Language of document : ECLI:EU:F:2015:9

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Marzu 2015 (*)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BĊE – Proċeduri dixxiplinari – Sanzjoni dixxiplinari – Tkeċċija – Drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl dixxiplinari – Aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti marbutin ma’ dipartimenti oħrajn – Terminu raġonevoli – Legalità tal-kompożizzjoni tal-Kumitat dixxiplinari – Rwol konsultattiv tal-Kumitat dixxiplinari – Aggravar tas-sanzjoni meta pparagunata ma’ dik irrakkomandata – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ġestjoni ta’ dipartiment – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità tas-sanzjoni – Ċirkustanzi attenwanti – Ċirkustanzi aggravanti – Eċċezzjoni ta’ illegalità”

Fil-Kawża F‑73/13,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat TFUE,

AX, ex membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, residenti f’Kibæk (id-Danimarka), irrappreżentat minn L. Levi, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn M. López Torres u E. Carlini, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla),

kompost minn R. Barents, President, E. Perillo u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Diċembru 2014,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’rikors ipppreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-17 ta’ Lulju 2013, AX jitlob b’mod partikolari, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttorat tal-Bank Ċentrali Ewropew (il-BĊE, iktar ’il quddiem “il-Bank”), tat-28 ta’ Mejju 2013, li timponi fuqu s-sanzjoni dixxiplinari ta’ tkeċċija bi preavviż kif ukoll, min-naħa l-oħra, kumpens għal ammont ta’ EUR 20 000 għad-dannu morali li kien ġarrab.

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Il-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE

2        L-Artikolu 36, intitolat “Il-Persunal”, tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat TFUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”) jistipula li:

“36.1 Il-Kunsill Regolatorju, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg tal-impjegati tal-BĊE.

36.2      Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza f’kull tilwima bejn il-BĊE u l-impjegati tiegħu fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet previsti mir-reġim li japplika għalihom.”

2.     Ir-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE

3        Fis-7 ta’ Lulju 1998, fuq il-bażi tal-Artikolu 12.3 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE adotta r-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE. Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal din it-tilwima u kif tirriżulta mid-Deċiżjoni BĊE/2009/5 tad-19 ta’ Marzu 2009 (ĠU L 100, p. 10), l-Artikolu 11 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, intitolat “L-Istaff tal-[BĊE]”, jipprovdi hekk fil-paragrafi (2) u (3) tiegħu:

“11.2  Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 36 u 47 [tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u l-BĊE], il-Bord Eżekuttiv għandu jippromulga regoli ta’ organizzazzjoni (minn issa ’l quddiem imsemmija bħala “Ċirkolari Amministrattivi”) li jorbtu lill-Istaff tal-[BĊE].

11.3      Il-Bord Eżekuttiv għandu jaddotta u jaġġorna kodiċi ta’ kondotta għall-gwida tal-membri tiegħu u l-membri ta’ l-Istaff tal-[BĊE].”

4        Taħt it-titolu “Il-kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg”, l-Artikolu 21 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE jipprovdi hekk:

“21.1. Il-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg u r-Regoli għall-Istaff għandhom jiddeterminaw ir-relazzjoni ta’ l-impjieg bejn il-[BĊE] u l-Istaff tiegħu.

21.2. Il-Kunsill Governattiv, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv u wara konsultazzjoni tal-Kunsill Ġenerali [Regolatorju], għandu jaddotta l-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg.

21.3. Il-Bord Eżekuttiv għandu jaddotta r-Regoli għall-Istaff, li għandhom jimplimentaw il-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg.

21.4. Il-kumitat ta’ l-Istaff għandu jiġi kkonsultat qabel l-addozzjoni ta’ Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg jew Regoli għall-Istaff ġodda. L-opinjoni tiegħu għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill Governattiv [Regolatorju] jew il-Bord Eżekuttiv rispettivament.”

3.     Il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-BĊE

5        Fuq il-bażi tal-Artikolu 36.1 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE u, b’mod partikolari, tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE adotta l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-BĊE (iktar ’il quddiem “il-kundizzjonijiet tal-impjieg”) permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 1998, emendata fil-31 ta’ Marzu 1999 (ĠU L 125, p. 32). Sussegwentement, il-kundizzjonijiet tal-impjieg ġew emendati diversi drabi. Il-verżjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjieg li kienet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010 kienet tistipula b’mod partikolari li:

“3.      Il-privileġġi u l-immunitajiet li jgawdi minnhom il-persunal tal-BĊE permezz tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet [tal-Unjoni Ewropea] jingħataw esklużivament fl-interess tal-BĊE. Dawn il-privileġġi u l-immunitajiet ma jeħilsu bl-ebda mod lill-membri tal-persunal mill-obbligi privati tagħhom, u lanqas ma jeħilsuhom mill-obbligu li josservaw il-liġijiet u r-regolamenti ta’ ispezzjoni fis-seħħ. […]

4.      a) Il-membri tal-persunal għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom kif xieraq u mingħajr ma jqisu l-interessi personali tagħhom. Iridu jġibu ruħhom b’tali mod li josservaw il-funzjonijiet tagħhom u n-natura tal-BĊE bħala korp [tal-Unjoni] […]

[…]

9.      a) Ir-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn il-BĊE u l-membri tal-persunal tiegħu huma rregolati permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol u fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-impjieg [...]. Ir-regoli applikabbli għall-persunal adottati mill-Bord Eżekuttiv għandhom jippreċiżaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ [...] il-kundizzjonijiet tal-impjieg.

[…]

c) Il-kundizzjonijiet tal-impjieg [...] ma huma rregolati minn ebda dritt nazzjonali speċifiku. Il-BĊE japplika i) il-prinċipji ġenerali tad-dritt komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri ii) il-prinċipji ġenerali tad-dritt [ta’ l-Unjoni], u iii) ir-regoli li jinsabu fir-regolamenti u fid-direttivi [ta’ l-Unjoni] li jikkonċernaw il-politika soċjali u li huma indirizzati lejn l-Istati Membri. Kull fejn ikun meħtieġ, dawn [l-istrumenti] legali huma implementati mill-BĊE. F’dan ir-rigward ser jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet [tal-Unjoni]fil-qasam tal-politika soċjali. Il-prinċipji stabbiliti mir-regolamenti, mir-regoli u mill-ġurisprudenza applikabbli għall-persunal tal-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] għandhom debitament jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti mill-[…]kundizzjonijiet tal-impjieg.

[…]

11.       a) . Il-BĊE jista’ jxolji l-kuntratti konklużi mal-membri tal-persunal, abbażi ta’ deċiżjoni mmotivata tal-Bord Eżekuttiv, skont il-proċedura stabbilita bir-regoli applikabbli għall-persunal u għar-raġunijiet segwenti:

[…]

iv)       għal raġunijiet dixxiplinari.

b) Matul il-perijodu ta’ prova jew, fil-każ ta’ tkeċċija għal raġunijiet dixxiplinari, it-terminu ta’ preavviż huwa ta’ xahar.

[…]

41.      Il-membri tal-persunal jistgħu jitolbu li d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tagħhom jkunu suġġetti għal stħarriġ amministrattiv, skont il-proċedura prevista mit-tmien parti tar-regoli applikabbli għall-persunal. […]

[…]

Is-sanzjonijiet dixxiplinari ma jistgħux jiġu kkontestati ħlief permezz tal-implementazzjoni tal-proċedura ta’ rikors speċjali prevista mir-regoli applikabbli għall-persunal.

[…]

44. Is-sanzjonijiet dixxiplinari segwenti jistgħu jittieħdu, skont il-każ, fir-rigward tal-membri tal-persunal […] li, intenzjonalment jew minħabba negliġenza, jonqsu milli jwettqu l-obbligi professjonali tagħhom:

i)       […]

ii)       barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv jista’ jimponi waħda mis-sanzjonijiet li ġejjin:

[…]

–        tnaqqis fil-grad flimkien ma’ bidla fl-assenjazzjoni korrispondenti tal-membru tal-persunal fi ħdan il-[BĊE];

–        tkeċċija bi jew mingħajr preavviż flimkien ma’, f’każijiet debitament iġġustifikati, tnaqqis fil-benefiċċji mogħtija fil-kuntest tal-arranġamenti tal-pensjonijiet [...] jew tal-allowances tal-invalidità, b’tali mod li l-effetti tat-tali sanzjoni ma jkunux jistgħu jiġu estiżi għal persuni responsabbli mill-membru tal-persunal. […]

[…]

45. Is-sanzjonijiet dixxiplinari għandhom ikunu proporzjonati mal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali u jridu jkunu mmotivati. Sabiex jiġu stabbiliti l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali u s-sanzjoni dixxiplinari li għandha tiġi imposta, jitqiesu b’mod partikolari:

–        in-natura tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali u ċ-ċirkustanzi li fihom dan seħħ;

–        l-importanza tad-dannu kkawżat lill-integrità, lir-reputazzjoni u lill-interessi tal-BĊE li jirriżulta min-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali;

–        il-grad ta’ intenzjonalità jew ta’ negliġenza fin-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali;

–        ir-raġunijiet li wasslu lill-membru tal-persunal sabiex jonqos milli jwettaq l-obbligi professjonali tiegħu;

–        il-grad u l-anzjanità tal-membru tal-persunal;

–        il-livell ta’ responsabbiltà tal-membru tal-persunal;

–        in-natura reċidiva tal-att jew tal-aġir li jikkostitwixxu n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali;

–        il-kondotta tal-membru tal-persunal tul il-karriera tiegħu.

Is-sanzjonijiet dixxiplinari jittieħdu skont il-proċedura prevista mir-regoli applikabbli għall-persunal. Din il-proċedura tiggarantixxi li ebda membru tal-persunal […] li għalih huma applikabbli […] il-kundizzjonijiet tal-impjieg ma jista’ jkun suġġett għal sanzjoni dixxiplinari mingħajr ma l-ewwel jingħata l-possibbiltà li jwieġeb għall-ilmenti mressqa kontrih. […]

46. Fil-każ ta’ allegat nuqqas gravi ta’ twettiq tal-obbligi professjonali, il-Bord Eżekuttiv, wara li jkun sema’ lill-membru tal-persunal ikkonċernat, jista’ jiddeċiedi li jissospendih minnufih, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4.     Ir-regoli applikabbli għall-persunal tal-BĊE

6        Fil-verżjoni applikabbli għal din it-tilwima, il-parti 8.3 intitolata “Proċedura dixxiplinari” tar-regoli applikabbli għall-persunal tal-BĊE (iktar ’il quddiem “ir-regoli applikabbli għall-persunal”) adottati mill-Bord Eżekuttiv, tistipula:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 43, 44 u 45 tal-kundizzjonijiet tal-impjieg huma applikati kif ġej.

8.3.1 “Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali” tfisser nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi previsti mill-[Protokoll dwar] l-Istatuti tas-[SEBĊ] u tal-[BĊE], il-kundizzjonijiet tal-impjieg, ir-regoli applikabbli għall-persunal, fil-kodiċi ta’ kondotta tal-[BĊE] u kwalunkwe att legali ieħor, jew kwalunkwe norma jew regola interna oħra applikabbli għall-membri tal-persunal.

8.3.2 Fuq il-bażi ta’ rapport li jesponi l-fatti u ċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxu n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali, inkluża kwalunkwe ċirkustanza aggravanti jew attenwanti, provi insostenn, u filwaqt li jsir riferiment għal dak li jirriżulta mis-seduta tal-membru tal-persunal ikkonċernat wara li dan tal-aħħar jingħata aċċess għad-dokumenti tal-fajl kollha, il-Bord Eżekuttiv jista’ jiddeċiedi:

–        li jiftaħ proċedura dixxiplinari minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali;

[…]

Il-membru tal-persunal li jkun suġġett għall-proċedura dixxiplinari […] jiġi infurmat bil-miktub dwar il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari u l-allegazzjonijiet miġjuba kontrih.

[…]

8.3.4 Ma tista’ tiġi imposta ebda sanzjoni dixxiplinari ħlief twissija bil-miktub jew ċanfira bil-miktub qabel ma jiġi kkonsultat il-Kumitat dixxiplinari.

8.3.5 Il-Kumitat dixxiplinari huwa kompost mill-ħames membri li ġejjin:

a)       President li ma jistax jivvota, maħtur mill-Bord Eżekuttiv minn fost lista kkostitwita minn ex uffiċjali ta’ livell għoli ta’ istituzzjoni oħra tal-Unjoni Ewropea jew minn membri eminenti ta’ organizzazzjoni internazzjonali Ewropea. […];

b)       id-Direttur Ġenerali jew l-Assistent Direttur Ġenerali tar-riżorsi umani, tal-baġit u tal-organizzazzjoni tal-BĊE;

c)       żewġ membri tal-persunal maħtura mill-Bord Eżekuttiv;

d)       rappreżentant tal-persunal maħtur mill-Bord Eżekuttiv minn fost lista li fiha jidhru skont l-ordni ta’ preferenza tliet ismijiet tal-membri tal-persunal, ikkomunikata mill-Kumitat tal-Persunal u s-sindikati rappreżentanti. […]

Il-membri tal-Kumitat dixxiplinari maħtura skont il-punti ċ) u d) ma jistgħux jagħmlu parti mill-istess dipartiment bħall-membru tal-persunal li jkun suġġett għall-proċedura dixxiplinari. […]

[…]

8.3.6 Sakemm dan ikun approvat mill-President tal-Kumitat, membru tal-Kumitat dixxiplinari jista’ jinħeles minn din il-funzjoni minħabba raġunijiet leġittimi u għandu jirtira jekk isib ruħu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi. F’dan il-każ jeħodlu postu s-supplent tiegħu.

8.3.7 Id-deliberazzjonijiet u l-ħidma tal-Kumitat dixxiplinari huma ta’ natura personali u kunfidenzjali skont ir-regoli interni tal-BĊE dwar il-kunfidenzjalità. Il-membri tal-Kumitat dixxiplinari jaġixxu ad personam u jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza assoluta.

8.3.8 Il-President tal-Kumitat dixxiplinari jiżgura l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Kumitat dixxiplinari u jgħarraf lil kull wieħed mill-membri bl-informazzjoni u bid-dokumenti rilevanti kollha.

[…]

8.3.10 Il-membru tal-persunal suġġett għall-proċedura dixxiplinari jiġi infurmat dwar il-kompożizzjoni tal-Kumitat dixxiplinari u jista’ jirrikuża wieħed mill-membri tal-kumitat fi żmien il-ħamest ijiem segwenti.

8.3.11 Ir-rapport previst fl-Artikolu 8.3.2 huwa kkomunikat lill-membru tal-persunal. Hekk kif jirċievi r-rapport, huwa għandu d-dritt jikseb il-fajl personali sħiħ tiegħu u jieħu kopja tad-dokumenti kollha dwar il-proċedura, inkluża l-evidenza li turi li huwa mhux ħati. Għandu jingħata minimu ta’ ħmistax-il jum tal-kalendarju minn meta jirċievi r-rapport sabiex iħejji d-difiża tiegħu.

8.3.12 Il-Kumitat dixxiplinari għandu jisma’ lill-membru tal-persunal, li jista’ jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub jew orali u jista’ jkun assistit minn persuna tal-għażla tiegħu. […]

[…]

8.3.15 Ħafna drabi l-Kumitat dixxiplinari jagħti opinjoni definittiva ffirmata mill-membri kollha tiegħu dwar il-materjalità tal-fatti, dwar jekk jikkostitwixxux nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali u dwar kwalunkwe sanzjoni dixxiplinari. Kull wieħed mill-membri tal-Kumitat dixxiplinari jista’ jżid opinjoni diverġenti għall-opinjoni. Il-Kumitat dixxiplinari jibgħat l-opinjoni definittiva tiegħu lill-Bord Eżekuttiv u lill-membru tal-persunal fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dan tal-aħħar dwar il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari. Jekk il-Kumitat dixxiplinari jkompli b’investigazzjonijiet addizzjonali, dan it-terminu jitwal għal ħames xhur. Madankollu dan dejjem jiddependi minn kemm huwa kumpless il-fajl dixxiplinari.

[…]

8.3.16 Il-membru tal-persunal jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu stess lill-Bord Eżekuttiv fi żmien ħmistax-il jum mit-trażmissjoni tal-opinjoni definittiva tal-Kumitat dixxiplinari.

8.3.17 Il-Bord Eżekuttiv għandu jieħu deċiżjoni dwar is-sanzjoni dixxiplinari l-iktar xierqa fi żmien xahar minn meta jirċievi l-opinjoni definittiva mmotivata tal-Kumitat dixxiplinari kif ukoll osservazzjonijiet tal-membru tal-persunal. Huwa jieħu debitament inkunsiderazzjoni rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Kumitat dixxiplinari, mingħajr madankollu ma jkun marbut minnhom.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.     Iċ-ċirkolari Nru 1/2006

7        Ir-regoli dwar l-investigazzjonijiet amministrattivi fi ħdan il-BĊE huma stipulati fiċ-ċirkolari amministrattiva Nru 1/2006 adottata mill-Bord Eżekuttiv fil-21 ta’ Marzu 2006 (iktar ’il quddiem imsejħa ċ-“ċirkolari Nru 1/2006”). L-Artikolu 2(1) ta’ din iċ-ċirkolari jipprevedi li l-investigazzjonijiet amministrattivi għandhom l-għan li jiċċaraw il-fatti, iżda huma mingħajr preġudizzju għal ebda proċedura dixxiplinari.

8        L-Artikolu 6(14) taċ-ċirkolari Nru 1/2006 jipprovdi li, fi tmiem l-investigazzjoni amministrattiva, il-persuna jew il-bord ta’ persuni (iktar ’il quddiem il-“Bord” jew il-“bord ta’ investigazzjoni”) inkarigati mit-tmexxija tal-investigazzjoni amministrattiva għandhom jippreżentaw rapport immotivat lill-persuna responsabbli mill-investigazzjoni u, meta dan tal-aħħar ikun diriġent superjuri, dan għandu javża lill-Bord Eżekuttiv.

9        L-Artikolu 7(3) taċ-ċirkolari Nru 1/2006 jistipula li:

“L-impjegati tal-BĊE suġġetti għal investigazzjoni amministrattiva:

a)      għandhom jiġu infurmati mill-persuna inkarigata mill-investigazzjoni jew mill-bord, qabel ma jiġi ppreżentat ir-rapport immotivat, dwar il-kontenut tal-allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali tagħhom u għandhom jingħataw l-aċċess għad-dokumenti relatati mal-allegazzjonijiet ifformulati fir-rigward tagħhom u relatati ma’ fatti importanti sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom; u

b)      ikollhom il-possibbiltà li jesprimu l-pożizzjoni tagħhom u li jżidu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet li jikkonċernawhom; sabiex il-fajl ta’ investigazzjoni jkun komplet, dawn il-kummenti għandhom ikunu inklużi fir-rapport immotivat; u

ċ)      għandhom ikunu jistgħu jitolbu l-assistenza ta’ rappreżentant tal-persunal.

L-impjegati tal-BĊE jew ta’ persuni oħrajn implikati fl-investigazzjoni amministrattiva għandu jkollhom ukoll aċċess għal kwalunkwe fatt li jikkonċernahom kif ukoll għad-data personali tagħhom, sabiex jiġi żgurat l-eżattezza u l-kompletezza tagħhom; huma għandhom id-dritt li jiksbu mingħand il-persuna responsabbli mill-investigazzjoni għall-investigazzjonijiet amministrattivi, li taġixxi bħala kontrollur, ir-rettifika immedjata ta’ kwalunkwe impreċiżjoni jew ommissjoni fir-rigward tar-referenzi personali tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.     Il-kodiċi ta’ kondotta tal-BĊE

10      Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kodiċi ta’ kondotta tal-BĊE, stipulat skont l-Artikolu 11.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank (ĠU 2001, C 76, p. 12, iktar ’il quddiem “il-kodiċi ta’ kondotta”), jipprovdu skont kif ġej:

“[…]

2. […]

Il-[membri tal-persunal tal-BĊE,] li huma d-destinatarji ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta, għandhom jagħtu prova ta’ lealtà esklużiva lejn il-BĊE, ta’ onestà, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ diskrezzjoni, mingħajr ma jqisu l-interess personali jew l-interess nazzjonali tagħhom, josservaw ir-regoli tal-etika personali ta’ standard għolja u jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi.

[…]

2.2 Diliġenza, effikaċja u responsabbiltà

Id-destinatarji ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta dejjem iridu jagħmlu ħilithom kollha, b’diliġenza u effikaċja, fil-missjonijiet u fid-dmirijiet fdati lilhom. Għandhom ikollhom għarfien tal-importanza tad-dmirijiet u tal-missjonijiet tagħhom, jieħdu inkunsiderazzjoni dak li jistenna minnhom il-pubbliku rigward l-aġir morali tagħhom, iġibu ruħhom b’tali mod li jżommu u jsaħħu l-fiduċja tal-pubbliku fil-BĊE u jagħtu s-sehem tagħhom għall-effikaċja tal-amministrazzjoni tal-BĊE.

[…]

4.1 […]

Għad-destinatarji ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta, il-lealtà ma timplikax biss li għandhom jeżegwixxu l-kompiti li ġew fdati lilhom mis-superjuri tagħhom, li jikkonformaw ruħhom mal-istruzzjonijiet mogħtija minn dawn tal-aħħar u jsegwu l-ġerarkija xierqa; huma għandhom ukoll jassistu u jagħtu pariri lis-superjuri u lill-kollegi tagħhom u jagħtu prova ta’ moħħ miftuħ u ta’ trasparenza fix-xogħol tagħhom magħhom. B’mod partikolari, il-membri tal-persunal tal-BĊE jridu jżommu aġġornati lill-kollegi kkonċernati tagħhom dwar ix-xogħol li jkun qed isir u jħalluhom jagħtu l-kontribut tagħhom. Iż-żamma ta’ informazzjoni bi ħsara lis-superjuri jew lill-kollegi li tista’ taffettwa l-iżvolġiment tajjeb tax-xogħol, b’mod partikolari għal benefiċċju personali, il-forniment ta’ informazzjoni falza, impreċiża jew imbagħbsa, ir-rifjut ta’ kooperazzjoni mal-kollegi tagħhom jew kull forma ta’ xkiel imorru kontra l-ispirtu ta’ lealtà li huwa mistenni mill-membri tal-persunal tal-BĊE.

[…]

4.2 […]

Il-membri tal-persunal tal-BĊE għandhom josservaw u jipproteġu l-proprjetà tal-BĊE u ma jistgħux iħallu lil terzi jużaw is-servizzi u/jew l-faċilitajiet tal-BĊE. Ebda tagħmir u installazzjonijiet, ta’ kwalunkwe xorta, ma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-membri tal-persunal mill-BĊE għal użu ieħor ħlief dak professjonali, sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni biex isir użu b’mod privat, kemm skont regoli jew prattiki interni applikabbli, kemm fuq bażi diskrezzjonali.

Barra minn hekk, meta dan ikun possibbli, il-membri tal-persunal tal-BĊE għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli u xierqa kollha sabiex jillimitaw l-infiq u l-ispejjeż imġarrba mill-BĊE b’tali mod li r-riżorsi disponibbli jintużaw bl-iktar mod effikaċi possibbli.

5. Applikazzjoni

5.1 Ir-rwol tal-membri tal-persunal tal-BĊE, destinatarji ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta

L-applikazzjoni korretta ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta tiddependi primarjament mill-professjonaliżmu, mill-aġir professjonali u mis-sens komun tad-destinatarji tiegħu.

Barra li juru li huma viġilanti, id-destinatarji ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta li għandhom pożizzjoni ta’ tmexxija għandhom iġibu ruħhom b’mod eżemplari f’dak li għandu x’jaqsam ir-rispett tal-prinċipji u tar-regoli msemmija f’dan il-kodiċi ta’ kondotta.

[…]”

7.     Il-manwal tal-prassi operattivi

11      Il-Kapitolu 7 tal-“manwal tal-prassi operattivi” (“Business Practices Handbook”, iktar ’il quddiem il-“manwal tal-prattiki operattivi”) jistabbilixxi li, fir-rigward taċ-ċentri baġitarji ċentralizzati, il-kompiti u l-fondi assoċjati ma’ baġit ċentrali huma marbutin mas-servizzi pprovduti lis-servizzi oħrajn tal-BĊE mis-servizz inkarigat minn dan il-baġit ċentralizzat. L-amministraturi taċ-ċentri baġitarji (“Budget Center Managers”) huma responsabbli u jridu jagħtu rendikont tal-attivitajiet kollha taċ-ċentru baġitarju rispettiv tagħhom. Huma responsabbli mill-ġestjoni tal-krediti finanzjarji tagħhom, fil-limiti tal-baġit approvat tagħhom u konformement mar-regoli u mal-linji gwida xierqa. Għandhom jiżguraw ruħhom li l-ispejjeż jiġu kontabbilizzati fil-kont finanzjarju t-tajjeb. Skont il-Kapitolu 8 tal-manwal tal-prassi operattivi, il-membri tal-persunal tal-BĊE japplikaw ir-regoli fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi u l-prassi tajba għall-attivitajiet kollha ta’ xiri tagħhom. Iridu jagħmlu mod li jiksbu l-aħjar valur fi kwalità/prezz, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-infiq totali tal-oġġett, u ma jaħsbux biss għall-bżonnijiet attwali, iżda wkoll għall-bżonnijiet potenzjali futuri. L-Artikolu 8.1.1 tal-manwal tal-prassi operattivi jistabbilixxi li l-amministratur ta’ ċentru baġitarju huwa responsabbli mit-twettiq tajjeb u mir-riżultati pożittivi tal-akkwisti, jiġifieri li jrid jikseb l-aħjar valur fi kwalità/prezz u josserva l-istandards tal-BĊE u l-kodiċi ta’ kondotta b’rabta max-xiri.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Il-fatti inizjali li kienu invokati wkoll fil-Kawżi magħquda F‑7/11 u F‑60/11

12      Ir-rikorrent daħal fis-servizz tal-BĊE fl-1 ta’ Ġunju 2003 u, wara proċedura interna ta’ reklutaġġ, inħatar, b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2007, fil-pożizzjoni ta’ Kap ta’ Diviżjoni tat-Taqsima tas-Servizzi tal-Uffiċċju tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Amministrazzjoni”, Diviżjoni li, mid-19 ta’ Frar 2008, sar jisimha “Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi”. B’mod partikolari, din id-diviżjoni kienet inkarigata li tiżgura l-funzjonament tas-servizzi ċentrali tal-posta, tal-iswitchboard telefoniku u ta’ fotokopji; il-ġestjoni tas-subappalt tas-servizzi tat-tindif, ta’ ristorazzjoni interna, ir-riżervazzjoni fi gruppi tal-kmamar tal-lukandi, is-servizzi ta’ interpretazzjoni u l-vjaġġi fuq xogħol; li tiġi żgurata l-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat li jseħħu ġewwa l-BĊE; li jiġi żgurat il-funzjonament ta’ servizz tax-xufiera u tat-trasport; ir-riċeviment tal-kunsinni; l-amministrazzjoni tal-post fejn jinżammu l-ħażniet, kif ukoll il-fornitura ta’ oġġetti u li tiġi żgurata d-distribuzzjoni interna tal-oġġetti.

13      Bħala Kap ta’ Diviżjoni trasversali inkarigata mill-fornitura lil diviżjonijiet oħra tal-Bank ta’ tagħmir u servizzi, bl-eċċezzjoni ta’ tagħmir informatiku, ir-rikorrent kien responsabbli minn baġit ċentralizzat. Fil-funzjonijiet tiegħu, huwa kien assistit minn Assistent Kap (iktar ’il quddiem l-“Assistent Kap ta’ Diviżjoni”).

14      Skont il-politika tal-BĊE dwar xiri, approvata mill-Bord Eżekuttiv, ir-“responsabbiltà tal-fornitura u tax-xiri hija ċentralizzata [inter alia, għall-bqija] mill-investimenti informatiċi ċentralizzati (inklużi l-materjal u s-softwer)”, u fdati lid-Diviżjoni “Infrastruttura u Operazzjonijiet” tad-[DĠ ‘Sistemi ta’ Informazzjoni’]”.

15      Fis-26 ta’ Frar 2010, fuq il-bażi taċ-ċirkolari Nru 1/2006, il-Bord Eżekuttiv iddeċieda li jipproċedi b’investigazzjoni amministrattiva intiża li tiċċara “l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha marbutin max-xiri ta’ artikoli partikolari u mal-użu ta’ ċerti oġġetti tal-BĊE mill-persunal [tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi]” kif ukoll fuq “il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha marbutin ma’ nuqqas eventwali ta’ twettiq tal-obbligi professjonali min-naħa ta’ ċerti membri tal-persunal, b’rabta max-xiri u mal-użu ta’ dawk l-[oġġetti]” (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni amministrattiva inizjali”). Ġie deċiż ukoll li l-membri tal-persunal ikkonċernati ma jiġux informati dwar dan minnufih sabiex jiġi evitat xkiel għall-investigazzjoni amministrattiva. Permezz tal-istess deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2010, id-Direttur tad-Direttorat tal-Verifika Interna nħatar ukoll bħala responsabbli mill-investigazzjoni u twaqqaf bord ta’ investigazzjoni, kompost minn erba’ membri tal-persunal tal-BĊE.

16      Fis-26 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrent instema’ mill-bord ta’ investigazzjoni dwar l-akkwist mid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi ta’ tliet kategoriji differenti ta’ artikoli, jiġifieri i) leptops tat-trade mark X, ii) tipi oħrajn ta’ leptops, u iii) tablets għall-qari. Hawnhekk, ir-rikorrent ġie infurmat, skont l-Artikolu 7(1) taċ-ċirkolari Nru 1/2006, li kien suġġett għal investigazzjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ dik iċ-ċirkolari. Fit-22 ta’ April 2010 intbagħatlu abbozz tal-minuti tas-seduta sabiex ikun jista’ jagħmel osservazzjonijiet f’dan ir-rigward, li huwa għamel fl-10 ta’ Mejju ta’ wara.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ April 2010, li daħlet fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara, il-Bord Eżekuttiv issospenda lir-rikorrent biż-żamma tar-remunerazzjoni bażika kollha tiegħu matul l-investigazzjoni amministrattiva (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-6 ta’ April 2010”). Din id-deċiżjoni kienet tindika li kienet b’mod partikolari fondata fuq il-konfużjoni li kienet tiddomina fi ħdan id-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi u fuq il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-aġir tajjeb tal-investigazzjoni amministrattiva inizjali kif ukoll fuq ir-rapport dwar is-sitwazzjoni ta’ progress fix-xogħlijiet ta’ investigazzjoni tal-Bord (iktar ’il quddiem ir-“rapport dwar is-sitwazzjoni ta’ progress fix-xogħlijiet ta’ investigazzjoni tas-6 ta’ April 2010”), li kien ġie kkomunikat lill-Bord Eżekuttiv fl-istess jum. Fit-3 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrent ikkontesta d-deċiżjoni tas-6 ta’ April 2010, billi ppreżenta rikors speċjali abbażi tal-Artikolu 41 dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tal-Artikolu 8.1.6 dwar ir-regoli applikabbli għall-persunal.

18      Bħala tweġiba għal talba tal-bord ta’ investigazzjoni, ir-rikorrent talab lil wieħed mill-kollegi tiegħu li jieħu lura lill-Bank għadd ta’ oġġetti, proprjetà tal-Bank, li r-rikorrent kien iżomm barra mill-bini tal-BĊE. Dan il-kollega radd lura dawk l-oġġetti lill-BĊE fit-22 ta’ Lulju 2010. Fost dawn l-oġġetti kien hemm tliet leptops, tablet għall-qari, sistema ta’ navigazzjoni portabbli, żewġ kameras u projettur portabbli.

19      Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrent informa lill-bord ta’ investigazzjoni li ma setax ikun preżenti għal seduta prevista għal dak il-jum, minħabba raġunijiet mediċi. Minkejja dan, f’din l-ittra pprovda tweġibiet iddettaljati għall-mistoqsijiet tal-Bord dwar xiri mwettaq mid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi bejn l-2007 u l-2010.

20      F’dan ir-rigward, saħaq b’mod partikolari li bosta xiri inkwistjoni kien sar bħala prova u bi sperimentazzjoni. Spjega wkoll li l-iskop wara x-xiri ta’ kompjuters, ta’ leptops “MacBook” u apparat informatiku ieħor kien li dawn jitqiegħdu fi spazju ddedikat għall-viżitaturi li jipparteċipaw f’laqgħat fil-BĊE fejn ikunu jistgħu jaqraw il-posta elettronika tagħhom, jivverifikaw l-informazzjoni relatata mat-titjiriet tagħhom u jirreġistraw online. Apparat ieħor kellu l-iskop li jitqiegħed fis-swali ta’ stennija użati mix-xufiera tal-BĊE bejn il-vjaġġi tagħhom. Skont ir-rikorrent, dak l-apparat kien għall-mogħdija taż-żmien, speċjalment matul perijodi ta’ stennija twal filgħaxija. Għalhekk, id-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi xtrat consoles tal-logħob video (Wii). Skont ir-rikorrent, is-sistemi ta’ navigazzjoni portabbli kienu nxtraw minħabba vjaġġi twal li jagħmlu x-xufiera fil-Ġermanja u ġewwa l-Ewropa. Fir-rigward tat-telefons mobbli, l-iskop kien li l-Bank jislifhom lil membri tal-persunal iżda ma kinux mogħtija b’mod permanenti, jew li jissostitwixxu dawk difettużi pprovduti mid-DĠ “Sistemi tal-Informazzjoni”. Ix-xiri ta’ telefons mobbli BlackBerry u ta’ apparat marbut magħhom kien iġġustifikat ukoll għaliex dawn issostitwixxew dawk difettużi pprovduti mid-DĠ “Sistemi tal-Informazzjoni” lid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi Ix-xiri ta’ tastieri bla fili kien ordnat mir-rikorrent biex jitqiegħdu fis-swali tal-laqgħat.

21      Dejjem fl-ittra tiegħu lill-Bord tat-22 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrent spjega wkoll ix-xiri ta’ ħames tablets għall-qari, fejn qal li dawn kienu nxtraw bi prova sabiex jiġi stabbilit jekk, fil-futur, apparat bħal dan jistax jew għandux jinxtara mill-Bank sabiex jitqassam bħala rigal lill-persunal tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrent spjega li, peress li kien jaqra ħafna kotba professjonali, kuljum kien iġorr it-tablet għall-qari tiegħu biex ikun jista’ jaqra fuq il-ferrovija jew matul il-vjaġġi li kien jagħmel fuq xogħol.

22      Fir-rigward tat-tagħmir fotografiku mixtri mid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi, dan kien intiż sabiex jintuża biex jinġibdu ritratti ta’ kwalità għolja tal-oġġetti li kienu jidhru fil-katalgu tal-provvisti ta’ din id-diviżjoni. Materjali oħrajn awdjo u video nxtraw għall-preżentazzjonijiet matul il-laqgħat. Skont ir-rikorrent inxtraw anki xi covers biex il-ħaddiema tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi jkunu jistgħu jġorru l-leptops u d-dokumenti tagħhom b’faċilità ikbar. Rigward l-inkwatri għar-ritratti diġitali u l-SD cards (“Secure Digital”) għall-ħżin ta’ ritratti diġitali, dawn inxtraw biex ikunu jistgħu jingħataw, skont il-bżonn, lill-persunal tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi.

23      Fis-26 ta’ Lulju 2010, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) innotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-BĊE, li kien ħa fl-1 ta’ Lulju, li jiftaħ investigazzjoni. Il-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni ttemm l-investigazzjoni amministrattiva inizjali, u dan skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91). Peress li l-Bord ma kienx laħaq temm l-investigazzjoni sas-26 ta’ Lulju 2010, il-bord ta’ investigazzjoni ma ressaq ebda “rapport motivat li jistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-każ kif ukoll l-eżistenza jew l-assenza ta’ provi suffiċjenti li jsostnu l-allegat nuqqas” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens tal-Artikolu 8.3.2 dwar ir-regoli applikabbli għall-persunal u tal-Artikolu 6(14) taċ-ċirkolari Nru 1/2006, lill-persuna responsabbli mill-investigazzjoni.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tat-3 ta’ Awwissu 2010 dwar ir-rikors speċjali ppreżentat mir-rikorrent, il-Bord Eżekuttiv irtira d-deċiżjoni tas-6 ta’ April 2010 u r-rikorrent ingħata kumpens simboliku ta’ EUR 1.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2010, innotifikata dakinhar stess, il-Bord Eżekuttiv issospenda lir-rikorrent mill-funzjonijiet tiegħu mill-5 ta’ Awwissu 2010 filwaqt li ddeċieda li għandu jżomm ir-remunerazzjoni bażika tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2010”). Din id-deċiżjoni tidher li hija bbażata, minn naħa, fuq l-eżistenza ta’ allegazzjonijiet li, kieku ġew stabbiliti, jikkostitwixxu nuqqas gravi ta’ twettiq tal-obbligi professjonali min-naħa tar-rikorrent fid-dawl tal-ħsara kkawżata għall-immaġni tal-BĊE kif ukoll fid-dawl tal-pożizzjoni għolja tal-persuna kkonċernata fi ħdan l-istituzzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat b’mod partikolari l-iżvolġiment tal-investigazzjoni tal-OLAF.

26      Fl-ittra trażmessa lir-rikorrent dwar id-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2010, iffirmata, b’mod partikolari, mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani, Baġit u Organizzazzjoni” (iktar ’il quddiem id-“DĠ ‘Riżorsi Umani’”), ġie enfasizzat b’mod partikolari li r-rikorrent kien irrifjuta bosta drabi li jipparteċipa f’seduta qabel ma ġiet adottata din id-deċiżjoni. B’riferiment għall-ġurisprudenza marbuta mas-seduta tal-parti kkonċernata wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-funzjonijiet, din l-ittra stiednet lir-rikorrent sabiex jattendi seduta fil-11 ta’ Awwissu 2010 fil-11:00am jew kwalunkwe data tajba għalih qabel dakinhar jew, fin-nuqqas ta’ dan, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2010 sa mhux iktar tard mit-3 ta’ Settembru 2010.

27      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Awwissu 2010, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani” informa lir-rikorrent dwar l-allegazzjonijiet ifformulati kontrih u li ġew ikkomunikati lill-Bord Eżekuttiv. Dawn kienu:

“[…]

Fl-ewwel lok, allegazzjonijiet ikkomunikati lill-Bord Ezekuttiv, li jidhru fir-rapport dwar is-sitwazzjoni ta’ progess tax-xogħlijiet ta’ investigazzjoni tas-6 ta’ April 2010, u li tressqu wara intervista mar-rikorrent fis-26 ta’ Marzu 2010, li l-minuti tagħha kienu ġew indirizzati lir-rikorrent […] u li fuqha dan tal-aħħar kien ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub […] fl-10 ta’ Mejju 2010, [rigward]:

i)      [ix-xiri ta’ leptops tat-trade mark X, ix-xiri ta’ leptops oħrajn u ta’ tablets għall-qari mid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi];

ii)      [il-fatt li] l-motiv professjonali, l-użu u fejn jinsabu dawn l-oġġetti ma kinux ċerti.

[It-tieni, allegazzjonijiet ikkomunikati lill-Bord Eżekuttiv, li jidhru fir-rapport dwar il-progress tal-ħidmais-siwazzjoin ta’ progress tax-xogħolijiet ta’ investigazzjoni tas-6 ta’ April 2010, li reġgħu ġew sinteżizzati u sostanzjati fil-minuti tal-laqgħa li saret fl-14 ta’ Lulju2010, li l-verżjoni provviżorja tagħhom kienet intbagħtet permezz ta’ ittra lir-rikorrent fil-21 ta’ Lulju 2010, jiġifieri li:]

i)      ċertu numru ta’ artikoli bħal leptops tat-trade mark X, tipi oħra ta’ leptops jew desktop kompjuters u tablets għall-qari kienu nxtraw minn wieħed miż-żewġ ċentri baġitarji ċentralizzati li tagħhom hija responsabbli d-diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi, u li ma kienx magħruf fejn tinsab il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-artikoli;

ii)      [ir-rikorrent] kien nieda, awtorizza jew ippermetta, fil-kariga ta’ Kap tad-[Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi], ix-xiri ta’ dawn l-artikoli;

iii)      il-motivi professjonali li għalihom sar dan ix-xiri wkoll kienu kontestabbli fir-rigward tar-rwol u tar-responsabbiltajiet tad-[Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi], hekk kif jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-kompiti tad-Diviżjoni approvata mill-Bord Eżekuttiv;

iv)      [ir-rikorrent], bħala responsabbli mid-[Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi], ma [kienx] fil-pożizzjoni li jipprovdi spjegazzjoni raġonevoli rigward fejn kienet tinsab il-parti l-kbira ta’ dawn l-artikoli.

[It-tielet[, allegazzjonijiet ikkomunikati lill-Bord Eżekuttiv, li jidhru fir-rapport dwar il-progress tal-ħidma ta’ investigazzjoni tad-19 ta’ Lulju 2010, [jiġifieri]:

i)      127 xiri ta’ artikoli, magħmul mid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi, li setgħu jitqassmu fi 13-il kategorija differenti, fejn l-iktar importanti kienu: i) leptops tat-trade mark [X] u aċċessorji assoċjati; ii) kompjuters oħrajn u aċċessorji assoċjati; iii) tipi oħrajn ta’ materjal u softwer informatiku; iv) sistemi ta’ navigazzjoni, u v) telefons mobbli. Fis-17 ta’ Awwissu 2010, ma setax jiġi stabbilit fejn kien jinsab numru limitat minn fost dawn il-127 artikolu;

ii)      l-inċertezzi rigward il-motiv professjonali li fuqu huwa bbażat ix-xiri ta’ dawn l-artikoli, fid-dawl ta’ kwalunkwe proġett jew kompitu li kienu marbutin miegħu u fid-dawl tar-rabtiet bejn il-proġett jew il-kompitu inkwistjoni u r-responsabbiltajiet funzjonali tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi.

[…]”

28      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrent talab lill-BĊE sabiex jagħtih aċċess għal numru ta’ dokumenti. Permezz tal-ittra tas-17 ta’ Awwissu 2010, il-BĊE ċaħad din it-talba, u f’dan ir-rigward irrefera għall-pożizzjoni tiegħu li kienet tinsab fl-ittri preċedenti tat-28 ta’ April, il-21 ta’ Mejju u l-5 ta’ Lulju 2010, kif ukoll f’dik, tal-4 ta’ Awwissu 2010, tat-trażmissjoni tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2010. Fid-dokument mehmuż mal-ittra tas-17 ta’ Awwissu 2010, il-BĊE tenna l-ilmenti li saru kontra r-rikorrent u li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2010.

29      Permezz ta’ ittri tat-3 u tal-10 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrent ippreżenta l-kummenti tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2010. B’mod partikolari, huwa enfasizza l-kwalitajiet tiegħu bħala Kap ta’ Diviżjoni (“manager”), speċjalment il-fatt li kien ser jiffranka EUR 3 miljuni lill-BĊE fil-kuntest ta’ kuntratt li jkopri sistema informatika, b’applikazzjonijiet u prodotti marbutin, imfassla għall-ipproċessar ta’ data u msejħa “SAP”.

30      Rigward ix-xiri inkwistjoni, ir-rikorrent sostna li dan kien sar konformement mar-regoli u mal-istandards fis-seħħ fil-BĊE u li kien jissodisfa bżonnijiet professjonali marbutin mal-funzjonijiet tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi.

31      Fir-rigward tax-xiri ta’ leptops tat-trade mark X, ir-rikorrent indika li dan ix-xiri kien sar għall-bżonnijiet tal-ispazju tal-viżitaturi tal-BĊE u li l-għażla ta’ leptops ta’ din it-trade mark kienet saret, minbarra għall-aspett estetiku tagħhom, minħabba l-affidabbiltà teknika aħjar tagħhom għal użu tal-internet bla fili pjuttost milli dawk tat-trade mark Y, li normalment tintuża fil-BĊE.

32      Sussegwentement, il-Bord Eżekuttiv talab lill-Bord ta’ investigazzjoni li jipprepara, bħala tweġiba għall-argumenti tar-rikorrent, nota li tinkludi l-osservazzjonijiet tiegħu, il-konstatazzjonijiet tiegħu u r-riżultati mill-intervisti/mistoqsijiet li saru sas-26 ta’ Lulju 2010.

33      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrent ippreżenta rikors speċjali kontra d-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2010. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE tat-23 ta’ Novembru ta’ wara.

34      Fit-23 ta’ Novembru stess, il-Bord Eżekuttiv adotta, wara li eżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tar-rikorrent wara l-kummenti bil-miktub tiegħu, deċiżjoni ġdida li tikkonferma d-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2010. Din id-deċiżjoni l-ġdida kienet tindika li ġiet adottata wara li l-Bord Eżekuttiv kien talab lill-Bord ta’ investigazzjoni li jipprepara nota li kien fiha l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kummenti fformulati mir-rikorrent. Ir-raġunijiet tas-sospensjoni tar-rikorrent kienu, fl-ewwel lok, il-konstatazzjoni mill-Bord Eżekuttiv li ċerti kummenti li ppreżenta r-rikorrent ma kinux jaqblu ma’ ċerti osservazzjonijiet u konklużjonijiet ifformulati mill-Bord; it-tieni, l-assenza ta’ spjegazzjonijiet min-naħa tar-rikorrent rigward il-127 oġġett li fir-rigward tagħhom kien akkużat li b’mod gravi kiser l-obbligi professjonali tiegħu, peress li l-kummenti tiegħu ma kinux ta’ natura li jagħmlu dawk l-akkużi improbabbli biżżejjed jew manifestament infondati; u, it-tielet, it-tkomplija tal-investigazzjonijiet tal-OLAF fil-kuntest tal-investigazzjoni tiegħu. Fl-ittra ta’ notifika ta’ din id-deċiżjoni kienu riprodotti estratti mill-konklużjonijiet provviżorji tal-Bord li l-Bord Eżekuttiv indika li bbaża ruħu fuqhom.

35      Matul ix-xahar ta’ Jannar 2011, il-BĊE informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu li jiftaħ proċedura ta’ invalidità fil-konfront tiegħu.

36      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2011, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE ċaħad ir-rikors speċjali ppreżentat mir-rikorrent, fil-21 ta’ Jannar 2011, kontra d-deċiżjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2010 li kkonfermat dik tal-4 ta’ Awwissu 2010.

37      Fis-16 ta’ Marzu 2011, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani” informa lir-rikorrent li, mit-28 ta’ Marzu 2011, ma kienx ser ikompli jirċievi r-remunerazzjoni tiegħu, iżda kien ser jirċievi kumpens għal invalidità ekwivalenti.

38      Fit-22 ta’ Marzu 2011, l-OLAF stieden lir-rikorrent sabiex jipparteċipa f’seduta previstafit-12 u fit-13 ta’ Mejju 2011.

39      Permezz ta’ atti li waslu quddiem ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, rispettivament, fit-2 ta’ Frar u fil-25 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrent ippreżenta żewġ rikorsi, bl-ewwel wieħed, irreġistrat bir-referenza F‑7/11, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2010 u, it-tieni wieħed, irreġistrat bir-referenza F‑60/11, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2010 li kkonfermat dik tal-4 ta’ Awwissu 2010, f’dan il-każ iż-żewġ deċiżjonijiet li bihom il-BĊE kien issospendih mill-funzjonijiet tiegħu.

40      Permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, AX vs BĊE (F‑7/11 u F‑60/11, EU:F:2012:195), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad iż-żewġ rikorsi u kkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

2.     Dwar ir-rapport tal-attivitajiet tal-Bord

41      Mill-proċess jirriżulta li, minkejja li ma kienx laħaq lesta x-xogħol tiegħu fis-26 ta’ Lulju 2010, data li fiha n-notifika mill-OLAF tal-ftuħ tal-investigazzjoni tiegħu kienet waslet ma jkunx iktar involut mill-każ, il-Bord ta’ investigazzjoni xorta waħda ta rendikont tal-ħidma li kien laħaq għamel sa dik id-data fil-forma ta’ rapport tal-attivitajiet (“Activity Report”, iktar ‘il quddiem ir-“rapport tal-attivitajiet tal-Bord”) tal-15 ta’ Marzu 2011. L-għan ta’ dan ir-rapport kien li jagħti rendikont tal-“evalwazzjoni provviżorja magħmula mill-Bord ta’ investigazzjoni sas-26 ta’ Lulju 2010 f’dak li jikkonċerna l-motivi professjonali li abbażi tagħhom sar ix-xiri ta’ waħda mill-kategoriji ta’ oġġetti inkwistjoni, kif ukoll il-koerenza tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti.”

42      Ir-rapport tal-attivitajiet tal-Bord ġie kkomunikat sena wara, fit-22 ta’ Marzu 2012, mill-uffiċjali responsabbli għall-investigazzjoni, jiġifieri d-Direttorat ta’ Verifika Interna, lid-DĠ “Riżorsi Umani”. Kien iġġustifikat li jintbagħat dan ir-rapport minħabba l-fatt li dan ir-rapport “kien jinkludi informazzjoni li ma kinitx riflessa fir-rapport finali tal-OLAF [kif imsemmi fil-punt 51 ta’ din is-sentenza] u li setgħet tinvolvi elementi supplimentari, inklużi potenzjalment ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, li d-[DĠ “Riżorsi Umani”] seta’ jieħu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tiegħu dwar jekk jieħux passi dixxiplinari jew le.” Barra minn hekk, id-Direttur tal-Verifika Interna kien ippreċiża li r-rapport tal-attivitajiet tal-Bord “kien jirrifletti sempliċement, fil-qosor, l-osservazzjonijiet u r-riżultati kollha mill-intervisti miksuba sas-26 ta’ Lulju 2010 u li kien jaqbillu li jagħmel distinzjoni ċara bejn dan u “rapport immotivat li jistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-kawża kif ukoll l-eżistenza jew l-assenza ta’ provi suffiċjenti insostenn tan-nuqqas allegat”, f’dan il-każ rapport fis-sens tal-Artikolu 8.3.2 tar-regoli applikabbli għall-persunal u tal-Artikolu 6(14) taċ-ċirkolari Nru 1/2006.

3.     Dwar ir-rapport tal-OLAF

 Dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjoni

43      Fil-kuntest tal-investigazzjoni tiegħu, l-OLAF, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Lulju 2010, talab informazzjoni mingħand il-BĊE, li ngħatatlu permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Awwissu 2010. It-tim tal-investigazzjoni tal-OLAF għamel ukoll verifika fuq il-post bejn l-20 u l-24 ta’ Settembru 2010, li matulha intervista tnax-il membru tal-persunal tal-BĊE bħala “xhieda”. Fid-19 ta’ Novembru 2010, l-OLAF interroga wkoll lil membru ieħor tal-persunal tal-Bank.

44      Fit-23 ta’ Marzu 2011, il-membri tal-Bord ta’ investigazzjoni ltaqgħu fil-bini tal-OLAF u, din id-darba, qasmu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq kull waħda mill-kategoriji ta’ oġġetti mixtrija mid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi, ippreżentaw l-evalwazzjonijiet provviżorji tagħhom dwar il-fatti sas-26 ta’ Lulju 2010 u wieġbu għall-mistoqsijiet li għamlilhom l-OLAF f’dan ir-rigward.

45      Mill-proċess jirriżulta li l-Bord ta’ investigazzjoni kien għalhekk ipprovda l-assistenza tiegħu għall-iżvolġiment tal-investigazzjoni tal-OLAF. Fil-kuntest ta’ din l-assistenza, l-OLAF talab lill-BĊE, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Marzu 2011, sabiex jibgħatlu kopja tar-rapport tal-attivitajiet tal-Bord li dan kien semma f’waħda mit-tweġibiet tiegħu għal talbiet għal informazzjoni tal-OLAF.

46      Fit-30 ta’ Marzu 2011, id-Direttur tad-Direttorat tal-Verifika Interna, bħala l-uffiċjal responsabbli mill-investigazzjoni, ittrażmetta r-rapport tal-attivitajiet tal-Bord lill-OLAF u ġibidlu l-attenzjoni “għall-fatt li dak ir-rapport kien jirrifletti unikament l-attivitajiet tal-Bord ta’ investigazzjoni sas-26 ta’ Lulju 2010, jiġifieri d-data li fiha l-BĊE kien ġie infurmat mill-OLAF dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni f’dan il-każ, biex b’hekk intemmet l-investigazzjoni amministrattiva inizjali. Konsegwentement, l-osservazzjonijiet ewlenin u l-evalwazzjonijiet provviżorji tal-Bord ta’ investigazzjoni f’dak li jikkonċerna t-tlettax-il kategorija ta’ xiri inkwistjoni magħmul mid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi ma setgħu b’ebda mod jiġu interpretati bħala li kienu konklużjonijiet finali fuq kull waħda minn dawn il-kategoriji jew fuq kwalunkwe element ieħor tal-fajl.”

47      Peress li r-rikorrent ma kienx disponibbli, l-OLAF stiednu sabiex jipprovdilu osservazzjonijiet jew kummenti dwar is-sunt tal-allegazzjonijiet li jikkonċernah sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2011 u, barra minn hekk, għamillu diversi mistoqsijiet.

48      Fit-30 ta’ Awwissu 2011, il-BĊE ttrażmetta lill-avukat tar-rikorrent partijiet minn dokumenti jew dokumenti sħaħ mitluba mill-avukat tar-rikorrent fis-26 ta’ Awwissu 2011. Permezz ta’ ittra tal-2011 tal-avukat tiegħu, ir-rikorrent wieġeb għal tliet mistoqsijiet ewlenin li għamel l-OLAF permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2011 u ppreżenta l-kummenti tiegħu dwar il-motivi professjonali li huma l-bażi tax-xiri inkwistjoni u fuq ir-rabtiet tagħhom mal-funzjonijiet u mar-responsabbiltajiet tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi mmexxija mir-rikorrent.

49      Rigward il-lista ta’ xiri inkwistjoni mwettaq mid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi, ir-rikorrent fakkar lill-OLAF li fid-29 ta’ Ġunju 2010 huwa kien diġà ġie mistieden mill-Bord ta’ investigazzjoni sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward. Huwa saħaq b’mod partikolari li ma kien hemm xejn ħażin li kien ħa miegħu d-dar tagħmir li kien proprjetà tal-BĊE, peress li b’dan il-mod seta’ jikkonfigurah u jirranġah bil-lest, biex b’hekk id-dipartiment jiffranka l-ħin. Huwa sostna li qatt ma ordna x-xiri ta’ oġġetti minn fuq il-baġit tal-Bank għall-użu personali jew privat tiegħu u li, fi kwalunkwe każ, il-familja tiegħu u huwa stess dejjem kellhom ħafna tagħmir teknoloġiku, mixtri bi flushom stess, li kien jikkonsisti f’materjal informatiku u fotografiku. Fit-tweġiba tiegħu lill-OLAF, iddikjara huwa wkoll li qatt ma ordna l-użu ta’ ċerti intestaturi tal-baġit tat-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi għax-xiri inkwistjoni, peress li d-determinazzjoni konkreta tal-intestatura tal-baġit xierqa b’rabta mal-funzjoni tax-xiri kkonċernat kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Assistent Kap ta’ Diviżjoni.

50      Wara li identifika l-membru tal-persunal li kien approva approssimament terz tax-xiri inkwistjoni, jiġifieri l-Assistent Kap ta’ Diviżjoni, l-OLAF sema’ lil dan tal-aħħar fit-13 ta’ Ottubru 2011.

 Dwar il-konklużjonijiet tar-rapport tal-OLAF

51      Fi tmiem l-investigazzjoni tiegħu, l-OLAF adotta rapport finali li fih irrakkomanda, fir-rigward tar-rikorrent, li l-investigazzjoni tingħalaq b’passi dixxiplinari (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAF”). Dan ir-rapport, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tal-BĊE li ġie fformulat fit-8 ta’ Novembru 2011, intbagħat lil dan tal-aħħar fis-27 ta’ Jannar 2012. Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent ġie infurmat mill-OLAF dwar l-għeluq tal-investigazzjoni min-naħa ta’ dan l-uffiċċju fit-23 ta’ Jannar 2012.

52      Mir-rapport tal-OLAF jirriżulta li membru tal-persunal tal-BĊE li talab li jibqa’ anonimu (iktar ’il quddiem il-“whistleblower”) kixef l-eżistenza ta’ irregolaritajiet possibbli mwettqa fi ħdan id-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi. Dawn kienu marbutin max-xiri li kien għamel ir-rikorrent, matul is-sena 2010, ta’ żewġ sistemi ta’ navigazzjoni portabbli minkejja li l-karozzi uffiċjali kollha tal-BĊE diġà kienu mgħammra, bħala mudelli, minn tali sistema, kif ukoll xiri ieħor; bosta projjetturi LED, tliet kameras, waħda minnhom ta’ kwalità professjonali, kif ukoll għadd ta’ leptops u aċċessorji. Il-whistleblower semma wkoll li kellu l-impressjoni li r-rikorrent, li kien qed iħabbat wiċċu ma’ problemi finanzjarji serji, kien qed jerġa’ jbigħ it-tagħmir mixtri bil-fondi tad-dipartiment tiegħu u jżomm il-qligħ.

53      F’dak li għandu x’jaqsam max-xiri ta’ leptops tat-trade mark X, mhux użata mill-BĊE, u ta’ aċċessorji marbutin magħhom, l-OLAF irrileva li dan ix-xiri ta’ prodotti informatiċi ma kienx jaqa’ taħt id-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi. Anki jekk kienu saru riferimenti għal proġett biex is-swali tal-laqgħat ta’ wieħed mill-bini tal-BĊE jiġu mgħammra b’konnessjoni bla fili tal-internet, l-OLAF ikkonstata li dan il-proġett kien jaqa’ taħt id-DĠ “Sistemi tal-Informazzjoni” u li ebda leptop ma kien inxtara taħt il-qafas ta’ dan il-proġett. Fi kwalunkwe każ, l-OLAF ikkunsidra li ċ-ċirkustanza li l-leptops inkwistjoni kienu nxtraw mir-rikorrent ferm qabel ma tnieda dan il-proġett kienet issaħħaħ iktar id-dubji dwar jekk dak ix-xiri kienx meħtieġ. B’hekk l-OLAF ikkonkluda li ma kien hemm ebda raġuni professjonali valida li tispjega x-xiri ta’ din il-kategorija ta’ oġġetti.

54      Rigward ix-xiri ta’ inkwatri għar-ritratti diġitali (“Electronic photo frames”) u tat-tablets għall-qari (“E-books”), l-OLAF ikkonkluda wkoll li ma kienx hemm raġuni professjonali li setgħet tiġġustifika dak ix-xiri u li dawn lanqas ma kienu jaqgħu taħt id-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi.

55      Bl-istess mod, f’dak li jikkonċerna x-xiri ta’ “kompjuters oħrajn u aċċessorji marbuta” (“other computers and related accessories”), l-OLAF irrileva li dak ix-xiri ma jaqax taħt id-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi u li l-ġustifikazzjoni invokata mir-rikorrent u mill-Assistent Kap ta’ Diviżjoni, jiġifieri xogħol mid-dar, l-issoktar tax-xogħol u s-self mill-Bank lill-persunal għal laqgħat u preżentazzjonijiet, kienet tikkontradiċi d-dikjarazzjonijiet tax-xhieda li kien intervista. B’hekk l-OLAF ikkonkluda li ma hemmx raġuni professjonali li setgħet tiġġustifika dak ix-xiri.

56      Rigward ix-xiri ta’ sistemi ta’ navigazzjoni portabbli, l-OLAF ikkonstata li l-ġustifikazzjoni invokata mir-rikorrent, jiġifieri li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tax-xufiera tal-BĊE għall-vjaġġi twal tagħhom fil-Ġermanja u ġewwa l-Ewropa, kienet kontradizzjoni ċara meta pparagunata mad-dikjarazzjonijiet tax-xufiera stess u dawk tal-Assistent Kap ta’ Diviżjoni, li qalu li l-vetturi uffiċjali tal-Bank diġà kienu mgħammra b’sistemi ta’ navigazzjoni integrati. Għalhekk, skont l-OLAF, ma kien hemm ebda raġuni professjonali valida għax-xiri tagħhom.

57      F’dak li għandu x’jaqsam max-xiri ta’ kompjuters u aċċessorji oħrajn, l-OLAF ikkonstata li dan ix-xiri kellu jiġi qċentralizzat fil-livell tad-DĠ “Sistemi tal-Informazzjoni” u li ma kienx iġġustifikat mill-perspettiva tal-ħtiġijiet professjonali tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi.

58      Barra minn hekk, l-OLAF ikkunsidra li x-xiri, tul il-perijodu 2007-2010, ta’ tnax-il telefon mobbli BlackBerry u ta’ telefons mobbli oħrajn kif ukoll il-konklużjoni ta’ kuntratti tat-telefons mobbli ma kinux iġġustifikati minn raġunijiet professjonali u li dawn l-akkwisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi ma sarux taħt id-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi.

59      Fir-rigward tax-xiri ta’ erba’ kameras tar-ritratti diġitali, fl-2007 u fl-2010, l-OLAF ċaħad il-motiv ta’ ġustifikazzjoni invokat mir-rikorrent fejn huwa qal li dawk il-kameras kienu ntużaw għas-servizz ta’ kwalità u l-katalgu online tiegħu. Rigward l-ispjegazzjonijiet li pprovda r-rikorrent biex jiġġustifika l-fatt li ħa miegħu d-dar tnejn minn dawk il-kameras tar-ritratti, jiġifieri l-bżonn li jissettjahom, jiċċarġjahom u li jaqra l-manwal tal-użu tagħhom, dawn ġew miċħuda mill-OLAF, speċjalment għaliex ir-rikorrent ma kienx ħa dawk il-manwali tal-użu d-dar miegħu flimkien mal-kameras tar-ritratti.

60      Fir-rigward tax-xiri tal-printers, l-OLAF qies li, jekk kien hemm din il-ħtieġa fid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi, din id-diviżjoni ma kellhiex għalfejn tiffornixxi ruħha mingħand l-intermedjarju tad-DĠ “Sistemi tal-Informazzjoni”. L-OLAF għamel l-istess konstatazzjoni fir-rigward tax-xiri ta’ prodotti tat-trade mark Logitech.

61      F’dak li għandu x’jaqsam max-xiri ta’ televiżjoni, ta’ skrins u projjetturi, l-OLAF stqarr li x-xiri ta’ televiżjoni u ta’ skrin seta’ kien iġġustifikat għall-ħtiġijiet tax-xufiera tal-BĊE. Min-naħa l-oħra, l-OLAF ma sab ebda ġustifikazzjoni valida għax-xiri tal-projjetturi u iskrins li allegatament kienu ddestinati sabiex jintużaw għal preżentazzjonijiet fl-uffiċċji u fis-swali tal-laqgħat.

62      Rigward ix-xiri ta’ consoles u softwer tal-logħob, b’mod partikolari softwer bl-isem “Body for LIFE companion”, li suppost kellu jippjanifika eżerċizzji fiżiċi ta’ kuljum, u logħba bil-logo ta’ tim tal-futbol Amerikan, l-OLAF irrileva li x-xufiera tal-BĊE kienu ċaħdu li kellhom dan it-tagħmir ta’ divertiment għad-dispożizzjoni tagħhom, għall-kuntrarju ta’ dak li indika r-rikorrent biex jiġġustifika dawk l-akkwisti.

63      L-OLAF ikkonkluda li, bejn ix-xhur ta’ Ottubru tal-2007 u Marzu tal-2010, id-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi kienet xtrat 127 prodott informatiku u prodotti dderivati li, b’kollox, kienu jirrappreżentaw 411-il oġġett individwali u dan bl-użu, f’ammont totali ta’ madwar EUR 65 000, tal-linja baġitarja “Appoġġ għas-Servizzi Amministrattivi […]” (“Administrative Services Support […]”) tal-baġit ċentralizzat tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi. Kien ir-rikorrent li ordna żewġ terzi ta’ dan l-infiq filwaqt li l-Assistent Kap ta’ Diviżjoni kien ordna t-terz l-ieħor.

64      L-OLAF ikkonstata li l-BĊE kien fil-pożizzjoni li jsib jew li jillokalizza 95 mill-oġġetti inkwistjoni, filwaqt li baqa’ ma huwiex magħruf fejn jinsabu t-316-il oġġett l-oħra, b’valur stmat ta’ EUR 40 674.74. Minħabba l-fatt li ebda wieħed minn dawn l-oġġetti ma kien iddaħħal fl-inventarju tas-sistema loġistika tat-tagħmir (“Equipment Logistics System”, iktar ’il quddiem is-“sistema ‘ELS’”) prevista għal dan il-għan jew f’kull sistema ta’ inventarju oħra tal-BĊE, kien diffiċli li jiġi stabbilit fejn kienu jinsabu. Minkejja dan, l-OLAF indika li ma sabx elementi li jikkorroboraw is-suspetti li r-rikorrent kien uża ħażin l-oġġetti inkwistjoni jew li dawn l-oġġetti nsterqu jew intużaw ħażin minn xi membru tal-persunal tal-BĊE. Anki jekk jinstab li l-akkwisti inkwistjoni kienu jinvolvu xi nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali, l-OLAF ma rrakkomanda ebda segwitu ġudizzjarju.

65      Minbarra l-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni tiegħu, l-OLAF għamel ukoll diversi rakkomandazzjonijiet għall-attenzjoni tal-BĊE, jiġifieri, fl-ewwel lok, li dan tal-aħħar jirrevedi s-sistemi finanzjarji interni tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi sabiex jiġi evitat li membru subordinat fil-ġerarkija jkun kontrofirmatarju, peress li, minħabba n-nuqqas ċar ta’ indipendenza tal-membru subordinat, ma jkun qed jinkiseb ebda valur miżjud għall-kontroll fuq min jordna; it-tieni, li jorganizza aħjar iċ-ċentri baġitarji ċentralizzati li huma simili għal dak tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi sabiex tiżdied it-trasparenza tas-sistema ta’ xiri applikata minn din id-diviżjoni; it-tielet, li jiżgura li l-proċeduri fi ħdan id-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi japplikaw b’mod strett il-prinċipju ta’ speċifiċità fil-baġit u jiggarantixxu ġestjoni finanzjarja tajba; u, ir-raba’, li jirrevedi l-livell ta’ kontroll intern li, b’mod ġenerali, huwa kemxejn baxx, kemm fi ħdan id-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi kif ukoll fis-superviżjoni ta’ din id-diviżjoni.

4.     Dwar il-proċedura dixxiplinari mibdija skont l-Artikolu 8.3.2 tar-regoli applikabbli għall-persunal

 Dwar il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari u r-rapport tal-Artikolu 8.3.2

66      Wara r-rapport tal-OLAF, ir-rikorrent ġie intervistat mill-Kap tad-Diviżjoni “Politika Riżorsi Umani u Relazzjonijiet mal-Istaff” tad-DĠ “Riżorsi Umani” kif ukoll minn żewġ membri tad-Diviżjoni inkarigata mir-Relazzjonijiet mal-Istaff (“Staff Relations Division”), fuq il-bażi tal-Artikolu 8.3.2 tar-regoli applikabbli għall-persunal (iktar ’il quddiem imsejħa l-“kummissjoni ta’ investigazzjoni”). Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-24 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrent ikkomunika ċerti dokumenti lill-Bord ta’ investigazzjoni. Wara li fit-18 ta’ Ottubru 2012 ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-abbozz ta’ rapport li kien ġie kkomunikat lilu fis-26 ta’ Settembru ta’ qabel, id-Direttorat tal-Persunal tal-BĊE adotta r-rapport kif previst fl-Artikolu 8.3.2 tar-regoli applikabbli għall-persunal fid-19 ta’ Novembru 2012, bl-isem “Rapport dwar nuqqas possibbli ta’ twettiq tal-obbligi professjonali […]” (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Artikolu 8.3.2”).

67      Ir-rapport tal-Artikolu 8.3.2 jistipula b’mod partikolari dan li ġej:

“[…]

Dan ir-rapport tħejja mid-DĠ [‘Riżorsi Umani’] fuq il-bażi tal-Artikolu 8.3.2 tar-regoli applikabbli għall-persunal sabiex jiġu ppreżentati l-fatti u ċ-ċirkustanzi marbutin ma’ nuqqas possibbli min-naħa tar-rikorrent ta’ twettiq tal-obbligi professjonali tiegħu b’rabta mal-parteċipazzjoni u mar-responsabbiltà tiegħu fix-xiri mwettaq mid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi. […]

Tħejja, fl-ewwel lok, abbażi tar-rapport […] tal-OLAF, it-tieni, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mid-Direttorat ta’ Verifika Interna rigward l-attivitajiet tal-Bord ta’ investigazzjoni […] sas-26 ta’ Lulju  2010, data li fiha ġiet interrotta l-investigazzjoni amministrattiva inizjali, it-tielet, abbażi tal-informazzjoni li r-rikorrent kien ipprovda u, ir-raba’, abbażi ta’ informazzjoni amministrattiva oħra disponibbli għad-DĠ [“Riżorsi Umani”].

[…]

Taħt it-tmexxija tar-rikorrent, id-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi xtrat 127 prodott informatiku u prodotti dderivati li jirrappreżentaw 411-il oġġett individwali differenti li fir-rigward tagħhom jista’ jitqajjem dubju dwar il-motiv professjonali tagħhom fir-rigward tar-responsabbiltajiet ta’ [din id-diviżjoni].

[…]

Fuq l-411-il oġġett differenti mixtrija mid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi taħt it-tmexxija tar-rikorrent, il-BĊE rnexxielu jirkupra jew isib 95 oġġett. Ma huwiex magħruf fejn jinsabu t-316-il oġġett li jifdal. Il-valur stmat ta’ dawn l-oġġetti neqsin huwa meqjus għal EUR 40 674.74.

Fid-dawl tal-fatt li l-ebda wieħed minn dawn l-oġġetti ma ddaħħal fl-inventarju u lanqas fis-sistema “ELS” u lanqas f’xi sistema ta’ inventarju oħra tal-BĊE, is-sejba tal-oġġetti neqsin [...] saret iktar diffiċli. Skont ir-rikorrent, ma huwiex il-fatt li l-oġġetti ma kinux irreġistrati f’sistema li jagħmel is-sejba tagħhom diffiċli. Mill-perspettiva tiegħu, l-ispjegazzjonijiet possibbli huma dawn li ġejjin: i) l-oġġetti huma dejjem xi mkien fir-riżervi tal-BĊE u ma nstabux għaliex l-ispezzjoni li saret ma kinitx adegwata; minkejja dan, mill-perspettiva tar-rikorrent, hemm dubji kbar li dan huwa l-każ, peress li l-persuni tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi li kienu qiegħdu dawn l-oġġetti fir-riżervi jiftakru bl-eżatt fejn poġġew dawn l-oġġetti, bi jew mingħajr sistema ta’ inventarju; ii) l-oġġetti kienu tqiegħdu xi mkien ieħor minn persunal li ma huwiex membru ta’ dik id-diviżjoni (persunal ta’ diviżjonijiet oħrajn jew ta’ kumpanniji esterni li għadhom aċċess għar-riżervi); jew iii) l-oġġetti kienu tneħħew minn persuna jew persuni sabiex jippruvaw jinkriminaw lir-rikorrent jew għall-qligħ personali tagħhom.

[…]”

68      Ir-rapport tal-Artikolu 8.3.2 jelenka wkoll sensiela ta’ ċirkustanzi aggravanti u attenwanti tal-aġir inkwistjoni tar-rikorrent.

69      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrent ġie infurmat bid-deċiżjoni meħuda mill-Bord Eżekuttiv, fis-27 ta’ Novembru ta’ qabel, li tiftaħ il-proċedura dixxiplinari kif ukoll li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Kumitat dixxiplinari, jiġifieri ex membru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bħala President u erba’ membri tal-persunal li ġejjin minn direttorati ġenerali differenti tal-BĊE kif ukoll membri supplenti. Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura dixxiplinari semmiet b’mod espliċitu li ma kinitx ibbażata fuq ir-rapport tal-attivitajiet tal-Bord, iżda fuq ir-rapport tal-Artikolu 8.3.2 li f’dan il-kuntest kienet ġiet trażmessa kopja tiegħu lir-rikorrent.

70      L-ilmenti ppreżentati kontra r-rikorrent kienu dovuti għall-fatt li, bħala persuna responsabbli għad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi, huwa kien nieda, awtorizza jew ippermetta x-xiri ta’ oġġetti li ma jaqgħux taħt din id-diviżjoni u/jew li għalihom ma kellux jintuża l-baġit ċentralizzat ta’ din id-diviżjoni; li ma kienx wettaq ċerti kompiti u ma eżerċitax ir-responsabbiltajiet tiegħu bid-diliġenza meħtieġa u ma ħax ħsieb l-approprijazzjonijiet tal-baġit b’mod li jilħaq l-iktar grad għoli ta’ effikaċja, effiċjenza u b’sens ekonomiku; u li bosta drabi naqas mil-lealtà lejn il-kollegi tiegħu jew ma kienx ħa l-miżuri raġonevoli u xierqa kollha biex jillimita l-infiq u l-ispejjeż tal-BĊE b’kull mod possibbli, bi ksur tal-Artikolu 4(a) tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ta’ kondotta kif ukoll tal-Artikoli 0.1.1, 0.4 u 0.5 tar-regoli applikabbli għall-persunal u tal-Kapitoli 7 u 8 tal-manwal tal-prassi operattivi. Ir-rikorrent huwa akkużat ukoll għall-fatt li, minn naħa waħda, għadd kbir ta’ oġġetti li huma proprjetà tal-BĊE kienu jinsabu barra l-bini tal-Bank u li ma osservax l-obbligu li jiżgura l-proprjetà ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li ma kienx fil-pożizzjoni li jispjega fejn kien jinsab numru kbir ta’ oġġetti mixtrija mid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi. Ġie akkużat ukoll b’ġestjoni ħażina tal-approprjazzjonijiet tal-baġit.

 Dwar l-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari

71      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrent talab ir-rikuża ta’ żewġ membri tal-Kumitat dixxiplinari u tas-supplent ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ membri kif ukoll aċċess sħiħ għall-informazzjoni u għad-dokumenti kollha miżmuma mill-Bank.

72      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent talab lill-Kumitat dixxiplinari sabiex jagħtih aċċess għal ċerti dokumenti, fosthom ir-rapport tal-attivitajiet tal-Bord. Peress li ma kellux dan l-aħħar dokument, fil-11 ta’ Diċembru ta’ wara, il-Kumitat dixxiplinari talab lid-Direttorat tal-Verifika Interna sabiex jibagħtulu sabiex ikun jista’ jevalwa r-rilevanza tiegħu għad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent. Ir-rapport tal-attivitajiet tal-Bord ġie trażmess mill-BĊE lill-Kumitat dixxiplinari u, permezz ta’ ittra tal-President tiegħu tal-11 ta’ Jannar 2013, il-Kumitat dixxiplinari informa lir-rikorrent li, wara li eżamina r-rilevanza tad-dokument mitlub u l-valur miżjud tiegħu meta pparagunat mad-dokumenti diġà pprovuti lir-rikorrent, irrifjuta li jilqa’ t-talba għal komunikazzjoni tiegħu tar-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord. Il-Kumitat dixxiplinari spjega l-pożizzjoni tiegħu b’dan il-mod:

“[…] Barra minn hekk, tqiesu diversi kunsiderazzjonijiet oħrajn, inkluża dik li għandha x’taqsam mal-identifikazzjoni ta’ partijiet terzi u l-ħtieġa li jiġi evitat dewmien tal-proċedura, meta dan kien xieraq. Il-pożizzjoni tal-Kumitat dixxiplinari hija li, bis-saħħa tad-dokumenti li diġà ġew ipprovduti lir-rikorrent, id-drittijiet tad-difiża ta’ [dan tal-aħħar], b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni ta’ aċċess [għad-dokumenti], huma ggarantiti bis-sħiħ. Barra minn hekk, il-Kumitat dixxiplinari jqis li r-rapport [tal-Artikolu 8.3.2] ma jinkludi ebda element li jista’ jiġi pprovat biss, jew prinċipalment, b’riferiment għal dokumenti oħrajn li ma humiex dawk fil-pussess [tar-rikorrent].

[…]”

73      Min-naħa l-oħra, fil-5 ta’ Diċembru 2012, il-BĊE nnotifika r-rapport sħiħ tal-OLAF lir-rikorrent.

74      Fid-29 ta’ Jannar 2013 ir-rikorrent ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub, b’mod partikolari “[n]ota għad-difiża […]” lill-Kumitat dixxiplinari u bagħatlu verżjoni finali emendata ta’ din in-nota wara li nstema’ minn dan il-kumitat fit-30 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem in-“nota għad-difiża”). Mill-minuti ta’ din is-seduta jirriżulta li r-rikorrent ikkontesta mill-ġdid ir-rifjut ta’ aċċess għal ċerti dokumenti mill-BĊE. F’dan ir-rigward iddikjara li ma kienx il-Bank li kellu jevalwa liema kienu d-dokumenti rilevanti għad-difiża tiegħu u li, fil-fehma tiegħu, l-ebda parti mill-informazzjoni li tidher fir-rapport tal-Artikolu 8.3.2 ma setgħet tiġi pprovata abbażi biss tad-dokumenti fil-pussess tiegħu.

75      Matul is-smigħ tiegħu quddiem il-Kumitat dixxiplinari, ir-rikorrent fakkar li l-ammonti tax-xiri inkwistjoni kienu relattivament limitati, kienu jirrappreżentaw biss perċentwali żgħir mill-baġit li kien responsabbli minnu, li dan ix-xiri kien viżibbli u, konsegwentement, kienu kontrollabbli mis-servizzi ta’ kontabbiltà, tal-verifika interna u ta’ kontroll tal-BĊE. Ir-rikorrent ċaħad li ta ordni lill-kollaboraturi tiegħu sabiex ma jirreġistrawx it-tagħmir akkwistat fis-sistema “ELS”.

76      Fir-rigward tal-għoti bħala rigali ta’ prodotti b’valur baxx lill-persunal tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi, ir-rikorrent sostna, b’rabta mal-inkwatri għar-ritratti diġitali, li ma baqax jagħmel hekk minn meta s-superjuri tiegħu kienu infurmawh li ma jaqblux ma’ dan. Huwa ġġustifika l-fatt li kien ħa d-dar xi tagħmir differenti minħabba t-tendenza tiegħu li jaħdem f’daru, filwaqt li saħaq li terz mill-oġġetti li kien radd lura kienu kotba mill-bibljoteka tal-BĊE, it-tieni terz kien jikkostitwixxi tagħmir standard bħal telefons mobbli, leptops u basktijiet, filwaqt li l-aħħar terz kien jikkorrispondi ma’ tagħmir li kien ħa d-dar miegħu biex jissettjah jew sabiex isir midħla tiegħu qabel ma jagħti ordnijiet lill-persunal tad-diviżjoni tiegħu dwar kif jużah.

77      Ir-rikorrent spjega wkoll lill-Kumitat dixxiplinari li ma kienx għamel użu minn proċeduri ta’ sejħa għal offerti għall-oġġetti inkwistjoni, għaliex il-valur tax-xiri unitarju tagħhom kien ta’ inqas minn EUR10 000. Rigward ix-xiri tat-tablets għall-qari, huwa saħaq li fid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi ngħatat prijorità lill-iffrankar tal-karti u li, fil-livell ta’ din id-diviżjoni, kien ġie miftiehem li tiġi eżaminata l-possibbiltà li jintuża dan it-tagħmir billi jiġi pprovdut lill-persunal kollu, f’kull livell ġerarkiku.

78      Rigward ix-xiri ta’ softwer għall-eżerċizzju fiżiku, intiż sabiex jgħin sabiex jintilef il-piż bil-ħruq tal-kaloriji, ir-rikorrent spjega li dan is-softwer li jipproponi eżerċizzji fiżiċi seta’ jintuża sabiex ix-xufiera tal-BĊE jibqgħu f’kundizzjoni fiżika tajba. Huwa kkonferma li ma kienx talab il-parir tas-servizz mediku tal-BĊE dwar dan l-użu u lanqas ma vverifika jekk din l-inizjattiva kienet tikkostitwixxi dupplikazzjoni tal-programmi tas-saħħa eżistenti fil-Bank. Fir-rigward tas-sistemi ta’ navigazzjoni portabbli, ir-rikorrent indika li ċerti xufiera kienu lmentaw fuq il-fatt li ċerti sistemi fil-vetturi tal-BĊE ma għadhomx jintużaw u li għalhekk kien sar qbil li jinxtara tagħmir portabbli ġdid aġġornat minflok ma jiġu aġġornati n-navigaturi integrati li bihom kienu attrezzati l-vetturi tal-BĊE.

79      Mistoqsi dwar ix-xewqa tiegħu li jerġa’ jkompli fis-servizz mal-BĊE, ir-rikorrent indika lill-Kumitat dixxiplinari li jkun lest li jerġa’ jiidħol fis-servizz, anki jekk dan jista’ jirriżulta f’sitwazzjoni delikata għalih u għal xi persuni oħrajn.

80      Il-Kumitat dixxiplinari adotta l-opinjoni tiegħu fil-5 ta’ April 2013 (iktar ’il quddiem imsejħa l-“opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari”). Rigward il-proċedura segwita quddiemu u l-aċċess għad-dokumenti, il-Kumitat dixxiplinari qal dan li ġej:

“Il-proċedura sħiħa tmexxiet b’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli u bir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent. B’mod partikolari, il-Kumitat dixxiplinari jqis, unanimament, li l-ilmenti mqajma fil-punt14 tal-opinjoni tar-rikorrent ma humiex sostnuti u, b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-ilment marbut mal-aċċess limitat għal ċerti dokumenti, jenfasizza li, kemm qabel kif ukoll wara r-riferiment tal-każ, lir-rikorrent ġew ikkomunikati għadd u volum importanti ta’ dokumenti sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu. Il-komunikazzjoni ta’ dokumenti oħrajn ma kienet isservi għal xejn ħlief biex ittawwal inutilment il-proċedura u, eventwalment, kienet tħalli effetti negattivi fuq l-interessi ta’ terzi, mingħajr ma tipprovdi ebda valur miżjud għad-difiża tar-rikorrent.”

81      Rigward in-nuqqasijiet fit-twettiq ta’ obbligi professjonali kkontestati fir-rigward ta r-rikorrent, il-Kumitat dixxiplinari ġabarhom fi tliet kategoriji kif ġej:

“i) Ir-rikorrent nieda u/jew awtorizza għadd importanti ta’ xiri li ma kienx jaqa’ taħt il-fondi allokati għad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi u/jew li ma kienx josserva il-politiki fis-seħħ fil-BĊE. F’ċerti każijiet, ir-rikorrent ma weriex li hemm relazzjoni ta’ xogħol tajba u kostruttiva fir-rigward tad-DĠ “Sistemi tal-Informazzjoni”, tant li f’ċerti każijiet mar b’mod evidenti kontra r-rifjut tad-DĠ “Sistemi tal-Informazzjoni” għal ċertu xiri li kien beħsiebu jagħmel u għalhekk iktar kien jidher li huwa persuna f’kompetizzjoni mad-DĠ “Sistemi tal-Informazzjoni”. Huwa kiser ukoll deliberatament l-istruzzjonijiet tal-Bord Eżekuttiv f’dak li jikkonċerna l-użu tat-tagħmir tax-xogħol mid-dar. F’dan ir-rigward jistgħu jissemmew il-kompjuters tat-trade mark X, il-kompjuters ta’ “kriżi”, it-telefons mobbli u l-kuntatt ma’ operatur telefoniku li bejn Lulju 2008 u April 2010 kien ipprovda prestazzjonijiet li jammontaw għal EUR 17 162.49.

ii) Ir-rikorrent nieda u/jew awtorizza għadd sinjifikattiv ta’ xiri li ma kienx iġġustifikat mill-ħtiġijiet professjonali identifikati u ddokumentati u/jew li għalihom ma ntwerewx biżżejjed il-motiv professjonali u l-prattiċità tal-implementazzjoni. Xiri bħal dan kien jinkludi l-kompjuters allegatament previsti għall-ispazju tal-viżitaturi, il-kompjuters ta’ “kriżi”, il-kameras tar-ritratti diġitali għaljin u l-aċċessorji għalihom daqstant ieħor għaljin, it-tablets għall-qari u l-miniprojetturi. Dan ix-xiri kkawża dannu finanzjarju sinjifikattiv lill-BĊE.

iii) Ir-rikorrent ma daħħal fis-seħħ ebda sistema li tħares l-oġġetti mixtrija u ma inkariga lil ebda persuna mid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi biex tagħmel dan, biex b’hekk espona dawn l-oġġetti mixtrija għar-riskju li jintilfu. Il-fatt li r-rikorrent kellu għadd kbir ta’ oġġetti tal-BĊE fil-pussess tiegħu barra mill-bini tal-BĊE, mingħajr ma kien fil-pożizzjoni li jiġġustifika dan il-fatt, ikompli jiggrava n-nuqqas ta’ diliġenza tiegħu fil-ġestjoni tal-oġġetti mixtrija”.

82      B’hekk, il-Kumitat dixxiplinari kkunsidra li, tul perijodu twil u għal diversi drabi, ir-rikorrent kiser l-Artikolu 4(a) tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-kodiċi ta’ kondotta, b’mod partikolari l-Artikoli 2, 2.2, 4.1 u 4.2 ta’ dan il-kodiċi, kif ukoll il-Kapitoli 7 u 8 tal-manwal tal-prassi operattivi, biex b’hekk deliberatament ikkawża dannu finanzjarju lill-Bank. Il-Kumitat dixxiplinari qies li “in-nuqqasijiet [tar-rikorrent] ta’ twettiq tal-obbligi professjonali tiegħu [kienu] gravi ħafna u, sa ċertu punt, kienu jimplikaw, nuqqas deliberat ta’ rigward għar-regoli fis-seħħ fil-BĊE”, u li barra minn hekk dawn twettqu minn Kap ta’ Diviżjoni, responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-BĊE.

83      Il-Kumitat dixxiplinari ddiskuta jekk tali nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligi professjonali, li kienu deliberati, kontinwi u mwettqa tul perijodu twil, setgħux jiġġustifikaw tkeċċija fuq livell dixxiplinari. F’dan ir-rigward, il-Kumitat dixxiplinari kkunsidra li kellu jitqies fattur importanti, jiġifieri r-reputazzjoni esterna tal-BĊE bħala istituzzjoni tal-Unjoni u gwardjan tal-flus tal-persuna taxxabbli Ewropea kif ukoll ir-rwol tiegħu bħala amministrazzjoni li sservi bħala mudell, effikaċi u responsabbli, immexxija minn membri tal-persunal mingħajr interessi ulterjuri. Il-maġġoranza tal-Kumitat dixxiplinari qablet li tali sanzjoni għandha tiġi imposta jekk, barra minn hekk, kien ikkonstatat li n-nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligi professjonali kienu mmotivati, ukoll, mit-tfittxija ta’ interess personali, xi ħaġa li tkisser irrimedjabbilment ir-relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-BĊE u r-rikorrent. Fuq din il-kwistjoni tal-interess personali, u wara diskussjoni, il-maġġoranza tal-Kumitat dixxiplinari ma kinitx konvinta għal kollox li “jista’ jiġi stabbilit, fit-tifsira stretta tal-frażi, mingħajr l-iċken dubju” tali interess personali, b’mod partikolari fir-rigward tal-konstatazzjonijiet u tal-konklużjonijiet tal-OLAF.

84      Wara li qies iċ-ċirkustanzi attenwanti msemmija fir-rapport tal-Artikolu 8.3.2, jiġifieri n-nuqqasijiet fil-kontrolli interni li saru fi ħdan id-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi qabel ma beda jaħdem hemm ir-rikorrent; l-istruttura partikolari ta’ din id-diviżjoni li kien fiha biss ftit pożizzjonijiet għoljin fil-ġerarkija u b’hekk kienet tixħet responsabbiltajiet kbar fuq l-uffiċjali responsabbli ta’ din id-diviżjoni, kif ukoll is-servizz tajjeb ħafna tar-rikorrent, kif juru r-rapporti ta’ evalwazzjoni tiegħu, il-Kumitat dixxiplinari rrakkomanda bħala sanzjoni xierqa l-iżgradar ta’ żewġ kategoriji salarjali, jiġifieri żgradar salarjali fil-livell li kien fih qabel ma ġie promoss fl-2007 għall-kariga ta’ Kap ta’ Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi.

5.     Fuq id-deċiżjoni kkontestata

85      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2013, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari. Fis-16 ta’ Mejju ta’ wara, id-DĠ “Riżorsi Umani” nnotifika lill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE abbozz ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari.

86      Minkejja dan, matul il-laqgħa tiegħu tal-21 ta’ Mejju2013, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE ddeċieda li jissanzjona lir-rikorrent bit-tkeċċija tiegħu mill-Bank. Mix-xogħol preparatorju għad-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv jirriżulta li dan tal-aħħar qies li, minħabba n-nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligi professjonali tiegħu bħala manager, identifikati mill-Kumitat dixxiplinari u kkontestati mill-persuna kkonċernata, ir-rikorrent “kien kisser irrimedjabbilment ir-relazzjoni ta’ fiduċja meħtieġa bejn l-Awtorità tal-Ħatra tal-BĊE u l-persunal tiegħu.”

87      B’hekk, permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2013, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE impona fuq ir-rikorrent is-sanzjoni ta’ tkeċċija bi preavviż skont l-Artikolu 44(ii), tal-kundizzjonijiet tal-impjieg (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni, il-Bord Eżekuttiv qies bħala ċirkustanza aggravanti l-fatt li “r-rikorrent [kien] wettaq nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligi professjonali tiegħu inkwantu manager li kellu l-obbligu jħares ir-reputazzjoni u l-interess finanzjarju tal-BĊE”, filwaqt li f’dan ir-rigward saħaq li “l-BĊE jibbaża l-kredibilità tiegħu bħala istituzzjoni Ewropea [...] fuq ir-rwol ta’ amministrazzjoni mudell, effikaċi u responsabbli[,] immexxija minn persunal li għandu integrità assoluta.”

88      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Lulju 2013, l-avukat tar-rikorrent stieden lill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE sabiex jikkonferma li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata biss fuq id-dokumenti elenkati f’din id-deċiżjoni, jiġifieri r-rapport tal-OLAF, id-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2010, ir-rapport tal-Artikolu 8.3.2, in-notifika tal-BĊE lill-Prosekutur Ġenerali Ġermaniż fis-6 ta’ Marzu 2013 dwar l-allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali mwettaq mir-rikorrent, l-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari, il-minuti tas-seduta tar-rikorrent mill-Kumitat dixxiplinari u l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-persuna kkonċernata ppreżentati lill-Kumitat dixxiplinari fid-29 ta’ Jannar 2013. F’każ ta’ tweġiba negattiva, il-BĊE ntalab jipprovdi lill-avukat tar-rikorrent id-dokumenti l-oħrajn fil-pussess tal-Bord Eżekuttiv u li fuqhom ibbaża ruħu. Barra minn hekk, permezz tal-intermedjarju tiegħu, l-avukat tar-rikorrent fakkar li r-rikorrent kien talab mingħand id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani” kopja tal-ittra tas-6 ta’ Marzu 2013 tal-BĊE indirizzata lill-prosekutur Ġermaniż.

89      Bħala tweġiba, permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 2013, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani” indika lir-rikorrent liema kienu d-dokumenti li fuqhom ibbaża ruħu l-Bord Eżekuttiv tal-BĊE biex jadotta d-deċiżjoni kkontestata. Fost dawn id-dokumenti la kien hemm ir-rapport tal-attivitajiet tal-Bord u lanqas id-dokument marbut man-notifika tal-BĊE lill-prosekutur Ġermaniż tas-6 ta’ Marzu 2013.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

90      Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku:

–         jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        konsegwentement, jordna r-reintegrazzjoni sħiħa u kompleta tiegħu, bir-reklamar xieraq sabiex jerġa’ jiġi stabbilit l-unur tiegħu;

–        fi kwalunkwe każ, jikkumpensah għad-dannu morali mġarrab bl-għoti ta’ ammont evalwat exaequo et bono ta’ EUR 20 000;

–        jikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

91      Il-BĊE jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku:

–        jiddikjara r-rikors infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż kollha.

92      Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent qajjem il-kwistjoni tal-opportunità għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jordna lill-BĊE, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex jipproduċi kull dokument marbut mal-iskambji li din l-istituzzjoni kellha mal-prosekutur Ġermaniż u mal-OLAF.

93      Fil-kontroreplika tiegħu, il-BĊE kkontesta tali talba billi sostna li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux ġurisdizzjoni sabiex jitlob dokumenti li ma jidħlux fil-kuntest ta’ din il-proċedura u li, fil-verità, ir-rikorrent qed ifittex li juża din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura biss sabiex idur mar-rifjut magħmul fir-rigward tal-ittra tiegħu bl-isem “Eżami mill-ġdid amministrattiv” (“A[dministrative review]”), ippreżentata fid-29 ta’ Novembru 2013 kontra d-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru ta’ qabel li ċaħdet l-istess talba ta’ aċċess għad-dokumenti tal-BĊE.

94      Barra minn hekk, minbarra l-kontroreplika tiegħu, il-BĊE pprovda verżjoni kunfidenzjali tar-rapport tal-attivitajiet tal-Bord, li setgħet tinqara biss mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jikkonstata li dan id-dokument ma jinkludix informazzjoni oħra għajr dik li tidher fir-rapport tal-Artikolu 8.3.2. Barra minn hekk, il-Bank talab lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex ma jiżvelax ir-rapport lir-rikorrent.

95      Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tas-17 ta’ Ġunju 2014, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku staqsa lill-Bank, fir-rigward tal-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura li kienu fis-seħħ dak iż-żmien, dwar ir-raġunijiet li għalihom ir-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord għandu jitqies bħala kunfidenzjali. Il-Bank intalab b’mod partikolari jispjega għaliex dan id-dokument kien jeħtieġ trattament kunfidenzjali, differenti mit-tratttament irriżervat għar-rapport tal-OLAF u għar-rapport tal-Artikolu 8.3.2 li fuq il-bażi tagħhom il-BĊE kien iddeċieda li jiftaħ il-proċedura dixxiplinari u li kienu ntbagħtu sħaħ lir-rikorrent. F’dan ir-rigward, il-BĊE kellu b’mod partikolari jindika lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku liema fatti jew informazzjoni li jidhru fir-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord ma kinux jinsabu fiż-żewġ rapporti l-oħrajn.

96      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2014, il-BĊE spjega lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li kien ikkomunika lir-rikorrent id-dokumenti kunfidenzjali kollha li fuqhom kien ibbaża ruħu l-Kumitat dixxiplinari u lid-dokumenti l-oħrajn fil-pussess tiegħu, li ma kinux intużaw mill-Bord Eżekuttiv, setgħu għalhekk jibqgħu kunfidenzjali. Fi kwalunkwe każ, skont il-Bank, l-informazzjoni rilevanti kollha li tinsab fir-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord kienet ġiet integrata fir-rapport tal-Artikolu 8.3.2. Madankollu, sabiex jiġi protett l-anonimat tal-persuni li kkollaboraw mal-investigazzjoni amministrattiva inizjali li baqgħet ma tlestietx, ma kienx hemm lok li r-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord jiġi żvelat lir-rikorrent.

97      Fit-23 ta’ Ottubru 2014, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamel mistoqsijiet lill-partijiet u talab lill-BĊE jipprovdi ċerti dokumenti, fosthom verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord. Il-partijiet għamlu kif mitlub minnhom, u sussegwentement setgħu, kollha kemm huma, jippreżentaw osservazzjonijiet dwar it-tweġibiet rispettivi tagħhom.

98      Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2014 u b’konformità mal-Artikolu 57 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent ipproduċa provi ġodda li primarjament kienu jikkonsistu f’korrispondenza li saret fil-kuntest tar-restituzzjoni lill-BĊE tal-oġġetti personali tiegħu. Fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2014 dwar il-produzzjoni tal-provi, il-BĊE essenzjalment saħaq li r-restituzzjoni ta’ tali oġġetti seħħet fit-30 ta’ Mejju 2014 u staqsa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jevalwa jekk it-tardività fil-preżentazzjoni ta’ dawn il-provi l-ġodda kinitx debitament iġġustifikata. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li jaċċetta din il-produzzjoni ta’ provi ġodda.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talbiet intiżi għar-reintegrazzjoni tar-rikorrent

99      Ta’ min ifakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita li hija applikabbli wkoll għar-rikorsi ppreżentati skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, ma huwiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara s-sentenzi Da Silva Pinto Branco vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑52/09, EU:F:2010:98, punt 31, u DH vs Il-Parlament, F‑4/14, EU:F:2014:241, punt 41).

100    Għaldaqstant, it-talbiet tar-rikorrent intiżi sabiex jiġi reintegrat fil-funzjonijiet tiegħu għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

2.     Fuq it-talbiet għal annullament

101    Insostenn tat-talbiet għal annullament tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tmien motivi, ibbażati rispettivament fuq:

–        ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 45 tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, tal-Artikolu 8.3.11 tar-regoli applikabbli għall-persunal u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn il-BĊE rrifjuta li jagħtih aċċess għal ċerti dokumenti u/jew informazzjoni;

–        l-illegalità tal-Artikolu 8.3.5 tar-regoli applikabbli għall-persunal fir-rigward tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-Artikolu 47 tal-Karta;

–        ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, tal-prinċipju ta’ imparzjalità kif ukoll tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta;

–        ksur tal-obbligu ta’ diliġenza minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ termini raġonevoli;

–        ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        eċċess ta’ poter tal-Bord Eżekuttiv u ksur tal-Artikolu 8.3.17 tar-regoli applikabbli għall-persunal;

–        żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

–        l-illegalità tal-Artikoli 44 u 45 tal-kundizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll tal-Artikolu 8.3 tar-regoli applikabbli għall-persunal fir-rigward tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u tad-dritt għal negozjar kollettiv stabbiliti fl-Artikolu 28 tal-Karta.

102    Fl-ewwel lok, sabiex jeżamina dawn il-motivi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li, skont l-Artikolu 9(ċ) tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, “il-prinċipji stabbiliti bir-regolamenti, bir-regoli u bil-ġurisprudenza applikabbli għall-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni sabiex jiġu interpetati d-drittijiet u l-obbligi previsti fil-[...] kundizzjonijiet tal-impjieg.”

103    Għalhekk, sa fejn il-proċedura dixxiplinari prevista fil-korp leġiżlattiv applikabbli għall-membri tal-persunal tal-BĊE tippreżenta ċerti analoġiji ma’ dik prevista mir-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u applikabbli għal membri tal-persunal oħrajn tal-Unjoni, kif tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 (iktar ’il quddiem “ir-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali”), il-qorti tal-Unjoni tista’, f’dan il-każ, tapplika b’mod analogu, jekk meħtieġ, il-ġurisprudenza żviluppata b’rabta mal-proċedura dixxiplinari tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Dwar l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 45 tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, tal-Artikolu 8.3.11 tar-regoli applikabbli għall-persunal u tal-Artikolu 47 tal-Karta

 L-argumenti tal-partijiet

104    Ir-rikorrent jilmenta li l-BĊE, sa fejn huwa involut il-Kumitat dixxiplinari, ma tahx aċċess sħiħ għall-informazzjoni u għad-dokumenti disponibbli kollha għall-Bank, b’mod partikolari dawk li jiskaġunawh, li setgħu kienu utli għalih fid-difiża tal-pożizzjoni tiegħu. B’mod partikolari, fl-ewwel lok, ir-rikorrent iqis li l-aċċess għal listi ta’ xiri ta’ tagħmir mhux standard, ta’ materjal informatiku, ta’ softwer u ta’ prestazzjonijiet ta’ konsulenti tekniċi, li twettqu matul il-perijodu 2003/2010 mid-DĠ “Sistemi tal-Informazzjoni”, mid-DĠ “Amministrazzjoni”, mid-DĠ “Riżorsi Umani” u, fl-aħħar nett, minn dak li llum sar id-Direttorat tal-Verifika Interna, kien indispensabbli sabiex jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu. Dan huwa minnu wkoll għad-dokumenti tad-Direttorat tal-Verifika Interna marbutin mal-investigazzjonijiet li jikkonċernaw l-Assistent Kap ta’ Diviżjoni.

105    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jikkritika wkoll lill-BĊE għaliex ma laqax it-talba tiegħu li jipprovdilu “d-dokumenti kollha dwar il-ġestjoni tal-informazzjoni u l-proġett ta’ żvilupp organizzattiv […], inklużi l-preżentazzjonijiet […] u d-dokumenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija u tal-Bord Eżekuttiv” kif ukoll “id-dokumenti kollha tad-Diviżjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-proġetti ta’ żvilupp tal-organizzazzjoni, inklużi l-preżentazzjonijiet [...] u d-dokumenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija u tal-Bord Eżekuttiv.”

106    Fit-tielet lok, ir-rikorrent jinvoka l-assenza ta’ komunikazzjoni tar-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord li sar jaf bl-eżistenza tiegħu matul l-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinari. Issa, ir-rapport tal-Artikolu 8.3.2 kien ibbażat parzjalment fuq dan ir-rapport ta’ attivitajiet u, fi kwalunkwe każ, sa fejn il-Kumitat dixxiplinari sar jaf bih sabiex seta’ jwieġeb għat-talba li kien għamillu r-rikorrent, fl-4 ta’ Diċembru 2012, sabiex jingħata aċċess għal dan id-dokument, tali dokument kien sar, tal-inqas mid-data tat-talba ta’ aċċess ippreżentata lill-Kumitat dixxiplinari, parti integrali mill-fajl dixxiplinari tiegħu. Barra minn hekk, peress li sar jaf bir-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord sabiex fil-11 ta’ Jannar 2013 jieħu deċiżjoni dwar it-talba tar-rikorrent tal-4 ta’ Diċembru 2012, dan il-kumitat bilfors li kien ġie influwenzat mill-kontenut ta’ dan ir-rapport ta’ attivitajiet meta kien qed jifformula l-opinjoni tiegħu. Ir-rikorrent jiddikjara wkoll li ma setax jifhem għal kollox ir-rapport tal-Artikolu 8.3.2 mingħajr ma jara r-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord u li r-rieda sabiex tinżamm l-anonimità ta’ ċerti xhieda ma kellhiex tirbaħ fuq id-drittijiet tad-difiża tiegħu. Fit-tweġiba tiegħu tas-6 ta’ Novembru 2014 għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrent madankollu stqarr li l-kwistjoni ma kinitx neċessarjament dik dwar jekk huwa kienx jew le fil-pożizzjoni li jifhem ir-rapport tal-Artikolu 8.3.2, iżda pjuttost dik jekk huwa kienx ġie awtorizzat sabiex ikollu aċċess għad-dokumentazzjoni kollha disponibbli għall-BĊE.

107    Fir-raba’ lok, ir-rikorrent jisħaq li l-Bord Eżekuttiv tal-BĊE kien ġie infurmat, qabel ma adotta d-deċiżjoni kkontestata, li d-Direttorat tal-Verifika Interna kien għarraf lill-prosekutur Ġermaniż u li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirreferi b’mod speċifiku għal dan ir-riferiment lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi. Bħala konsegwenza, dan juri li dan l-aspett kien raġuni importanti, saħansitra determinanti, li wasslet sabiex il-Bord Eżekuttiv jiddeċiedi li jkeċċi lir-rikorrent pjuttost milli żgradar. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-BĊE ma setax jiċħadlu l-aċċess għall-kontenut konkret ta’ din il-komunikazzjoni lill-prosekutur Ġermaniż, peress li din kienet intużat mill-BĊE biex jinkrimina iktar lir-rikorrent u jiġġustifika sanzjoni iktar ħarxa li ġiet imposta fuqu. Minbarra dan ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tan-notifika tal-każ tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi, peress li saħaq li l-OLAF ma kienx irrakkomanda li jittieħdu passi ġudizzjarji fil-fajl.

108    B’rabta mar-rifjut tal-11 ta’ Jannar 2013 mill-Kumitat dixxiplinari li jagħtih aċċess għar-rapport tal-attivitajiet tal-Bord, ir-rikorrent jikkontesta wkoll il-possibbiltà għall-Kumitat dixxiplinari li jevalwa minflok ir-rikorrent, liema dokumenti setgħu jipprovdu valur miżjud għad-difiża tiegħu.

109    Il-BĊE kkonkluda billi ċaħad l-ewwel motiv filwaqt li saħaq li huwa kien ta lir-rikorrent l-aċċess għad-dokumenti kollha li fuqhom kienet imsejsa d-deċiżjoni kkontestata u li, fil-verità, ir-rikorrent huwa żbaljat dwar il-portata tad-drittijiet tiegħu meta jaħseb li għandu dritt li jkollu aċċess għal kull dokument li huwa jqis utli għad-difiża tiegħu u li jista’ jivverifika kull element ta’ informazzjoni jew dokument li jinsabu għand il-Bank mingħajr il-bżonn li d-deċiżjoni kkontestata tkun ibbażata fuq din l-informazzjoni jew fuq dan id-dokument.

110    Fir-rigward tar-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord, il-BĊE jsostni li dan kien tfassal qabel ma nfetħet il-proċedura dixxiplinari li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li qatt ma kien ġie kkomunikat lill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE peress li ma jagħmilx parti mill-“fajl dixxiplinari komplet” u li, fi kwalunkwe każ, l-elementi rilevanti ta’ dan ir-rapport xorta waħda kienu jinsabu fir-rapport tal-Artikolu 8.3.2 li r-rikorrent kellu aċċess sħiħ għalih, kif ukoll fir-rapport tal-OLAF. Peress li r-rikorrent seta’ jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mar-rapport tal-Artikolu 8.3.2, ma hemm ebda bażi li fuqha jiġi stabbilit dritt tad-difiża ieħor fir-rigward tar-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord inkwantu tali, speċjalment peress li r-rapport tal-Artikolu 8.3.2 kien l-uniku dokument li fuqu kienet imsejsa d-deċiżjoni dwar jekk tinfetaħx jew le proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent. Fir-rigward tal-fatt li l-Kumitat dixxiplinari sar jaf bir-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord, dan huwa biss il-konsegwenza tat-talba tar-rikorrent sabiex jingħata aċċess għalih, iżda dan ma jfissirx li l-Kumitat dixxiplinari kien ibbaża fuq dan ir-rapport biex jelabora l-opinjoni tiegħu.

111    Rigward in-notifika lill-prosekutur Ġermaniż, din hija kwistjoni oħra, jiġifieri l-klassifikazzjoni possibbli tal-fatti kontenzjużi għad-dritt Ġermaniż, iżda din in-notifika ma kinitx motivazzjoni determinanti għat-tkeċċija tar-rikorrent. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord Eżekuttiv ma semmiex in-notifika lill-prosekutur Ġermaniż min-naħa tad-Direttorat tal-Verifika Interna ħlief sabiex “fl-ewwel lok jiġi ppreċiżat b’mod ċar ħafna li din il-kwistjoni kienet taqa’ taħt il-kompetenza tas-sistema ġudizzjarja Ġermaniża”, għall-kuntrarju ta’ dak li wieħed seta’ jifhem mill-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari. Il-Bord Eżekuttiv ta x’jifhem ukoll li din il-kwistjoni ma kellha ebda effett fuq it-telf ta’ fiduċja stipulat fil-punti 12 sa 14 tad-deċiżjoni kkontestata. Dan jintwera mill-fatt li, fir-rigward tal-Assistent Kap ta’ Diviżjoni, anki d-deċiżjoni dixxiplinari li tikkonċernah tirreferi għal notifika lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi, mingħajr madankollu l-BĊE ddeċieda li jkeċċih.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

–       Kunsiderazzjonijiet ġenerali

112    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta jistipula li kull persuna għandha d-dritt li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u tan-negozju;. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 45 tal-kundizzjonijiet tal-impjieg jiddikjara li l-proċedura dixxiplinari għandha tiżgura li ebda membru tal-persunal ma jiġi ssanzjonat bla ma jkun tqiegħed fil-pożizzjoni li jwieġeb, l-ewwel, għall-ilmenti magħmula kontrih (sentenzi X vs BĊE, T‑333/99, EU:T:2001:251, punti 176 u 177, u Afari vs BĊE, T‑11/03, EU:T:2004:77, punt 50).

113    Fir-rigward tal-portata tad-dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata għad-dokumenti u għall-elementi meqjusa insostenn tal-ilmenti tal-Bank li huma l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 8.3.2 tar-regoli applikabbli għall-persunal, id-deċiżjoni li tinfetaħ proċedura dixxiplinari tittieħed mill-Bord Eżekuttiv, wara li jintbagħtu d-dokumenti tal-fajl kollha lill-persuna kkonċernata u wara s-seduta tiegħu, u li, skont l-Artikolu 8.3.11 tar-regoli applikabbli għall-persunal, “minn meta tirċievi r-rapport tal-Artikolu 8.3.2 (jiġifieri fid-19 ta’ Diċembru 2012 f’dan il-każ), il-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tirċievi l-fajl individwali sħiħ tagħha u li tingħata kopji tad-dokumenti kollha tal-proċedura, inklużi dawk ta’ natura li jiskaġunawha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

114    Jekk dawn id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-BĊE jipprevedu aċċess għalhekk għall-benefiċċju tal-uffiċjal li jkun suġġett ta’ proċedura dixxiplinari, fil-prinċipju mingħajr restrizzjoni, għall-elementi tal-fajl dixxiplinari, inklużi l-elementi favur tiegħu, dawn xorta waħda ma jipprovdux aċċess mingħajr limitu ta’ dan il-membru tal-persunal għal kull informazzjoni jew għal kull dokument li għandu l-Bank jew li jistgħu jiġi rikostitwiti minn dokumenti eżistenti jew minn informazzjoni disponibbli għall-Bank. Fil-fatt, rigward dan l-aħħar tip ta’ informazzjoni jew dokumenti “rikostitwiti” li, fil-prinċipju, ma jitqisux li jagħmlu parti integrali mill-fajl dixxiplinari, ir-regoli applikabbli għall-persunal ma jipprevedux il-komunikazzjoni tagħhom ex officio lill-persuna kkonċernata.

115    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl dixxiplinari, previst mill-korp leġiżlattiv applikabbli għall-persunal tal-BĊE, jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mill-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Unjoni b’rabta mal-proċedura dixxiplinari. Fil-fatt, in-natura kontradittorja ta’ proċedura dixxiplinari, bħal dik għaddejja quddiem il-Kumitat dixxiplinari tal-BĊE, u d-drittijiet tad-difiża fi proċedura bħal din żgur li jeħtieġu li r-rikorrent u, skont il-każ, l-avukat tiegħu, ikunu jistgħu jsiru jafu bl-elementi kollha ta’ fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni dixxiplinari, u dan fi żmien xieraq sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeħtieġ li l-parti kkonċernata tkun tista’ utilment tippreżenta l-perspettiva tagħha dwar ir-rilevanza tal-fatti, iżda anki li tal-inqas tkun tista’ tieħu pożizzjoni, fuq id-dokumenti miżmuma mill-istituzzjoni tal-Unjoni u li jikkonċernaw fatti importanti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha (sentenza Kaufring AGvs Il‑Kummissjoni, T‑186/97, T‑187/97, T‑190/97 sa T‑192/97, T‑210/97, T‑211/97, T‑216/97 sa T‑218/97, T‑279/97, T‑280/97, T‑293/97 u T‑147/99, EU:T:2001:133, punt 179). Minkejja dan, ir-rekwiżit ta’ aċċess min-naħa tal-parti kkonċernata għad-dokumenti li jikkonċernawha jista’ japplika biss għad-dokumenti użati fil-proċedura dixxiplinari u/jew fid-deċiżjoni finali tal-amministrazzjoni. B’hekk, għall-fini tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, l-amministrazzjoni ma hijiex neċessarjament obbligata li tipprovdi dokumenti oħrajn (ara, pereżempju, is-sentenza Nvs Il‑Kummissjoni, T‑273/94, EU:T:1997:71, punt 89).

116    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddikjara wkoll li, f’dan il-każ, ir-rikorrent kellu aċċess sħiħ matul il-proċedura dixxiplinari li nbdiet bin-notifika tar-rapport tal-Artikolu 8.3.2, kemm għal dan ir-rapport kif ukoll għar-rapport tal-OLAF u għad-dokumenti kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mill-BĊE bħala tweġiba għad-diversi talbiet tiegħu ta’ aċċess għad-dokumenti.

117    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi stabbilit jekk id-dokumenti u l-informazzjoni, li l-BĊE rrifjuta li jagħti l-aċċess għalihom lir-rikorrent u li huma s-suġġett ta’ dan il-motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, kinux jagħmlu parti integrali mill-fajl dixxiplinari tar-rikorrent u/jew intużawx insostenn tal-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari u tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Dwar it-talbiet ta’ aċċess għal-listi ta’ xiri u għad-dokumenti marbuta ma’ ċerti proġetti informatiċi

118    Fl-ewwel lok, rigward it-talbiet tar-rikorrent sabiex il-BĊE u/jew il-Kumitat dixxiplinari jipprovdulu l-listi tax-xiri ta’ ċerti oġġetti u prestazzjonijiet ordnati matul il-perijodu 2003/2010 kif ukoll kull dokument, b’mod partikolari dawk li ġejjin mid-Direttorat tal-Komunikazzjoni tad-DĠ “Amministrazzjoni”, b’rabta mal-“proġett ta’ żvilupp organizzattiv” u “ġestjoni tal-informazzjoni”, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li din l-informazzjoni, anki jekk setgħet tiġi rrikostitwita mid-databases tal-Bank, mhux bilfors kienet teżisti fl-istess stat bħal dik li għandu l-BĊE, f’dan il-każ fil-forma ta’ dokumenti eżistenti bħalma kienu intiżi mir-rikorrent fit-talbiet tiegħu. Sussegwentement, fil-proċess xejn ma juri li dawn id-dokumenti jew din l-informazzjoni, jekk setgħu ċertament kienu fil-pussess tad-DĠ “Riżorsi Umani” jew setgħu jiġu rrikostitwiti minn dak id-Direttorat Ġenerali jew minn servizzi oħrajn, ġew suġġetti jew kienu għad-dispożizzjoni tal-Kumitat dixxiplinari u tal-Bord Eżekuttiv.

119    B’hekk, jidher li dawn id-dokumenti jew informazzjoni ntalbu, mhux għaliex kienu jeżistu jew kienu fil-pussess tal-Kumitat dixxiplinari u/jew tal-Bord Eżekuttiv, iżda għaliex ir-rikorrent spekula dwar is-saħħa tagħhom bħala prova li tiskaġunah.

120    F’dan ir-rigward, ċertament, ma huwiex il-BĊE u lanqas il-Kumitat dixxiplinari li għandhom jagħtu deċiżjoni dwar ir-rilevanza jew l-interess li ċerti dokumenti jista’ jkollhom għad-difiża ta’ membru tal-persunal peress li ma jistax jiġi eskluż li d-dokumenti meqjusin mhux rilevanti mill-BĊE jew mill-Kumitat dixxiplinari jistgħu jkunu ta’ interess għalih. Konsegwentement, la l-BĊE u lanqas il-Kumitat dixxiplinari ma setgħu jeskludu unilateralment mill-proċedura amministrattiva dokumenti li setgħu jintużaw sabiex jiskaġunaw il-persuna kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenzi ICI vs Il‑Kummissjoni, T‑36/91, EU:T:1995:118, punt 93; Eyckeler & Malt vs Il‑Kummissjoni, T‑42/96, EU:T:1998:40, punt 81, u Kaufring AG vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2001:133, punti 179 u 185).

121    Minkejja dan, f’dan il-każ, minn naħa waħda, la ntwera u lanqas ma ġie affermat li l-listi ta’ xiri inkwistjoni kienu disponibbli f’forma xierqa għall-BĊE jew għall-Kumitat dixxiplinari u li l-Bord Eżekuttiv ibbaża ruħu fuq dawn il-listi tax-xiri biex jadotta d-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, id-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ fir-rigward tad-dokumenti użati mill-Kumitat dixxiplinari, sussegwentement mill-Bord Eżekuttiv, biex titfassal id-deċiżjoni kkontestata, ma jistgħux ikollhom portata estensiva tant li jinkludu d-dritt għar-rikorrent li jkun fil-pussess ta’ kull informazzjoni jew ta’ kull dokument disponibbli jew li jista’ jkun disponibbli għand il-Bank għall-unika raġuni li, billi jagħmel l-investigazzjoni tiegħu stess fuq il-fatti inkwistjoni, ir-rikorrent jispekula fuq is-saħħa probatorja li tiskaġuna ta’ tali dokumenti jew informazzjoni.

122    Fi kwalunkwe każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li, anki jekk kien hemm xiri analogu għax-xiri inkwistjoni li seta’ seħħ f’diviżjonijiet oħrajn tal-BĊE, ħaġa li, milli jidher, ir-rikorrent ipprova juri permezz tal-listi tax-xiri mitluba, aġir bħal dan li ma josservax dispożizzjonijiet applikabbli għall-Bank, anki jekk jiġi meqjus stabbilit, xorta waħda ma huwiex ta’ natura li jkun jista’ jiġġustifika l-aġir li huwa akkużat bih ir-rikorrent f’dan il-każ u għaldaqstant lanqas ma jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

123    Fil-fatt, ir-responsabbiltà tar-rikorrent għandha tkun suġġetta għal eżami individwali u awtonomu, jiġifieri indipendentement mil-legalità jew mill-illegalità eventwali tad-deċiżjoni jew tal-assenza ta’ deċiżjoni meħuda kontra membri oħrajn tal-persunal. B’hekk, membru tal-persunal ma jistax b’mod effettiv jinvoka l-fatt li ma ttieħdet ebda proċedura dixxiplinari fir-rigward ta’ membru tal-persunal wieħed jew iktar, għal fatti analogi għal dawk attribwiti lilu, sabiex jikkontesta s-sanzjoni imposta fuqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Williams vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 134/84, EU:C:1985:297, punt 14, u de Compte vs Il‑Parlament, T‑26/89, EU:T:1991:54, punt 170, din tal-aħħar ikkonfermata mis-sentenza appellata de Compte vs Il‑Parlament Ewropew, C‑326/91 P, EU:C:1994:218, punt 52).

–       Dwar it-talba ta’ aċċess għall-fajl ikkomunikata lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi

124    Fir-rigward tat-talba ta’ aċċess għall-fajl li ġiet ikkomunikata, fis-6 ta’ Marzu 2013, mid-Direttorat tal-Verifika Interna lill-prosekutur Ġermaniż, għandu jingħad li, fl-ewwel lok, ir-rapport tal-OLAF, sa fejn ma qiesx li kien meħtieġ li jirrakkomanda “proċeduri ġudizzjarji”, ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jċaħħad lill-BĊE mill-possibbiltà li jressaq il-każ quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. B’hekk, il-Bank seta’, fil-kuntest tal-awtonomija istituzzjonali tiegħu, jissottometti elementi marbutin mal-aġir tar-rikorrent lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi sabiex dawn jeżaminaw jekk dawn setgħux jiġu kklassifikati bħala ksur tad-dritt Ġermaniż u, fuq din il-bażi, jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali.

125    F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi enfasizzat ukoll li, kif ikkonferma l-Bank fit-tweġiba tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-6 ta’ Novembru 2014, wara l-emendi li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009, il-kundizzjonijiet tal-impjieg ma jipprevedux, għall-kuntrarju tal-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, l-inċiż li kien jidher fl-Artikolu 44 ta’ dawn ir-regolamenti, li kien jipprovdi li “[m]eta l-membru tal-persunal [tal-BĊE] jitħarrek għal dawk l-istess atti, deċiżjoni finali tittieħed biss wara li sentenza finali tingħata mill-qorti li qed tisma’ l-kawża.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

126    F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2014 għat-tweġiba msemmija iktar ’il fuq tal-BĊE għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u filwaqt li rrikonoxxa, waqt is-seduta, li ma ġie stabbilit ebda fatt ġdid minn meta ġie ppreżentat ir-rikors tiegħu f’din il-kawża, ir-rikorrent qajjem motiv ġdid kontra d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li, minn naħa waħda, it-tneħħija tal-inċiż imsemmi iktar ’il fuq kienet illegali għaliex il-Kumitat tal-persunal tal-BĊE ma kienx ġie debitament ikkonsultat dwar din it-tneħħija u, min-naħa l-oħra, għaliex il-prinċipju ġenerali tad-dritt, rikonoxxut minn ċerti Stati Membri kif ukoll fid-dritt tal-Unjoni, li skont dan il-proċedimenti dixxiplinari jridu jistennew sakemm jitlestew il-proċeduri kriminali quddiem il-qorti, huwa applikabbli b’mod awtonomu u f’dan il-każ inkiser.

127    Issa, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li tali motiv ġdid ma huwiex ibbażat fuq “fuq punti ta’ liġi jew ta fatt li joħorġu matul il-proċedura” skont l-Artikolu 56 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, it-tneħħija tal-inċiż inkwistjoni mir-regoli applikabbli għall-persunal saret qabel ma bdiet il-proċedura dixxiplinari fir-rigward tar-rikorrent, tant li dan il-motiv seta’ ġie ppreżentat fl-istadju tar-rikors. B’hekk jidher li huwa biss il-kontenut tat-tweġiba tal-BĊE għall-mistoqsija magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li wassal sabiex jiġi ppreżentat dan il-motiv.

128    Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, dan il-motiv ġdid huwa ineffettiv. Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li l-prinċipju inkwistjoni jista’ jiġi applikat fil-kuntest kuntrattwali tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-BĊE u l-membri tal-persunal tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll dakinhar tas-seduta, il-prosekutur Ġermaniż ma adottax deċiżjoni li tirrigwarda l-ftuħ tal-proċeduri kriminali kontra r-rikorrent li tippermetti li jitqies li kienu qed jiżvolġu proċeduri kriminali.

129    Sussegwentement, biex immorru lura għall-ilment ibbażat fuq iċ-ċaħda tal-aċċess għall-fajl li ntbagħat lill-prosekutur Ġermaniż, lanqas mill-fajl ippreżentat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jirriżulta li l-Kumitat dixxiplinari kien ġie informat b’din it-trażmissjoni u lanqas li kien ibbaża ruħu fuq tali informazzjoni biex jagħti l-opinjoni tiegħu. Minn dan isegwi li, f’dan l-istadju, il-fajl trażmess mill-BĊE lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi ma kienx jagħmel parti mill-fajl dixxiplinari u li, għalhekk, f’dan ir-rigward jista’ jitqies li ma kien hemm ebda ksur tal-Artikolu 8.3.11 tar-regoli applikabbli għall-persunal.

130    Għall-kuntrarju, mit-test stess tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord Eżekuttiv ħa inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni.

131    Fil-kontroreplika tiegħu, il-BĊE spjega li d-Direttorat tal-Verifika Interna kien ittrażmetta “bl-idejn” ċerti dokumenti lill-prosekutur Ġermaniż, mingħajr ma indika x’dokumenti kienu. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li l-assenza ta’ għoti spontanju lir-rikorrent, mill-BĊE, tad-dokumenti li kienu ntbagħtu “bl-idejn” lill-prosekutur Ġermaniż minnha nnifisha ma tiksirx ir-regoli applikabbli għall-persunal peress li din it-trażmissjoni taqa’ taħt l-ambitu tal-awtonomija istituzzjonali tiegħu, peress li, skont l-Artikolu 3 tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, kull membru tal-persunal tal-Bank huwa obbligat li jħares il-liġijiet u r-regoli tal-pulizija fis-seħħ. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra wkoll li ma ntweriex li l-Bord Eżekuttiv kien ser jibbaża fuq id-dokumenti nnotifikati lill-prosekutur Ġermaniż, minkejja li r-rikorrent stqarr li rċieva CD-Rom mingħand il-prosekutur Ġermaniż li kien jinkludi notifika magħmula mill-BĊE u, barra minn hekk, mill-fajl ma jirriżultax li dawn kienu differenti minn dawk li diġà kienu fil-pussess tar-rikorrent. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll f’dik meta saret is-seduta, kif ikkonfermaw ukoll il-partijiet matul is-seduta, il-prosekutur Ġermaniż ma kienx adotta deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ proċedura ġudizzjarja.

132    Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-BĊE kien għarraf lill-prosekutur Ġermaniż bil-każ tar-rikorrent, minn naħa waħda, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li din l-informazzjoni kienet determinanti sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata, speċjalment peress li l-motivi determinanti tas-sanzjoni jidhru fil-punti 11 sa 14 ta’ din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, anki jekk ir-rikorrent seta’ jikkummenta fuq din l-informazzjoni, dan ma kienx ikollu impatt fuq il-motivi stipulati fil-punti 11 sa 14 tad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, fuq is-sanzjoni imposta mill-Bord Eżekuttiv.

–       Fuq it-talba ta’ aċċess għar-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord

133    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk diġà setgħu dehru fir-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord, l-elementi li l-BĊE uża insostenn tal-ilmenti mressqa kontra r-rikorrent u li b’hekk ifasslu l-qafas tal-proċedura dixxiplinari li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata huma dawk li jidhru fir-rapport tal-Artikolu 8.3.2 li fuqu r-rikorrent ħa pożizzjoni assoluta u li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kumitat dixxiplinari u tal-Bord Eżekuttiv. Anki r-rapport tal-OLAF, li tfassal wara li tlestiet l-investigazzjoni proprja ta’ dan l-uffiċċju, bl-għajnuna tad-Direttorat tal-Verifika Interna tal-BĊE u wara li nstemgħu ċerti membri tal-persunal, serva bħala bażi għall-fajl dixxiplinari li r-rikorrent kellu aċċess għalih, li fuqu seta’ jikkummenta u li fuqu essenzjalment hija bbażata l-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari, kif indikat f’dik l-opinjoni.

134    Fir-rigward tar-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddikjara li dan tfassal fil-15 ta’ Marzu 2011 b’rabta mal-investigazzjoni amministrattiva inizjali li baqgħet ma tlestietx, jiġifieri qabel ma nfetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni dixxiplinari, skont l-Artikolu 8.3.2 tar-regoli applikabbli għall-persunal, li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, indipendentement mill-kontenut ta’ dan ir-rapport, id-Direttorat tal-Verifika Interna saħaq biċ-ċar, meta ttrażmetta lill-OLAF fit-30 ta’ Marzu 2011, li dan ma kien fih xejn ħlief “l-osservazzjonijiet prinċipali u l-miżuri provviżorji tal-Bord ta’ investigazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mat-tlettax-il kategorija ta’ xiri inkwistjoni li sar fid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi u li dawn bl-ebda mod ma kellhom jiġu interpretati bħala konklużjonijiet finali fuq kull waħda minn dawn il-kategoriji jew fuq kwalunkwe element ieħor tal-fajl”. Bl-istess mod, meta ttrażmettieh lid-DĠ “Riżorsi Umani” fit-22 ta’ Marzu 2012, id-Direttorat tal-Verifika Interna saħaq li dan ir-rapport “kien jirrifletti sempliċement, fil-qosor, l-osservazzjonijiet u r-riżultati kollha mill-intervisti li saru sas-26 ta’ Lulju 2010 u li kien jaqbel li ssir distinzjoni ċara bejn dan u “rapport motivat li jistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-kawża kif ukoll l-eżistenza jew l-assenza ta’ biżżejjed provi li jsostnu n-nuqqas allegat”.

135    B’konsegwenza ta’ dan, anki jekk il-kontenut tar-rapport ta’ attivitajiet tal-bord seta’ jinfluwenza x-xogħol ta’ investigazzjoni tal-OLAF, bl-istess mod bħal kull informazzjoni oħra trażmessa mill-BĊE fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni teknika għall-finijiet tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, u seta’ bl-istess mod jiggwida lill-Bord ta’ investigazzjoni fix-xogħol ta’ investigazzjoni tiegħu sabiex jadotta r-rapport tal-Artikolu 8.3.2, dak ir-rapport ta’ attivitajiet ma jistax jitqies bħala rapport finali approvat uffiċjalment mill-Bank, għall-kuntrarju tar-rapport tal-Artikolu 8.3.2, jew jitqies li jikkostitwixxi rapport motivat fis-sens tal-Artikolu 6(14) taċ-ċirkolari Nru 1/2006.

136    Fil-fatt, meta titqies in-natura preliminari tal-konsultazzjonijiet u tal-konklużjonijiet li setgħu potenzjalment jidhru fir-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord, kif ukoll l-interess leġittimu li tinżamm l-anonimità tal-whistleblower li kien inizjalment żvela lill-amministrazzjoni ċertu nuqqasijiet fi ħdan id-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li dan ir-rapport kellu natura ta’ nota preparatorja, ifformulata qabel ma nfetħet proċedura dixxiplinari u li l-awtorità deċiżjonali, jiġifieri l-Bord Eżekuttiv, ma bbażatx fuqha sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, bħala dokument intern, din in-nota preparatorja ma kinitx tagħmel parti mill-fajl dixxiplinari u, b’applikazzjoni tar-regoli applikabbli għall-persunal, ma kienx meħtieġ li din tiġi kkomunikata lir-rikorrent sabiex jitħarsu d-drittijiet tad-difiża tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza N vs Il‑Kummissjoni, EU:T:1997:71, punt 92).

137    Fir-rigward tat-tweġiba mogħtija mill-Kumitat dixxiplinari dwar it-talba tar-rikorrent biex jingħata aċċess għar-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-Kumitat dixxiplinari ma eżerċitax is-setgħa diskrezzjonali tiegħu b’mod żbaljat meta qies li, sa fejn il-fajl dixxiplinari kien jinkludi biżżejjed elementi kemm fuq il-fatti li bihom ir-rikorrent huwa akkużat kif ukoll insostenn tal-argumenti li jiddefendu li dan tal-aħħar, l-integrazzjoni ta’ dan id-dokument li tinkludi l-evalwazzjonijiet provviżorji tal-Bord ma kinitx tipprovdi valur miżjud u kienet ittawal indebitament il-proċedura (ara, pereżempju, is-sentenzi R. vs Il‑Kummissjoni, 255/83 u 256/83, EU:C:1985:324, punt 24, u Y vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, T‑500/93, EU:T:1996:94, punt 45).

138    Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-Kumitat dixxiplinari daħal fil-pussess tar-rapport ta’ attivitajiet, għaliex deherlu li dan kien meħtieġ sabiex iwieġeb għat-talba tar-rikorrent tal-11 ta’ Diċembru 2012 biex jingħata aċċess għal dak id-dokument, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li ċertament kien ikun iktar xieraq kieku l-Kumitat dixxiplinari jiċħad it-talba tar-rikorrent minħabba r-raġuni suffiċjenti li ma kellux id-dokument mitlub. Madankollu, ma jistax jitqies li, inkwantu aċċetta li jitlob dan id-dokument lill-Bank u li jeżaminah sabiex ikun jista’ jagħti tweġiba għat-talba li saret mir-rikorrent, dak ir-rapport għalhekk kien sar jikkostitwixxi element mill-fajl dixxiplinari u li l-Kumitat dixxiplinari bilfors ibbaża ruħu fuq tali rapport sabiex adotta l-opinjoni tiegħu, li barra minn hekk ma kienx jirreferi għall-kontenut tar-rapport tal-attivitajiet tal-Bord, fejn il-Kumitat dixxiplinari enfasizza, fil-punt 9 tal-opinjoni tiegħu, li huwa “jibbaża essenzjalment fuq il-fatti kkonstatati fir-rapport tal-OLAF”.

139    Fuq bażi sussidjarja, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li, fi kwalunkwe każ, jekk l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li tikkomunika lill-persuna kkonċernata d-dokumenti li fuqhom ibbażat espressament sabiex tadotta deċiżjoni li tikkawża preġudizzju u li, fir-rigward tal-Bank, dan huwa obbligat, skont l-Artikolu 8.3.11 tar-regoli applikabbli għall-persunal, li jħalliha “tagħmel kopja tad-dokumenti kollha tal-proċedura, inklużi dawk li huma ta’ natura li jiskaġunawha”, in-nuqqas ta’ żvelar ta’ ċerti dokumenti ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkonċernata ħlief jekk l-ilmenti fformulati ma setgħux jiġu pprovati ħlief b’riferiment għal dawn id-dokumenti tal-aħħar u li, fi kliem ieħor, in-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti indikati mir-rikorrent seta’ jinfluwenza, għad-dannu tal-persuna kkonċernata, l-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinari u l-kontenut tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenzi Tzoanos vs Il‑Kummissjoni, C‑191/98 P, EU:C:1999:565, punti 34 u 35, u Evs Il-Kummissjoni, T‑24/98 u T‑241/99, EU:T:2001:175, punti 92 u 93).

140    Issa, anki jekk jiġi kkunsidrat li ċerti elementi tar-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord ma setgħux jiġu riprodotti fir-rapport tal-Artikolu 8.3.2 jew fir-rapport tal-OLAF jew saħansitra li r-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord jista’ jkun simili għal rapport motivat adottat bi ksur tar-regoli stipulati fiċ-ċirkolari Nru 1/2006, ir-rikorrent xorta baqa’ ma pproduċiex provi li l-BĊE bbaża ruħu fuq dak ir-rapport u, b’mod partikolari, lanqas ma indika liema elementi konkreti u deċiżivi, kemm mill-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari kif ukoll mid-deċiżjoni kkontestata, ma setgħux jiġu pprovati ħlief b’riferiment għal dokumenti oħrajn li ma humiex dawk li kien jaf bihom, f’dan il-każ permezz ta’ riferiment għal data li dehret fir-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord.

141    Fil-fatt, minkejja li r-rikorrent, qabel ma sar jaf bir-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord, kien invoka l-possibbiltà li dan ir-rapport jinkludi elementi li jiskaġunawh, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, wara li kiseb verżjoni kunfidenzjali ta’ dak ir-rapport fid-9 ta’ Ottubru 2014 billi kien indirizza ruħu lill-prosekutur Ġermaniż u, minbarra dan, sussegwentement fl-10 ta’ Novembru 2014, verżjoni mhux kunfidenzjali pprovduta mill-BĊE fuq it-talba tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikorrent illimita ruħu, fit-tweġiba tiegħu tas-6 ta’ Novembru 2014 li ma kkompletax wara l-komunikazzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-10 ta’ Novembru 2014, sabiex jirreferi għal siltiet, b’mod partikolari, mir-rikors tiegħu u sabiex jindika b’mod ġenerali erba’ elementi li, fil-fehma tiegħu, ma kinux ipprovati fir-rapport tal-Artikolu 8.3.2 u lanqas fir-rapport tal-OLAF, mingħajr madankollu ma ppreċiża liema kienu s-siltiet minn dawn ir-rapporti. Fuq dan l-aspett, min-naħa l-oħra, il-Bank, fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2014, indika liema kienu d-dokumenti li setgħu jipprovaw dawn l-erba’ elementi.

142    Mistoqsi f’dan ir-rigward waqt is-seduta, ir-rikorrent semma, bħala eżempji, żewġ siltiet mir-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord li ma kinux inklużi fir-rapport tal-Artikolu 8.3.2. Issa, l-ewwel waħda, marbuta mal-fatt li l-membri tal-persunal tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi kienu rċevew telefons mobbli BlackBerry mingħand id-DĠ “Sistemi tal-Informazzjoni”, ma hijiex ta’ natura li tinvalida l-fatt li r-rikorrent stess approva x-xiri ta’ dawk it-telefons, filwaqt li d-DĠ “Sistemi tal-Informazzjoni” kien irrifjuta li jagħmel dan ix-xiri. Rigward il-fatt li tnejn biss mis-sitt xufiera tal-BĊE ġew intervistati u li wieħed minnhom kien ikkonferma li l-logħob video kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tax-xufiera, dan ma jikkostitwixxix elementi li, kieku ġew miġjuba għall-għarfien tar-rikorrent fl-istadju tar-rapport tal-Artikolu 8.3.2, kienu jgħinuh jikkontesta b’mod effettiv l-allegazzjonijiet li saru kontrih. B’mod definittiv, fir-rigward tat-tweġibiet tar-rikorrent, inkluż waqt is-seduta, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, fir-rigward tad-dokumenti li kienu diġà miġjuba għall-attenzjoni tal-Bord, ir-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord ma kien jinkludi ebda element kontra tiegħu li seta’ realment jinfluwenza, għad-dannu tal-persuna kkonċernata, l-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinari u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas barra minn hekk xi element li jiskaġunah.

143    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud, u għandha tiġi miċħuda wkoll it-talba tar-rikorrent li l-Bank jiġi ordnat jipprovdi n-notifika lill-prosekutur Ġermaniż u r-rapport tal-attivitajiet tal-Bord, li fil-frattemp kien irċieva, b’mod partikolari billi indirizza ruħu lill-prosekutur Ġermaniż.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 8.3.5 tar-regoli applikabbli għall-persunal fir-rigward tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tal-Artikolu 47 tal-Karta

 L-argumenti tal-partijiet

144    Billi invoka dan il-motiv, ir-rikorrent fil-verità jqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 8.3.5 tar-regoli applikabbli għall-persunal. Fil-fatt, skont ir-rikorrent, għall-kuntrarju tal-Artikoli 4 u 5 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonċerna l-proċedura dixxiplinari, l-Artikolu 8.3.5 tar-regoli applikabbli għall-persunal jistipula li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani” huwa membru tal-Kumitat dixxiplinari. Issa, sa fejn, skont ir-rikorrent, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani” jeżerċita “poter suprem fuq il-membri kollha tal-persunal, b’mod iktar partikolari fuq il-livell diriġenti, kif ukoll fuq il-membri l-oħrajn tal-Kumitat dixxiplinari (ħlief il-President tiegħu u, sa ċertu punt, fuq il-membri maħtura mill-Kumitat tal-persunal)”, l-Artikolu 8.3.5 tar-regoli applikabbli għall-persunal jikser il-prinċipju ta’ imparzjalità kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta. Ir-rikorrent jiddikjara li, f’dan il-każ, l-Assistent Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani” għamel akkużi waqt is-seduta quddiem il-Kumitat dixxiplinari u kien insista biss fuq provi kontra tiegħu u, b’hekk kiser il-prinċipju ta’ newtralità. L-Assistent Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani” saħansitra kkontesta elementi li kien kiseb permezz tal-“investigazzjonijiet ‘esterni’ tiegħu stess”. Dan is-sens ta’ parzjalità li ħass ir-rikorrent huwa msaħħaħ mill-fatt li wieħed mill-membri tal-Kumitat dixxiplinari kien kiseb ir-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord bħala membru tad-DĠ “Riżorsi Umani”.

145    Il-BĊE jqis li t-tieni motiv huwa manifestament infondat. Dan jisħaq li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani” għandu biss vuċi deliberattiva waħda fi ħdan il-Kumitat dixxiplinari u huwa membru flimkien ma’ erba’ oħra. Issa, huwa leġittimu li rappreżentant tad-Direttorat Ġenerali tal-BĊE li huwa inkarigat li jiżgura li l-membri tal-persunal josservaw l-obbligi tagħhom, f’dan il-każ id-DĠ “Riżorsi Umani”, ikun membru f’dan il-kumitat. L-affermazzjonijiet tar-rikorrent dwar l-allegata influwenza tad-DĠ “Riżorsi Umani” fuq il-Kumitat dixxiplinari huma biss spekulazzjoni. Il-BĊE jipproduċi bħala prova l-fatt li, għall-fini ta’ eżattezza, il-Kumitat dixxiplinari rrakkomanda sanzjoni, jiġifieri żgradar ta’ żewġ kategoriji salarjali, inqas ħarxa minn dik li finalment ġiet adottata mill-Bord Eżekuttiv fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tad-differenzi li jeżistu bejn ir-regoli applikabbli għall-persunal u dawk previsti mir-Regolamenti tal-Persunal, il-Bank ifakkar li dawn jirriżultaw sempliċement mill-awtonomija funzjonali tal-BĊE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

146    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 36.1 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-BĊE jgawdi minn awtonomija funzjonali f’dak li jikkonċerna l-korp leġiżlattiv applikabbli għall-persunal tiegħu, li huwa differenti mir-regoli applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal oħrajn tal-Unjoni, li għalihom isir riferiment fl-Artikolu 336 tat-TFUE, u, barra minn hekk, huwa awtonomu fir-rigward tad-dritt tal-Istati Membri (ara s-sentenza Pflugradt vs Il‑BĊE, T‑178/00 u T‑341/00, EU:T:2002:253, punt 48).

147    Għalkemm, per se, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jipprekludux li, f’dan il-każ, ir-rikorrent jeċċepixxi l-illegalità tal-Artikolu 8.3.5 tar-regoli applikabbli għall-persunal, għandu jitfakkar li r-rabta ta’ impjieg bejn il-BĊE u l-membri tal-persunal tiegħu hija ta’ natura kuntrattwali u ma taqax taħt ir-Regolamenti tal-Persunal; li din xorta waħda tidħol fil-kuntest tal-eżerċitar, mill-membri tal-persunal tal-BĊE, ta’ funzjonijiet ta’ interess pubbliku Ewropew u, għalhekk, tixbah ħafna r-rabta li tirriżulta mir-Regolamenti tal-Persunal li teżisti bejn l-uffiċjal Ewropew u l-istituzzjoni tiegħu, b’tali mod li, f’dan ir-rigward, tista’ tinvolvi sistema dixxiplinari; li din is-sistema dixxiplinari kienet tagħmel parti integrali mill-kundizzjonijiet li r-rikorrent kien jaf bihom u li kien aċċettahom meta ffirma bil-libertà kollha l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu mal-BĊE, liema kuntratt irrefera għall-kundizzjonijiet tal-impjieg; fl-aħħar nett, li l-fakultà tal-persuna li timpjega li xxolji unilateralment il-kuntratt ta’ xogħol fil-każ ta’ nuqqas serju mill-impjegat hija prevista wkoll mid-dritt privat industrijali tal-parti l-kbira tal-Istati Membri u li, fil-parti l-kbira ta’ dawn id-drittijiet nazzjonali, din il-fakultà tipprovdi inqas garanziji li jipproteġu lill-persuna impjegata milli fil-kuntest tar-rabta ta’ impjieg bejn il-BĊE u l-membri tal-persunal tiegħu (sentenza X vs BĊE, EU:T:2001:251, punti 61 u 68 sa 70).

148    Għaldaqstant, il-BĊE, fil-kuntest tal-awtonomija istituzzjonali tiegħu, jipprevedi sistema dixxiplinari li tinkludi Kumitat dixxiplinari b’regoli marbutin mal-kompożizzjoni li jiddevjaw, anki b’mod sostanzjali, minn dawk li jidhru fit-Taqsima 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal f’dak li jikkonċerna l-Bord Dixxiplinari previst għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal oħrajn tal-Unjoni. Madankollu, f’dak li jikkonċerna s-sistema dixxiplinari inkwistjoni f’dan il-każ li ma kinitx fis-seħħ fil-kawża li tat lok għas-sentenza X vs BĊE (EU:T:2001:251), għandu jitqies li l-BĊE xtaq, bir-rieda ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ekwità, li d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv adottata fi kwistjoni dixxiplinari tittieħed filwaqt li titqies l-opinjoni ta’ korp li jippreżenta ċerta newtralità u imparzjalità.

149    F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddikjara li, skont l-Artikolu 8.3.5 tar-regoli applikabbli għall-persunal, il-Kumitat dixxiplinari tal-BĊE huwa kompost minn persuna esterna għall-istituzzjoni, li għandha l-Presidenza, u minn Direttur Ġenerali jew minn Assistent Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani”. Dan huwa kompost ukoll minn żewġ membri oħrajn maħtura mill-BĊE minn fost il-persunal u minn membru propost mir-rappreżentazzjoni tal-persunal, fejn dawn l-aħħar tliet membri ma jistgħux ikunu jaħdmu fl-istess dipartiment bħall-membru tal-persunal li jkun is-suġġett tal-proċedura dixxiplinari. Barra minn hekk, il-membru tal-persunal li jkun is-suġġett tal-proċedura dixxiplinari għandu l-possibbiltà li jirrikuża lil wieħed mill-membri tal-Kumitat dixxiplinari.

150    Għalkemm ma huwiex previst l-istess ekwilibriju, bejn il-membri maħtura mill-amministrazzjoni u dawk maħtura mir-rappreżentazzjoni tal-persunal, bħal dak previst mir-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, fl-ewwel lok, il-kompożizzjoni tal-Kumitat dixxiplinari, b’mod partikolari l-oriġini minn dipartimenti differenti tal-membri tiegħu, fit-tieni lok, iċ-ċirkustanza li fl-Artikolu 8.3.7 tar-regoli applikabbli għall-persunal huwa previst li “d-deliberazzjonijiet u x-xogħol tal-Kumitat dixxiplinari għandhom ikunu ta’ natura personali u kunfidenzjali skont ir-regoli interni tal-BĊE dwar il-kunfidenzjalità u li l-membri tal-Kumitat dixxiplinari jaġixxu f’kapaċità personali u jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza assoluta” [traduzzjoni mhux uffiċjali], it-tielet, in-natura kolleġjali tad-deliberazzjonijiet u, fl-aħħar, fir-raba’ lok, il-possibbiltà li l-persuna kkonċernata titlob ir-rikuża ta’ wieħed mill-membri jikkostitwixxu, f’kuntest mhux statutorju, biżżejjed garanziji ta’ imparzjalità u oġġettività tal-opinjoni li l-Kumitat dixxiplinari huwa msejjaħ sabiex jifformula u sabiex jadotta għall-benefiċċju tal-Bord Eżekuttiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Onidi vs Il‑Kummissjoni, T‑197/00, EU:T:2002:135, punt 132).

151    F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li d-Direttur Ġenerali jew l-Assistent Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani” huwa bi dritt membru tal-Kumitat dixxiplinari ma timplikax, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent b’mod spekulattiv, li jeżerċita jew li jista’ jeżerċita “poter suprem fuq il-membri kollha tal-persunal”, u, għaldaqstant, fuq id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat dixxiplinari.

152    B’mod partikolari, minn naħa waħda, ma ntweriex li tali persuna, lanqas jekk tkun id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani”, ser taġixxi bilfors kontrih. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li huwa aċċettabbli li, f’kuntest mhux irregolat mir-Regolamenti tal-Persunal bħal dak li jikkaratterizza r-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn il-BĊE u l-membri tal-persunal tiegħu, l-interessi tal-Bank ikunu rrappreżentati fil-Kumitat dixxiplinari minn membru tal-persunal bħal dan, speċjalment jekk id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani” ma jkunx membru tal-Bord Eżekuttiv, il-korp li jieħu deċiżjonijiet fi kwistjonijiet dixxiplinari.

153    Min-naħa l-oħra, l-allegazzjoni tar-rikorrent, li d-Direttorat Ġenerali jew l-Assistent Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani” kellu aċċess għal informazzjoni privileġġata li huwa użaha sabiex jinfluwenza x-xogħol tal-Kumitat dixxiplinari, għandha tiġi miċħuda, għaliex ma ġietx ipprovata u tmur kontra l-prinċipju ta’ kolleġjalità tad-diskussjonijiet kif ukoll għall-fatt li huwa possibbli, għal kull membru tal-Kumitat dixxiplinari, li jifformula opinjoni diverġenti, xi ħaġa li saret mingħajr ebda dubju, pereżempju, mill-membru maħtur mir-rappreżentazzjoni tal-persunal jekk ikun ġie ppreżentat lilu dokument estern għall-fajl dixxiplinari. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jistax jikkritika lil xi wieħed mill-membri maħtura mill-amministrazzjoni għaliex, waqt is-seduta tiegħu quddiem il-Kumitat dixxiplinari, interrogah f’sens li huwaw pperċepixxa bħala li qed jaġixxi kontra tiegħu. Fil-fatt, aġir bħal dan, anki jekk wieħed jassumi li seħħ, mhux bilfors juri li aġixxa bi preġudizzju fil-konfront tiegħu, iżda jista’ jkun spjegat mir-rieda li jingħata kontribut għad-diskussjoni billi r-rikorrent jiġi kkonfrontat bl-akkużi li saru kontrih.

154    B’hekk, anki jekk ir-rikorrent seta’ jipperċepixxi b’mod suġġettiv l-interventi tal-Assistent Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani”, waqt is-seduta tiegħu, bħala li ġew ifformulati b’ton akkużatorju, dan ma jfissirx, bħala tali, ksur tad-drittijiet tad-difiża jew tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, speċjalment jekk jitqies il-fatt li, minkejja l-fatt li ċerti membri kienu favur sanzjoni ta’ tkeċċija, fl-aħħar mill-aħħar il-Kumitat dixxiplinari rrakkomanda b’kunsens sanzjoni inqas ħarxa (ara, pereżempju, is-sentenza Zavvos vs Il-Kummissjoni, T‑21/01, EU:T:2002:177, punt 336).

155    Lanqas ma jista’ jiġi affermat b’mod perentorju li, minħabba l-funzjonijiet tiegħu, id-Direttorat Ġenerali jew l-Assistent Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani” huwa neċessarjament f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, jiġifieri f’sitwazzjoni fejn membru tal-persunal huwa meħtieġ, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, jieħu deċiżjoni fuq każ fejn huwa jkollu interess personali fil-mod kif jiġi ttrattat jew solvut dak l-istess każ, b’mod li jikkomprometti l-indipendenza tiegħu, (ara, dwar il-kunċett ta’ kunflitt ta’ interessi, is-sentenza Giannini vs Il‑Kummissjoni, T‑100/04, EU:T:2008:68, punt 223). B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li, kif osserva l-Bank, il-membri tal-Bord ta’ investigazzjoni, il-membri tal-persunal tal-BĊE li kienu implikati fir-rapport skont l-Artikolu 8.3.2 u l-membri tal-Kumitat dixxiplinari lkoll kienu persuni differenti f’dan il-każ.

156    Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li l-Artikolu 8.3.5 tar-regoli applikabbli għall-persunal ma jagħtix il-Presidenza tal-Kumitat dixxiplinari lid-Direttorat Ġenerali jew lill-Assistent Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani”, iżda lil persuna esterna għall-BĊE, anki jekk dik il-persuna ma għandhiex dritt ta’ vot, f’dan il-każ, ex membru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Barra minn hekk, l-Artikolu 8.3.6 tar-regoli applikabbli għall-persunal jipprevedi b’mod espliċitu l-obbligu tiegħu li jirrikuża kull membru tal-Kumitat dixxiplinari f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi.

157    Fi kwalunkwe każ, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE jew, bħal f’dan il-każ, fuq l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, jippermetti li jiġi ppreżentat rikors adegwat u effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jippermetti li r-rikorrent ifittex rimedju fi kwalunkwe każ għall-allegati insuffiċjenzi u nuqqasijiet, inkluż rigward il-kompożizzjoni tal-Kumitat dixxiplinari (ara, pereżempju, is-sentenza Andreasen vs Il-Kummissjoni, T‑17/08 P, EU:T:2010:374, punt 145).

158    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 8.3.5 tar-regoli applikabbli għall-persunal, għandu jiġi miċħud.

 Dwar it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza, tal-prinċipju ta’ imparzjalità kif ukoll tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta

 L-argumenti tal-partijiet

159    Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord Eżekuttiv ma tax tweġiba għall-ilmenti li kien ifformula fin-nota ta’ difiża tiegħu u li dawn ġew injorati mill-Kumitat dixxiplinari. Essenzjalment, ir-rikorrent jakkuża lill-BĊE li kkunsidra, sa mill-bidu nett, li huwa kien ħati mill-fatti li kien akkużat bihom. B’hekk iqis li l-Bank ma ħax inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni tiegħu għat-titjib sostanzjali ta’ diversi aspetti tal-funzjonament tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi. Huwa kien ukoll suġġett għal proċedura parzjali peress li, fost l-erba’ membri li kellhom id-dritt ta’ vot fil-Kumitat dixxiplinari, tnejn minnhom, fosthom ċertament l-Assistent Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani”, qiesu li l-provi eżistenti kienu juru li n-nuqqasijiet akkużati kienu mmotivati mit-tfittxija ta’ interess personali tar-rikorrent. Huwa jiddikjara wkoll li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord Eżekuttiv kien żnatura l-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari peress li semma l-pożizzjoni msemmija iktar ’il fuq ta’ żewġ membri tal-Kumitat dixxiplinari, filwaqt, fl-opinjoni tiegħu, il-maġġoranza ta’ dan il-kumitat kienet qieset li ma kinitx konvinta li t-tfittxija ta’ interess personali seta’ jiġi stabbilit “mingħajr l-iċken dubju”. Fl-aħħar nett, in-notifika lill-prosekutur Ġermaniż, bi ksur tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF, hija, bl-istess mod, is-sinjal ta’ ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

160    Filwaqt li ċaħad it-tielet motiv bħala manifestament infondat, il-BĊE kkonkluda billi saħaq, l-ewwel nett, li l-Bord Eżekuttiv bl-ebda mod ma huwa obbligat, skont il-ġurisprudenza fil-qasam, li jindirizza jew ifakkar fid-deċiżjoni kkontestata l-aspetti kollha msemmija mill-membru tal-persunal ikkonċernat quddiem il-Kumitat dixxiplinari. Il-Bank jisħaq sussegwentement li ċ-ċirkustanza, imsemmija mir-rikorrent, li kien ġie sospiż matul il-fażijiet ta’ investigazzjoni, bl-ebda mod ma kienet tipprova ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza u, barra minn hekk, ir-rikorrent ma jistax jerġa’ jiftaħ id-dibattitu, magħluq permezz tas-sentenza AX vs BĊE (EU:F:2012:195), dwar il-leġittimità tal-miżuri ta’ sospensjoni. Bl-istess mod, il-fatt li l-Kumitat dixxiplinari ma ddeċidiex li jaqsam l-istess fehma tar-rikorrent, żviluppata sew fid-dokumenti bil-miktub tiegħu u li dan il-kumitat qies għal kollox, ma jfissirx ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Barra minn hekk, il-BĊE huwa ħieles li jippreżenta fajl lill-prosekutur Ġermaniż, anki jekk l-OLAF ma jkunx irrakkomanda l-ħtieġa ta’ tali azzjoni.

161    Rigward l-akkużi tar-rikorrent li l-proċedura ta’ investigazzjoni, il-proċedura dixxiplinari u d-deċiżjoni kkontestata juru rieda min-naħa tal-Bank li jistabbilixxi l-ħtija tar-rikorrent, il-BĊE mhux biss iqis li dawn huma infondati, iżda jesprimi dispjaċir ukoll għall-fatt li r-rikorrent “jagħmel affermazzjonijiet ipotetiċi u in mala fede bħal dawn quddiem l-onorabbli Tribunal għas-Servizz Pubbliku.”

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

162    Għandu jitfakkar li ma jistax jiġi kkonstatat ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza ħlief meta jkun hemm elementi ta’ natura li juru li l-amministrazzjoni kienet iddeċidiet, sa mill-bidu nett tal-proċedura dixxiplinari, li timponi, fi kwalunkwe każ, sanzjoni kontra l-persuna kkonċernata, indipendentement mill-ispjegazzjonijiet ippprovduti minn din il-persuna (ara s-sentenza Pessoa e Costa vs Il‑Kummissjoni, T‑166/02, EU:T:2003:73, punt 56).

163    Fir-rigward tas-sospensjoni tal-funzjonijiet tar-rikorrent qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jingħad li l-possibbiltà offerta mill-Artikolu 46 tal-kundizzjonijiet tal-impjieg li membru tal-persunal jiġi sospiż ma għandhiex l-għan li tissanzjona lil dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza X vs BĊE, EU:T:2001:251, punt 151), iżda li tippermetti lill-amministrazzjoni li tadotta miżura kawtelatorja sabiex tiżgura li dan il-membru tal-persunal ma jxekkilx l-investigazzjoni li tkun għaddejja.

164    Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, f’dak li jikkonċerna t-tielet motiv tiegħu, l-argument tar-rikorrent huwa intiż, parzjalment, sabiex jikkontesta l-motivazzjoni jew in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li dan huwa s-suġġett tal-ħames motiv, dan l-aspett ser jiġi ttrattat fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

165    Fil-parti l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrent huwa intiż essenzjalment sabiex jikkritika lill-Kumitat dixxiplinari u lill-Bord Eżekuttiv li ma qasmux il-fehma li huwa kien iddefenda matul il-proċedura dixxiplinari.

166    Issa, fir-rigward iċ-ċirkustanza li żewġ membri tal-Kumitat dixxiplinari esprimew irwieħhom, kif għandhom id-dritt li jagħmlu skont l-Artikolu 8.3.15 tar-regoli applikabbli għall-persunal, fis-sens li n-nuqqasijiet allegati kienu mmotivati mit-tfittxija ta’ interess personali tar-rikorrent, din bl-ebda mod ma hija ta’ natura li turi ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Fil-fatt, pożizzjoni simili tirrifletti biss il-prinċipju ta’ kolleġjalità tad-dibattiti u tal-possibbiltà li tingħata opinjoni li tmur kontra l-opinjoni definittiva mogħtija, b’maġġoranza, mill-Kumitat dixxiplinari. Fuq dan l-aspett, l-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari ma stipulatx b’mod preċiż li l-interess personali “seta’ jiġi stabbilit, fit-tifsira stretta, mingħajr l-iċken dubju.” Għall-bqija, min-naħa l-oħra, il-Kumitat dixxiplinari ċaħad bħala infondati l-allegazzjonijiet tar-rikorrent, li jidhru b’mod partikolari fin-nota għad-difiża tiegħu, dwar ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu.

167    Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-fatt li l-Bord Eżekuttiv iddeċieda li, f’dan il-każ, jadotta waħda mis-sanzjonijiet dixxiplinari l-iktar ħorox previsti mir-regoli applikabbli għall-persunal ma jurix, minnu nnifsu, li l-preżunzjoni tal-innoċenza nkisret matul il-proċedura dixxiplinari.

168    Fir-rigward tan-notifika lill-prosekutur Ġermaniż, din taqa’ taħt il-kamp tal-prerogattivi tal-BĊE fil-kuntest tal-awtonomija istituzzjonali tiegħu u bl-ebda mod ma tippreġudika l-pożizzjoni li l-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi huma meħtieġa jadottaw fil-kamp ta’ kompetenzi proprji tagħhom, jiġifieri d-dritt kriminali. Barra minn hekk, fit-tweġiba tiegħu tas-6 ta’ Novembru 2014 għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrent indika li rċieva mingħand il-prosekutur Ġermaniż kopja ta’ CD-ROM li kien fiha n-notifika li għamel il-BĊE, mingħajr ma rnexxielu jsib xi element ta’ natura li jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu ta’ ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

169    Barra minn hekk, mill-argumenti tar-rikorrent, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jista’ jsib ebda prova li ssostni l-allegazzjonijiet tiegħu, kemxejn gravi, li l-BĊE kiser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

170    Għalhekk, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Dwar ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ diliġenza minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ termini raġonevoli

 L-argumenti tal-partijiet

171    B’dan il-motiv, ir-rikorrent jikkritika lill-BĊE għall-fatt li, meta jitqiesu globalment, il-proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva inizjali u l-proċedura dixxiplinari li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata nfirxu għal iktar minn tliet snin. Dewmien bħal dan ma huwiex raġonevoli u, anki jekk ċertu dewmien huwa dovut għall-proċedura ta’ investigazzjoni tal-OLAF, il-BĊE għandu jinżamm responsabbli għad-dewmien marbut mal-investigazzjonijiet tal-OLAF sa fejn ir-rapporti ta’ investigazzjoni ta’ dan l-uffiċċju ma humiex atti li jistgħu jiġu kkontestati. Bis-saħħa tas-sentenza Andreasen vs Il‑Kummissjoni (F‑40/05, EU:F:2007:189), ir-rikorrent isostni wkoll li, tul il-proċedura sħiħa, baqa’ sospiż mill-funzjonijiet tiegħu matul 38 xahar.

172    Il-BĊE jqis li r-raba’ motiv huwa manifestament infondat fid-dritt, filwaqt li jisħaq, b’mod partikolari, li r-rikorrent jammetti huwa stess li l-Bank osserva t-termini previsti fl-Artikolu 8.3.2 tar-regoli applikabbli għall-persunal. Barra minn hekk, rigward il-ġurisprudenza inkwistjoni, ma kien hemm ebda ksur tal-prinċipju ta’ termini raġonevoli. Fir-rigward tat-tul li matulu ġie sospiż mill-funzjonijiet tiegħu, din il-kwistjoni ma tagħmilx parti mis-suġġett ta’ dan ir-rikors.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

173    Fil-qasam dixxiplinari, il-BĊE jew, skont il-każijiet, l-OLAF għandhom l-obbligu li jaġixxu b’diliġenza, mill-mument li jsiru jafu bil-fatti u bl-aġir li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-obbligi tal-membri tal-persunal tal-BĊE sabiex jiġi evalwat jekk għandhiex tinfetaħ investigazzjoni, sussegwentement, fl-affermattiv, dwar l-iżvolġiment ta’ din l-investigazzjoni u, fir-rigward tal-BĊE, dwar it-twettiq tal-proċedura dixxiplinari (ara, b’analoġija, is-sentenza Kerstens vs Il‑Kummissjoni, F‑12/10, EU:F:2012:29, punt 125).

174    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-termini previsti sabiex jitfassal l-iżvolġiment, minn perspettiva taż-żmien, ta’ proċedura dixxiplinari, ma humiex perentorji, iżda qabel kollox jikkostitwixxu regola ta’ amministrazzjoni tajba li timponi fuq l-istituzzjoni l-obbligu li tmexxi l-proċedura dixxiplinari b’diliġenza u li taġixxi b’tali mod li kull att proċedurali jseħħ f’terminu raġonevoli b’rabta mal-att preċedenti (sentenza D vs Il‑Kummissjoni, T‑549/93, EU:T:1995:15, punt 25). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni saħqet li, biex jiġi evalwat it-terminu raġonevoli li matulu għandha ssir proċedura dixxiplinari, ma għandhiex “tieħu inkunsiderazzjoni ż-żmien li jgħaddi bejn att tal-proċedura u l-att ta’ wara u li din l-evalwazzjoni hija irrispettivament mit-tul totali tal-proċedura dixxiplinari” (sentenza Teixeira Neves vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, T‑259/97, EU:T:2000:208, punt 123, u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    Għalhekk, il-BĊE għandu, fl-applikazzjoni tal-proċedura dixxiplinari tiegħu, jiżgura li kull att adottat jitwettaq f’terminu raġonevoli b’rabta ma’ dak preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kerstens vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2012:29, punt 124, u Goetz vs Il‑Kumitat tar-Reġjuni, F‑89/11, EU:F:2013:83, punt 126).

176    F’dan il-każ, mill-mument li fih sar jaf bl-allegazzjonijiet li għamel il-whistleblower, il-Bank, fi Frar tal-2010, waqqaf Bord ta’ investigazzjoni li x-xogħol tiegħu ma setax jitlesta għaliex fl-1 ta’ Lulju 2010 l-OLAF fetaħ investigazzjoni fuq l-istess fatti, li ġiet innotifikata lill-Bank fis-26 ta’ Lulju ta’ wara. L-investigazzjoni tal-OLAF kienet timplika b’mod partikolari żjara fil-bini tal-BĊE kif ukoll is-seduta ta’ tlettax-il membru tal-persunal tal-BĊE. Ix-xogħol tal-OLAF ġie ffinalizzat bil-komunikazzjoni lill-BĊE, fis-27 ta’ Jannar 2012, ta’ rapport finali ta’ investigazzjoni.

177    F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li l-proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva inizjali u l-proċedura ta’ investigazzjoni tal-OLAF seħħew f’terminu raġonevoli, f’dan il-każ ftit taż-żmien wara li, rispettivament, il-Bank u l-OLAF saru jafu bil-fatti u bl-aġir li jista’ jikkostitwixxi ksur tal-obbligi li jaqgħu fuq il-membri tal-persunal tal-BĊE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi François vs Il‑Kummissjoni, T‑307/01, EU:T:2004:180, punt 48, u López Cejudo vs Il‑Kummissjoni, F‑28/13, EU:F:2014:55, punt 90).

178    Fir-rigward tat-tul tal-investigazzjoni tal-OLAF, jiġifieri 19-il xahar, dan jidher li huwa raġonevoli fir-rigward tan-numru u tan-natura tax-xiri inkwistjoni kif ukoll tat-teknikalità ta’ ċerti oġġetti li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni.

179    Sussegwentement, il-Bank adotta r-rapport tal-Artikolu 8.3.2 li fetaħ il-proċedura dixxiplinari u stabbilixxa l-portata. L-adozzjoni ta’ dan ir-rapport, fid-19 ta’ Novembru 2012, saret wara li nstema’ r-rikorrent u wara li ttieħdu inkunsiderazzjoni d-dokumenti li kien ippreżenta fl-24 ta’ Awwissu 2012 kif ukoll l-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fit-18 ta’ Ottubru ta’ wara dwar l-abbozz ta’ rapport li kien ġie kkomunikat lilu. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li d-disa’ xhur li kienu għaddew minn meta ntbagħat ir-rapport tal-OLAF lill-BĊE sa meta l-Bank adotta r-rapport tal-Artikolu 8.3.2 ma humiex eċċessivi fir-rigward tan-numru u tal-volum tad-dokumenti implikati u tad-diversi osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrent qabel l-adozzjoni tar-rapport tal-Artikolu 8.3.2. Barra minn hekk, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat talli, skont id-dispożizzjonijiet interni tiegħu, qies neċessarju li, minbarra l-investigazzjoni amministrattiva inizjali u l-investigazzjoni tal-OLAF, iwettaq investigazzjoni amministrattiva interna ġdida sabiex jiġi stabbilit ir-rapport tal-Artikolu 8.3.2 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Goetz vs Il‑Kumitat tar-Reġjuni, EU:F:2013:83, punti 131 u 132). Fil-fatt, l-investigazzjoni amministrattiva inizjali, li baqgħet ma tlestietx, li kienet saret fuq il-bażi taċ-ċirkolari Nru 1/2006, kienet mingħajr preġudizzju, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) ta’ din iċ-ċirkolari, għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari, li setgħet tinbeda unikament fl-osservanza tal-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 8.3 tar-regoli applikabbli għall-persunal, b’mod partikolari tal-Artikolu 8.3.2. Minbarra dan, f’dan il-każ, il-persuni li jikkostitwixxu l-Bord ta’ investigazzjoni kienu differenti minn dawk li kienu kkollaboraw għat-tfassil tar-rapport tal-Artikolu 8.3.2.

180    Wara li ġie maħtur fis-27 ta’ Novembru 2012, il-Kumitat dixxiplinari sema’ lir-rikorrent bl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tiegħu matul ix-xahar ta’ Jannar 2013 u ħareġ l-opinjoni tiegħu fil-5 ta’ April 2013. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, billi lesta x-xogħol tiegħu f’terminu ta’ erba’ xhur, dan il-kumitat ħadem bil-pass meħtieġ, u barra minn hekk fir-rigward ta’ fajl kumpless u minkejja l-bosta osservazzjonijiet u kontestazzjonijiet tar-rikorrent, b’mod partikolari fuq il-minuti tas-seduta tiegħu mal-Kumitat dixxiplinari.

181    Fir-rigward tal-adozzjoni, fit-28 ta’ Mejju 2013, tad-deċiżjoni kkontestata, wara li fl-24 ta’ April ta’ qabel ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, din hija konformi kemm mat-terminu previst fl-Artikolu 8.3.17 tar-regoli applikabbli għall-persunal kif ukoll mal-prinċipju ta’ tul raġonevoli.

182    B’hekk, jekk issir ħarsa lura lejn il-proċedura dixxiplinari mibdija f’dan il-każ jirriżulta li ż-żmien li għadda bejn kull att tal-proċedura u l-att ta’ wara kien għal kollox raġonevoli u li, għalkemm seta’ kien hemm xi dewmien, dan kien dovut għall-ħtieġa li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u sabiex jingħataw tweġibiet għal diversi kummenti u osservazzjonijiet li ppreżenta l-avukat tiegħu (ara s-sentenza Teixeira Neves vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, EU:T:2000:208, punt 125).

183    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra, minbarra dan li, jekk jitqiesu fit-totalità tagħhom, kemm il-proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva inizjali kif ukoll il-proċedura dixxiplinari nfirxu fuq terminu raġonevoli, f’dan il-każ tliet snin u tliet xhur. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddikjara li xorta waħda r-rikorrent ma sostniex li l-Bank mar lil hinn minn terminu previst mid-dispożizzjonijiet tiegħu applikabbli fil-qasam dixxiplinari.

184    Fl-aħħar lok, filwaqt li huwa minnu li, matul l-investigazzjonijiet li saru qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari u matul il-proċedura dixxiplinari, ir-rikorrent kien tqiegħed f’sitwazzjoni ta’ stennija u ta’ inċertezza, b’mod partikolari rigward il-futur professjonali tiegħu, dan l-aspett ma jistax jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din is-sitwazzjoni hija inerenti għal kull proċedura dixxiplinari u li, f’dan il-każ, il-ftuħ tagħha kien iġġustifikat mill-interess tal-Unjoni, li kien jobbliga lill-BĊE li, fid-dawl ta’ allegazzjonijiet li jixtħu dubju fuq il-korrettezza tal-aġir ta’ tnejn mill-membri tal-persunal tiegħu, fosthom ir-rikorrent, jieħu l-miżuri li kellhom jiġu imposti, inkluża s-sospensjoni tar-rikorrent, sabiex jiġi żgurat in-natura impekkabbli tal-kondotta professjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pessoa e Costa vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2003:73, punt 66).

185    Fir-rigward ta’ dan li ntqal hawn fuq, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Dwar il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

186    Skont ir-rikorrent, id-deċiżjoni kkontestata ma pprovdietx motivazzjoni dwar l-ilmenti tiegħu bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli u tad-diliġenza dovuta. Din lanqas ma tagħti spjegazzjonijiet dwar l-ilmenti li saru kontra r-rikorrent, dwar l-obbligi li allegatament ma wettaqx u kemm il-fatti kkritikati huma marbutin mal-ksur ta’ kull wieħed mill-obbligi stipulati mill-Bank. Id-deċiżjoni kkontestata ma tippreċiżax, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ir-raġunijiet li għalihom il-Bord Eżekuttiv iddeċieda li jimponi sanzjoni iktar ħarxa min dik irrakkomandata mill-Kumitat dixxiplinari. Din id-deċiżjoni lanqas ma tispjega r-raġunijiet li għalihom il-Bank iddeċieda li r-relazzjoni ta’ fiduċja mar-rikorrent kienet inkisret, filwaqt li, fl-opinjoni tiegħu, il-Kumitat dixxiplinari kien indika li t-tkissir tar-relazzjoni ta’ fiduċja ma setgħetx tiġi kkonstatata ħlief fil-każ li jiġi pprovat li r-rikorrent kien fittex interess personali, ħaġa li ma ġietx ipprovata.

187    Filwaqt li ċaħad il-motiv, il-Bank ikkonkluda billi saħaq li, fid-dawl tal-kontenut tal-argument tiegħu, ir-rikorrent jidher li ma fehemx il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni, speċjalment f’każ, bħal dak inkwistjoni, magħruf sew mill-persuna kkonċernata. Il-BĊE jikkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrent li l-konstatazzjoni tal-waqfien tar-relazzjoni ta’ fiduċja bejn membru tal-persunal u l-persuna li timpjegah teħtieġ il-produzzjoni tal-prova li l-aġir tal-membru tal-persunal kien immotivat minn interess personali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

188    L-obbligu ta’ motivazzjoni, previst fl-Artikolu 296 TFUE u mfakkar fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li bħala għan għandu, minn naħa waħda, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni biżżejjed sabiex tevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawżalha preġudizzju u, min-naħa l-oħra, li jagħmel possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju (ara s-sentenzi Michel vs Il‑Parlament, 195/80, EU:C:1981:284, punt 22; Lux vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 69/83, EU:C:1984:225, punt 16, u Camacho-Fernandes vs Il‑Kummissjoni, F‑16/13, EU:F:2014:51, punt 111).

189    Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-BĊE li timponi sanzjoni fuq wieħed mill-membri tal-persunal tiegħu tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi tagħha kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat, f’dan il-każ il-qasam dixxiplinari. Issa, f’dan ir-rigward, jekk il-Kumitat dixxiplinari u l-Bord Eżekuttiv huma obbligati li jsemmu l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-opinjoni u/jew deċiżjonijiet tagħhom, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li wassluhom sabiex jeħduhom, dawn ma humiex obbligati li jiddiskutu l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li tqajmu mill-persuna kkonċernata matul il-proċedura. Fi kwalunkwe każ deċiżjoni hija suffiċjentement immotivata meta hija tingħata f’kuntest magħruf mill-membru tal-persunal ikkonċernat li jippermettilu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tiegħu (sentenza EH vs Il‑Kummissjoni, F‑42/14, EU:F:2014:250, punt 131, u l-ġurisprudenza ċċitata).

190    Jekk, bħal f’dan il-każ, is-sanzjoni imposta fuq il-persuna kkonċernata tkun iktar ħarxa minn dik issuġġerita mill-Kumitat dixxiplinari, xorta waħda għandu jitqies li, fir-rigward tar-rekwiżiti proprji ta’ kull proċedura dixxiplinari, id-deċiżjoni tal-BĊE għandha, anki fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg kuntrattwali biss, tistipula liema huma l-motivi li wasslu sabiex il-Bank ma jikkunsidrax l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat dixxiplinari tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi F. vs Il‑Kummissjoni, 228/83, EU:C:1985:28, punt 35; N vs Il-Kummissjoni, T‑198/02, EU:T:2004:101, punt 95, u EH vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2014:250, punt 132).

191    F’dan il-każ, it-Tribunal jirrileva li l-kuntest li fih ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata kien magħruf sew mir-rikorrent, kif juru b’mod partikolari d-diversi osservazzjonijiet bil-miktub u orali li kien ifformula matul il-proċedura dixxiplinari, inkluż fuq l-abbozzi ta’ atti stabbiliti fil-kuntest ta’ din il-proċedura, bħall-minuti tas-seduta. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li jallega r-rikorrent, l-ilmenti li saru kontrih kienu indikati b’mod ċar u preċiż biżżejjed fir-rapport tal-Artikolu 8.3.2. kif ukoll fl-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari, hekk kif dan b’mod partikolari ġie ppreżentat fil-punti 67, 70 u 81 ta’ din is-sentenza, dokument li dwarhom instemgħet bis-sħiħ il-perspettiva tiegħu.

192    Sussegwentement, l-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari jagħti rendikont tal-ilmenti li saru kontra r-rikorrent, ir-regoli u d-dispożizzjonijiet differenti fis-seħħ fil-BĊE li dan il-kumitat ikkunsidra li r-rikorrent kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu fir-rigward tagħhom kif ukoll raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom qies li l-allegazzjonijiet tar-rikorrent ma kinux fondati, ifformulati b’mod partikolari fin-nota għad-difiża tiegħu, li skont dawn id-drittijiet tad-difiża tiegħu kienu ġew miksura. Fl-opinjoni tiegħu, dak il-kumitat irrefera wkoll għall-kwistjonijiet li kienu ġew diskussi fi ħdanu. Minn dan jirriżulta li l-membri ta’ dan il-kumitat kienu maqsumin fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent kellux jitkeċċa, iżda li, min-naħa l-oħra, kien hemm kunsens fuq il-fatt li tista’ tiġi imposta tkeċċija jekk, “barra minn hekk, in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali kien motivat mit-tfittxija ta’ interess personali li tkisser irrimedjabbilment ir-relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-BĊE u r-rikorrent”. F’dan il-kuntest, żewġ membri mill-Kumitat dixxiplinari qiesu li l-elementi tal-fajl kienu konklużivi biżżejjed f’dan is-sens, iżda, finalment, il-maġġoranza tal-membri ma qisitx li hija “konvinta għal kollox li seta’ jiġi stabbilit interess personali [...], fit-tifsira stretta tiegħu, mingħajr l-iċken dubju”.

193    Wara li espona ċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jiġu kkunsidrati fil-każ tar-rikorrent, il-Kumitat dixxiplinari, bil-kunsens tal-membri tiegħu, ifformula l-proposta ta’ sanzjoni ta’ żgradar ta’ żewġ kategoriji salarjali.

194    Huwa f’dan il-kuntest li ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Bord Eżekuttiv indika li qies l-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari, in-nuqqas ta’ qbil fi ħdan dan il-kumitat dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ interess personali kif ukoll taċ-ċirkustanzi attenwanti msemmija f’din l-opinjoni. Il-Bord Eżekuttiv madankollu qies b’mod partikolari bħala ċirkustanza aggravanti l-fatt li r-rikorrent kien wettaq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali tiegħu inkwistjoni fil-pożizzjoni tiegħu bħala manager li għandu responsabbiltà partikolari fil-protezzjoni tar-reputazzjoni u tal-interessi finanzjarji tal-BĊE. Imbagħad, dejjem fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord Eżekuttiv spjega l-livell ta’ rekwiżiti tiegħu fir-rigward tal-integrità tal-persunal tiegħu u qies li n-nuqqasijiet professjonali inkwistjoni kienu irrimedjabbilment ippreġudikaw ir-relazzjoni ta’ fiduċja li l-Bank iqis neċessarja li jkollu mal-persunal tiegħu.

195    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li d-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari li tirreferi għaliha, tinkludi motivazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti ġuridiċi li japplikaw ukoll għall-Bank u li huma mfakkra fil-punti 188 sa 190 ta’ din is-sentenza.

196    B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li jiddikjara r-rikorrent, il-Bord Eżekuttiv spjega r-raġunijiet li għalihom għażel sanzjoni iktar ħarxa minn dik li fuqha kienu laħqu kunsens il-membri tal-Kumitat dixxiplinari. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li s-sanzjoni magħżula mill-Bord Eżekuttiv tikkorrispondi ma’ dik li kienu iktar favuriha tnejn mill-erba’ membri bid-dritt tal-vot tal-Kumitat dixxiplinari ma hijiex, minnha nfisha, ta’ natura li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

197    Rigward il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jitqies li tkissret ir-relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-Bank u wieħed mill-membri tal-persunal tiegħu, għandu jiġi enfasizzat li l-Bord Eżekuttiv ma huwiex marbut bl-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari, kif huwa indikat espressament fl-Artikolu 8.3.17 tar-regoli applikabbli għall-persunal. B’konsegwenza ta’ dan, anki jekk il-maġġoranza tal-Kumitat dixxiplinari qablet fuq il-fatt li, mill-perspettiva tagħha, tkissir tar-relazzjoni ta’ fiduċja jista’ jiġi kkonstatat mill-Bord Eżekuttiv jekk dan tal-aħħar qies li r-rikorrent kien qed ifittex interess personali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu fid-definizzjoni tar-rekwiżiti tiegħu dwar l-integrità fir-rigward tal-persunal tal-BĊE, f’dan il-każ il-Bord Eżekuttiv seta’ jikkunsidra li t-tkissir ta’ relazzjoni ta’ fiduċja kien seħħ, anki jekk ma jsegwix l-ipoteżi ssuġġerita mill-Kumitat dixxiplinari, jiġifieri anki fl-assenza tal-prova tat-tfittxija ta’ interess persunali mir-rikorrent. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-24 ta’ April 2013 dwar l-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari, ir-rikorrent ma tax verament xi argumenti partikolari dwar il-kwistjoni ta’ tkissir tar-relazzjoni ta’ fiduċja għaldaqstant evokata mill-Kumitat dixxiplinari fl-opinjoni tiegħu indirizzata lill-Bord Eżekuttiv.

198    Minn dan li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Dwar is-seba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

199    Essenzjalment, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tidentifikax biċ-ċar l-ilmenti li ġew ikkunsidrati bħala l-bażi ta’ din id-deċiżjoni u li ma ġewx ikkunsidrati kif xieraq iċ-ċirkustanzi attenwanti li ġew invokati minnu matul il-proċedura dixxiplinari. B’mod partikolari, huwa jisħaq fuq il-fatt li x-xiri inkwistjoni kollu kien sar b’osservanza sħiħa tar-regoli fis-seħħ fil-BĊE u li dipartimenti oħrajn kienu jafu bih u setgħu jarawh; il-fatt li ġew ikkonstatati, anki mill-OLAF, nuqqasijiet fil-kontroll finanzjarju u fis-sorveljanza tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi; iċ-ċirkustanza li, meta s-superjuri tiegħu qalulu li ma setax ikompli b’ċertu xiri, fil-każ tax-xiri ta’ inkwatri għar-ritratti diġitali, huwa għamel kif ordnat; il-fatt li ma ngħatax taħriġ jew pariri speċifiċi dwar ir-regoli baġitarji applikabbli; il-prestazzjonijiet professjonali tiegħu fit-tmexxija tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi, liema tmexxija ffrankat lill-BĊE diversi miljuni ta’ euro; ir-rata baxxa ta’ regolamenti f’din id-diviżjoni; il-firxa tal-missjonijiet li ġew fdati lilu, kif ukoll iċ-ċirkustanza li fiha ta’ kull ġimgħa kien japprova mijiet ta’ ordnijiet ta’ xiri u ta’ fatturi għad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi u li, finalment, ix-xiri inkwistjoni f’dan il-każ bilkemm kien jirrappreżenta, mill-perspettiva tal-valur globali tiegħu, 0.1% mill-baġit tad-Diviżjoni.

200    Ir-rikorrent isostni li, minħabba l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni jew minħabba teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti ta’ ċertu numru ta’ ċirkustanzi attenwanti, il-BĊE impona fuqu sanzjoni sproporzjonata. F’dan ir-rigward, huwa jikkontesta li ppreġudika r-reputazzjoni tal-BĊE billi awtorizza x-xiri inkwistjoni. Barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li diġà kien ġie ssanzjonat bis-sospensjoni temporanja tal-funzjonijiet u bl-impatt tal-proċedura dixxiplinari, kemm fuq il-ħajja professjonali kif ukoll privata tiegħu.

201    Il-BĊE kkonkluda billi ċaħad is-seba’ motiv bħala infondat. F’dan ir-rigward, iqis li r-rikorrent qara biss biċċiet mid-deċiżjoni kkontestata, jew anki b’mod distort, li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, permezz ta’ riferiment għall-punt 34 tal-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari, ħadet biżżejjed inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti tal-każ. Il-Bank jirrileva li r-rikorrent jagħmel affermazzjonijiet ġenerali fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti, mingħajr ma jidentifikahom biċ-ċar, ħaġa li tixħet dubju fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ affermazzjonijiet ġenerali oħrajn. Il-Bank xorta waħda jqis li ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ tar-rikorrent, iżda jisħaq li l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti ma tistax tipprekludi, ipso jure, il-possibbiltà ta’ tkeċċija.

202    Skont il-BĊE, ir-riskju ta’ ħsara għar-reputazzjoni esterna tal-Bank, li jirriżulta mill-aġir tar-rikorrent kien evidenti, u dan iktar u iktar minħabba li r-rikorrent ma kienx fil-pożizzjoni li jispjega fejn kienet tinsab il-parti l-kbira tal-oġġetti mixtrija taħt is-superviżjoni tiegħu. Rigward l-argument li s-sospensjoni mix-xogħol, fil-każ tiegħu, diġà kienet tikkostitwixxi sanzjoni ħarxa ħafna li b’hekk tipprekludi l-possibbiltà ta’ tkeċċija, il-Bank ifakkar li sospensjoni bħal din mill-funzjonijiet ma tikkostitwixxix sanzjoni u li, fi kwalunkwe każ, it-tkissir tar-relazzjoni ta’ fiduċja kienet seħħet fil-każ tiegħu u kienet tiġġustifika s-sanzjoni imposta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

203    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra xieraq li s-seba’ motiv jiġi indirizzat qabel is-sitt wieħed.

–       Kunsiderazzjonijiet ġenerali

204    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-legalità ta’ kull sanzjoni dixxiplinari tippreżupponi li r-realtà tal-fatti li bihom il-persuna kkonċernata hija akkużata tiġi stabbilita (sentenzi Daffix vs Il‑Kummissjoni, T‑12/94, EU:T:1997:208, punt 64; Tzikis vs Il‑Kummissjoni, T‑203/98, EU:T:2000:130, punt 51, u EH vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2014:250, punt 90).

205    Rigward l-evalwazzjoni tal-gravità tan-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kumitat dixxiplinari kontra l-membru tal-persunal u tal-għażla tas-sanzjoni li kienet tidher, fid-dawl ta’ dawn in-nuqqasijiet, bħala l-iktar waħda xierqa, fil-prinċipju dawn jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Bank, sakemm is-sanzjoni imposta ma tkunx sproporzjonata fir-rigward tal-fatti żvelati (sentenza E vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2001:175, punti 85 u 86). B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita fi kwistjoni dwar ir-Regolamenti tal-Persunal u li tista’ tiġi trasposta fil-kuntest kuntrattwali tal-BĊE, din l-istituzzjoni għandha s-setgħa li tagħmel evalwazzjoni tar-responsabbiltà tal-membru tal-persunal tagħha, differenti minn dik magħmula mill-Kumitat dixxiplinari tagħha, kif ukoll li sussegwentement tagħżel is-sanzjoni dixxiplinari li tqis xierqa sabiex tissanzjona n-nuqqasijiet dixxiplinari identifikati (ara s-sentenzi Y vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, EU:T:1996:94, punt 56, u Tzikis vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2000:130, punt 48).

206    Ladarba tiġi stabbilita l-materjalità tal-fatti, fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Bank igawdi fi kwistjonijiet dixxiplinari, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għal verifika tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi X vs BĊE, EU:T:2001:251, punti 221 u 222, u EH vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2014:250, punt 92).

207    Rigward il-proporzjonalità tas-sanzjoni dixxiplinari b’rabta mal-gravità tal-fatti kkunsidrati, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-istabbiliment tas-sanzjoni għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni globali mill-Bank tal-fatti konkreti kollha u taċ-ċirkustanzi xierqa għal kull każ individwali, filwaqt għandu jiġi enfasizzat li, bħal fil-każ tar-Regolamenti tal-Persunal, il-korp leġiżlattiv applikabbli għall-persunal tal-BĊE, b’mod partikolari l-Artikolu 45 tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, ma jistipulax li hemm rabta fissa bejn is-sanzjonijiet li huma indikati fihom u n-nuqqasijiet possibbli differenti għat-twettiq tal-obbligi professjonali u ma jippreċiżax sa fejn l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-għażla tas-sanzjoni. B’hekk, l-eżami mill-qorti tal-prim’ istanza huwa limitat għall-kwistjoni dwar jekk iċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti ġewx meqjusa mill-Bank b’mod proporzjonat, filwaqt li jiġi stipulat li, matul dan l-eżami, il-qorti ma tistax tissostitwixxi lill-Bank fir-rigward tal-ġudizzji ta’ valur miġjuba f’dan ir-rigward minn dan tal-aħħar (ara s-sentenzi X vs BĊE, EU:T:2001:251, punt 221; Afari vs BĊE, EU:T:2004:77, punt 203, u BG vs Ombudsman, T‑406/12 P, EU:T:2014:273, punt 64), li għalih tappartjeni l-għażla tas-sanzjoni dixxiplinari (sentenza Nijs vs Il‑Qorti tal-Awdituri, F‑77/09, EU:F:2011:2, punt 132).

–       Dwar in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali allegat

208    F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li r-rikorrent ma jikkontestax il-fatt li għamel xiri tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, jiġifieri ma jikkontestax il-materjalità tal-fatti, iżda jikkontesta, b’rabta magħha, il-fatt li aġixxa ħażin jew li wettaq xi azzjoni illegali, fi kliem ieħor il-klassifikazzjoni tiegħu bħala nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali.

209    Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li r-rikorrent jgħid li għamel il-Bord Eżekuttiv jikkonċerna l-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali, li fuqhom ipproċeda l-Kumitat dixxiplinari u li fuqhom ibbaża ruħu l-Bord Eżekuttiv sabiex jistabbilixxi s-sanzjoni li impona fuq ir-rikorrent. F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, mill-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari jirriżulta biċ-ċar li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali kkonstatat minnu kien jikkonsisti fi ksur tal-Artikolu 4(a) tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, tal-Artikoli 2, 2.2, 4.1, 4.2 u 5.1 tal-kodiċi ta’ kondotta kif ukoll tal-indikazzjonijiet li jidhru fil-Kapitoli 7 u 8 tal-manwal tal-prassi operattivi. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-Bord Eżekuttiv ikkonferma dawn il-konstatazzjonijiet tal-Kumitat dixxiplinari

210    F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-korp tar-regoli applikabbli għall-persunal tal-BĊE previsti fl-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari għandhom l-għan li jiggarantixxu li l-membri tal-persunal tal-BĊE, bl-aġir tagħhom, jippreżentaw dehra ta’ dinjità konformi mal-kondotta partikolarment korretta u rispettuża li hija leġittimament mistennija mingħand il-membri tal-persunal ta’ istituzzjoni pubblika internazzjonali, anki dawk impjegati fuq bażi kuntrattwali (ara s-sentenzi Williams vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑146/94, EU:T:1996:34, punt 65, u N vs Il‑Kummissjoni, EU:T:1997:71, punt 127). B’mod partikolari, l-obbligu li jinsab fl-Artikolu 4(a) tal-kundizzjonijiet tal-impjieg li “jiġi adottat aġir li jaqbel mal-funzjonijiet tagħhom u man-natura tal-BĊE bħala korp tal-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għandu jiġi interpretat bħala wieħed li jimponi dmirijiet fuq il-persunal tal-BĊE, b’mod partikolari dawk ta’ lealtà u ta’ dinjità, simili għal dawk li japplikaw għall-uffiċjali tal-Unjoni (ara s-sentenza Afari vs BĊE, EU:T:2004:77, punt 193).

211    Rigward id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ta’ kondotta inkwistjoni f’dan il-każ, dawn għandhom l-għan li jistipulaw l-obbligi imposti fuq il-membri tal-persunal tal-BĊE skont id-dmir ta’ lealtà, bħall-obbligu li jżommu lis-superjuri tagħhom infurmati, li jġibu ruħhom b’mod eżemplari u li jiżguraw li tinżamm ir-reputazzjoni esterna tal-Bank, u għandhom l-għan li jfakkru regoli elementari applikabbli f’kull istituzzjoni ffinanzjata mill-pubbliku, jiġifieri li l-oġġetti u t-tagħmir tal-istituzzjoni jistgħu jintużaw biss għall-finijiet u fil-limiti tal-ħtiġijiet professjonali u li l-membri tal-persunal għandhom jiżguraw li jiġġustifikaw ix-xiri ta’ tagħmir u li jużawh bl-iktar mod effikaċi possibbli.

212    Rigward id-dispożizzjonijiet tal-manwal tal-prassi operattivi inkwistjoni f’dan il-każ, dawn ifakkru r-regoli dwar il-ġestjoni baġitarja tajba fl-identifikazzjoni tal-bżonnijiet u tal-użu tal-baġits korrispondenti taċ-ċentri baġitarji ċentralizzati, bħal dawk tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi, u dan b’rabta ma’ servizzi pprovduti lil direttorati oħrajn tal-BĊE.

213    F’dak li jikkonċerna d-deskrizzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali, li l-Kumitat dixxiplinari jqis li kien twettaq mir-rikorrent, u kif jidher f’dan il-każ fil-punt 27 tal-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li mill-fajl jirriżulta li dan il-kumitat kien korrettament wasal għall-konklużjoni li r-rikorrent kien kiser l-Artikolu 4(a) tal-kundizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll dispożizzjonijiet tal-kodiċi ta’ kondotta u tal-manwal tal-prassi operattivi.

214    Fil-fatt, fir-rigward tat-tip, in-numru u l-frekwenza tax-xiri inkwistjoni mwettaq tul perijodu ta’ iktar minn sentejn u nofs kif ukoll tal-assenza ta’ ġustifikazzjoni tanġibbli u konvinċenti dwar il-ħtieġa li jsir dak ix-xiri għall-bżonnijiet leġittimi tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi, li r-rikorrent kien inkarigat mit-tmexxija tagħha, dan tal-aħħar ma jistax raġonevolment isostni li aġixxa b’mod konformi mal-aspettattivi leġittimi tal-Bank, kif ifformalizzati fir-regoli interni li huwa adotta, u li ma kkawżax dannu finanzjarju lill-Bank.

215    Pereżempju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li x-xiri unitarju ta’ materjal informatiku barra mill-politika ta’ xiri miġbur tal-istituzzjoni, f’dan il-każ iċċentralizzat fil-livell tad-DĠ “Sistemi tal-Informazzjoni”, bilfors li wassal, hekk kif ikkonferma l-Bank matul is-seduta, għax-xiri ta’ dawn il-materjali bi prezzijiet ogħla, bħal pereżempju x-xiri ta’ kompjuters tat-trade mark X, li ma kinux uffiċjalment jintużaw fil-BĊE meta seħħew il-fatti. Eżempju ieħor ta’ aġir mhux konformi mal-aspettattivi leġittimi tal-Bank kif ifformalizzati fir-regoli interni adottati minnu u li kien sors ta’ dannu finanzjarja għalih kien jikkonsisti fl-assenza ta’ implementazzjoni ta’ sistema li ssegwi x-xiri li kellu, b’mod partikolari bħala konsegwenza, l-impossibbiltà li jiġi lokalizzat eżattament in-numru tajjeb tal-oġġetti mixtrija mid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi u li kienu s-suġġett tal-ilmenti invokati kontra r-rikorrent. Daqstant ieħor ma huwiex prassi l-fatt li membru tal-persunal ta’ istituzzjoni jista’ jieħu f’daru, u jżomm hemmhekk għal perijodu twil kif għamel ir-rikorrent, numru kbir ta’ oġġetti informatiċi u fotografiċi jew inkella sistema ta’ navigazzjoni portabbli.

216    F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza, murija mir-rikorrent meta pproduċa provi ġodda, li sussegwentement instabu xi oġġetti, ma tinvalidax il-fatt li b’mod kumplessiv, huwa kien xtara numru ta’ oġġetti bi ksur tar-regoli fis-seħħ. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra, minn naħa, li din il-produzzjoni ta’ provi kkorroborat id-deskrizzjoni tal-uffiċċju tar-rikorrent magħmula mill-BĊE, jiġifieri li dan l-uffiċċju kien donnu maħżen minħabba l-ammont kbir ta’ oġġetti, fost l-oħrajn bla tikketta, li kienu jinsabu fih. Bħala xhieda ta’ dan kien hemm kaxex ta’ logħob li kienu għadhom bl-imballaġġ. Issa, ċirkustanza bħal din tista’ tispjega għaliex il-BĊE ma kienx fil-pożizzjoni, speċjalment minħabba t-teknikalità tat-tagħmir inkwistjoni, li jagħmel listi eżawrjenti li jiddistingwu l-oġġetti li kienu jinsabu hemm minn dawk li l-lokalizzazzjoni tagħhom ma kinitx magħrufa kif ukoll dawk li kienu jappartjenu, rispettivament, lir-rikorrent u lill-BĊE. Barra minn hekk, dan jista’ jispjega għaliex in-numru u t-tip ta’ oġġetti neqsin li jidhru fir-rapport tal-Artikolu 8.3.2 u l-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari jistgħu jkunu ftit differenti minn dawk li jidhru fir-rapport tal-OLAF jew inkella fir-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord, madankollu bla ma din id-differenza tiżvela żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, b’mod ġenerali, ir-rikorrent baqa’ ma kkontestax il-fatt li diversi oġġetti, mixtrija fuq ordnijiet tiegħu, kienu nieqsin u li dan ix-xiri seħħ mingħajr ġustifikazzjoni professjonali tanġibbli u valida. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ma ssanzjonahx bl-akkuża li seraq xi tagħmir inkwistjoni.

217    Għalhekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li l-Kumitat dixxiplinari ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni, kif intwera fil-punti 82 u 83 ta’ din is-sentenza, meta kkonstata l-eżistenza tan-nuqqas “deliberat, kontinwu u fuq tul perijodu twil”, min-naħa tar-rikorrent fir-rigward tat-twettiq tal-obbligi professjonali tiegħu bħala membru tal-persunal tal-BĊE. Huwa kklassifikahom bħala ksur “gravi u implikattiv ħafna, sa ċertu punt, nuqqas deliberat fir-rigward tar-regoli fis-seħħ fil-BĊE.” Minn dan isegwi li kien ukoll mingħajr ma wettaq żball manifest, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Bord Eżekuttiv tal-BĊE seta’ jieħu inkunsiderazzjoni dawn l-evalwazzjonijiet tal-Kumitat dixxiplinari, anki jekk, f’din id-deċiżjoni, il-Bord Eżekuttiv seta’ jagħti iktar dettalji sa fejn huwa qabel ma’ dawn l-evalwazzjonijiet..

218    Minn issa għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord Eżekuttiv ħax biżżejjed inkunsiderazzjoni jew le ċ-ċirkustanzi attenwanti jew ċerti fatti allegati mir-rikorrent.

–       Dwar il-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti

219    F’dan ir-rigward, hemm lok li l-ewwel nett jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord Eżekuttiv ħa inkunsiderazzjoni tliet ċirkustanzi attenwanti msemmija fl-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari, f’dan il-każ in-nuqqasijiet fil-kontroll intern tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi qabel ma r-rikorrent beda l-funzjonijiet tiegħu, il-fatt li d-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi kellha rata baxxa ta’ regolamenti kif ukoll l-istat tajjeb ħafna tad-dipartiment tar-rikorrent.

220    Madankollu, ir-rikorrent jinvoka l-kuntest kumplessiv li aġixxa fih u jisħaq li “numru kbir ta’ fatti u ta’ ċirkustanzi ġew sempliċiment injorati jew ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed mill-BĊE.”

221    Fuq dan l-aspett, indipendentement mill-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment, invokata mill-Bank, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li l-elementi elenkati mingħajr ordni mir-rikorrent ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu żball manifest ta’ evalwazzjoni u lanqas assenza ta’ kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti mill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

222    Fil-fatt, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li jindika nuqqas min-naħa tas-superjuri ġerarkiċi tiegħu, fir-rwol tagħhom ta’ superviżuri, kif ukoll tad-Diviżjoni tal-Baġit, Kontroll u Organizzazzjoni tad-DĠ “Riżorsi Umani”, fis-sorveljanza baġitarja u finanzjarja tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi wara li beda l-funzjonijiet tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li n-nuqqasijiet eventwali tas-superjuri ġerarkiċi tiegħu u tad-Diviżjoni msemmija iktar ’il fuq ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqasijiet allegati tar-rikorrent li, fil-kwalità tiegħu ta’ manager, f’dan il-każ il-Kap ta’ Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi, baqa’ responsabbli mill-atti tiegħu (ara, pereżempju, is-sentenzi R. vs Il‑Kummissjoni, EU:C:1985:324, punt 44; Z vs Il‑Parlament, T‑242/97, EU:T:1999:92, punt 115, u X vs BĊE, EU:T:2001:251, punt 233).

223    Bl-istess mod, ir-rikorrent ma jistax jinvoka, bħala ċirkustanza attenwanti, il-fatt li ma ngħatax twissija mid-DĠ “Amministrazzjoni” u “Riżorsi Umani” u, rispettivament, fi ħdanhom mid-Diviżjoni tal-Kontabilità u ta’ Xiri u minn dik tal-Baġit, Kontroll u Organizzazzjoni, dwar il-fatt li x-xiri inkwistjoni ma setax iseħħ. Fil-fatt, mingħajr ma huwa neċessarju li jidħol fid-dettalji tax-xiri differenti mwettaq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ wħud minnhom, bħax-xiri ta’ consoles u ta’ softwer tal-logħob, it-terminazzjoni ta’ abbonamenti tal-telefons mobbli u t-tqegħid għad-dispożizzjoni korrelattiv ta’ telefons mobbli għall-membri tal-persunal li ma kinux awtorizzati għalihom skont ir-regoli interni tal-Bank jew ukoll l-akkwist ta’ oġġetti bħala rigal għall-persunal tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi, li r-rikorrent kien imexxi, dan tal-aħħar missu kellu dubji serji dwar il-leġittimità li jsir dan ix-xiri u dwar il-kompatibbiltà tal-aġir tiegħu mar-regoli ċari tal-BĊE, b’mod partikolari dawk stipulati fl-Artikolu 4(a) tal-kundizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll fil-kodiċi ta’ kondotta.

224    Il-fatt li r-rikorrent waqqaf ix-xiri ta’ inkwatri għal ritratti diġitali wara li sarulu mistoqsijiet dwar dan mis-superjuri ġerarkiċi tiegħu, li ċertament ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti, missu għall-kuntrarju ħeġġu sabiex jirrevedi l-mod tiegħu ta’ kif jamministra l-fondi pubbliċi, missjoni li kien inkarigat biha bħala Kap ta’ Diviżjoni li kellha baġit awtonomu, b’mod partikolari meta huwa għamel xiri unitarju ta’ materjal informatiku kontra l-għażliet ta’ xiri kollettiv stabbiliti mid-DĠ “Sistemi tal-Informazzjoni” li huwa kompetenti f’dan il-qasam.

225    Rigward il-prestazzjonijiet professjonali tar-rikorrent li, skont hu, ippermettew lill-Bank jiffranka ammonti sostanzjali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jisħaq, fl-ewwel lok, li jekk il-BĊE, fid-dawl tal-Artikolu 45 tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, għandu jieħu inkunsiderazzjoni “l-aġir tal-membru tal-persunal tul il-karriera kollha tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], din il-kunsiderazzjoni mhux bilfors hija ekwivalenti għal ċirkustanza attenwanti (sentenza EH vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2014:250, punt 119). It-tieni, seta’ kien leġittimu għall-Bank li jqis li l-fatti tant ikunu gravi, anki jekk is-servizz fil-passat tar-rikorrent kien eċċezzjonali, li din iċ-ċirkustanza kienet mingħajr effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Yasse vs BEI, T‑141/97, EU:T:1999:177, punt 114). B’mod partikolari, ma jistax jiġi ammess li, għaliex ikkontribwixxa għal ammonti sostanzjali ffrankati favur il-baġit ta’ funzjonament ta’ istituzzjoni, membru tal-persuna jista’ jqis lilu nnifsu eżentat mir-regoli bażiċi ta’ ġestjoni baġitarja u finanzjarja tajba għaliex ix-xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi inkwistjoni jinvolvu biss ammonti żgħar meta pparagunati mal-baġit li huwa kien responsabbli minnu. Fil-fatt, ikun xi jkun l-ammont inkwistjoni, kwalunkwe nfiq ta’ flus pubbliċi jrid iseħħ skont ir-regoli baġitarji u ta’ kontabbiltà.

226    Rigward l-argument tar-rikorrent li huwa ma bbenefikax minn taħriġ iffokat fuq il-ġestjoni baġitarja u r-regoli ta’ xiri, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li dan huwa ineffettiv sa fejn, anki jekk ikun jista’ jiġi stabbilit li l-Bank ma tax biżżejjed taħriġ lill-persunal tiegħu dwar ir-regoli, din l-insuffiċjenza eventwali ma tippermettix lir-rikorrent sabiex jaġixxi bi ksur tar-regoli espliċiti stabbiliti mill-BĊE fid-dispożizzjonijiet interni tiegħu.

227    L-istess huwa minnu għall-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-volum ta’ xogħol tiegħu. Fil-fatt, anki jekk id-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi kellha mijiet ta’ ordnijiet ta’ xiri x’tieħu ħsieb ta’ kull ġimgħa, ir-rikorrent kellu l-assistenza tal-Assistent Kap ta’ Diviżjoni. Issa, mill-fajl jirriżulta li t-tnejn li huma għamlu xiri kontestabbli u, fi kwalunkwe każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-volum ta’ xiri ta’ kull ġimgħa ttrattat mid-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ ġudizzju fix-xiri ta’ ċerti oġġetti, speċjalment meta dawn b’mod ċar ma jissodisfawx il-bżonnijiet leġittimi tas-servizz.

228    Rigward il-fatt li diviżjonijiet oħrajn tal-BĊE għamlu xiri wkoll inġustifikat daqs dan inkwistjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jerġa’ jfakkar li membru tal-persunal ma jistax effettivament jinvoka l-fatt li ma nfetħet ebda proċedura dixxiplinari fir-rigward ta’ membru tal-persunal ieħor jew iktar, għal fatti analogi għal dawk ikkunsidrati fil-konfront tiegħu, sabiex jikkontesta s-sanzjoni li huwa suġġett għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Williams vs Il‑Qorti tal-Awdituri, EU:C:1985:297, punt 14, u de Compte vs Il‑Parlament, EU:T:1991:54, punt 170).

229    Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma fihiex żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti inkwistjoni u taċ-ċirkustanzi attenwanti. B’hekk għandu jiġi eżaminat jekk, skont il-ġurisprudenza applikabbli fil-qasam dixxiplinari, iċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti ġewx meqjusa mill-Bank b’mod proporzjonat, filwaqt li jitfakkar li, matul dan l-eżami, il-qorti ma tistax tissostitwixxi lill-Bank fil-ġudizzji ta’ valur meħuda f’dan ir-rigward minn dan tal-aħħar.

–       Dwar il-proporzjonalità tas-sanzjoni imposta

230    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jiġi enfasizzat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord Eżekuttiv ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti kkunsidrati mill-Kumitat dixxiplinari, iżda qies ukoll iċ-ċirkustanza aggravanti mfakkra fil-punt 87 ta’ din is-sentenza.

231    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva f’dan ir-rigward li huwa jislet mill-korp leġiżlattiv applikabbli għall-persunal tal-BĊE l-obbligu ta’ lealtà min-naħa tal-membru tal-persunal tal-BĊE fir-rigward tal-istituzzjoni li timpjegah, u li jrid jaġixxi, speċjalment jekk bħar-rikorrent ikollu grad għoli, b’aġir li ma jista’ jwassal għal ebda suspettt, sabiex jinżammu dejjem ir-rabtiet ta’ fiduċja li jeżistu bejnu u bejn il-Bank (is-sentenza N vs Il-Kummissjoni, EU:T:1997:71, punt 129).

232    Issa, fid-dawl tal-importanza tar-relazzjoni ta’ fiduċja li teżisti bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha f’dak li għandu x’jaqsam kemm il-funzjonament intern tal-Unjoni kif ukoll l-immaġni esterna tagħha u minħabba l-ġeneralità tat-test tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(a) tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u ta’ dawk tal-kodiċi ta’ kondotta, imsemmija fl-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari, dawn ikopru kull ċirkustanza jew kull aġir li l-membru tal-persunal tal-BĊE jrid raġonevolment jifhem, fid-dawl tal-grad tiegħu u tal-funzjonijiet li jeżerċita kif ukoll taċ-ċirkustanzi proprji tal-każ, li jistgħu jidhru, f’għajnejn terzi, li jistgħu joħolqu konfużjoni fir-rigward tal-interessi mfittxija mill-Unjoni li huwa għandu l-obbligu li jservi (ara, b’analoġija, is-sentenza Gomes Moreira vs ECDC, F‑80/11, EU:F:2013:159, punt 63).

233    B’mod partikolari, fil-kuntest speċifiku tal-Bank, istituzzjoni finanzjarja tal-Unjoni li taġixxi, bħala persuna li timpjega, f’kuntest kuntrattwali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jagħmel analiżi tal-proporzjonalità bejn il-fatti kkunsidrati kontra l-membru tal-persunal u s-sanzjoni imposta fid-dawl tal-għanijiet u tal-funzjonijiet tal-Bank (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Yasse vs BEI, EU:T:1999:177, punt 108). Fuq dan l-aspett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis b’mod effettiv li r-rikorrent, fil-funzjoni ta’ diriġenti tiegħu bħala Kap tad-Diviżjoni tas-Servizzi Amministrattivi kellu responsabbiltajiet li kienu jirriżultaw miż-żamma tar-reputazzjoni u tal-interessi finanzjarji tal-Bank. Barra minn hekk, fir-rigward tar-responsabbiltà tiegħu fit-tmexxija tal-politika monetarja tal-Unjoni, il-Bank effettivament jibbaża r-reputazzjoni esterna tiegħu fuq rwol ta’ amministrazzjoni mudell, effikaċi u responsabbli, ħaġa li timplika li jħaddem persunal li għandu “integrità assoluta”. Barra minn hekk, dan jitfakkar fil-punt 2.2 tal-kodiċi ta’ kondotta li jistabbilixxi li l-membri tal-persunal tal-BĊE “jridu jkunu jafu kemm huma importanti d-dmirijiet u l-missjonijiet tagħhom, iqisu dak li l-pubbliku jistenna minnhom bħala l-aġir morali tagħhom, iġibu ruħhom b’mod li jżomm u jsaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fil-BĊE u jikkontribwixxu għall-effikaċja tal-amministrazzjoni tal-BĊE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

234    Hekk kif ikkonstatat il-qorti tal-Unjoni fir-rigward ta’ istituzzjoni finanzjarja tal-Unjoni (ara s-sentenza Yasse vs BEI, EU:T:1999:177, punt 110), obbligi bħal dawn għandhom importanza assoluta sabiex jintlaħqu l-għanijiet assenjati lil istituzzjoni bankarja u jikkostitwixxu element essenzjali tal-aġir li l-persunal ta’ din l-istituzzjoni għandu josserva sabiex tinżamm l-indipendenza u d-dinjità tiegħu.

235    F’dawn il-kundizzjonijiet, fir-rigward tal-gravità tan-nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligi professjonali allegati, in-natura deliberata tagħhom u r-repetizzjoni tagħhom tul perijodu twil, hekk kif qisuhom il-Kumitat dixxiplinari u l-Bord Eżekuttiv, kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ integrità li l-Bank għandu l-intenzjoni li jeżiġi b’mod leġittimu mingħand il-membri tal-persunal tiegħu u li jikkostitwixxi ġudizzju ta’ valur li fir-rigward tiegħu il-qorti ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-istituzzjoni b’dik tagħha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis, minn naħa waħda, li l-Bord Eżekuttiv seta’ jsostni ċ-ċirkustanza aggravanti, li tidher fid-deċiżjoni kkontestata, fil-każ tar-rikorrent. Min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti mill-Bank saret b’mod proporzjonat f’dan il-każ.

236    B’mod partikolari, fir-rigward tar-rekwiżiti ġuridiċi fil-qasam, il-Bank seta’ jikkunsidra li, bl-aġir inkwistjoni u minkejja l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti, ir-rikorrent kien irrimedjabbilment ippreġudika r-relazzjoni ta’ fiduċja li kienet torbtu mal-Bank. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, il-Bank seta’, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu fid-definizzjoni tar-rekwiżiti tiegħu f’termini ta’ integrità tal-persunal tiegħu, jikkunsidra li, minkejja x-xewqa tar-rikorrent li jkompli bir-relazzjoni ta’ xogħol, din ir-relazzjoni ta’ fiduċja ma setgħetx terġa’ tiġi stabbilita biex b’hekk, konsegwentement, sar iktar diffiċli, jew anki impossibbli, it-twettiq flimkien ma’ dan il-membru tal-persunal ta’ missjonijiet assenjati lill-Bank mill-Unjoni (ara, pereżempju, is-sentenza Gomes Moreira vs ECDC, EU:F:2013:159, punt 67).

237    Anki jekk, hekk kif sostna r-rikorrent waqt is-seduta, is-sanzjoni inqas ħarxa, proposta mill-Kumitat dixxiplinari, kienet timplika li jibda jaħdem f’funzjonijiet li ma jibqgħux assoċjati mal-ġestjoni ta’ baġit ċentralizzat u li, b’hekk, l-eżerċitar tal-funzjonijiet li ma kinux ikunu funzjonijiet ta’ tmexxija mhux bilfors kienu jeħtieġu livell ta’ fiduċja daqstant għoli bħal dak li jikkaratterizza r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mal-Bank bħala Kap ta’ Diviżjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li l-BĊE seta’ jqis, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu u fir-rigward tan-natura kuntrattwali tar-rabta ta’ impjieg li torbtu mal-membru tal-persunal tiegħu, li s-sanzjoni proposta mill-Kumitat dixxiplinari ma kinitx biżżejjed fir-rigward tal-fatti mwettqa minn persuna li kienet inkarigata minn baġit ċentralizzat u li, minħabba n-natura deliberata u gravi tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali inkwistjoni mwettaq minn wieħed mill-managers tiegħu, li mingħandhom huwa mistenni aġir eżemplari, ir-rabta ta’ fiduċja tkissret għal kollox.

238    Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Dwar is-sitt motiv, ibbażat fuq eċċess ta’ poter tal-Bord Eżekuttiv u ta’ ksur tal-Artikolu 8.3.17 tar-regoli applikabbli għall-persunal

 L-argumenti tal-partijiet

239    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jiddikjara li l-Bord Eżekuttiv għandu s-setgħa li jagħti deċiżjoni biss dwar l-għażla tas-sanzjoni li għandha tiġi applikata fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali stabbiliti mill-Kumitat dixxiplinari. Minkejja dan, il-Bord Eżekuttiv ma huwiex kompetenti sabiex jagħti deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-fatti humiex stabbiliti b’mod materjali. Issa, f’dan il-każ, il-Bord Eżekuttiv żnatura l-opinjoni tal-Kumitat dixxiplinari billi intervjena bħallikieku kien il-“ħames membru uffiċjali tal-Kumitat dixxiplinari sabiex impliċitament jinfluwenza l-bilanċ tal-voti u sabiex jiġi deċiż li, fl-opinjoni tiegħu, kienet ikkaratterizzata t-tfittxija ta’ interess personali.” Fil-fatt il-Bord Eżekuttiv kien ikkonstata t-tfittxija ta’ interess personali filwaqt li l-Kumitat dixxiplinari kien ikkonstata li din ma setgħetx tiġi stabbilita f’dan il-każ. B’hekk, l-eċċess ta’ poter tal-Bord Eżekuttiv jikkonsisti li huwa stess iddeċieda li l-fatti kienu stabbiliti, minflok ma llimita ruħu sabiex jiddeċiedi x’inhi s-sanzjoni xierqa.

240    Il-BĊE jitlob li s-sitt motiv jiġi miċħud bħala manifestament infondat, waqt li jirrileva li sempliċi qari tad-deċiżjoni kkontestata juri biċ-ċar li l-Bord Eżekuttiv ma żnaturax u lanqas ma mmodifika b’xi mod ieħor il-konstatazzjonijiet dwar il-fatti u l-analiżi legali tal-Kumitat dixxiplinari.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

241    Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 8.3.15 tar-regoli applikabbli għall-persunal, il-Kumitat dixxiplinari ħareġ “opinjoni definittiva ffirmata mill-membri kollha fuq il-materjalità tal-fatti, fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn jikkostitwixxux nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali u fuq kwalunkwe sanzjoni dixxiplinari” u li, skont l-Artikolu 8.3.17 tal-istess regoli, “il-Bord Eżekuttiv jiddeċiedi fuq l-iktar sanzjoni dixxiplinari xierqa filwaqt li debitament jieħu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Kumitat dixxiplinari, mingħajr madankollu jkun marbut bihom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

242    F’dan il-każ, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-kompetenza tal-Bord Eżekuttiv hijiex limitata għall-istabbiliment tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li r-rikorrent xorta waħda baqa’ ma weriex kif il-Bord Eżekuttiv żnatura l-fatti hekk kif ġew ikkonstatati mill-Kumitat dixxiplinari. Fil-fatt, il-Bord Eżekuttiv kien ibbaża ruħu fuq il-materjalità tal-fatti kif meqjusa mill-Kumitat dixxiplinari kif ukoll fuq il-konstatazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar rigward in-nuqqas min-naħa tar-rikorrent li jwettaq l-obbligi professjonali tiegħu.

243    Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, b’mod iktar espliċitu mill-Kumitat dixxiplinari fl-opinjoni tiegħu, il-Bord Eżekuttiv qies, mingħajr ma mar lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu f’dan il-qasam, inkluż f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġudizzji ta’ valur, li l-fatt li r-rikorrent kien wettaq l-allegat nuqqas professjonali meta kien jeżerċita funzjonijiet ta’ tmexxija li kienu jimplikaw obbligu partikolari li jħares ir-reputazzjoni u l-interessi finanzjarji tal-Bank, kien jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti. Il-Bord Eżekuttiv espona wkoll il-livell ta’ rekiżit tiegħu f’termini ta’ integrità fir-rigward tal-persunal tiegħu, ħaġa li taqa’ manifestament taħt is-setgħa diskrezzjonali tiegħu fil-qasam. L-istess japplika għall-konstatazzjoni tat-tkissir tar-relazzjoni ta’ fiduċja li jqis neċessarja li jkollu mal-persunal tiegħu. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-konstatazzjoni ta’ dak it-tkissir ma hijiex limitata biss għall-ipoteżi, li ħareġ biha l-Kumitat dixxiplinari, dwar il-konstatazzjoni tat-tfittxija ta’ interess personali.

244    Fil-verità, kieku kellu jiġi aċċettat, l-argument tar-rikorrent ineħħi kwalunkwe possibbiltà għall-Bord Eżekuttiv li jadotta sanzjoni differenti minn dik stipulata mill-Kumitat dixxiplinari u, fl-aħħar mill-aħħar, li jiġi kkunsidrat li l-Kumitat dixxiplinari jikkostitwixxi mhux korp konsultattiv, iżda korp deċiżjonali.

245    Fil-fatt, sabiex ikun jista’ jistabbilixxi s-sanzjoni xierqa, il-Bord Eżekuttiv bilfors kellu jibbaża l-opinjoni tiegħu fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti, kif ukoll fuq iċ-ċirkustanzi aggravanti tal-każ tar-rikorrent, kif dan jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita rigward il-qasam dixxiplinari li tgħid li din l-amministrazzjoni għandha s-setgħa li tagħmel evalwazzjoni tar-responsabbiltà tal-membru tal-persunal tagħha, differenti minn dik magħmula mill-Kumitat dixxiplinari, kif ukoll li sussegwentement tagħżel is-sanzjoni dixxiplinari li tqis xierqa sabiex tissanzjona n-nuqqasijiet dixxiplinari kkunsidrati (sentenza Tzikis vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2000:130, punt 48), filwaqt li jitfakkar li l-qorti ma tistax tissostitwixxi lill-Bank fir-rigward tal-ġudizzji ta’ valur magħmula f’dan ir-rigward u dwar l-għażla tas-sanzjoni dixxiplinari li tappartjeni għalih (sentenza EH vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2014:250, punt 93).

246    Fir-rigward ta’ dak li ntqal hawn fuq u l-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma sab ebda element ta’ natura li jikkonstata jew li joħloq suspett tal-eżistenza ta’ eċċess ta’ poter, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

 Dwar it-tmien motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikoli 44 u 45 tal-kundizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll tal-Artikolu 8.3 tar-regoli applikabbli għall-persunal fir-rigward tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u tad-dritt għan-negozjar kollettiv stabbiliti mill-Artikolu 28 tal-Karta

 L-argumenti tal-partijiet

247    B’dan il-motiv, ir-rikorrent isostni li l-kundizzjonijiet tal-impjieg u r-regoli applikabbli għall-persunal, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħhom relatati mal-proċeduri dixxiplinari, huma illegali, minn naħa waħda, “għaliex jiksru l-prinċipju tad-demokrazija, dak tas-separazzjoni tal-poteri kif ukoll dak li jgħid li l-leġiżlatur sekondarju ma jistax jaġixxi ħlief fil-limiti stabbiliti mil-leġiżlatur primarju” u, min-naħa l-oħra, għaliex dawn ma ġewx adottati b’osservanza tad-djalogu soċjali, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt għan-negozjar kollettiv. B’mod partikolari, huwa jallega li l-Kunsill Regolatorju tal-BĊE huwa “korp manifestament eżekuttiv u mhux poter leġiżlattiv tal-Unjoni.” Għalhekk, huwa jikkontesta l-kompetenza tal-Bord Eżekuttiv u tal-Kunsill Regolatorju fl-adozzjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, speċjalment wara sempliċi konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-persunal.

248    Il-Bank ikkonkluda billi ċaħad it-tmien motiv bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat, filwaqt li fakkar l-awtonomija funzjonali li kien jibbenefika minnha f’dan il-qasam.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

249    L-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jagħmel parti minn protokoll adottat fil-kuntest tat-Trattat ta’ Maastricht u, b’hekk, jikkostitwixxi dispożizzjoni tad-dritt primarju li setgħet tipprevedi deroga mill-Artikolu 283 KE, li issa sar l-Artikolu 336 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza X vs BĊE, EU:T:2001:251, punt 38).

250    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 21 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, adottat mill-Kunsill Regolatorju, jirriżulta li dan tal-aħħar seta’ legalment jiddelega lill-Bord Eżekuttiv il-kompetenza li jadotta l-kundizzjonijiet tal-impjieg li kellu oriġinarjament u li seta’ jagħti wkoll lil dan il-Bord Eżekuttiv il-poter li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, jiġifieri l-poter li jadotta r-regoli applikabbli għall-persunal. Issa, f’dan ir-rigward, ma hemm ebda test li jipprojbixxi formalment id-delega inkwistjoni u, barra minn hekk, din id-delega ġiet deċiża fuq il-bażi ta’ test tad-dritt primarju li fir-rigward tiegħu l-qorti tal-Unjoni diġà indikat li jimplika l-poter għall-Kunsill Regolatorju li jiddelega d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-persunal (ara s-sentenza X vs BĊE, EU:T:2001:251, punti 100 sa 104).

251    Bl-istess mod, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-BĊE kellu d-dritt, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36.1 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, li jistabbilixxi fil-kundizzjonijiet tal-impjieg sistema dixxiplinari li tippermettilu, speċjalment fil-każ ta’ nuqqas min-naħa ta’ wieħed mill-membri tal-persunal tiegħu milli jwettaq l-obbligi tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, li jieħu l-miżuri meħtieġa fir-rigward tar-responsabbiltajiet u tal-għanijiet li ġew assenjati lilu (sentenza X vs BĊE, EU:T:2001:251, punt 63).

252    Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku diġà ddeċieda, bħala tweġiba għal argumenti fformulati b’mod analogu u mingħajr ma ġie kkontestat fuq dan l-aspett mill-qorti tal-appell, li, l-iktar l-iktar, l-Artikolu 6(2) tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961, “iħeġġeġ [...]. mingħajr ma jimponi, ‘li jiġu stabbiliti proċeduri ta’ negozjar volontarju bejn il-persuni li jimpjegaw jew l-organizzazzjonijiet ta’ persuni li jimpjegaw, minn naħa, u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, min-naħa l-oħra, sabiex jiġu rregolati l-kundizzjonijiet tal-impjieg permezz ta’ ftehimiet kollettivi’”, u li, fir-rigward tal-Artikolu 28 tal-Karta u tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, “għalkemm iħaddnu d-dritt tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, li jinkludi d-dritt li l-ħaddiema jwaqqfu sindakati għad-difiża tal-interessi ekonomiċi u soċjali tagħhom, id-dispożizzjonijiet tagħhom ma jinkorporawx l-obbligu li titwaqqaf proċedura ta’ negozjar kollettiv jew li dawn is-sindakati jingħataw il-poter ta’ kodeċiżjoni għat-tfassil tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema” (sentenza Heath vs BĊE, F‑121/10, EU:F:2011:174, punt 121).

253    Għalhekk, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u r-regoli applikabbli għall-persunal setgħu jiġu adottati unilateralment mill-BĊE u jiġu emendati wara l-konsultazzjoni tal-Kumitat tal-persunal, filwaqt li jiġi stabbilit li ma hemm ebda obbligu li dan jitkompla permezz tal-ftehimiet kollettivi ffirmati mill-BĊE u mill-organizzazzjonijiet sindakali li jirrappreżentaw lill-persunal tiegħu. Fil-fatt, bħala istituzzjoni tal-Unjoni kif prevista fl-Artikolu 13 UE u b’applikazzjoni tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-BĊE huwa awtorizzat li, permezz ta’ regolament, jistipula d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-persunal tiegħu (ara s-sentenza Cerafogli vs BĊE, F‑84/08, EU:F:2010:134, punt 47).

254    Minn dan li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-tmien motiv għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

255    Għaldaqstant, peress li l-motivi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ġew miċħuda lkoll kemm huma, it-talbiet għal annullament huma infondati.

3.     Dwar it-talbiet għal danni

256    Anki jekk, formalment, ir-rikorrent jippreżenta t-talbiet għal danni tiegħu mhux biss b’rabta mad-deċiżjoni kkontestata, iżda anki b’rabta mal-aġir tal-BĊE, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li jidher ċar li t-talbiet għad-danni huma marbuta mat-talbiet tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li dawn tal-aħħar ġew miċħuda bħala infondati, l-istess għandu japplika fir-rigward tat-talbiet għad-danni.

257    Għall-finijiet ta’ kompletezza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent bl-ebda mod ma wera l-fatti tal-allegati danni materjali u morali tiegħu li jirriżultaw mill-aġir tal-BĊE li ma humiex relatati mal-kuntest ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

258    Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir‑rikors għandu jiġi miċħud fl‑intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

259    Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu VIII tat-Tieni Titolu tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 102(1) tal-istess Regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha, iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi ikkundannata f’dan ir-rigward.

260    Mill-motivi msemmija f’din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrent tilef ir-rikors tiegħu. Huwa ċertament talab li l-BĊE jiġi kkundannat għall-ispejjeż, anki f’każ li fih jiġi miċħud ir-rikors, iżda ma għamel ebda argument insostenn ta’ din it-talba. Barra minn hekk, ir-rikorrent saħaq, filwaqt li kkritika, iċ-ċirkustanza li l-Bank irrikorra sistematikament għal avukat sabiex jirrappreżentah quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, filwaqt li għandu servizz legali b’persuni speċjalizzati fil-kontenzjuż li jirrappreżentah f’kawżi kontra l-persunal tiegħu. Issa, f’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li, fil-prinċipju, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż il-BĊE, huma liberi li jirrikorru għall-assistenza ta’ avukat, mingħajr ma jkunu obbligati juru li tali assistenza kienet iġġustifikata oġġettivament (ara d-digrieti Il‑Kummissjoni vs Kallianos C‑323/06 P‑DEP, EU:C:2012:49, punti 10 u 11; Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑44/10 P‑DEP, EU:T:2013:513, punti 29 u 30, u Eklund vs Il‑Kummissjoni, F‑57/11 DEP, EU:F:2014:254, punti 34 u 35).

261    Għaldaqstant, peress li l-BĊE, fit-talbiet tiegħu, talab b’mod espressament li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż u li, barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u għandu jiġi kkundannat li jbati l-ispejjeż sostnuti mill-BĊE.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      AX għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Barents

Perillo

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Marzu 2015.

W. Hakenberg

 

       R. Barents

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.