Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2018 mir-Repubblika ta’ Ċipru mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-25 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-384/17 – Ċipru vs EUIPO

(Kawża C-767/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika ta’ Ċipru (rappreżentanti: S. Malynicz QC, S. Baran, Barrister, V. Marsland, Solicitor)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, M. J. Dairies EOOD

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-384/17, Ir-Repubblika ta’ Ċipru vs EUIPO, EU:T:2018:593, u tilqa’ t-talba għal annullament;

tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti mill-appellanti.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-Bord tal-Appell kien korrett meta ttraspona l-konklużjonijiet mis-sentenzi preċedenti tal-Qorti Ġenerali HELLIM u XAΛΛOYMI u HALLOUMI għal din il-kawża. Dawk il-kawżi ma kinux jikkonċernaw it-trade marks ta’ ċertifikazzjoni iżda tipi ta’ trade marks differenti, jiġifieri trade marks kollettivi u ordinarji tal-Unjoni Ewropea, rispettivament. Il-funzjoni essenzjali ta’ tali trade marks hija li jaġixxu bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti (pluralità ta’ kummerċjanti marbuta permezz ta’ sħubija f’assoċjazzjoni fil-każ ta’ trade mark kollettiva). Trade marks ta’ ċertifikazzjoni, għall-kuntrarju, ma għandhomx il-funzjoni essenzjali li jindikaw l-oriġini, iżda dik li jiddistingwu klassi ta’ prodotti, jiġifieri prodotti li huma ċċertifikati li fil-fatt huma konformi ma’, u ġew awtorizzati li jiġu prodotti skont ir-regolamenti dwar l-użu awtorizzat tat-trade mark ta’ ċertifikazzjoni HALLOUMI. Barra minn hekk, il-pubbliku rilevanti f’dawk is-sentenzi preċedenti tal-Qorti Ġenerali kien differenti mill-pubbliku rilevanti fil-kawża ineżami.

Il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet li trade mark nazzjonali preċedenti – f’dan il-każ it-trade mark nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni – kienet totalment nieqsa minn karattru distintiv sabiex tiddistingwi l-prodotti ċċertifikati minn dawk li ma kinux iċċertifikati; b’mod żbaljat hija ddeċidiet li t-trade mark hija deskrittiva; b’mod żbaljat hija mminat il-protezzjoni nazzjonali tat-trade mark nazzjonali; u b’mod żbaljat ikkontestat il-validità tal-imsemmija trade mark fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-EUIPO.

Il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-paragun tat-trade marks u fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Hija żbaljat meta kkonfrontat dawn id-domandi bħallikieku t-trade mark preċedenti kienet trade mark li tindika l-oriġini iktar milli trade mark ta’ ċertifikazzjoni. Hija naqset milli tagħti lit-trade mark preċedenti xi tip ta’ karattru distintiv bħala trade mark ta’ ċertifikazzjoni, jiġifieri bħala li tiddistingwi prodotti li fil-fatt kienu jikkonformaw mal-istandards tat-trade mark ta’ ċertifikazzjoni u li fil-fatt kienu magħmula minn produtturi awtorizzati minn detentur ta’ trade mark ta’ ċertifikazzjoni. Hija wkoll naqset milli tqis kif trade marks ta’ ċertifikazzjoni jintużaw tipikament (jiġifieri invarjabbilment flimkien ma’ isem, trade mark jew logo distintiv). Hija naqset milli tqis is-sens u t-tifsira tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata, b’mod partikolari billi naqset milli tqis jekk l-element “HALLOUMIˮ kellux karattru distintiv indipendenti fit-trade mark sussegwenti, bħala sinjal li jindika, kuntrarjament għall-fatti, li l-prodotti koperti mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea kienu ċċertifikati.

Il-Qorti Ġenerali naqset milli tqis dispożizzjonijiet nazzjonali u ġurisprudenza fir-rigward tal-portata u tal-effett ta’ trade marks nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni. Il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks ta’ ċertifikazzjoni ma ġewx armonizzati taħt id-Direttivi 89/104 1 u 2008/95 2 dwar it-trade marks u madankollu r-regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li tali trade marks nazzjonali jistgħu jifformaw il-bażi għal drittijiet preċedenti li jipprevjenu r-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea. Tali drittijiet għandhom jitqiesu fid-dawl tal-ġurisprudenza nazzjonali u d-dispożizzjonijiet nazzjonali, b’analoġija mad-diversi drittijiet nazzjonali skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (liema drittijiet ukoll ma humiex armonizzati u jvarjaw ħafna fin-natura, portata u effett tagħhom minn Stat Membru għal ieħor).

____________

1 L-ewwel direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).

2 Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).