Language of document : ECLI:EU:F:2012:175

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

5 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑6/12

Julien Bourtembourg

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Allowance ta’ espatrijazzjoni — Kunċett ta’ residenza abitwali — Ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi — Residenza temporanja sabiex jitwettqu l-istudji — Post għall-eżerċizzju tal-attività professjonali — Relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih J. Bourtembourg jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“ Awtorità tal-Ħatra”), tal-11 ta’ Ottubru 2011, li tiċħad l-ilment tiegħu kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Mejju 2011, li tirrifjutalu l-għoti tal-allowance ta’ espatrijazzjoni.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija annullata. Il-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowance ta’ espatrijazzjoni — Skop — Kunċett ta’ espatrijazzjoni — Uffiċjali li għandhom in-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ assenjazzjoni tagħhom — Preżunzjoni tal-eżistenza ta’ rabtiet multipli u stretti ma’ dan l-Istat — Kontestazzjoni — Oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(b))

2.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowance ta’ espatrijazzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Uffiċjali li għandhom in-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ assenjazzjoni tagħhom — Residenza abitwali barra mill-Istat Membru tal-assenjazzjoni tagħhom matul il-perijodu ta’ referenza — Kunċett ta’ residenza abitwali — Residenza matul żewġ perijodi ta’ żmien limitati għall-eżekuzzjoni ta’ perijodu ta’ prova u ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat — Ċirkustanzi li ma jippermettux li tiġi preżunta r-residenza abitwali minflok tal-assenjazzjoni.

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(b))

1.     L-għoti tal-allowance ta’ espatrijazzjoni għandu bħala għan li jikkumpensa l-ispejjeż u l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw mit-teħid tal-kariga fi ħdan l-Unjoni għall-uffiċjali li huma, minħabba f’hekk, obbligati jittrasferixxu r-residenza tagħhom tal-pajjiż tad-domiċilju tagħhom lejn il-pajjiż tal-assenjazzjoni tagħhom u li jintegraw rwieħhom f’ambjent ġdid. Il-kunċett ta’ espatrijazzjoni jiddependi mis-sitwazzjoni suġġettiva tal-uffiċjal, jiġifieri tal-grad tiegħu ta’ integrazzjoni kif ukoll, b’mod iktar preċiż, mill-kwistjoni jekk waqqafx, għalkemm għandu n-nazzjonalità tal-Istat Membru tal-post tal-assenjazzjoni tiegħu, b’mod effettiv ir-rabtiet tiegħu soċjali u professjonali mal-imsemmi Stat.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jibbaża fuq il-preżunzjoni li n-nazzjonalità ta’ persuna tikkostitwixxi indizju serju tal-eżistenza ta’ rabtiet multipli u stretti bejn din il-persuna u l-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha. Il-preżunzjoni tal-legalità li jibbenefikaw minnha, bħala prinċipju, l-atti tal-amministrazzjoni u din il-preżunzjoni iktar speċifika marbuta man-nazzjonalità jimplikaw li jaqa’ fuq ir-rikorrent li jsostni l-oneru tal-prova billi juri li stabbilixxa ċ-ċentru tal-interessi tiegħu f’pajjiż ieħor matul il-perijodu tal-għaxar snin ta’ referenza u li meta rrifjutatlu l-allowance ta’ espatrijazzjoni l-istituzzjoni kisret id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

(ara l-punti 25, 26 u 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 2 ta’ Mejju 1985, De Angelis vs Il‑Kummissjoni, 246/83, punt 13; 13 ta’ Novembru 1986, Richter vs Il‑Kummissjoni, 330/85, punt 6; 15 ta’ Settembru 1994, Magdalena Fernández vs Il‑Kummissjoni, C‑452/93 P, punti 20 u 22

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Lulju 2007, B vs Il‑Kummissjoni, F‑7/06, punt 39; 20 ta’ Novembru 2007, Kyriazis vs Il‑Kummissjoni, F‑120/05, punti 47 u 48, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.     F’dak li jikkonċerna l-għotja tal-allowance tal-espatrijazzjoni, ir-residenza abitwali hija l-post fejn il-persuna kkonċernata stabbilixxiet, bir-rieda li tagħtiha natura stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha, filwaqt li huwa mifhum li, għal uffiċjal li għandu n-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ assenjazzjoni tiegħu, iċ-ċirkustanza li żamm hemmhekk jew stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħu, anki jekk għal perijodu qasir ħafna matul l-għaxar snin ta’ referenza, huwa biżżejjed biex iwassal għat-telf jew ir-rifjut tal-benefiċċju tal-allowance ta’ espatrijazzjoni.

Madankollu, residenza temporanja fil-pajjiż ta’ assenjazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ studji ma tippreżumix, fil-prinċipju, ir-rieda li jċaqlaq għal hemmhekk iċ-ċentru tal-interessi tiegħu, ħlief jekk din ir-residenza, meħuda inkunsiderazzjoni mal-fatti rilevanti l-oħra, turi l-eżistenza ta’ rabtiet soċjali u professjonali fit-tul tal-persuna kkonċernata ma’ dan il-pajjiż.

Barra minn hekk, għalkemm il-post tal-eżerċizzju tal-attività professjonali ta’ persuna jikkostitwixxi indizju serju għad-determinazzjoni tar-residenza abitwali, is-sempliċi fatt li rrisjediet fil-pajjiż ta’ assenjazzjoni tagħha matul perijodu ta’ żmien limitat għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma jippermettix li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ rieda biex iċċaqlaq għal hemmhekk iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha.

(ara l-punti 28, 36, 39 u 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Gustizzja: Magdalena Fernández vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Settembru 2006, Koistinen vs Il‑Kummissjoni, T‑259/04, punt 38

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: B vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata; 26 ta’ Settembru 2007, Salvador Roldán vs Il‑Kummissjoni, F‑129/06, punt 51; Kyriazis vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47