Appell ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2020 minn Volotea, SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) fit-13 ta’ Mejju 2020 fil-Kawża T-607/17, Volotea vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-331/20 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Volotea, SA (rappreżentanti: M. Carpagnano, avvocato, M. Nordmann, Rechtsanwalt)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla l-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;
tannulla parzjalment l-Artikolu 1(2), (3) u (4) u l-irkupru tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 1 tad-29 ta’ Lulju 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.33983 implimentata mill-Italja bħala kumpens lill-ajruporti ta’ Sardinja għall-obbligi ta’ servizz pubbliku sa fejn tikkonċerna lill-appellanti.
Sussidjarjament:
tannulla l-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;
tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali.
Barra minn hekk, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Qorti Ġenerali żbaljat fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ vantaġġ ekonomiku, marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha meta ssostitwixxiet ir-raġunament tal-Kummissjoni Ewropea, u evalwat b’mod żbaljat il-kriterji ta’ selettività, ta’ riżorsi tal-Istat u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.
Il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-ġustifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat abbażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE u l-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-Iffinanzjar tal-Ajruporti u l-Għajnuna tal-Bidu lil-Linji tal-Ajru li jitilqu minn Ajruporti Reġjonali.
Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi fl-ordni tagħha għall-irkupru; hija żbaljat fir-rikonoxximent ta’ ksur tal-Artikolu 296(2) minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni xierqa tal-Kummissjoni Ewropea u kisret id-dritt tal-appellanti għal rimedju effettiv.
____________
1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1861 tad-29 ta’ Lulju 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA33983 (2013/C) (ex 2012/NN) (ex 2011/N) — l-Italja — Kumpens lill-ajruporti ta’ Sardinja għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (SIEĠ) (ĠU 2017, L 268, p. 1).