalità tal-att li jikkawża preġudizzju lill-parti kkonċernata, esposta fl-ilment, setgħet timplika talba għal kumpens tad-dannu kkawżat minn dan l-att. Issa, din il-kawża hija ta’ natura purament kumpensatorja u ma torbotx ruħha mal-kontestazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lir-rikorrent.

91      B’hekk, it-talbiet għal kumpens tad-danni morali f’din il-kawża jistgħu biss jiġu miċħuda bħala inammissibbli, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà oħra kontra dawn it-talbiet.

92      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni esposti fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li dawn huma marbuta mal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent, minħabba s-somom diġà mħallsa mill-Kummissjoni skont l-obbligi legali tagħha, tilifx kull interess ġuridiku, liema kwistjoni għandha tiġi analizzata sussegwentement fil-kuntest tal-eżami fuq il-mertu tal-ewwel motiv.

93      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fir-rigward tat-tieni u tat-tielet motivi tar-rikors, imsemmija fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ, fid-dawl tal-elementi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu sabiex jiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża u għal raġunijiet li jikkonċernaw l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li qabel kollox jiġi eżaminat jekk ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni tistax tirriżulta anki mingħajr tort minħabba att illegali, jew ukoll jekk din ir-responsabbiltà tistax tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-pretensjonijiet kumpensatorji tar-rikorrent ibbażati fuq dawn iż-żewġ motivi ma humiex fondati u li r-rikors għandu jiġi miċħud, ma jkunx neċessarju li jiġu eżaminati dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, punt 52; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2008 Ott et vs Il‑Kummissjoni, T‑250/06 P, punti 75 u 76; sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-14 ta’ Novembru 2006, Villa et vs Il-Parlament, F‑4/06, punt 21, u tal-20 ta’ Jannar 2009, Klein vs Il‑Kummissjoni, F‑32/08, punt 20).

94      Fir-raba’ u fl-aħħar lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li r-rikorrent ma għandux interess ġuridiku bħala rappreżentant legali tal-aventi kawża tal-uffiċjal deċedut, minħabba li naqas milli jikseb il-kunsens tat-tuturi l-oħra tagħhom, għandu jiġi osservat li r-rikorrent, mitlub permezz ta’ ittra tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta’ Ġunju 2010 sabiex jippreżenta dokument li jistabbilixxi li huwa kien qiegħed jaġixxi bil-kunsens tal-ko-tuturi tiegħu, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ġunju segwenti, ippreżenta l-mandat iffirmat minn dawn l-aħħar. B’hekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jinsab f’pożizzjoni li jikkonstata, b’applikazzjoni tal-Artikolu 36 tar-Regoli tal-proċedura, li r-rikorrent issodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 35(1)(b) tal-istess regolament. Għaldaqstant din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

95      Li kieku kellu jitqies li n-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ tali mandat fil-mument tal-preżentata tar-rikors ma jistax jiġi rregolarizzat fil-mori tal-kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar, fi kwalunkwe każ, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet il-fatt li entità li ma tiġġustifikax, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, il-locus standi tagħha ma kienx iċaħħadha neċessarjament mill-possibbiltà li jmur quddiem il-Qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ kumpannija ta’ korsijiet ta’ taħriġ li l-parteċipazzjoni tagħha għal sejħa għal offerti u l-validità tal-offerta tagħha kienu ġew aċċettati mill-Kummissjoni, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 1982, Groupement des Agences de voyages vs Il‑Kummissjoni, 135/81).

96      Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, fit-tweġiba tagħha għall-ilment tar-rikorrent, imkien ma sostniet li l-interess ġuridiku tiegħu kien suġġett għal qbil mal-ko-tuturi l-oħra tal-aventi kawża tal-uffiċjal deċedut, meta l-ilment kien jikkostitwixxi l-aħħar fażi proċedurali qabel ma titressaq azzjoni quddiem il-qrati.

III –  Fuq il-mertu

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqasijiet tal-Kummissjoni għall-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjal tagħha

1.      L-argumenti tal-partijiet

97      Skont ir-rikorrent, il-kundizzjoni sabiex tirriżulta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-illegalità tal-aġir ta’ din l-istituzzjoni hija sodisfatta. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet negliġenti fl-osservanza tal-obbligu ġenerali ta’ sigurtà li hija għandha bħala persuna li timpjega, liema obbligu jirriżulta direttament mid-dmir ta’ assistenza previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u li għandu portata speċifika fir-rigward tal-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz u tal-familja tagħhom.

98      Il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tipprovdi residenza sigura lill-uffiċjal deċedut u lill-familja tiegħu, liema obbligu huwa wisq iżjed imperattiv ġaladarba skont l-Artikolu 5(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal l-uffiċjal għandu jirrisjedi fir-residenza li l-istituzzjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu. In-negliġenza tal-Kummissjoni tintwera mill-fatt li kriminal mhux espert, li barra minn hekk kien taħt l-effett tal-alkoħol u ta’ stupefaċenti, daħal faċilment ġewwa d-dar okkupata mill-uffiċjal deċedut, mingħajr ma kisser serraturi u mingħajr ma ltaqa’ ma’ ebda ostakolu. Il-Kummissjoni ma żguratx ruħha li l-vireg tat-twieqi tal-kamra tal-pranzu kienu jikkostitwixxu ostakolu effikaċi. Issa, dawn ma kinux ta’ livell li jissodisfaw il-funzjoni tagħhom. Fir-rigward taċ-ċirkustanza li t-tieqa ta’ din il-kamra kienet mgħottija, din ma ġietx ikkonstatata u, fi kwalunkwe każ, ma tistax tintuża sabiex teżenta lill-Kummissjoni mir-responsabbiltà tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tinżamm responsabbli għan-nuqqas ta’ għassa ta’ bil-lejl meta l-ħalliel daħal id-dar. Għandu jingħad ukoll li miżuri saħansitra rħas u effikaċi bħall-inklużjoni ta’ sistema ta’ allarm u/jew buttuna anti-paniku ma tteħdux, meta dawn kienu ġew ippreżentati bħala miżuri ta’ sigurtà “standard” mill-awtur tat-tweġiba bil-miktub tas-6 ta’ Awwissu 2007.

99      Fir-rigward tal-kunsens mogħti mill-uffiċjal deċedut meta tqegħdet għad-dispożizzjoni r-residenza pproviżorja tiegħu, dan fl-ebda każ ma jista’ jeżenta lill-Kummissjoni mill-obbligi tagħha fil-qasam tas-sigurtà. Barra minn hekk ir-rikorrent ma għażilx din ir-residenza, mikrija mill-Kummissjoni qabel il-wasla tiegħu f’Rabat.

100    Ir-rikorrent jispeċifika li huwa ma jippretendix li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tiggarantixxi sigurtà assoluta lill-uffiċjal deċedut u lill-familja tiegħu iżda biss li l-miżuri minimi, effettivi u raġonevoli, li setgħu jikkostitwixxu protezzjoni konkreta għas-sigurtà ta’ ibnu u tal-familja tiegħu ma ttiħdux.

101    Il-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li uffiċjal — jew l-aventi kawża tiegħu — li jgawdi mill-benefiċċji previsti fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ validament jippreżenta azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra l-istituzzjoni kkonċernata biss jekk dawn is-servizzi jkunu insuffiċjenti sabiex jiġu kkumpensati d-danni subiti. Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata għall-benefiċċji l-oħra pprovduti bil-liġi, mogħtija, f’din il-kawża, lill-aventi kawża tal-uffiċjal deċedut. Issa, ir-rikorrent, li fuqu jistrieh l-oneru tal-prova, naqas milli juri li l-ammonti mħallsa mill-Kummissjoni f’din il-kawża ma humiex biżżejjed f’dan ir-rigward. Għaldaqstant il-Kummissjoni għandha dubji fir-rigward tal-interess ġuridiku tar-rikorrent, mill-inqas fir-rigward tad-danni morali allegati. Fir-rigward tad-dannu materjali, ir-rikorrent ma ħax inkunsiderazzjoni, fl-iffissar tal-kumpens mitlub minnu, benefiċċji taħt ir-Regolamenti tal-Persunal dovuti lill-aventi kawża tal-uffiċjal deċedut, meta l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq teskludi li azzjoni supplimentari għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tista’ twassal għal kumpens doppju tal-istess danni.

102    Il-Kummissjoni ma tikkontestax l-obbligu ġenerali tagħha bħala entità li tħaddem iżda tgħid lir-rikorrent li hija kienet adottat il-miżuri adegwati ta’ protezzjoni meħtieġa mis-sitwazzjoni, fejn b’hekk hija eskludiet il-fatt li setgħet kienet responsabbli. L-argumenti għad-difiża tal-Kummissjoni fuq dawn il-kwistjonijiet ġew esposti fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-unika persuna responsabbli għad-danni allegati mir-rikorrent huwa l-kriminal innifsu. Iben ir-rikorrent ukoll wettaq ċerti negliġenzi, li kkontribwixxew għat-twettiq tad-danni, b’mod partikolari billi ma pparteċipax, qabel it-tluq tiegħu għall-Marokk, fis-seduti ta’ informazzjoni dwar is-sigurtà organizzati mill-Kummissjoni għall-persuni mibgħuta f’delegazzjoni ta’ pajjiż terz, u billi ħalla t-tieqa tar-residenza tiegħu miftuħa matul il-lejl tal-qtil doppju.

103    Wara li ħa konjizzjoni, fl-uffiċċji tar-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tas-sunt tas-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, l-avukat tar-rikorrent enfasizza li dan id-dokument kien ta’ natura obbligatorja għall-Kummissjoni u li kien jippreċiża l-kundizzjonijiet li l-istituzzjoni nnifisha kienet iffissat għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Huwa sostna wkoll li filwaqt li kienet taf bir-riskji li kienu qed jgħaddu minnhom l-uffiċjali tagħha fil-Marokk, il-Kummissjoni ma kienet osservat ebda waħda mill-miżuri pprovduti minn dan id-dokument. Mingħajr dan in-nuqqas tal-Kummissjoni, il-qtil doppju ma kienx iseħħ. Barra minn hekk, li kieku l-miżuri ta’ sigurtà previsti fid-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà kienu ġew implementati, iben ir-rikorrent seta’ jitlob l-għajnuna u ma kienx imut minħabba l-feriti li kellu. Għalhekk huwa ġie mċaħħad minn possibbiltà li jissopravvivi. Ir-rabta kawżali bejn it-tort tal-Kummissjoni u d-danni hija kjarament stabbilita. Ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni ma hijiex attenwata minħabba xi tort tal-uffiċjal maqtul.

104    Il-Kummissjoni wieġbet li d-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà ma kienx applikabbli għar-residenzi provviżorji, bħal dak imqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ iben ir-rikorrent, u li fi kwalunkwe każ, id-dokument kien jipprovdi biss rakkomandazzjonijiet u mhux miżuri ta’ natura obbligatorja. Għaldaqstant f’dan il-każ l-amministrazzjoni kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li tagħha hija ma kisritx manifestament il-limiti, billi l-miżuri ta’ protezzjoni implementati f’dan il-każ kienu suffiċjenti u raġonevoli.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

a)     Fuq l-oġġezzjoni magħmula mill-Kummissjoni, ibbażata fuq il-fatt li d-danni allegati diġà ġew kollha kemm huma kkumpensati

105    Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent jissodisfax il-kundizzjoni li jiġġustifika dannu li jista’ jiġi kkumpensat, li mingħajrha l-azzjoni tiegħu għal kumpens tiġi miċħuda. Fil-fatt il-Kummissjoni ssostni li d-danni allegati mir-rikorrent ġew kollha kemm huma kkumpensati bil-benefiċċji statutorji mħallsa lill-aventi kawża tal-uffiċjal deċedut. Waħda mill-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà tal-Unjoni, jiġifieri l-prova tal-eżistenza ta’ dannu morali mhux ikkumpensat, għaldaqstant hija nieqsa, b’tali mod li r-rikors għandu jiġi prima facie miċħud, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi analizzat jekk il-Kummissjoni wettqitx tort. Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-benefiċċji statutorji, f’forma ta’ somma f’daqqa, huma totalment insuffiċjenti sabiex jiżguraw il-kumpens adegwat tad-danni materjali u morali kunsiderevoli mġarrba f’din il-kawża, mingħajr preċedent fl-istorja tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Abbażi tal-ġurisprudenza jirriżulta kumpens supplimentari fid-dawl tan-natura eċċezzjonali taċ-ċirkustanzi tal-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni, 169/83 u 136/84).

106    F’dan ir-rigward, ġie deċiż li minħabba l-benefiċċji fil-forma ta’ somma f’daqqa previsti mir-Regolamenti tal-Persunal favur l-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut huma għandhom dritt jitolbu kumpens supplimentari lill-istituzzjoni meta din tal-aħħar tista’ tinżamm responsabbli għall-mewt tal-uffiċjal u meta l-benefiċċji statutorji ma humiex biżżejjed sabiex jiżguraw il-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Leussink vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, punti 22 u 23).

107    Hija prinċipalment il-parti li tqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà tal-Unjoni li għandha tipproduċi provi konklużivi dwar l-eżistenza jew il-portata tad-dannu li hija tinvoka u li tistabbilixxi r-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Mejju 1976, Roquette frères vs Il‑Kummissjoni, 26/74, punti 22 u 23, u tas-7 ta’ Mejju 1998, Somaco vs Il‑Kummissjoni, C‑401/96 P, punt 71).

108    Ċertament, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq in-natura suffiċjenti tal-kumpens ipprovdut mill-benefiċċji statutorji jidher li qed jiġi ppreżentat bħala eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, fejn il-Kummissjoni tidher li qed tqis li r-rikorrent spiċċa mingħajr interess ġuridiku. B’hekk jista’ jiġi kkunsidrat, skont ġurisprudenza stabbilita, li hija l-parti konvenuta li tqajjem in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent li għandha tistabbilixxi li r-rikors jikkuntrasta ma’ tali ostakolu ta’ ammissibbiltà.

109    Madankollu, tali interpretazzjoni tal-argument tal-Kummissjoni ma tistax tiġi milqugħa. It-teżi tal-Kummissjoni fil-fatt tikkonsisti f’li tenfasizza li r-rikorrent ma jissodisfax waħda mill-kundizzjonijiet bażiċi li għalihom hija suġġetta l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri l-prova ta’ dannu li jista’ jiġi kkumpensat. Issa, peress li huwa r-rikorrent li għandu jistabbilixxi l-eżistenza u l-portata tad-danni li għalihom huwa jitlob kumpens, huwa hu li għandu jipproduċi l-prova li d-danni li jinvoka ma ġewx kompletament ikkumpensati bil-benefiċċji statutorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

110    F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li r-rikorrent ipprovda biżżejjed elementi f’dan is-sens.

111    Qabel kollox, l-ipoteżi li fuqha r-rikorrent ibbaża l-istima tal-ammont mitlub bħala dannu materjali, li tikkostitwixxi evalwazzjoni, mill-inqas approssimattiva, tat-telf finanzjarju mġarrab mill-aventi kawża tal-uffiċjal deċedut, jiġifieri li huwa seta’ jsegwi l-okkupazzjoni tiegħu sal-età ta’ rtirar, tidher plawżibbli u raġonevoli, anki jekk huwa minnu li l-perijodu meħud inkunsiderazzjoni huwa ta’ 26 sena. Għaldaqstant l-ammont ta’ EUR 2 552 837.96 imsemmi fir-rikors, li jikkorrispondi għall-ammont tar-remunerazzjonijiet li iben ir-rikorrent kien jirċievi li kieku baqa’ jaħdem sal-età ta’ rtirar, a priori ma huwiex eċċessiv. Barra dan, ir-rikorrent ma ppreżenta ebda talba għat-telf ta’ drittijiet għal pensjoni li t-tifel tiegħu seta’ kiseb matul l-istess perijodu, meta l-Qorti tal-Unjoni tammetti li dawn id-drittijiet jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ dannu materjali (ara, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01, punt 167, u tat-12 ta’ Lulju 2007, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01, punti 87 sa 90).

112    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-ammont hekk ikkalkolat jeċċedi l-ammont totali tal-benefiċċji taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li kienu u ser jitħallsu mill-Kummissjoni lill-aventi kawża tal-uffiċjal deċedut, anki fl-ipoteżi, ikkunsidrata mill-Kummissjoni fil-punt 54 tar-risposta, fejn l-imsemmija benefiċċji jitħallsu sa meta l-ulied orfni jilħqu l-età ta’ 26 sena (li f’din l-ipoteżi l-ammont huwa stmat għal EUR 2 478 375.47).

113    Fl-aħħar nett, is-somma ta’ EUR 2 552 837.96 proposta mir-rikorrent ġiet evalwata mill-ġdid għal ammont qrib EUR 4 miljun fit-tabella li kkomunika fl-ewwel seduta, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-promozzjonijiet fi grad li, fl-opinjoni tiegħu, ibnu kien jikseb. Ċertament, dawn il-promozzjonijiet, fin-natura tagħhom, huma ipotetiċi billi l-uffiċjali ma għandhomx dritt għal tali żviluppi fil-karriera. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tat lill-uffiċjal deċedut il-benefiċċju eċċezzjonali ta’ promozzjoni fi grad wara mewtu, meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-benefiċċji taħt ir-Regolamenti tal-Persunal imħallsa lill-aventi kawża tal-parti kkonċernata. Madankollu, jidher li huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-ammont imsemmi iktar ’il fuq ta’ EUR 2 552 837.96 għandu jagħti lok għal diversi żidiet, marbuta mill-inqas mal-iżviluppi fi skala li seta’ kiseb l-uffiċjal deċedut skont l-anzjanità ta’ servizz tiegħu (għad-determinazzjoni iktar preċiża tal-ammont tad-danni materjali, ara l-punti 199 u 200 ta’ din is-sentenza).

114    Fid-dawl tal-elementi pprovduti mir-rikorrent, ma jistax jiġi eskluż, fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni tinżamm kompletament responsabbli għad-danni materjali kollha subiti, li l-benefiċċji statutorji mħallsa lill-persuni kkonċernati, kollha taħt l-età u orfni ta’ missier u ta’ omm, ma humiex biżżejjed biex jiżguraw il-kumpens sħiħ tad-danni materjali kunsiderevoli li huma ġarrbu. Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni waqt is-seduta, il-fatt li l-ammonti ta’ benefiċċji statutorji mħallsa ta’ kull xahar lill-aventi kawża tal-uffiċjal deċedut jeċċedu l-ammont tar-remunerazzjoni li l-uffiċjal irċieva f’Ġunju 2009 ma huwiex ta’ natura li jqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni. Fil-fatt, l-imsemmija remunerazzjoni setgħet titħallas lit-tifel tar-rikorrent, hekk kif intqal, sa meta huwa jilħaq l-età tal-pensjoni, jiġifieri fuq perijodu itwal minn dak previst għall-ħlas tal-benefiċċji taħt ir-Regolamenti tal-Persunal lill-aventi kawża tiegħu.

115    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma għandhiex raġun issostni li l-azzjoni għal kumpens tar-rikorrent jidher li prima facie għandha tiġi miċħuda, billi r-rikorrent stabbilixxa li d-danni allegati ma kinux ġew kompletament ikkumpensati mill-benefiċċji taħt ir-Regolamenti tal-Persunal diġà rikonoxxuti lill-aventi kawża ta’ ibnu.

b)     Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet tort fl-obbligu li tiżgura s-sigurtà tal-uffiċjal deċedut u tal-familja tiegħu

 Fuq il-kundizzjonijiet għall-konstatazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni

116    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Unjoni jirriżulta li kawża bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li minnha huwa dipendenti jew kien dipendenti, għal kumpens għal dannu, tipproċedi, meta ssib l-oriġini tagħha fir-rabta ta’ impjieg li torbot jew li kienet torbot lill-persuna kkonċernata lill-istituzzjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 236 KE u tal-Artikoli 90 sa 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u tinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 235 KE u 288 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 1975, Meyer-Burckhardt vs Il-Kummissjoni, 9/75, punt 7; tas-17 ta’ Frar 1977, Reinarz vs Il-Kummissjoni u Il‑Kunsill, 48/76, punt 10; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Ġunju 1987, Pomar vs Il‑Kummissjoni, 317/85, punt 7; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 1987, Schina vs Il‑Kummissjoni, 401/85, punt 9; digriet tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ġunju 2009, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑114/08 P, punti 12, 13 u 24; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta’ Mejju 2010, Nanopoulos vs Il-Kummissjoni, F‑30/08, punti 130 sa 133, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kawża T‑308/10 P). Din il-ġurisprudenza hija applikabbli għal kawża bejn l-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut jew ir-rappreżentant legali tagħhom u l-istituzzjoni li minnha dan l-uffiċjal kien dipendenti, fejn tali kawża toriġina mir-rabta ta’ impjieg bejn dan tal-aħħar u l-imsemmija istituzzjoni.

117    Ir-responsabbiltà ta’ istituzzjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 236 KE, tippreżumi li jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ tort amministrattiv jew ta’ illegalità mwettqa mill-istituzzjoni, ir-realtà ta’ dannu ċert u kwantifikabbli kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn it-tort u d-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 1990, Moritz vs Il‑Kummissjoni, T‑20/89, punt 19, tad-9 ta’ Frar 1994, Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑82/91, punt 72, u tal-21 ta’ Frar 1995, Moat vs Il‑Kummissjoni, T‑506/93, punt 46). Peress li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfati kumulattivament, il-fatt li waħda minnhom tkun nieqsa huwa biżżejjed sabiex jiġi miċħud rikors għal kumpens (sentenza Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

118    Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, li t-Tribunal għandu jeżamina fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, meta effettivament tinsab inkwistjoni mhux il-legalità ta’ aġir deċiżjonali iżda, bħal f’dan il-każ, in-natura ta’ żball ta’ aġir mhux deċiżjonali, il-Qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fost l-elementi rilevanti tal-każ li jkun tressaq quddiemha, is-setgħa diskrezzjonali li kellha l-amministrazzjoni fil-mument tal-fatti kontenzjużi.

119    Meta l-istituzzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari meta hija ma jkollhiex l-obbligu li tieħu azzjoni f’sens speċifiku skont il-kuntest ġuridiku applikabbli, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li l-ewwel kundizzjoni hija sodisfatta hija dik tal-ksur manifest u serju tal-limiti imposti fuq din is-setgħa diskrezzjonali. Meta ebda żball manifest ma jkun twettaq mill-amministrazzjoni, hija ma tista’ tiġi akkużata b’ebda illegalità u għalhekk ir-responsabbiltà tagħha hija eskluża. Pereżempju, il-ftuħ ta’ investigazzjoni li fi tmiemha l-uffiċjal ikkonċernat jiġi lliberat mill-mertu ma huwiex tali li jagħti lok għar-responsabbiltà ta’ istituzzjoni jekk id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-investigazzjoni tkun ibbażata fuq elementi suffiċjenti u rilevanti u, għalhekk, ma tkunx manifestament żbaljata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il-Kummissjoni, F‑23/05, punti 104, 105 u 167).

120    Min-naħa l-oħra, meta l-marġni diskrezzjonali tal-amministrazzjoni titnaqqas b’mod kunsiderevoli, jew tkun saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tali li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-istituzzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, punt 44). B’hekk, meta l-amministrazzjoni għandha tadotta aġir speċifiku, li huwa ddettat lilha mil-liġijiet fis-seħħ, mill-osservanza tal-prinċipji ġenerali jew mir-rispett tad-drittijiet fundamentali, jew ukoll mir-regoli li hija imponiet fuqha nnifisha, sempliċi nuqqas fil-konfront ta’ tali obbligu jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-istituzzjoni kkonċernata.

121    B’hekk il-qorti tal-Unjoni setgħet tikkonstata li kienet tirriżulta responsabbli istituzzjoni li naqset mid-diliġenza meħtieġa bħala persuna li timpjega fir-rigward tal-kontroll, tal-manutenzjoni u tal-użu tal-karozza tax-xogħol li fiha jiċċirkola uffiċjal fil-mument ta’ inċident (sentenza Leussink vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 15 sa 17), istituzzjoni li ma tkunx avżat lil uffiċjal dwar l-eżistenza ta’ marda kkonstatata fil-fajl tiegħu, meta kellha l-obbligu li tavża lill-persuna kkonċernata kontra aġir perikoluż għal saħħtu (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Diċembru 1997, Gill vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34), istituzzjoni li s-servizz mediku tagħha ma kienx informa lil uffiċjal dwar il-fatturi ta’ riskju li jistgħu jagħtu lok għal marda (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Settembru 1991, Nijman vs Il‑Kummissjoni, T‑36/89, punt 37) jew istituzzjoni li ma kinitx iddeċidiet f’terminu raġonevoli dwar talba għar-rikonoxximent tal-oriġini professjonali ta’ marda (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il-Kummissjoni, T‑394/03, punti 161 u 167).

122    Għalkemm il-Kummissjoni ssostni, billi tirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑48/05, punti 95 sa 97) u tal-10 ta’ Diċembru 2008, Nardone vs Il‑Kummissjoni (T‑57/99, punt 162), li l-ewwel kundizzjoni sabiex ikun hemm responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-amministrazzjoni tippreżumi fil-każijiet kollha li jiġi kkonstatat ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi, hija ġurisprudenza stabbilita li tali kundizzjoni hija rilevanti għall-azzjonijiet għal kumpens ippreżentati minn individwi abbażi tal-Artikolu 288 KE iżda ma hijiex applikabbli għall-azzjonijiet għal kumpens li għandhom ħala oriġini r-rabta ta’ impjieg bejn uffiċjal u l-istituzzjoni tiegħu. B’mod partikolari, fis-sentenzi msemmija fil-punt preċedenti, il-Qorti tal-Unjoni ddeduċiet l-eżistenza ta’ tort tal-amministrazzjoni permezz tas-sempliċi konstatazzjoni li twettaq att illegali, mingħajr ma stabbilixxiet ksur “suffiċjentement serju” u mingħajr ma vverifikat jekk ir-regola miksura setgħetx tiġi analizzata bħala regola li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi. Il-Qorti Ġenerali sedenti f’Awla ta’ Appell ikkonfermat fid-digriet Marcuccio vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq (punti 11, 12 u 13), mogħti wara s-sentenzi Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni u Nardone vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, li uffiċjal, minħabba r-rabta ta’ impjieg li għandu mal-Unjoni, ma jistax jiġi ttrattat bħala individwu u l-kundizzjonijiet sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà taħt l-Artikolu 236 KE huma differenti minn dawk tal-Artikolu 288 KE. Li kieku t-teżi tal-Kummissjoni kellha tiġi milqugħa, l-azzjonijiet għal responsabbiltà ppreżentati mill-uffiċjali kontra l-amministrazzjoni bħala prinċipju jkunu suġġetti għal klassifikazzjoni bħala tort kbir jew sostanzjali, meta r-rekwiżit ta’ tort kbir jagħmel sens biss fl-oqsma fejn l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

123    Għandu jiġi osservat li, permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Petrilli (T‑143/09 P, put 6), mogħtija wara t-tieni seduta ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kjarament ċaħdet it-teżi tal-Kummissjoni u rreferiet għas-sentenza Nardone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. B’hekk hija ddeċidiet li, bil-kontra ta’ dak li kien ġie kkunsidrat f’din is-sentenza, il-kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 236 KE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż dak intiż għall-kumpens ta’ dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, jissodisfa r-regoli partikolari u speċjali b’kuntrast ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il-Kummissjoni, T‑187/01, punt 74, u tal-14 ta’ Ottubru 2004, Polinsky vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑1/02, punt 47). Fil-fatt, b’mod partikolari mir-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li b’differenza ta’ kull individwu ieħor, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni li minnha jiddependi permezz ta’ relazzjoni ġuridika ta’ impjieg li tikkomporta ekwilibriju ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi speċifiċi, li hija riflessa bid-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, C‑298/93 P, punt 38). Dan l-ekwilibriju huwa essenzjalment intiż sabiex jippreżerva r-relazzjoni ta’ kunfidenza li għandha teżisti bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom sabiex jiġi ggarantit liċ-ċittadini t-twettiq korrett tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali li għandhom l-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, punti 44 sa 47). B’hekk, meta taġixxi bħala persuna li timpjega, l-Unjoni hija suġġetta għal responsabbiltà miżjuda, li timmanifesta ruħha permezz tal-obbligu li jiġu kkumpensati d-danni kkawżati lill-persunal tagħha minn kull illegalità mwettqa fil-kapaċità tagħha bħala persuna li timpjega.

124    Fi kwalunkwe każ, li kieku kellu jitqies li l-interpretazzjoni tal-ewwel kundizzjoni għall-konstatazzjoni tar-responsabbiltà sostnuta mill-Kummissjoni hija korretta, ikollu jiġi kkonstatat li r-regola eventwalment miksura f’din il-kawża, jiġifieri l-obbligu għall-Kummissjoni li tiżgura s-sigurtà tal-persunal tagħha, hija regola li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi, fis-sens tal-ġurisprudenza skont l-Artikolu 288 KE (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-obbligu, li jirriżulta mid-dmir ta’ premura, li jiġi żgurat ambjent ta’ xogħol f’saħħtu, is-sentenza Nardone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq). Il-kwistjoni dwar jekk il-ksur eventwali ta’ din ir-regola huwiex suffiċjentement serju jew le għandha tiġi eżaminata iktar ’il quddiem.

125    Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni wettqitx tort jew jekk dan it-tort huwiex ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha, qabel kollox għandu jiġi eżaminat liema kienet il-marġni ta’ diskrezzjoni li kellha f’dan il-każ il-Kummissjoni sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjal deċedut u tal-familja tiegħu.

 Fuq il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex tiżgura s-sigurtà tal-uffiċjali tagħha assenjati ma’ delegazzjoni f’pajjiż terz

126    Fir-rigward tas-sigurtà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tagħha, ma jistax jiġi kkontestat il-fatt li l-Kummissjoni, bħal kull persuna pubblika jew privata li timpjega, għandha obbligu ġuridiku. Dan il-persunal jista’ fil-fatt jinvoka dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa tiegħu, is-sigurtà tiegħu u d-dinjità tiegħu, bħal ma jfakkar wara kollox l-Artikolu 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għal din is-sempliċi raġuni, it-teżi li tgħid li l-Kummissjoni f’dan il-qasam għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, liema riferiment jintuża fl-oqsma fejn l-amministrazzjoni tista’ liberament tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ azzjoni tagħha mingħajr ma jkollha tiżgura l-garanzija ta’ dritt, hija eskluża. Barra minn hekk, kemm mit-testi ġenerali applikabbli kif ukoll mill-qasam tal-ġurisprudenza li l-obbligu għall-Kummissjoni, fil-kapaċità tagħha bħala prinċipal, li tiżgura s-sigurtà tal-persunal tagħha jirriżulta b’rigorożità partikolari u li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-amministrazzjoni f’dan il-qasam hija, minkejja li mhux ineżistenti, ridotta.

127    Minn naħa, fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-testi ġenerali rilevanti fil-qasam, l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tipprovdi li l-uffiċjali f’impjieg għandhom jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tax-xogħol li josservaw ir-regoli ta’ saħħa u ta’ sigurtà xierqa, mill-inqas ekwivalenti għall-preskrizzjonijiet minimi applikabbli skont il-miżuri deċiżi f’dawn l-oqsma b’applikazzjoni tat-Trattati (ara, fir-rigward ta’ dan l-artikolu, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il‑Parlament, F‑65/07, punt 116). Issa, minn numru ta’ direttivi Ewropej, b’mod partikolari mid-Direttiva 89/391 jirriżulta li l-persuna li timpjega għandha l-obbligu li tiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-persunal tagħha fl-aspetti kollha marbuta max-xogħol. Il-kontenut tal-obbligu li jiġi żgurat lill-ħaddiema ambjent tax-xogħol mingħajr perikolu huwa speċifikat fl-Artikoli 6 sa 12 tad-Direttiva 89/391, kif ukoll minn diversi direttivi oħra li jipprovdu l-miżuri ta’ prevenzjoni li għandhom jiġu adottati f’ċerti setturi speċifiċi. Fil-missjoni tagħha ta’ gwardjana tat-Trattati, il-Kummissjoni hija barra minn hekk marbuta ma’ interpretazzjoni stretta tal-obbligi ffissati għall-prinċipali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑127/05). Barra minn hekk, l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni tal-26 ta’ April 2006 tikkonferma li din l-istituzzjoni siltet il-konsegwenzi imposti mill-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, billi ispirat ruħha għar-regoli applikabbli fl-Istati Membri skont id-Direttiva 89/391.

128    Barra minn hekk, hekk kif sostna ġustament ir-rikorrent, l-obbligu ta’ protezzjoni tal-persunal tagħha huwa, għall-Kummissjoni, prinċipju sottostanti fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u għandu portata speċifika għall-uffiċjali f’servizz fil-pajjiżi terzi, fejn, skont l-Artikolu 5(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom l-obbligu li jirrisjedu f’residenza mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mill-istituzzjoni. L-Artikolu 5(2) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi f’dan ir-rigward li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tiddetermina l-intitolament għall-għamara u tagħmir ieħor tar-residenzi, skont il-kundizzjonijiet li japplikaw f’kull post ta’ impjieg. Għaldaqstant dawn ir-residenzi huma suġġetti għal qafas leġiżlattiv speċifiku u ma jistgħux, b’mod partikolari fil-postijiet ta’ assenjazzjoni fejn jeżisti riskju partikolari għas-sigurtà tal-uffiċjali, jitqiesu ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni. L-obbligu ta’ protezzjoni jestendi ruħu, barra minn hekk, għall-membri tal-familja tal-uffiċjal residenti miegħu fil-pajjiż terz ikkonċernat, kif inhu attestat bil-fatt li l-konjuġi għandhom ukoll jipparteċipaw f’ċerti laqgħat ta’ informazzjoni fuq il-kwistjonijiet ta’ sigurtà fil-kuntest taċ-ċikli ta’ laqgħat ta’ “pre-posting”.

129    Min-naħa l-oħra, meta hija ntalbet tirrikonoxxi li r-responsabbiltà ta’ istituzzjoni rriżultat minħabba nuqqas fl-obbligu tagħha li tiżgura s-sigurtà tal-persuna tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma qisitx li l-amministrazzjoni f’dan ir-rigward kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u lanqas li n-nuqqas ikkonstatat kellu jippreżenta natura partikolari ta’ serjetà. B’hekk istituzzjoni ġiet ikkundannata tbati l-konsegwenzi ta’ inċident li seħħ f’kamp tas-sajf li jilqa’ t-tfal tal-uffiċjali tagħha, talli naqset milli tipprovdi l-garanziji kuntrattwali adegwati u talli naqset milli tinforma l-partijiet ikkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 1982, Berti vs Il-Kummissjoni, 131/81, punti 23 u 24), jew sabiex tikkumpensa lil uffiċjal vittma ta’ inċident li kien qed jivvjaġġa fuq vettura tax-xogħol miżmuma ħażin, li kienet qed tinsaq minn uffiċjal ieħor tal-istituzzjoni (sentenza Leussink vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 15 sa 17). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li dan l-obbligu ta’ sigurtà kien japplika wkoll fir-rigward ta’ persuna b’sengħa fil-kostruzzjoni, li la kienet uffiċjal u lanqas membru tal-persunal tal-istituzzjoni, li sfat vittma ta’ waqgħa minn binja tal-istituzzjoni li fuqha kienet qed taħdem (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 1990, Grifoni vs Il‑KEEA, C‑308/87, punti 13 u 14).

130    Madankollu, tkun liema tkun il-portata, dan l-obbligu li tiġi żgurata s-sigurtà tal-persunal tagħha ma jistax ikun tali li l-istituzzjoni kkonċernata tiġi mgħobbija b’obbligu assolut ta’ riżultat. B’mod partikolari ma jistgħux jiġu esklużi limitazzjonijiet ta’ natura baġitarja, amministrattiva jew teknika li tiffaċċja l-amministrazzjoni, li xi minn daqqiet irendu diffiċli jekk mhux saħansitra impossibbli l-implementazzjoni f’terminu qasir ta’ żmien ta’ miżuri li wara kollox huma urġenti u neċessarji, minkejja l-passi meħuda mill-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, dan l-obbligu ta’ sigurtà jsir delikat meta l-uffiċjal ikkonċernat, b’differenza ta’ ħaddiem li jokkupa post fiss f’post speċifiku, jispiċċa, bħal ma kien iben ir-rikorrent, jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’pajjiż terz u jassumi funzjoni, paragunabbli għal funzjoni diplomatika, esposta għal riskji varji u inqas faċilment identifikabbli u li jistgħu jiġu solvuti.

131    F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li r-residenza ta’ tali uffiċjal, anki jekk titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu minħabba l-funzjonijiet tiegħu u tkun suġġetta għal miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi f’ċerti delegazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi, ma tistax tiġi kompletament ipparagunata ma’ post ta’ xogħol, fis-sens tad-Direttiva 89/391. Ir-residenzi tal-persunal tad-delegazzjonijiet tal-pajjiżi terzi barra minn hekk ma jissodisfawx id-definizzjoni tal-“postijiet tax-xogħol” u lanqas għas-“siti tal-Kummissjoni”, kif jissemmew, b’mod restrittiv, fid-Deċiżjoni tas-26 ta’ April 2006. Barra minn hekk, id-Direttiva 89/391 tipprovdi, fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 5 tagħha li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprovdu l-esklużjoni jew it-tnaqqis tar-responsabbiltà tal-prinċipali għal fatt dovuti għal ċirkustanzi li ma jikkonċernawhomx, li huma anormali u imprevedibbli, jew għal avvenimenti eċċezzjonali, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja kull diliġenza applikata. Tali limitazzjoni ta’ responsabbiltà, prevista mid-Direttiva 89/391 għall-prinċipali fl-Istati Membri, tista’ għaldaqstant tiġi aċċettata għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kapaċità tagħhom ta’ prinċipali, fil-kuntest tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

132    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-kundizzjonijiet ta’ ħajja u ta’ xogħol ta’ uffiċjal assenjat f’delegazzjoni ta’ pajjiż terz, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis, fid-dawl tar-regoli prinċipali li jinsabu fid-Direttiva 89/391, li l-obbligu ta’ sigurtà li għandha l-Kummissjoni f’tali kuntest jimplika, qabel kollox, li l-istituzzjoni għandha tevalwa r-riskji li għalihom il-persunal tagħha huwa espost u jidħol f’kuntest tal-applikazzjoni ta’ prevenzjoni integrata għal-livelli kollha tas-servizz, sussegwentement, li tinforma lill-persunal ikkonċernat dwar ir-riskji li setgħu ġew identifikati u tiżgura li l-persunal ikun irċieva korrettament l-istruzzjonijiet xierqa dwar ir-riskji għas-sigurtà tiegħu, u finalment, li hija tadotta l-miżuri ta’ protezzjoni adattati u tapplika l-organizzazzjoni u l-mezzi li hija tiqis li huma neċessarji.

133    F’dan il-każ, ir-rikorrent jiffoka l-kritika tiegħu fuq it-tielet parti, dwar il-miżuri ta’ protezzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tapplika. Huwa ma jinvoka ebda nuqqas mill-Kummissjoni tal-obbligi tagħha ta’ evalwazzjoni preventiva tar-riskju u ta’ informazzjoni ta’ ibnu.

134    Madankollu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li huwa neċessarju li jiġi enfasizzat, qabel ma tiġi eżaminata n-natura tal-miżuri li għandhom jiġu implementati mill-Kummissjoni, li l-istituzzjoni definittivament ma kisritx l-obbligu tagħha li tevalwa b’mod preventiv ir-riskji li għalihom huma esposti l-uffiċjali tagħha assenjati fid-delegazzjoni ta’ Rabat.

135    Fil-fatt, minn naħa, għall-persunal tagħha assenjat f’Rabat fi żmien il-fatti kontenzjużi, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni preventiva tar-riskji li għalihom huwa kien espost. Mill-istruzzjonijiet ta’ sigurtà li jingħataw lill-uffiċjali qabel ma jassumu l-funzjonijiet tagħhom fid-delegazzjoni, fil-kuntest tal-programm imsejjaħ “pre-posting”, jirriżulta li r-riskji meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-Marokk kienu dawk li għalihom huma esposti persuni li l-livell ta’ ħajja tagħhom huwa relattivament għoli matul is-soġġorn tagħhom, jiġifieri riskji ta’ aggressjoni f’ċerti postijiet jew f’ċerti ħinijiet, ta’ serq. Min-naħa l-oħra, f’Jannar 2006, numru ta’ xhur qabel il-qtil doppju, il-livell ta’ riskju relatat mad-delegazzjoni ta’ Rabat u mar-residenzi tal-persunal kien ġie mgħolli għal-livell li jaqa’ taħt il-“grupp III”, l-ogħla livell ta’ riskju għad-delegazzjonijiet fil-pajjiżi terzi, liema fatt kien jimplika b’mod partikolari l-għassa permanenti tar-residenzi tal-persunal espatrijat minn kumpannija speċjalizzata. Għalkemm qabel l-2006 il-Marokk ma kienx ġie kklassifikat bħala pajjiż fejn ir-riskji ta’ attentat kontra l-membri tal-korp diplomatiku kienu partikolarment għoljin, fejn ebda aggressjoni kontra dawn il-membri ma kienet ġiet preċedentement irrapportata (bl-eċċezzjoni tal-każ li fih kienu vittmi d-diplomatiċi kkonċernati fl-attentat kontra r-Re fi Skhirat fl-1971), il-Kummissjoni qieset li theddida terroristika li tolqot b’mod iktar dirett lill-Unjoni Ewropea setgħet teżisti f’numru ta’ pajjiżi, fosthom il-Marokk, li kienet tiġġustifika t-tranżizzjoni ta’ livell ta’ riskju mill-grupp II għall-grupp III. Barra minn hekk, f’nota lill-kapijiet ta’ delegazzjoni tas-6 ta’ Frar 2006, id-direttur tad-Direttorat “Servizz estern” tad-DĠ “Relazzjonijiet esterni” kien fakkar, f’dan il-kuntest, numru ta’ rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari, l-għarfien tal-persunal ta’ għassa għal “viġilanza u sorveljanza aħjar tal-uffiċċji, u [r]esidenzi” u l-importanza li “jiġu osservati skrupolożament ir-rakkomandazzjonijiet u l-proċeduri kuntrattwali”.

136    Għaldaqstant il-Kummissjoni assolutament ma kinitx issottovalutat ir-riskji għall-uffiċjali tagħha assenjati fid-delegazzjoni ta’ Rabat.

 Fuq l-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi tort fl-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni adattati

137    Fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni adottati f’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wasal għall-konklużjoni, abbażi ta’ informazzjoni miksuba wara miżuri istruttorji, li l-Kummissjoni naqset mill-obbligi tagħha.

138     Inizjalment, seta’ ġie kkunsidrat, fid-dawl tas-sempliċi informazzjoni li kellu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel l-ewwel seduta, li l-miżuri ta’ protezzjoni ta’ residenza okkupata mill-uffiċjal deċedut u l-familja tiegħu kienu xierqa. Fil-fatt, din ir-residenza kienet tinsab f’żona residenzjali kalma, li fiha kienu jgħixu uffiċjali tal-Istat Marokkin b’karigi għoljin kif ukoll espatrijati u diplomatiċi. Din ma kinitx żona iżolata iżda kienet tinsab fi struttura ta’ binjiet, imdawwra b’ċint ta’ għoli ta’ żewġ metri. Id-daħla għall-istruttura ta’ binjiet kienet bħala prinċipju ssorveljata minn għassies li l-postazzjoni kienet tinsab quddiem id-dar okkupata mill-uffiċjal deċedut u l-familja tiegħu, madwar għaxar metri mill-entrata prinċipali tagħha. Għaldaqstant id-dar kienet tgawdi minn waħda mill-miżuri ta’ protezzjoni kkunsidrati li huma “supplementari” mill-awtur tar-risposta bil-miktub tas-6 ta’ Awwissu 2007. Barra minn hekk, id-dar dehret li kienet mgħammra b’dispożittivi għall-prevenzjoni tar-riskji normalment prevedibbli ta’ intrużjoni: il-bibien kollha ta’ aċċess kienu mgħammra b’serraturi ta’ type “Yale” li kienu ġew mibdula mis-servizzi tad-delegazzjoni qabel il-wasla tal-uffiċjal deċedut fil-post u l-ħruġ kollha mid-dar (ħlief fil-każ tal-bieb tal-entrata prinċipali u tal-bieb tat-terrazzin li kien jinsab fl-ewwel sular) kienu protetti b’vireg tal-ħadid.

139    Madankollu, waqt is-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2009, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sar jaf, għall-ewwel darba, dwar ċerta informazzjoni li tikkonċerna l-miżuri ta’ sigurtà applikabbli għall-persunal tad-delegazzjonijiet tal-pajjiżi terzi, u b’mod partikolari tal-fatt li fl-2006 il-Marokk kien ikkunsidrat bħala pajjiż b’riskju għoli għall-persunal tad-delegazzjoni.

140    Sabiex jiddetermina liema kienu n-natura u l-portata ta’ dawn il-miżuri, u sabiex b’hekk ikun jista’ jwieġeb l-argumenti tar-rikorrent, li kien isostni li l-Kummissjoni ma kinitx implementat, fir-residenza provviżorja jew twettaq il-qtil, il-miżuri ta’ protezzjoni li hija stess kienet qieset neċessarji għar-residenzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-persunal tagħha assenjat f’Rabat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku adotta tliet digrieti, li permezz tagħhom ġie ordnat lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi d-dokumenti rilevanti għall-finijiet ta’ din l-analiżi.

141    Għandu jiġi psservat li, qabel ma ordna dawn il-miżuri istruttorji, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien qies li r-rikorrent kien allega bi preċiżjoni u bi probabbiltà suffiċjenti li miżuri ta’ protezzjoni kellhom jiġu osservati fir-residenzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-persunal tad-delegazzjonijiet, b’mod partikolari bir-riferimenti tiegħu għat-tweġiba bil-miktub tas-6 ta’ Awwissu 2007. Barra minn hekk, id-dokumenti li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku xtaq li jiġu kkomunikati lilu setgħu ma jikkostitwixxux provi iżda elementi mill-kuntest ġuridiku tal-kawża. Issa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jiddeċiedi dwar l-osservanza jew le mill-Kummissjoni tal-obbligi tagħha ta’ sigurtà mingħajr ma tkun taf in-natura u l-portata ta’ dawn l-obbligi, li jirriżultaw mill-kuntest ġuridiku applikabbli għall-kawża.

142    Fost id-dokumenti kkomunikati mill-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qieset li s-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà kellhom speċjalment jittieħdu inkunsiderazzjoni u, sabiex tirrispetta n-natura kunfidenzjali ta’ dan id-dokument ikklassifikat “Restreint UE” stabbilixxa sunt ta’ dawn is-siltiet.

143    Madankollu l-Kummissjoni kkontestat li dawn l-hekk imsejħa siltiet jistgħu jiddaħħlu fil-fajl u li r-rikorrent ikollu aċċess għalihom. Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent sostna li din l-attitudni ta’ ostruzzjoni tal-Kummissjoni dehritlu inġustifikata u li kienet tattakka d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Huwa jsostni li s-sunt stabbilit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien jikkonċerna biss l-għan tas-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà iżda mhux il-kontenut innifsu ta’ dawn is-siltiet u li għaldaqstant ma kienx biżżejjed biex jiggarantixxi opportunitajiet indaqs fil-kawża. B’hekk talab sabiex ikollu aċċess għas-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà jew, fin-nuqqas ta’ dan, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni dawn is-siltet fl-analiżi tiegħu tal-kawża, b’deroga mill-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-proċedura tiegħu.

144    Għalhekk, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal aċċess tar-rikorrent għal dan id-dokument u, fl-ipoteżi fejn din it-talba tiġi miċħuda, li jiġi kkunsidrat skont liema kundizzjonijiet dan id-dokument jista’ jintuża mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

–       Fuq it-talba tar-rikorrent li jaċċedi għas-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà

145    Qabel kollox għandu jiġi osservat li d-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà huwa kklassifikat bħala “Restreint UE” u li, bħala prinċipju, dokument klassifikat huwa aċċessibbli biss għall-persuni li għandhom awtorizzazzjoni speċjali li jagħmlu dan, hekk kif tipprovdi espressament id-Deċiżjoni 2001/844. Għaldaqstant ir-rikorrent jista’ jaċċedi għal dan id-dokument biss jekk ikollu awtorizzazzjoni biex jagħmel dan, liema fatt ma jistax jiġi faċilment ikkontestat, billi r-rikorrent ma għandu ebda rabta professjonali mal-istituzzjonijiet. Huwa jista’ jaċċedi wkoll li kieku d-dokument kellu jkun formalment deklassifikat. Issa, meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-Kummissjoni eskludiet mill-ewwel li tista’ tiġi adottata deċiżjoni ta’ deklassifikazzjoni.

146    Li kieku t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jiddeċiedi, lil hinn minn kull proċedura ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ deklassifikazzjoni, li jikkomunika lir-rikorrent is-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, huwa jikser ir-regoli ta’ trattament imposti fir-rigward ta’ tali dokument. Tali deċiżjoni tagħmel ukoll ħsara lill-kunfidenza u l-lealtà li għandu jkun hemm fir-relazzjonijiet bejn il-qorti u l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi l-istituzzjoni kkomunikat dawn is-siltiet lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss għall-finijiet ta’ verifika mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tan-natura kunfidenzjali tagħhom. Huma biss kunsiderazzjonijiet imperattivi, ibbażati b’mod partikolari fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, li jistgħu jiġġustifikaw, b’mod eċċezzjonali, il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jdaħħal fil-fajl u jikkomunika lill-partijiet kollha dokument ikklassifikat mingħajr kunsens tal-amministrazzjoni. Issa, tali ċirkustanzi huma neqsin f’dan il-każ.

147    Sussegwentement, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, l-invokazzjoni mill-Kummissjoni tan-natura kunfidenzjali tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà ma għandha xejn ta’ abbużiv jew ta’ sproporzjonat. Il-protezzjoni ta’ din il-kunfidenzjalità hija meħtieġa fil-fatt sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-persunal tad-delegazzjonijiet fil-pajjiżi terzi u a fortiori ta’ min huwa assenjat f’delegazzjonijiet fil-livell ta’ riskju li jaqa’ taħt il-grupp III, fejn ir-riskju terroristiku huwa kkunsidrat speċjalment għoli, li huwa l-każ fil-Marokk sa mill-2006.

148    Għalkemm huwa minnu li l-għarfien tas-siltiet tad-dokument mill-avukat tar-rikorrent biss, fl-uffiċċji tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tista’ tkun miżura inqas restrittiva mir-rifjut ta’ aċċess, ġustifikat mill-garanziji madwar l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, b’mod partikolari ta’ natura dixxiplinari, tali miżura tkompli tippreżenta riskju ta’ tixrid ta’ data, li jista’ jqiegħed fil-perikolu s-sigurtà tal-persunal tad-delegazzjonijiet minkejja l-fatt li l-integrità tal-avukat ma titqiegħedtx inkwistjoni.

149    Fl-aħħar nett u fuq kollox, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li f’dan il-każ, id-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għar-rispett tal-opportunitajiet indaqs ma jirrikjedux li r-rikorrent jew l-avukat tiegħu jkunu jafu dwar il-kontenut innifsu tas-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà. Fil-fatt huwa possibbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jintużaw is-siltiet ta’ dan id-dokument skont il-kundizzjonijiet li fl-istess waqt jirrispettaw kemm id-drittijiet tar-rikorrent kif ukoll in-natura kunfidenzjali ta’ dan id-dokument.

–       Fuq l-użu mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà

150    Hekk kif jirriżulta mill-parti ta’ din is-sentenza ddedikata għall-proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li s-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà li ġew ikkomunikati lilu kienu rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża. Dawn is-siltiet fil-fatt jispeċifikaw liema miżuri ta’ sigurtà kienu kkunsidrati mill-Kummissjoni għar-residenzi tal-persunal tad-delegazzjonijiet fil-livell ta’ riskju li jaqa’ taħt il-grupp III, fosthom il-Marokk sa minn Jannar 2006. Sabiex jiġi kkonċiljat l-ippreżervar tan-natura kunfidenzjali ta’ dan id-dokument, il-prinċipju tan-natura kontradittorja tal-proċedura u d-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont il-proposta tal-Kummissjoni, stabbilixxa sunt tas-siltiet inkwistjoni (ara, b’analoġija, id-digriet, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq).

151    Ir-rikorrent isostni ġustament li dan is-sunt jirrifletti biss is-suġġett tas-siltiet rilevanti tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà u, inkwantu huwa ma jagħti ebda indikazzjoni tal-kontenut innifsu tal-miżuri ta’ sigurtà speċifikament imsemmija f’dawn is-siltiet, ma jippermettilux jinvoka d-drittijiet tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dan is-sunt, waħdu, la jista’ jiggarantixxi l-osservanza tal-ekwilibriju bejn l-interessi kontradittorji msemmija fil-punt preċedenti u lanqas ma jista’ jiggarantixxi l-opportunitajiet indaqs bejn il-partijiet (ara, b’analoġija, għal kawża li fiha l-komunikazzjoni lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u lir-rikorrent, taħt forma ta’ sunt, ta’ dokument kunfidenzjali hija meqjusa insuffiċjenti sabiex tiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża, sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Settembru 2010, Kadi vs Il-Kummissjoni, T‑85/09, punt 174, li hija s-suġġett ta’ appelli pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kawżi C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P).

152    F’tali kuntest, huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jsib l-ekwilibriju korrett bejn l-interessi kkonċernati, billi jivverifika b’mod partikolari jekk huwiex possibbli li wieħed jidderoga, f’dan il-każ, mill-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-proċedura, li jipprovdi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jieħu inkunsiderazzjoni biss id-dokument u l-atti li r-rappreżentanti tal-partijiet setgħu jinformaw ruħhom dwarhom u li dwarhom huma setgħu jesprimu ruħhom.

153    Hekk kif ġie deċiż mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt għal smigħ kontradittorju sħiħ jista’ jiġi ristrett sa fejn ikun strettament neċessarju għas-salvagwardja ta’ interess pubbliku importanti, bħas-sigurtà nazzjonali, il-ħtieġa li jinżammu sigrieti ċerti metodi tal-pulizija li jikkonċernaw l-investigazzjoni ta’ ksur jew il-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali ta’ terzi. Madankollu, sabiex jiġi ggarantit smigħ xieraq lill-akkużat, id-diffikultajiet kollha kkawżati mil-limitazzjoni tad-drittijiet tal-parti kkonċernata għandhom ikunu kkumpensati suffiċjentement mill-proċedura segwita quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza A. et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-punti 205 sa 208, u l-ġurisprudenza ċċitata).

154    Ċertament, din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija applikabbli f’materji kriminali, bħal ma osservat ġustament il-Kummissjoni, u ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża, li ma tikkonċernax materji kriminali u, barra minn hekk, ma tqajjimx il-problema tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent iżda dawk tad-dritt ta’ dan tal-aħħar għal rimedju effettiv. Madankollu, hija tagħti indikazzjonijiet li l-Qorti tal-Unjoni tista’ tispira ruħha minnhom fit-tmexxija tas-smigħ quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Varec, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 sa 48).

155    Barra minn hekk, ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li l-qorti tista’, sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha, tagħmel użu mill-informazzjoni meħtieġa, inkluża l-informazzjoni kunfidenzjali, sabiex tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Varec, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 u 55).

156    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-protezzjoni tan-natura kunfidenzjali tas-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regolamenti u l-kriterji ta’ sigurtà timplika, f’din il-kawża, li r-rikorrent għandu aċċess għal dan id-dokument biss taħt forma ta’ sunt sommarju u, sussegwentement, li s-smigħ ma huwiex kompletament kontradittorju. Madankollu, id-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tista’ tiġi ggarantita biss, f’sitwazzjoni bħal din, jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, billi jidderoga mill-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-proċedura tiegħu, jibbaża ruħu fuq is-siltiet rilevanti ta’ dan id-dokument, sabiex ikun f’pożizzjoni li jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, minkejja l-fatt li dawn is-siltiet ikunu ġew ikkomunikati mill-Kummissjoni lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss bil-għan ta’ verifika mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tan-natura kunfidenzjali tad-dokument.

157    Barra minn hekk għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni, li, fl-osservazzjonijiet tagħha tas-26 ta’ Novembru 2010 dwar ir-rapport preparatorju tat-tieni seduta, kienet irrifjutat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jipproċedi b’dan il-mod, waqt it-tieni seduta hija ma kinitx ikkontestat il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jieħu inkunsiderazzjoni s-siltiet rilevanti tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, fl-ipoteżi fejn iqis li dan id-dokument jirregola s-sitwazzjoni tar-residenzi provviżorji tad-delegazzjonijiet.

–       Fuq l-applikabbiltà tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà għar-residenza provviżorja mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ iben ir-rikorrent u tal-familja tiegħu

158    Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, id-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji jsemmi biss is-sitwazzjoni tar-residenzi li l-istituzzjoni tikkwalifika bħala “definittivi”.

159    Qabel kollox, ebda waħda mis-siltiet ta’ dan id-dokument li għalihom kellu aċċess it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma tuża din il-kwalifika. Dawn is-siltiet jirreferu biss għar-“residenzi” tal-persunal tad-delegazzjonijiet (“staff houses”). It-testi jew dokumenti rilevanti l-oħra għall-analiżi tal-kawża lanqas ma jissostanzjaw l-eżistenza ta’ distinzjoni, fil-qasam tas-sigurtà, bejn residenzi definittivi u provviżorji. B’hekk l-Artikolu 18 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprovdi li, mal-wasla tiegħu fil-pajjiż terx, l-uffiċjal li huwa kostrett jirrisjedi fil-lukanda jew f’residenza provviżorja għandu dritt, wara li jkun ftiehem minn qabel mal-awtorità kompetenti, għal rimbors tal-ispejjeż reali għall-kiri ta’ tali residenza. Il-vade-mecum tad-DĠ “Relazzjonijiet esterni” lanqas ma jikkomporta dispożizzjoni dwar il-miżuri ta’ sigurtà applikabbli fir-residenzi provviżorji, u jillimita ruħu sabiex jispeċifika taħt liema kundizzjonijiet huma suġġetti r-responsabbiltà għall-ħlas tal-kera ta’ dawn ir-residenzi u l-ħlas tal-allowance ta’ kuljum lill-uffiċjal ikkonċernat. Fil-punt 15.3.3 ta’ dan il-vade-mecum, intitolat “Limiti”, huwa indikat biss li l-aspetti baġetarji u ta’ sigurtà jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-għażla tar-residenzi provviżorji u li l-perijodi ta’ residenza provviżorja għandhom jiġu kemm jista’ jkun possibbli limitati. B’hekk huwa kkunsidrat xieraq li, fi tmiem ta’ assenjazzjoni, it-tul ta’ residenza provviżorja ma għandux ikun iktar minn ġimgħa. Fid-dawl tal-inklużjoni ta’ dan il-punt f’kapitolu tal-vade-mecum iddedikat għall-aspetti baġitarji u amministrattivi tal-installazzjoni f’residenza provviżorja, ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni minn tali indikazzjoni dwar in-natura tal-miżuri ta’ sigurtà applikabbli għal tali residenza.

160    Sussegwentement, id-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà jinkludi, fil-paġna 142, li kienet tinsab fost is-siltiet tad-dokument trażmessi lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, is-sentenza li ġejja, riprodotta fis-sunt tad-dokument li ġie mgħarraf lill-avukat tar-rikorrent: “ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-imsemmi dokument huma rekwiżiti minimi ta’ sigurtà li għandhom jiġu sodisfatti fiċ-ċirkustanzi kollha, fejn ebda eċċezzjoni jew soluzzjoni alternattiva ma għandha tkun prevista mingħajr il-kunsens minn qabel tad-DĠ ‘Persunal u amministrazzjoni’‑ Direttorat ‘Sigurtà’”. Li kieku l-ispeċifikazzjoni li tgħid li r-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà għandhom jiġu sodisfatti “fiċ-ċirkustanzi kollha” kienet tikkomporta biss residenzi “definittivi”, hija titlef is-sens tagħha. L-awturi tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà għandhom għarfien tal-użu okkażjonali ta’ residenzi provviżorji fid-delegazzjonijiet u probabbilment jikkunsidraw is-sitwazzjoni partikolari ta’ dawn ir-residenzi li kieku kellhom l-intenzjoni li jeskluduhom mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dokument.

161    Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu, hekk kif sostniet il-Kummissjoni waqt it-tieni seduta, li r-residenzi provviżorji ma jistgħux, min-natura tagħhom stess, jipprovdu fil-każijiet kollha l-istess miżuri ta’ protezzjoni bħar-residenzi permanenti jew “definittivi”, din iċ-ċirkustanza ma tiġġustifikax il-fatt li d-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà ma japplikax għalihom. Fil-fatt, billi jipprovdi l-possibbiltà ta’ derogi għal dawn il-miżuri bil-ftehim minn qabel tad-dipartiment kompetenti, dan id-dokument jippermetti l-adattament tal-miżuri ta’ sigurtà għall-karatteristiċi tar-residenzi kkonċernati u li b’hekk tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura provviżorja tagħhom.

162    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà huwa effettivament rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk ir-residenza provviżorja li kienu jokkupaw iben ir-rikorrent u l-familja tiegħu kienet suġġetta għal miżuri ta’ sigurtà approprjati, fejn il-miżuri msemmija f’dan id-dokument għar-residenzi tal-persunal tad-delegazzjonijiet fil-livell ta’ riskju li jaqa’ taħt il-grupp III huma applikabbli “fiċ-ċirkustanzi kollha”.

163    Sussidjarjament, minkejja li effettivament huwa paċifiku li dan id-dokument ma kienx applikabbli għar-residenza inkwistjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ tali rakkomandazzjonijiet fir-rigward tar-residenzi definittivi sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ residenza provviżorja, aġixxietx bid-diliġenza neċessarja. Din l-analiżi sussidjarja għandha tiġi żviluppata iktar ’il quddiem.

–       Fuq il-portata ġuridika tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà

164    Hekk kif sostna ġustament ir-rikorrent fit-tieni seduta, dan id-dokument jikkostitwixxi direttiva interna li permezz tagħha l-Kummissjoni llimitat il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha fl-implementazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-persunal tagħha, u li tivvinkolaha sakemm hija ma temendahiex.

165    Minn naħa, il-miżuri msemmija f’dan id-dokument, minħabba l-għan tagħhom, il-kliem tagħhom, il-livell ta’ preċiżjoni tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u ta’ verifika tagħhom li għalihom huma suġġett, jidhru li huma miżuri restrittivi u ma jikkostitwixxux sempliċi rakkomandazzjonijiet neqsin minn portata ġuridika vinkolanti, ħlief sabiex l-obbligu ta’ sigurtà li għandha l-Kummissjoni ma jibqax effettiv. Għaldaqstant hija sostniet b’mod ineżatt, sal-ewwel seduta, li ebda test ta’ ebda natura ma kien jipprovdi l-miżuri ta’ sigurtà previsti għar-residenzi tal-persunal tad-delegazzjoni tal-Marokk u li kienet teżisti biss rakkomandazzjoni ġenerali ta’ protezzjoni tad-djar u tar-residenzi tax-xogħol mgħarrfa lill-kap ta’ delegazzjoni, u li kienet tinsab fil-vade-mecum tad-DĠ “Relazzjonijiet esterni”.

166    Min-naħa l-oħra, mill-proċess jirriżulta b’mod ċar li d-dipartimenti tad-delegazzjoni fil-Marokk ikkunsidraw li kellhom id-dmir, fl-2006, li jimplementaw dawn il-miżuri, b’iktar ħeffa tant li f’Jannar 2006 id-delegazzjoni kienet għaddiet mil-livell ta’ riskju li jaqa’ taħt il-grupp II għal dak li jaqa’ taħt il-grupp III, l-ogħla livell fl-iskala tar-riskji. Id-dipartimenti tad-delegazzjoni ta’ Rabat kienu barra minn hekk ġew suġġetti għal spezzjoni mid-dipartimenti kompetenti tad-DĠ “Relazzjonijiet esterni” f’Novembru 2005 u li kienet tikkonċerna l-“konformità tad-Delegazzjoni mar-‘Regoli u l-Kriterji’”, liema regoli u kriterji huma preċiżament dawn li jinsabu fid-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà. Minn nota tas-6 ta’ Ġunju 2006 tal-kap tad-delegazzjoni u mir-rapport tal-missjoni anness ma’ din in-nota, redatt mir-responsabbli reġjonali ta’ sigurtà wara l-ispezzjoni tiegħu mill-10 sat-13 ta’ Mejju 2006 f’Rabat, jirriżulta li “l-obbligu għal kull uffiċjal u membru tal-persunal bil-kuntratt li jkollu għad-dispożizzjoni […] servizz ta’ għassa erbgħa u għoxrin siegħa fuq erbgħa u għoxrin siegħa u sebat ijiem fuq sebgħa” kellu jiġi osservat fis-sħiħ, li kienu neċessarji xogħlijiet sabiex ir-residenzi jsiru siguri u nġibdet attenzjoni partikolari fuq l-installazzjoni rrakkomandata b’mod qawwi ta’ vireg mat-twieqi ta’ waħda mir-residenzi kif ukoll fuq l-obbligu li “r-residenzi” jiġu mgħammra b’sistema ta’ allarm u b’buttuna anti-paniku.

167    Anki li kieku kellu jitqies li tali miżuri ta’ sigurtà għandhom portata analoga għal dawk tad-direttivi interni li, skont il-ġurisprudenza, huma kkwalifikati bħala regoli ta’ tmexxija “indikattivi” li l-amministrazzjoni timponi fuqha stess, il-Kummissjoni ma sostnietx li kunsiderazzjonijiet ta’ interess ġenerali jew raġunijiet dovuti għall-interess tad-dipartiment kienu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri f’dan il-każ. Il-Kummissjoni allegat sempliċement, b’mod żbaljat, li l-miżuri msemmija fid-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà ma kinux applikabbli għar-residenzi provviżorji.

168    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni wettqitx tort fl-osservanza tal-obbligi ta’ sigurtà tagħha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri li l-Kummissjoni kienet tikkunsidra approprjati għal-livell ta’ riskju li kien jeżisti fil-Marokk fl-2006, hekk kif jirriżulta mid-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà.

–       Fuq l-eżistenza ta’ tort tal-Kummissjoni

169    Mill-atti tal-proċess, b’mod partikolari mis-sunt u mis-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, jirriżulta li l-Kummissjoni kienet iffissat rekwiżiti minimi ta’ sigurtà għar-residenzi tal-persunal tagħha assenjat fid-delegazzjoni ta’ Rabat, li kienu jinkludu l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ protezzjoni, li jikkorrispondu għal-livell ta’ riskju evalwat għall-Marokk u applikabbli fiċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari l-installazzjoni ta’ allarm anti-intrużjoni, buttuni anti-paniku, gradilji ta’ protezzjoni b’karatteristiċi speċifiċi u għassa permanenti minn impriża speċjalizzata.

170    Hekk kif ġie espost, dawn il-miżuri kienu applikabbli għar-residenzi kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-persunal tad-delegazzjoni, sakemm ma jkunux ingħataw derogi minn qabel mid-dipartiment kompetenti. L-imsemmija miżuri kienu intiżi sabiex jipprevjenu riskju terroristiku li f’dan il-punt kien ikkunsidrat bħala serju u li kien jiġġustifika l-klassifikazzjoni tad-delegazzjoni fil-livell ta’ riskju li jaqa’ taħt il-grupp III. Barra minn hekk, il-kap tad-delegazzjoni kien talab lid-DĠ “Relazzjonijiet esterni” t-twettiq ta’ spezzjoni. Din l-ispezzjoni, li twettqet mill-10 sat-13 ta’ Mejju 2006, kienet ippermettiet li jiġu identifikati ċerti nuqqasijiet fil-protezzjoni tar-residenzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-persunal tad-delegazzjoni.

171    Issa, minkejja l-fatt li l-amministrazzjoni tal-Kummissjoni kienet kompletament konxja tar-riskji partikolarment għolja li għalihom kien espost il-persunal tagħha, ebda waħda mill-miżuri previsti għall-protezzjoni tar-residenzi fid-delegazzjonijiet f’livell ta’ riskju li jaqa’ taħt il-grupp III ma kienet ġiet implementata fir-residenza okkupata minn iben ir-rikorrent u l-familja tiegħu.

172    L-imsemmija residenza la kienet mgħammra b’sistema ta’ allarm anti-intrużjoni u lanqas ma kienet mgħammra b’buttuni anti-paniku. Il-vireg li bejniethom seta’ għadda l-qattiel ma kinux konformi mar-rakkomandazzjonijiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, rakkomandazzjonijiet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu l-opportunità li jiġi informat dwarhom permezz ta’ waħda mis-siltiet tad-dokument ikkomunikat mill-Kummissjoni u li, kieku ġew segwiti, ma kienx ikun possibbli li wieħed jgħaddi minn bejn il-vireg tal-aperturi anki għal aggressur ta’ daqs żgħir. Għalhekk dawn il-vireg kienu, hekk kif isostni r-rikorrent, mhux idonei sabiex jissodisfaw il-funzjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, l-għassa tad-dar ma ġietx żgurata minn kumpannija speċjalizzata, inkarigata mill-protezzjoni speċifika ta’ din il-proprjetà, erbgħa u għoxrin siegħa fuq erbgħa u għoxrin siegħu, sebat ijiem fuq sebgħa. Hekk kif speċifikat il-Kummissjoni waqt it-tieni seduta, l-għassies li l-postazzjoni tiegħu kienet tinsab viċin l-entrata tad-dar kien inkarigat mill-għassa ta’ numru ta’ djar li kienu jinsabu fl-istess struttura ta’ binjiet u ma kellux l-obbligu li jissorvelja iktar speċifikament id-dar li kien jokkupa t-tifel tar-rikorrent. Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ kera tad-dar ma jikkomporta ebda speċifikazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-għassa tagħha. Wieħed jista’ josserva wkoll li, fil-lejl tal-qtil, għalkemm l-għassies kien preżenti matul l-intrużjoni tal-qattiel, jidher li ma kien hemm ebda għassa iktar tard matul il-lejl: fejn il-qattiel irnexxielu jgħabbi, fil-karozza tal-vittmi stazzjonata quddiem l-entrata, oġġetti misruqa mid-dar (apparat għall-golf, pitturi u ornamenti, televiżjoni, eċċ. u jitlaq billi jsuq din il-vettura mingħajr ħadd ma jdejjqu. Barra minn hekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li wħud mill-miżuri previsti għar-residenzi tad-delegazzjonijiet fil-livell ta’ riskju li jaqa’ taħt il-grupp II lanqas ma ġew adottati fir-residenza (sistema ta’ allarm anti-intrużjoni u buttuni anti-paniku).

173    Ċertament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax, sabiex jikkonstata nuqqas tal-Kummissjoni li twettaq l-obbligi tagħha fil-qasam ta’ sigurtà, tillimita ruħha sabiex tikkonstata li l-miżuri ta’ protezzjoni msemmija mid-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà ma kinux ġew osservati. Huwa ovvju li, f’ċirkustanzi partikolari, b’mod partikolari ta’ urġenza, l-okkupazzjoni ta’ residenza provviżorja li ma tikkomportax l-istess dispożittivi ta’ sigurtà bħal dawk ta’ residenza definittiva tista’ tiġi kkunsidrata b’mod temporanju.

174    Madankollu, anki f’tali sitwazzjoni, l-amministrazzjoni ma tistax tevita milli tapplika miżuri minimi, li jippermettu li wieħed jiffaċċja r-riskji prinċipali għas-sigurtà tal-persuni li jokkupaw ir-residenza provviżorja jew li jillimitaw il-probabbiltà ta’ dawn ir-riskji, f’kundizzjonijiet aċċettabbli mill-aspett ta’ baġit u ta’ amministrazzjoni. Dan huwa wisq iżjed minnu meta l-Kummissjoni tiġi informata b’ċirkustanzi partikolari.

175    Issa, f’dan il-każ, il-livell ta’ riskju għoli kkunsidrat għall-Marokk, minħabba theddid terroristiku li jista’ jolqot uffiċjal tal-Unjoni, l-ispezzjoni li saret f’Mejju tal-2006, li kienet enfasizzat nuqqasijiet fil-protezzjoni tar-residenzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-persunal tad-delegazzjoni kif ukoll il-preżenza ta’ erbat itfal żgħar fid-dar tal-uffiċjal ikkonċernat kienu jikkostitwixxu biżżejjed elementi li jiġġustifikaw prekawzjonijiet partikolari qabel ma jinstalla ruħu fir-residenza l-uffiċjal, anki provviżorjament, fir-residenza inkwistjoni. Għandu jiġi osservat ukoll li l-Kummissjoni qatt ma sostniet li l-miżuri ta’ protezzjoni eżistenti fir-residenza mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-uffiċjal deċedut kienu s-suġġett ta’ deroga mid-dipartiment kompetenti, b’applikazzjoni tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà. Il-Kummissjoni lanqas ma allegat li xogħlijiet supplimentari għas-sigurtà tad-dar inkwistjoni, bħat-tibdil tal-vireg tat-tieqa li minnha daħal il-qattiel fir-residenza jew l-installazzjoni ta’ sistema ta’ allarm jew ta’ buttuni anti-paniku, jew ukoll l-estensjoni provviżorja tal-kuntratt ta’ għassa żgurata minn kumpannija speċjalizzata ma kienu ppreżentaw diffikultajiet ta’ natura baġitarja jew amministrattiva. Barra minn hekk il-Kummissjoni kienet ilha taf sa mis-6 ta’ April 2006, data tal-aċċettazzjoni tal-assenjazzjoni tat-tifel tar-rikorrent fil-Marokk, li kien neċessarju li huwa u l-familja tiegħu jirrisjedu f’Rabat. Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza li iben ir-rikorrent u l-familja tiegħu xtaqu jitilqu mil-lukanda fejn kienu qed jirrisjedu b’mod temporanju, taħt kundizzjonijiet skomdi għal familja b’erbat itfal, ma kinitx tali li teżenta lill-amministrazzjoni mill-obbligu tagħha li tadotta miżuri ta’ protezzjoni li jikkorrispondu għal-livell ta’ riskju kkunsidrat għad-delegazzjoni, billi timplementa, jekk mhux il-miżuri kollha previsti mid-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, mill-inqas waħda jew uħud minnhom li setgħu jiġu adottati mingħajr diffikultà kbira għall-istituzzjoni, pereżempju t-tqegħid ta’ vireg ġodda u l-installazzjoni ta’ buttuni anti-paniku.

176    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li r-rikorrent huwa fondat billi jsostni li l-Kummissjoni wettqet tort li jwassal għar-responsabbiltà tagħha.

177    Li kieku kellu jitqies li dan huwa neċessarju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li dan in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjal tiegħu u tal-familja tiegħu mibgħuta f’pajjiż terz jikkostitwixxi, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 171 sa 175 ta’ din is-sentenza, ksur suffiċjentement serju ta’ regola li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lit-tfal tar-rikorrent u lill-familja tiegħu, li jista’ jwassal għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

 Fuq ir-rabta kawżali u l-eżistenza ta’ raġuni li teżenta r-responsabbiltà (tort tal-vittmi u fatt ta’ terz)

178    Waqt it-tieni seduta, ir-rikorrent u l-Kummissjoni ppreżentaw żewġ kunċetti dwar il-karattru ċert u dirett tar-rabta kawżali rikjesta bejn it-tort imwettaq mill-istituzzjoni u d-danni invokati. Skont ir-rikorrent, meta t-tort jikkonsisti fin-nuqqas ta’ istituzzjoni mid-dmir tagħha li tieħu azzjoni, din l-ommissjoni hija kawża diretta u ċerta tad-danni jekk jiġi pprovat li, li kieku l-istituzzjoni kienet adottat il-miżuri meħtieġa, il-ħsara ma kinitx “probabbilment isseħħ”. Skont ir-rikorrent, din l-analiżi tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, Abad Pérez et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑304/01). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-istess sens, li illegalità hija l-kawża ċerta u diretta tad-dannu jekk jiġi pprovat li l-osservanza tal-legalità kienet, b’mod “intrinsikament probabbli”, tippermetti lir-rikorrent jikseb rimedju (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 150). Bil-kontra l-Kummissjoni sostniet li għandha teżisti ċertezza li, mingħajr l-ommissjonijiet li jikkawżaw tort, id-dannu ma kienx jirriżulta sabiex jiġi pprovat li r-rabta kawżali bejn it-tort u d-dannu hija ta’ natura diretta u ċerta (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, É. R. et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑138/03, punt 127).

179    Il-ġurisprudenza dwar ir-rabta kawżali hija iktar sottili u ċara, hekk kif jikkonfermaw l-argumenti tal-partijiet. Madankollu ġie deċiż b’mod stabbilit, huma liema huma d-differenzi fil-formoli użati mill-qorti tal-Unjoni, li huwa biss tort li kkawża d-dannu skont rabta diretta ta’ kawża u effett li jwassal għar-responsabbiltà tal-istituzzjoni. L-Unjoni tista’ tinżamm responsabbli biss għad-dannu li jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett għall-aġir irregolari tal-istituzzjoni kkonċernata (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 2000, Fresh Marine vs Il-Kummissjoni, T‑178/98, punt 118, u l-ġurisprudenza ċċitata, sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑42/06, punt 110, u l-ġurisprudenza ċċitata).

180    Għandu jiġi stabbilit mill-parti li qed tagħmel it-talba li, mingħajr it-twettiq ta’ tort, id-dannu ma jipproduċix ruħu kif ukoll li t-tort huwa l-kawża determinanti tad-dannu li ġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑149/96, punti 116 u 122). Meta d-dannu jkun konsegwenza inevitabbli u immedjata tat-tort imwettaq, ir-rabta kawżali tiġi stabbilita (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 1999, New Europe Consulting u Brown vs Il-Kummissjoni, T‑231/97, punti 57 sa 60).

181    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Unjoni tqis li d-dannu ma jistax isib l-oriġini diretta u ċerta tiegħu f’raġuni waħda biss iżda għandu jkun ġie fis-seħħ minn għadd ta’ raġunijiet, li jaħdmu flimkien b’mod determinanti għat-twettiq tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 1986, Sommerlatte vs Il-Kummissjoni, 229/84, punti 24 sa 27, u Grifoni vs Il-KEEA, iċċitata iktar ’il fuq, punti 17 u 18; sentenza FreshMarine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 135 u 136).

182    F’dan il-każ, ir-rikorrent isostni li, li kieku l-miżuri ta’ sigurtà neċessarji kienu ġew adottati, fl-ewwel lok, il-qtil ma kienx iseħħ, fit-tieni lok, kien ikun possibbli li jintalab l-ajjut, fejn ibnu, li ma mietx mill-ewwel mid-daqqiet li ġarrab, kien ikollu opportunità li jissopravvivi. Għandu jiġi eżaminat fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ punti l-kwistjoni dwar jekk ir-rabta kawżali bejn it-tort u d-danni invokati ġietx stabbilita.

183    Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rabta kawżali bejn it-tort u l-qtil doppju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li r-rikorrent stabbilixxa suffiċjentement skont il-liġi li, li kieku l-Kummissjoni kienet ikkonformat ruħha mal-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjal tiegħu, il-qtil doppju ma kienx iseħħ. Fil-fatt, li kieku servizz ta’ għassa permanenti, iddedikat biss għall-protezzjoni tad-dar imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ iben ir-rikorrent, kien ġie stabbilit u li kieku vireg li jissodisfaw il-karatteristiċi kkunsidrati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu ġew installati, il-qattiel, jekk mhux dissważ, kien ikun mill-inqas fiżikament ostakolat milli jidħol fid-dar. B’hekk il-Kummissjoni kkontribwixxiet direttament għat-twettiq tad-dannu, billi ħolqot il-kundizzjonijiet tal-iżvolġiment tiegħu. In-natura diretta u ċerta tar-rabta kawżali għalhekk ġiet stabbilita.

184    Ċertament, ir-riskju għas-sigurtà tal-persunal previst mill-Kummissjoni, li jiġġustifika l-klassifikazzjoni tad-delegazzjoni ta’ Rabat fil-livell ta’ riskju li jaqa’ taħt il-grupp III, kien marbut ma’ theddida terroristika u mhux ma’ kriminalità rregolata mil-liġi komuni, bħal dik li għaliha kienu vittmi iben u ħtint ir-rikorrent. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma għandhiex effett fuq l-evalwazzjoni tan-natura diretta u ċerta tar-rabta kawżali esposta fil-punt preċedenti. Fil-fatt, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ attentat terroristiku jew il-qtil ta’ uffiċjal għal raġunijiet politiċi jew permezz ta’ entitajiet terroristiċi għandhom jiżguraw protezzjoni effikaċi, a fortiori, kontra l-intrużjoni ta’ individwu fir-residenza ta’ uffiċjal. Il-Kummissjoni ma tistax validament tallega li hija għandha tiġi eżentata minn kull responsabbiltà minħabba l-fatt li r-raġuni tal-kriminal ma kinitx dik inizjalment kien hemm biżgħa għaliha.

185    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tislet argument minn diversi żbalji li wettaq l-uffiċjal tagħha u li jkissru r-rabta kawżali jew jillimitaw ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni.

186    Minn naħa, l-assenza tal-parti kkonċernata għas-sessjoni ta’ taħriġ dwar is-sigurtà fil-kuntest tal-“pre-posting” mingħajr dubju, tikkostitwixxi negliġenza min-naħa tagħha. Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma rnexxielux jistabbilixxi liema kienu r-raġunijiet għal din l-assenza, li setgħu kienu dovuti għal raġunijiet ta’ xogħol. Barra minn hekk, mill-konvokazzjoni għal dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ li kienu jieħdu ħsieb li “[jitolbu] l-parteċipazzjoni” tal-uffiċjal deċedut, ma jirriżultax li l-parteċipazzjoni għalihom kienet ippreżentata bħala obbligu ta’ servizz indispensabbli qabel l-assenjazzjoni fid-delegazzjoni. Iben ir-rikorrent, wara kollox, seta’ jiġi assenjat il-Marokk mingħajr ma segwa dan it-taħriġ. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni ta’ tali sessjonijiet ta’ “pre-posting” ma tistax, waħedha, teħles lill-Kummissjoni mill-obbligi tagħha li tinforma lill-uffiċjali tagħha tar-riskji għas-sigurtà tagħhom li għalihom huma esposti fid-delegazzjoni. , b’mod partikolari fosthom assenjati f’delegazzjonijiet fil-livell ta’ riskju li jaqa’ taħt il-grupp III. Meta uffiċjal assenjat f’tali delegazzjoni ma jipparteċipax għal dawn is-sessjonijiet qabel it-tluq tiegħu, hija l-amministrazzjoni li għandha tiżgura ruħha li huwa effettivament irċieva l-informazzjoni neċessarja. Issa, il-Kummissjoni ma allegatx li iben ir-rikorrent kiseb id-dokumenti rilevanti għas-sigurtà tiegħu qabel it-tluq tiegħu għall-Marokk.

187    Barra minn hekk, mid-diskussjoni waqt it-tieni seduta rriżulta li l-uffiċjali mibgħuta f’delegazzjoni normalment ma jkollhomx aċċess għad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, peress li dan id-dokument ikklassifikat “Restreint UE” ma huwiex ikkomunikat lilhom. B’hekk minkejja li effettivament seta’ assista għas-sessjonijiet ta’ “pre-posting”, iben ir-rikorrent probabbilment ma kienx ikun f’pożizzjoni li jkun jaf liema miżuri ta’ sigurtà speċifiċi kienu previsti għar-residenza mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu fil-Marokk. L-argumenti tal-Kummissjoni, li jgħidu li l-parti kkonċernata aċċettat il-kundizzjonijiet ta’ għixien u ta’ residenza disponibbli fil-Marokk u tat il-kunsens tagħha sabiex tmur tgħid fir-residenza provviżorja, għaldaqstant ma jistgħux jintlaqgħu, peress li dan il-kunsens ma ngħatax b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti. F’dan ir-rigward it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li fis-6 ta’ April 2006, il-Kummissjoni talbet lil iben ir-rikorrent jiċċertifika li huwa kien aċċetta l-assenjazzjoni tiegħu f’Rabat u li kien mgħarraf b’mod sħiħ, b’mod partikolari, dwar ir-residenza mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu, meta l-kuntratt ta’ kera ġie konkluż bejn il-proprjetarju u l-Kummissjoni biss fit-8 ta’ Awwissu 2006. Barra minn hekk, meta iben ir-rikorrent ikkonferma, fl-24 ta’ Awwissu 2006, li huwa kien aċċetta r-residenza proposta lilu, ġie indikat b’mod ċar fil-formola ta’ aċċettazzjoni li f’dik id-data ma kien hemm ebda residenza mikrija disponibbli li tikkorrispondi għall-kompożizzjoni ta’ familtu.

188    Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa paċifiku li t-tieqa li minnha daħal il-qattiel fid-dar kienet tħalliet miftuħa mill-okkupanti tar-residenza u li l-persjani ta’ din it-tieqa kienu parzjalment miftuħa, tali ċirkustanza ma tistax titqies li tirriżulta minn aġir negliġenti jew li jikkostitwixxi tort min-naħa tal-vittmi. Fil-fatt, din it-tieqa kienet tinsab wara vireg li fir-rigward tagħhom iben ir-rikorrent, li ma kellux għarfien tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, seta’ raġonevolment jaħseb li kienu jikkostitwixxu ostakolu suffiċjenti għal aggressur eventwali. Wara kollox il-Kummissjoni nnifisha allegat, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u waqt l-ewwel seduta, li dawn il-vireg kienu tali li jipprevjenu l-intrużjoni ta’ individwu adult ta’ daqs medju. Barra minn hekk, kienet għadha s-sħana f’dak il-perijodu tas-sena u li titħalla tieqa miftuħa wara vireg tat-tieqa li a priori dehru suffiċjenti, f’residenza mingħajr arja kondizzjonata li tilqa’ fiha erbat itfal żgħar, ma tistax tiġi kkunsidrata li hija aġir negliġenti.

189    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistabbilixxix li iben ir-rikorrent, bin-negliġenza tiegħu, wettaq tort tali li jeżenta lill-amministrazzjoni mir-responsabbiltà tagħha, u laqnas ma tistabbilixxi li ġiet miksura r-rabta kawżali bejn it-tort imwettaq u l-qtil.

190    Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rabta kawżali bejn it-tort u telf ta’ opportunità ta’ sopravvivenza għal iben ir-rikorrent, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li r-rikorrent stabbilixxa suffiċjentement skont il-liġi li, li kieku l-miżuri ta’ sigurtà approprjati kienu ġew adottati, is-sejħa għal għajnuna kienet issir bejn wieħed jew ieħor wara l-intrużjoni tal-qattiel fir-residenza, jew permezz tal-attenzjoni tal-għassies jew permezz tal-uffiċjal innifsu midrub jew permezz ta’ wieħed mit-tfal tiegħu, permezz ta’ buttuna anti-paniku. Huwa ċert li l-aggressur ma kienx jibqa’ għal daqshekk ħin fid-dar, fejn qagħad madwar erba’ sigħat, li kieku waħda mill-miżuri li jippermettu li tissejjaħ l-għajnuna kienet ittieħdet. B’hekk iben ir-rikorrent, minħabba t-tort tal-Kummissjoni, tilef opportunità serja li jikseb sokkors u opportunità li jissopravvivi.

191    Jifdal li tiġi ddeterminata l-parti ta’ responsabbiltà tal-qattiel fit-twettieq tad-danni.

192    Fir-rigward tal-qtil doppju, ma jistax jiġi serjament sostnut li r-responsabbiltà prinċipali ta’ dan id-dannu għandha tiġi attribwita lill-Kummissjoni. Għalkemm il-Kummissjoni ħolqot il-kundizzjonijiet għat-twettiq tad-dannu, billi ma adottatx il-miżuri ta’ sigurtà suffiċjenti sabiex tipprekludi l-intrużjoni tal-aggressur, dan it-tort ma kellux il-qtil doppju bħala konsegwenza immedjata u inevitabbli. Fil-fatt il-qtil kienu l-fatt ta’ individwu li l-intenzjoni tiegħu kienet is-serq u li l-aġir tiegħu kien imprevedibbli. Il-konsegwenza normalment prevedibbli tat-tort tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ tali individwu, kienet dik ta’ serq, eventwalment akkumpanjat b’theddid fiżiku kontra l-persuni li jokkupaw il-post, mhux atti daqstant gravi bħal dawk li twettqu. Din l-evalwazzjoni ma teskludix ruħha mill-prinċipji tad-Direttiva 89/391, li tipprovdi, fl-Artikolu 5(4) tagħha, li r-responsabbiltà ta’ persuna li timpjega tista’ tiġi attenwata b’mod partikolari għal fatti dovuti għal ċirkustanzi estranei għaliha li ma humiex tas-soltu u li ma jistgħux jiġu mbassra.

193    Madankollu l-atti tal-aggressur ma humiex tali li jeskludu totalment lill-istituzzjoni mir-responsabbiltà tagħha. Li kieku ġie kkunsidrat li r-rabta kawżali bejn it-tort tal-Kummissjoni u l-qtil doppju ma baqgħetx teżisti, l-amministrazzjoni ma tbati ebda konsegwenza tal-nuqqas tagħha li jikkostitwixxi tort, meta kienet hi li ħolqot il-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ tali dannu. Tali soluzzjoni ma tantx tinsab f’armonija mal-ġurisprudenza li taċċetta li dannu jista’ jiġi kkawżat minn għadd ta’ affarijiet u li, għalhekk, ma tirrikjedix neċessarjament, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni, li l-istituzzjoni għandha r-responsabbiltà esklużiva tad-dannu.

194    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis, għalhekk, li r-responsabbiltà tal-Kummissjoni tammonta għal 30 % tad-dannu subit.

195    Fir-rigward tat-telf ta’ opportunità ta’ sopravvivenza, l-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku twassal għal riżultat differenti. Fil-fatt, it-tprt tal-Kummissjoni hawnhekk hija l-kawża diretta u esklużiva ta’ dan id-dannu. L-aġir tal-qattiel ma huwiex tali li jnaqqas ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni.

196    Madankollu, għalkemm it-telf ta’ opportunità ta’ sopravvivenza huwa ċert, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-opportunità li kellu iben ir-rikorrent li jissopravvivi kienet żgħira ħafna. Fin-nuqqas ta’ data speċifika fl-atti u fin-nuqqas ta’ ċertezzi relatati ma’ din it-tip ta’ evalwazzjoni, huwa diffiċli ħafna li din l-opportunità ta’ sopravvivenza tiġi evalwata. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-opportunità ta’ sopravvivenza tista’ tiġi evalwata għal 20 %. Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-uffiċjal intlaqat f’għonqu u, għalkemm ma mietx mill-ewwel, ġie midrub b’mod gravi, liema fatt ikkomprometta serjament l-opportunità tiegħu li jissopravvivi, anki f’każ li s-sokkors kien jasal minnufih.

197    Fl-aħħar nett, billi jieħu inkunsiderazzjoni ż-żewġ danni invokati, jiġifieri l-qtil doppju u t-telf ta’ opportunità ta’ sopravvivenza, u l-fatt li dan it-tieni dannu huwa inqas wiesa’ mill-ewwel wieħed, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li għandha tiġi attribwita lill-Kummissjoni r-responsabbiltà ta’ 40 % tad-dannu subit.

 Fuq id-dannu

198    Id-dannu ċert li bħala prinċipju jista’ jiġi kkumpensat f’din il-kawża huwa biss dak fejn huwa ammissibbli li r-rikorrent jitlob kumpens quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jiġifieri d-dannu materjali mġarrab mill-aventi kawża tal-uffiċjal deċedut, evalwat b’riferiment għar-remunerazzjoni li ibnu kien jitħallas sal-età ta’ rtirar tiegħu, stmat mir-rikorrent għas-somma globali ta’ EUR 3 975 329.

199    Fid-dawl tal-inċertezza ta’ tali kalkolu u tas-suppożizzjonijiet li jimplika fuq l-iżvolġiment tal-karriera li setgħet kellha l-parti kkonċernata, dan l-ammont jikkostitwixxi evalwazzjoni raġonevoli a priori tar-remunerazzjoni li kien jirċievi l-uffiċjal deċedut u jikkostitwixxi bażi ta’ riferiment, ċertament approssimattiva ħafna, iżda rilevanti sabiex jiġi evalwat it-telf ta’ dħul tal-aventi kawża ta’ iben ir-rikorrent.

200    Madankollu, hija ma tistax tittieħed tali kwali inkunsiderazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex tiddetermina d-dannu materjali effettivament subit minn dawn l-aventi kawża. Fil-fatt, li kieku iben u ħtint ir-rikorrent ma kinux inqatlu, huma kienu jonfqu parti sostanzjali minn dan l-ammont għall-bżonnijiet personali tagħhom. Għaldaqstant dan l-ammont ma kienx jintuża kollu kemm hu għal uliedhom. Barra minn hekk, huwa probabbli li wlied il-koppja deċeduta jibbenefikaw jew ser jibbenefikaw fi ftit snin mill-assi tas-suċċessjoni li legalment huma mistennija li jirċievu u li ma kinux jirċievu li kieku l-ġenituri tagħhom baqgħu ħajjin. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet mingħajr ma ġiet ikkontestata li ma kienx eskluż li l-aventi kawża tal-ġenituri deċeduti tħallsu ammonti minħabba kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja wara l-qtil doppju. B’hekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li d-dannu materjali marbut tat-telf ta’ dħul li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’din il-kawża għandu jiġi stabbilit għas-somma ta’ EUR 3 000 000.

201    Hekk kif ġie kkonstatat, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tħallas 40 % ta’ dan id-dannu, jiġifieri għandha tħallas lill-aventi kawża tal-koppja deċeduta somma globali ta’ EUR 1 200 000.

202    Issa, mir-risposta, li ma ġietx ikkontestata, jirriżulta li l-ammonti li l-Kummissjoni diġà ħallset u li hija tkompli tħallas lill-aventi kawża, ammonti li diġà jmorru lil hinn mill-benefiċċji normalment previsti mir-Regolamenti tal-Persunal, joqorbu lejn EUR 1 400 000, liema ammont jista’ jitla’ għal EUR 2 400 000 li kieku l-benefiċċji kkonċernati kellhom jitħallsu sa għeluq is-sitta u għoxrin sena ta’ kull wieħed mill-erbat ulied.

203    Għaldaqstant il-Kummissjoni diġà kkumpensat id-dannu materjali li għaliha hija tinsab responsabbli.

204    Iċ-ċirkustanza, sostnuta mir-rikorrent, li l-ammonti mħallsa mill-Kummissjoni għandhom il-karatteristika ta’ benefiċċji ta’ assigurazzjoni soċjali hija, anki li kieku kellha titqies li ġiet stabbilita, mingħajr effett fuq din l-evalwazzjoni. Il-benefiċċji mħallsa għandhom fil-fatt l-għan li jikkumpensaw il-konsegwenzi finanzjarji tal-mewt ta’ uffiċjal, tkun liema tkun in-natura tal-mewt. Għalkemm huwa minnu li, fil-każ ta’ tort tal-amministrazzjoni, din għandha l-obbligu li tiżgura l-kumpens sħiħ tad-dannu, billi tonora, jekk ikun il-każ, il-benefiċċji pprovduti mir-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Leussink vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 18 sa 20), huwa paċifiku li l-qorti, meta tevalwa jekk id-dannu mġarrab ġiex ikkumpensat jew le mill-amministrazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji pprovduti mir-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant dawn il-benefiċċji għandhom effettivament bħala għan li jiżguraw il-kumpens ta’ dannu, anki meta l-amministrazzjoni twettaq tort li jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-obbligi tagħha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal billi tat promozzjoni post-mortem lill-uffiċjal deċedut, billi kkalkolat il-benefiċċji dovuti lill-aventi kawża tiegħu abbażi ta’ dan u billi żiedet l-ammonti ta’ dawn il-benefiċċji abbażi tal-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal.

205    Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv tar-rikors, għalkemm huwa fondat, ma jippermettix lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jilqa’ t-talbiet tar-rikorrent għall-kumpens tad-danni materjali mġarrba.

206    Jifdal li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżamina ż-żewġ motivi l-oħra, li permezz tagħhom ir-rikorrent isostni li r-responsabbiltà tal-Kummissjoni tirriżulta, minn naħa, permezz ta’ att legali, anki mingħajr tort u min-naħa l-oħra, minħabba l-obbligu tagħha ta’ assistenza.

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li r-responsabbiltà tal-Kummissjoni tirriżulta permezz ta’ att legali, anki mingħajr tort

1.     L-argumenti tal-partijiet

207    Ir-rikorrent isostni li, anki li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni ma wettqet ebda aġir negliġenti li jikkostitwixxi tort, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mingħajr tort tal-amministrazzjoni, permezz ta’ att legali huma sodisfatti. Il-prova tal-effettività tad-dannu u tar-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-att legali ngħatat, id-dannu huwa anormali, gravi u speċjali. Minkejja l-fatt li fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P), il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-eżistenza ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr tort tal-Unjoni, iżda dan fir-rigward biss tal-atti leġiżlattivi tagħha, li jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur. Il-Qorti tal-Ġustizzja mkien ma eskludiet li tali sistema tista’ tapplika għall-istituzzjonijiet, bħal fil-każ inkwistjoni. Fl-evalwazzjoni tiegħu ta’ din il-kwistjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jieħu inkunsiderazzjoni n-natura eċċezzjonalment gravi u traġika tal-avvenimenti mġarrba minn ulied l-uffiċjal deċedut, li tilfu prematurament il-ġenituri tagħhom u assistew b’mod impotenti għall-ispettaklu waħxi tal-qtil imdemmi ta’ missierhom u ta’ ommhom. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal kumpens skont kriterji ta’ ġustizzja ispirati mis-sens profond tal-ekwità li għandha tiddistingwi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

208    Hekk kif diġà ġie kkonstatat, il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv ma huwiex ammissibbli, minħabba l-fatt li ma tqajjimx fit-talba għal kumpens inizjali u ma huwiex issostanzjat bl-iċken element li jikkwantifika d-daqs tad-dannu allegat. Fuq il-mertu, il-Kummissjoni tenfasizza li l-prinċipju ta’ responsabbiltà għal att legali sa llum ma huwiex rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rikorrent ma jressaq ebda element li jipprova li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jammetti l-eżistenza ta’ tali sistema ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-aġir tal-istituzzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma jipprovax li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ tali responsabbiltà mingħajr tort huma sodisfatti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

209    Mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 175), jirriżulta li għalkemm l-evalwazzjoni komparattiva tas-sistemi legali tal-Istati Membri ppermettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tasal minn kmieni għall-konstatazzjoni ta’ konverġenza ta’ dawn is-sistemi legali fl-istabbiliment ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà fil-preżenza ta’ att jew ta’ ommissjoni illegali tal-awtorità, anki ta’ natura leġiżlattiva, l-istess ħaġa ma tapplikax f’dak li jirrigwarda l-eżistenza eventwali ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà f’każ ta’ att jew ta’ ommissjoni legali tal-awtorità pubblika, b’mod partikolari meta dawn ikunu ta’ natura leġiżlattiva. B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, li l-Artikolu 288 KE, li jirreferi għall-“prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri”, jista’ jiġi interpretat li jippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni mingħajr tort, minħabba att jew ommissjoni legali.

210    Bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, mill-kliem innifishom użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt iċċitat tas-sentenza tagħha (“anki ta’ natura leġiżlattiva” u “b’mod partikolari meta [dan l-att jew ommissjoni legali huma] ta’ natura leġiżlattiva”) jirriżulta li l-konklużjoni li waslet għaliha f’din is-sentenza ma hijiex limitata għas-sfera ta’ kompetenza leġiżlattiva tal-Unjoni.

211    Ċertament, kif tfakkar fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, kawża bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li tagħha huwa dipendenti jew kien dipendenti, intiża għall-kumpens ta’ dannu, tipproċedi, meta ssib l-oriġini tagħha fir-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad lill-persuna kkonċernata mal-istituzzjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 236 KE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u tinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 235 KE u 288 KE. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali dwar il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà extrakuntrattwali abbażi tal-Artikolu 288 KE għaldaqstant ma hijiex awtomatikament trasponibbli għall-azzjonijiet għal responsabbiltà extrakuntrattwali ppreżentati mill-uffiċjali jew l-aventi kawża tagħhom kontra istituzzjonijiet, abbażi tal-Artikolu 236 KE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent josserva ġustament li tali azzjonijiet ma jikkonċernawx l-istituzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-prerogattivi leġiżlattivi jew regolatorji tagħhom previsti mit-Trattati iżda l-aġir tagħhom fir-rigward tal-persunal tagħhom, fil-kapaċità tagħha bħala persuna li timpjega.

212    Madankollu, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġeneralità tal-kliem użati mill-Qorti tal-Ġustizzja u tan-natura ta’ soluzzjoni ta’ prinċipju li torbot b’mod partikolari ma’ din is-sentenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jagħmilx distinzjoni tar-raġunijiet li jiġġustifikaw il-fatt li r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tista’, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom, tiġi stabbilita abbażi ta’ kundizzjonijiet radikalment differenti minn dawk prevalenti fil-kuntest tal-Artikolu 288 KE, billi tidderoga mill-prinċipji ġenerali komuni għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri.

213    Għalkemm huwa minnu li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma eċċezzjonali, din il-konstatazzjoni, l-unika waħda mressqa mir-rikorrent, ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi ġustifikat li l-eżistenza ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr tort bħala prinċipju hija rikonoxxuta fl-azzjonijiet għal responsabbiltà extrakuntrattwali mressqa abbażi tal-Artikolu 236 KE, li minnhom jistgħu jibbenefikaw l-uffiċjali tal-Unjoni u l-aventi kawża tagħhom.

214    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tad-Direttiva 89/391, li tikkostitwixxi qafas ta’ riferiment rilevanti sabiex jiġu determinati, skont l-Artikolu 1e tar-Regolamenti tal-Persunal, l-obbligi li jaqgħu fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li din id-direttiva ma setgħetx tiġi analizzata bħala waħda li tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ responsabbiltà mingħajr tort tal-persuni li jimpjegaw minħabba danni kkawżati lis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema (sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 sa 51). Madankollu l-Kummissjoni sostniet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li d-Direttiva 89/391 kienet ipprovdiet sistema ta’ responsabbiltà tal-persuni li jimpjegaw li tkopri l-konsegwenzi ta’ kull ġrajja ta’ ħsara għas-saħħa u għas-sigurtà tal-ħaddiema, indipendentement mill-possibbiltà li din il-ġrajja u l-konsegwenzi tagħha jiġu attribwiti lil negliġenza kwalunkwe min-naħa tal-persuna li timpjega fl-implementazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni.

215    Li kieku kellu jitqies li r-responsabbiltà mingħajr tort tal-Kummissjoni tista’, bħala prinċipju, imfittxija, għandu jiġi osservat li din il-forma ta’ responsabbiltà oġġettiva tal-persuna li timpjega, li tistrieh fuq l-obbligu li jiġi kkumpensat riskju professjonali u mhux fuq il-konstatazzjoni ta’ tort tal-persuna li timpjega li għandha tikkumpensa, diġà timplika l-obbligu għall-istituzzjoni li tħallas il-benefiċċji skont ir-Regolamenti tal-Persunal lill-uffiċjal jew lill-aventi kawża tiegħu fil-każ ta’ inċident li seħħ fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet, ta’ mard professjonali jew ta’ mewt. Fil-fatt, mingħajr lanqas ma ġiet ipprovata l-eżistenza ta’ kwalunkwe tort tal-istituzzjoni fil-kapaċità tagħha bħala persuna li timpjega, l-uffiċjal jew l-aventi kawża tiegħu jibbenefikaw minn kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, intiż sabiex jiġu kkumpensati l-konsegwenzi ta’ dawn il-ġrajjiet. Ir-rekwiżit ta’ ġurisprudenza stabbilita, li jipprovdi li tort għandu jiġi pprovat sabiex l-uffiċjal jew l-aventi kawża tiegħu jiksbu kumpens supplimentari tal-benefiċċji pprovduti mir-Regolamenti tal-Persunal, intiż sabiex jiġi kkumpensat kompletament id-dannu li huma jqisu li ġarrbu, jindika li l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà extrakuntrattwali tal-amministrazzjoni tibqa’ strettament suġġetta għall-eżistenza ta’ tort jew ta’ att illegali.

216    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li t-talba tar-rikorrent sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li l-kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà mingħajr tort tal-Kummissjoni huma sodisfatti ma hijiex fondata.

217    B’hekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

C –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha l-obbligu li tikkumpensa in solidum id-danni mġarrba

1.     L-argumenti tal-partijiet

218    Sussidjarjament, ir-rikorrent isostni li fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha tikkumpensa d-danni mġarrba mill-uffiċjal tagħha minħabba l-kwalità tiegħu u l-funzjonijiet tiegħu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-qtil doppju huwa oġġettivament marbut, minn perspettiva każwali, mal-attività professjonali ta’ iben ir-rikorrent fit-territorju Marokkin, fejn kien jinsab esklużivament minħabba l-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, dan il-qtil twettaq ġewwa residenza magħżula mill-Kummissjoni. Fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni jmissha wkoll aġixxiet b’inizjattiva tagħha stess, mingħajr ma tintalab tagħmel dan permezz ta’ talba f’dan is-sens, sabiex tikkumpensa in solidum id-danni mġarrba mill-uffiċjal u martu minħabba terz.

219    Hekk kif ġie diġà espost, il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv ma huwiex ammissibbli, billi ma tqajjimx fit-talba inizjali għal kumpens. Fuq il-mertu, hija tqis li l-fatti drammatiċi li wasslu għall-mewt ta’ iben ir-rikorrent ma għandhom ebda relazzjoni mal-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal u li, għalhekk, il-kundizzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza, jiġifieri li l-uffiċjal għandu jbati dannu minħabba din il-kwalità, ma ġietx sodisfatta.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

220    Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal impjegati jingħataw sigurtà għall-preżent u l-futur, bil-għan li, fl-interess ġenerali tas-servizz, ikunu jistgħu jissodisfaw il-funzjonijiet tagħhom aħjar (ara s-sentenza Sommerlatte vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

221    Mill-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-ġurisprudenza relatata jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom obbligu, skont din id-dispożizzjoni, li jassistu lill-uffiċjali tagħhom, biss fl-okkażjoni ta’ aġir min-naħa ta’ terzi li għalih huma suġġetti l-uffiċjali minħabba l-kwalità u l-funzjonijiet tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-5 ta’ Ottubru 1988, Hamill vs Il-Kummissjoni, 180/87, punt 15; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Ġunju 2000, K vs Il-Kummissjoni, T‑67/99, punt 32).

222    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal marbuta mal-awtur tal-att inkriminat ġew sodisfatti. Fil-fatt, iben ir-rikorrent kien vittma ta’ aġir ta’ terz.

223    Madankollu, l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jirrikjedi wkoll li l-kwalità ta’ uffiċjal tar-rikorrent u l-funzjonijiet tiegħu jagħtu lok għall-aġir inkwistjoni. Huwa minħabba din il-kwalità u dawn il-funzjonijiet li għandhom ikunu twettqu l-atti li fir-rigward tagħhom tintalab l-assistenza, fejn l-istituzzjoni tfittex kemm li tipproteġi l-persunal tagħha kif ukoll li tissalvagwardja l-interessi tagħha stess. B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li obbligu ta’ assistenza ma jistax jiġi invokat fl-okkażjoni ta’ miżuri ta’ koerċizzjoni adottati minn awtoritajiet nazzjonali ta’ pulizija kontra uffiċjal minħabba l-aġir personali ta’ din il-persuna, imfittxija mill-ġustizzja għal ksur li ma jaqax taħt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu (sentenza Hamill vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 u 17). Bl-istess mod, ġie deċiż li s-sempliċi fatt li wild ġie ammess fi skola għat-trabi minħabba l-appartenenza ta’ wieħed mill-ġenituri tiegħu għas-servizz pubbliku tal-Unjoni, skola għat-tfal li fiha huwa kien vittma ta’ atti gravi, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li r-rabta, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, bejn l-aġir tat-terzi inkwistjoni u l-kwalità ta’ uffiċjal tal-imsemmi ġenitur ġiet stabbilita (sentenza K vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 sa 38).

224    Issa, f’din il-kawża, iben ir-rikorrent ma nqatilx minħabba l-kwalità tiegħu u l-funzjonijiet tiegħu. Hekk kif ġie espost, huwa safa l-mira ta’ kriminal taħt il-liġi komuni, li kkawża preġudizzju fuq il-persuna tiegħu, ta’ martu u tal-beni tiegħu mingħajr ma kellu ebda għarfien dwar il-kwalità ta’ uffiċjal tal-Unjoni jew dwar in-natura tal-funzjonijiet tal-vittma tiegħu. Il-kriminal probabbilment qies li l-persuni li kienu qed jokkupaw il-villa fejn wettaq l-atti kriminali tiegħu kienu jgawdu minn livell ta’ ħajja ogħla mill-medja tal-abitanti ta’ Rabat. Madankollu la din iċ-ċirkustanza la l-assenjazzjoni ta’ iben ir-rikorrent fil-Marokk jew anki l-okkupazzjoni ta’ residenza magħżula mill-Kummissjoni, ma jippermettu li jiġi stabbilit li l-uffiċjal safa mira minħabba din il-kwalità jew minħabba l-funzjonijiet tiegħu.

225    Għaldaqstant ir-rikorrent ma jistax validament jinvoka l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

226    Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li jista’ jiġi aċċettat li iben ir-rikorrent kien vittma ta’ qtil imwettaq minħabba l-funzjonijiet tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-benefiċċji pprovduti mir-Regolamenti tal-Persunal previsti f’każ ta’ mewt ta’ uffiċjal, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 7(2) tal-leġiżlazzjoni komuni (“[g]ħandhom jiġu kkunsidrati bħala inċidenti fis-sens tal-[leġiżlazzjoni komuni] il-konsegwenzi ta’ aggressjonijiet jew ta’ attentati mwettqa fuq il-persuna tal-parti assigurata […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali), jikkonkretizzaw l-obbligu ta’ protezzjoni li kull istituzzjoni, fil-kapaċità tagħha bħala persuna li timpjega u skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha tiżgura lill-uffiċjali tagħha u lill-aventi kawża tagħhom. Issa, ir-rikorrent ma jallegax li ġie illegalment imċaħħad minn waħda mill-garanziji previsti mir-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tagħmel użu mill-fakultà, prevista fl-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tagħti, f’każijiet partikolari, sokkors eċċezzjonali għall-persuni kkonċernati. B’hekk il-Kummissjoni debitament osservat id-dmir tagħha ta’ assistenza u ta’ protezzjoni, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

227    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent għaldaqstant ma huwiex fondat meta jsostni li l-Kummissjoni kisret din id-dispożizzjoni li tinsab fir-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma kontriha, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

228    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

229    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, b’riżerva għal dispożizzjonijiet oħra tat-tmien Kap tat-tieni Titolu tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Skont is-subartikolu 2 tal-imsemmi artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef il-kawża tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan is-sens. Skont l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, parti, anki jekk tirbah, tista’ tiġi kkundannata parzjalment jew saħansitra totalment għall-ispejjeż, jekk dan jidher ġustifikat minħabba l-attitudni tagħha, inkluż qabel il-preżentata tal-azzjoni, b’mod partikolari jekk hija wasslet lill-parti l-oħra għal spejjeż meqjusa frustratorji jew vessatorji.

230    F’din il-kawża, il-Kummissjoni, minkejja raġunijiet leġittimi ta’ kunfidenzjalità li hija esponiet, dewmet kunsiderevolment l-iżvolġiment tal-proċeduri, billi rrifjutat, inizjalment, milli tikkomunika lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċerti dokumenti u informazzjoni u billi ġiegħlet lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jorganizza seduta oħra. Barra minn hekk, numru ta’ drabi, il-Kummissjoni tat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tweġibiet ineżatti, b’mod partikolari billi allegat li ma kien jeżisti ebda test dwar il-miżuri ta’ sigurtà applikabbli għar-residenzi tal-persunal tad-delegazzjonijiet fil-pajjiżi terzi u li l-miżuri invokati mill-awtur tat-tweġiba bil-miktub tas-6 ta’ Awwissu 2007 ma kellhom ebda rilevanza għal fatti mwettqa s-sena preċedenti. L-oppożizzjoni tal-Kummissjoni, li finalment waqfet matul it-tieni seduta, kontra l-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni d-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, dokument importanti għas-soluzzjoni tal-kawża, uriet attitudni mhux wisq kompatibbli mar-regoli ta’ proċess ekwu. Tali aġir tal-Kummissjoni, f’kawża daqstant ta’ uġigħ għar-rikorrent, huwa wisq inqas approprjat ġaladarba l-istituzzjoni kienet, qabel il-preżentata tal-azzjoni, uriet dinjità u premura.

231    Barra minn hekk, seta’ kien li r-rikorrent ħaseb li kien fondat billi ppreżenta r-rikors tiegħu. Minn naħa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li l-Kummissjoni kienet wettqet tort ta’ natura li tirriżulta r-responsabbiltà tagħha. Minn naħa, l-attitudni adottata mill-Kummissjoni fil-mori tal-kawża setgħet ikkonvinċiet lir-rikorrent li l-istituzzjoni kienet ħbiet parti mill-kawżi tal-qtil ta’ ibnu u ta’ ħtintu.

232    B’hekk, tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk minbarra l-ispejjeż tagħha, il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż raġonevoli u debitament ġustifikati tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Is-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà ikkomunikati mill-Kummissjoni Ewropea lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-mori tal-kawża, għandhom jintbagħtu mingħajr dewmien lill-Kummissjoni Ewropea bħala korrispondenza kunfidenzjali bir-riferiment “classifié Restreint UE”.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Gervasoni

Kreppel

Rofes i Pujol

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Mejju 2011.

Reġistratur

 

       President

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

Id-dritt

I — Fuq is-suġġett tar-rikors

II — Fuq l-ammissibbiltà

A — L-argumenti tal-partijiet

B — Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

III — Fuq il-mertu

A — Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqasijiet tal-Kummissjoni għall-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjal tagħha

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

a) Fuq l-oġġezzjoni magħmula mill-Kummissjoni, ibbażata fuq il-fatt li d-danni allegati diġŕ ġew kollha kemm huma kkumpensati

b) Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet tort fl-obbligu li tiżgura s-sigurtŕ tal-uffiċjal deċedut u tal-familja tiegħu

Fuq il-kundizzjonijiet għall-konstatazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni

Fuq il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex tiżgura s-sigurtŕ tal-uffiċjali tagħha assenjati ma’ delegazzjoni f’pajjiż terz

Fuq l-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi tort fl-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni adattati

— Fuq it-talba tar-rikorrent li jaċċedi għas-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà

— Fuq l-użu mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtŕ

— Fuq l-applikabbiltà tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà għar-residenza provviżorja mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ iben ir-rikorrent u tal-familja tiegħu

— Fuq il-portata ġuridika tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà

— Fuq l-eżistenza ta’ tort tal-Kummissjoni

Fuq ir-rabta kawżali u l-eżistenza ta’ raġuni li teżenta r-responsabbiltŕ (tort tal-vittmi u fatt ta’ terz)

Fuq id-dannu

B — Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li r-responsabbiltŕ tal-Kummissjoni tirriżulta permezz ta’ att legali, anki mingħajr tort

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

C — Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha l-obbligu li tikkumpensa in solidum id-danni mġarrba

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.