Language of document : ECLI:EU:F:2012:138

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

2 ta’ Ottubru 2012

Kawża F‑118/10

Aristidis Psarras

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA)

“Servizz pubbliku — Assenjazzjoni — Assenjazzjoni mill-ġdid — Interess tas-servizz — Leave għal raġunijiet personali”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA permezz tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu A. Psarras, membru tal-persunal temporanju tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) ippreżenta dan ir-rikors, b’mod partikolari intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li twaqqaf il-kariga ta’ kontabbli tar-rikorrent u li taħtar persuna oħra sabiex taqdi din il-kariga.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2010 tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-ENISA li ttemm, b’effett immedjat, il-kariga tar-rikorrent bħala kontabbli u li taħtar lil X, membru tal-persunal tal-baġit, fil-pożizzjoni ta’ kontabbli għal żmien indeterminat, kif ukoll id-deċiżjoni tal-1 ta’ Marzu 2010 adottata konsegwentement mid-Direttur Eżekuttiv u li tassenja mill-ġdid f’funzjonijiet ġodda lir-rikorrent, huma annullati. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. L-ENISA għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Proposta li ma torbotx il-korp kompetenti li jieħu d-deċiżjoni finali — Esklużjoni — Att preparatorju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Produzzjoni tal-provi — Terminu — Preżentata tardiva tal-provi proposti — Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 42)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Leave mingħajr ħlas — Skadenza — Reintegrazzjoni — Obbligu tal-amministrazzjoni — Portata

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 17)

1.      L-atti preparatorji għal deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u jistgħu jiġu kkontestati biss b’mod inċidentali, f’rikors kontra l-atti annullabbli.

Tali huwa l-każ ta’ proposta mid-Direttur Eżekuttiv ta’ aġenzija tal-Unjoni, lill-Bord ta’ Ġestjoni, li tassenja b’mod permanenti ċerti kompiti lil uffiċjal u li tneħħilu waħda minn dawn il-karigi. Tali proposta ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li għandha n-natura ta’ deċiżjoni, sa fejn din ma torbotx lill-Bord ta’ Ġestjoni, korp kompetenti li jieħu d-deċiżjoni finali.

(ara l-punti 34 u 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il‑Kummissjoni, 346/87, punt 23; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 22 ta’ Ġunju 1990, Marcopoulos vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑32/89 u T‑39/89, punt 21; 22 ta’ Jannar 1998, Costacurta vs Il‑Kummissjoni, T‑98/96, punt 21

2.      Skont l-Artikolu 42 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-partijiet jistgħu jipproponu provi ulterjuri li jsostnu l-argumenti tagħhom fir-replika u fil-kontroreplika, iżda għandhom jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard. Tali obbligu jimplika li l-qorti tal-Unjoni tingħata s-setgħa li tistħarreġ il-fondatezza tar-raġunijiet għad-dewmien mogħtija mal-preżentata ta’ dawk il-provi proposti u, jekk it-talba ma tkunx fondata b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, is-setgħa li tiċħadhom.

(ara l-punt 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano et vs Il‑Parlament, T‑47/05, punti 54 u 56

3.      Istituzzjoni għandha d-dritt tikkunsidra li, bl-applikazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħha, l-interess tas-servizz jista’ jiġġustifika li membru tal-persunal temporanju, fi tmiem tal-leave tiegħu mingħajr ħlas, ma jerġax jiġi reintegrat fl-impjieg li kellu qabel it-tluq tiegħu.

Madankollu, fil-każ fejn l-istituzzjoni tintrabat li terġa’ tirreintegra dan il-membru tal-persunal fl-impjieg tiegħu, hija obbligata li tosserva dan l-impenn.

(ara l-punti 45 u 50)