Language of document : ECLI:EU:F:2011:174

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2011

Kawża F‑121/10

Michael Heath

vs

Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BĊE — Skema ta’ pensjonijiet — Pjan tal-pensjoni — Żieda annwali tal-pensjoni — Indiċi armonizzati tal-prezzijiet tal-konsum — Opinjoni tal-attwarju tal-pjan tal-pensjoni — Konsultazzjoni tal-kumitat tal-persunal — Konsultazzjoni tal-kumitat ta’ sorveljanza — Dritt għan-negozjar kollettiv”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li permezz tiegħu M. Heath jitlob l-annullament tad-dikjarazzjonijiet tal-pensjoni tiegħu sa minn dik tax-xahar ta’ Jannar 2010 sa fejn dawn huma stabbiliti fuq żieda annwali ta’ 0.6 % abbażi tal-aġġustament tal-pensjonijiet għas-sena 2010 u, essenzjalment, il-kundanna tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-ħlas lilu tad-differenza bejn iż-żieda tal-pensjoni applikata u dik li huwa kellu dritt għaliha, kif ukoll tas-somma ta’ EUR 5 000 bħala kumpens għad-danni materjali allegatament subiti minnu minħabba t-tnaqqis tal-kapaċità ta’ akkwist tiegħu u tas-somma ta’ EUR 5 000 għad-danni morali allegatament subiti.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. M. Heath għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk tal-Bank Ċentrali Ewropew.


Sommarju

1.      Uffiċjali — Atti tal-amministrazzjoni — Atti provviżorji — Atti li jistgħu jipproduċu effetti legali

2.      Uffiċjali — Prinċipji — Ċertezza legali — Portata

3.      Uffiċjali — Rikors — Motivi — Motiv li jikkontesta opinjoni teknika li serviet bħala bażi għad-deċiżjoni kkontestata — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Limiti

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Pensjonijiet — Żieda annwali — Opinjoni tal-attwarju tal-pjan tal-pensjoni

(Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Anness III, Artikolu 17(7))

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rappreżentanza — Kumitat tal-Persunal — Konsultazzjoni obbligatorja — Portata — Żieda annwali tal-pensjonijiet — Esklużjoni

(Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 48 u 49, u Anness III, Artikolu 17(7))

6.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rappreżentanza — Kumitat ta’ sorveljanza tal-pjan tal-pensjoni — Konsultazzjoni obbligatorja — Portata — Żieda annwali tal-pensjonijiet — Esklużjoni — Dritt għall-opinjoni tal-attwarju tal-pjan tal-pensjoni dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-fondi — Assenza

(Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Anness III, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(8) u l-Artikolu 17(7))

7.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Libertà ta’ assoċjazzjoni — Portata — Obbligu ta’ negozjar kollettiv — Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 28)

8.      Uffiċjali — Rikors — Talba għad-danni marbuta ma’ talba għal annullament — Ċaħda tat-talba għal annullament — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-talba għad-danni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Att, anki jekk ikun provviżorju, jipproduċi effetti legali matul il-perijodu li fih huwa jkun fis-seħħ meta l-adozzjoni tiegħu tkun intiża li tbiddel b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni legali tal-persuni indirizzati.

(ara l-punt 66)

2.      Għalkemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimponi l-obbligu fuq l-amministrazzjoni, meta din tadotta xi regoli, li tifformulahom b’mod li dawn ikunu ċari biżżejjed sabiex id-destinatarji jkunu jistgħu jifhmu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, kif ukoll, konsegwentement, li jadottaw il-miżuri tagħhom, dan il-prinċipju ma jimponix fuq l-amministrazzjoni l-obbligu li hija tillimita s-setgħa diskrezzjonali tagħha billi tadotta miżuri ta’ eżekuzzjoni maħsuba sabiex jiddefinixxu l-mod kif hija jkollha l-intenzjoni li timplementa fil-futur is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

(ara l-punt 88)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ April 2005, il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑110/03, punt 30

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Settembru 2011, Whitehead vs BĊE, F‑98/09, punt 59

3.      Fir-rigward ta’ opinjoni teknika, l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni huwa limitat sabiex jiġi vverifikat li din l-opinjoni tkun ingħatat minn espert inkarigat b’mod legali, li l-imsemmija opinjoni tkun ibbażata fuq punti ta’ fatt materjalment korretti, li dawk il-punti jkunu kapaċi jservu bħala bażi għall-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom l-espert u li l-imsemmija opinjoni tkun tinkludi motivazzjoni li tippermetti l-korp kompetenti jevalwa l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-konklużjonijiet inklużi fiha u li jistabbilixxi rabta komprensibbli bejn il-konstatazzjonijiet inklużi fiha u l-konklużjonijiet li tasal għalihom, iżda dan l-istħarriġ ma jistax jirrigwarda l-opportunità tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni jew tal-użu ta’ metodu għall-kalkolu minflok metodu ieħor, sakemm dawk magħżula jkunu rilevanti.

(ara l-punt 90)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Ġunju 2000, C vs Il‑Kunsill, T‑84/98, punt 43

4.      Fil-qasam taż-żieda annwali tal-pensjonijiet tal-ex impjegati tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-attwarju tal-pjan tal-pensjoni ma jistax jiġi kkritikat li naqas milli jannetti mal-opinjoni tiegħu, indirizzata lid-direttorat, stima tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-fondi tal-pensjoni, jew kwalunkwe dokument ieħor, meta l-Artikolu 17(7) tal-Anness III tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew ma jobbligax lill-attwarju tal-pjan tal-pensjoni li jipprovdi stima ddettaljata tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-imsemmija fondi, sakemm l-opinjoni tiegħu tkun immotivata biżżejjed, fid-dawl tal-kuntest li saret fih, sabiex tippermetti lid-direttorat jadotta deċiżjoni fondata.

Bl-istess mod, l-imsemmi Artikolu 17(7) ma jobbligax lill-attwarju tal-pjan tal-pensjoni li jwettaq stima pparagunata tal-ispejjeż rispettivi tal-applikazzjoni tar-rata tal-aġġustament ġenerali tas-salarji tal-persunal tal-Bank u tal-applikazzjoni tar-rata tal-indiċi tal-prezzijiet tal-konsum tal-Unjoni monetarja armonizzata, peress li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-fondi tal-pensjoni hija tali li hija prevedibbli biss żieda waħda tal-pensjonijiet li tikkorrispondi għar-rata l-iktar baxxa fost dawn it-tnejn, b’tali mod li ma jkunx iġġustifikat paragun tal-ispejjeż rispettivi ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ rati.

Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-opinjoni tal-attwarju ma hijiex immotivata, rekwiżit li ma huwiex mitlub mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(7) tal-Anness III tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg, ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-kunsill governattiv ma kienx infurmat dwar il-pożizzjoni finanzjarja eżatta tal-fondi tal-pensjoni, peress li kien jaf li huwa possibbli, f’każ li jkun jixtieq, li jistaqsi lill-attwarju tal-pjan tal-pensjoni dwar dan is-suġġett. Sussegwentement, min-nuqqas jew l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tal-opinjoni tal-attwarju tal-pjan tal-pensjoni ma jistax jiġi dedott li l-kunsill governattiv kiser id-dmir ta’ premura jew ta’ amministrazzjoni tajba.

(ara l-punti 95, 96 u 107)

5.      Fost il-kwistjonijiet li dwarhom għandu jiġi kkonsultat il-kumitat tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-Artikoli 48 u 49 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank ma jsemmux dawk relatati mal-“pensjonijiet” iżda biss dawk marbuta mal-“iskema ta’ pensjonijiet”, kunċett li jagħmel riferiment għar-regoli li jikkonċernaw, partikolarment, il-kundizzjonijiet tal-finanzjament tad-drittijiet għall-pensjoni, il-kundizzjonijiet għall-intitolament tal-imsemmija drittijiet għall-pensjoni, il-metodu tal-likwidazzjoni tagħhom u l-aġġustament tagħhom għall-evoluzzjoni tal-għoli tal-ħajja, mingħajr ma jinkludu madankollu l-miżuri adottati b’applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, maħsuba partikolarment sabiex jiġi ddeterminat b’mod preċiż x’għandha tkun ir-rata taż-żieda annwali tal-pensjonijiet. Konsegwentement, il-Bank ma jistax jiġi kkritikat li ma kkonsultax mal-kumitat tal-persunal qabel l-iffissar taż-żieda tal-pensjonijiet abbażi tal-Artikolu 17(7) tal-Anness III tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg.

(ara l-punt 119)

6.      Fir-rigward tal-konsultazzjoni tal-kumitat ta’ sorveljanza tal-pjan tal-pensjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, mid-dispożizzjonijiet tal-mandat tal-imsemmi kumitat, jew minn xi test ieħor, ma jirriżultax li dan il-kumitat għandu jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni annwali taż-żieda tal-pensjonijiet abbażi tal-Artikolu 17(7) tal-Anness III tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-persunal tal-Bank. Bl-istess mod, l-ebda dispożizzjoni tal-mandat tal-kumitat ta’ sorveljanza, jew ta’ xi test ieħor, ma tipprovdi li l-kumitat ta’ sorveljanza għandu jirċievi kopja tal-opinjoni tal-attwarju tal-pjan tal-pensjoni dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-fondi. Fil-fatt, għalkemm il-mandat tal-kumitat ta’ sorveljanza jirreferi fl-Artikolu 30 tiegħu għall-fatt li l-kumitat ta’ sorveljanza għandu jirċievi kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-attwarju tal-pjan tal-pensjoni, mill-istruttura ġenerali tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-pjan tal-pensjoni jirriżulta li r-rapport ta’ evalwazzjoni, li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 30 tal-mandat tal-kumitat ta’ sorveljanza, jirreferi għar-rapport ta’ evalwazzjoni previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(8) tal-Anness III tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg li l-attwarju tal-pjan tal-pensjoni għandu jipproduċi fuq talba tal-amministratur tal-pjan bil-għan li jiġi evalwat l-iżvilupp tal-fond tal-pensjoni, u mhux l-opinjoni li l-attwarju tal-pjan tal-pensjoni għandu jagħti fil-kuntest tal-proċedura taż-żieda annwali tal-pensjonijiet.

(ara l-punt 120)

7.      La d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u lanqas dawk tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma jipprevedu l-obbligu tal-persuna li timpjega li tikkonkludi strumenti ta’ ftehim kollettiv fil-qasam tal-politika tas-salarji, u lanqas li tipprovdi proċedura li tippermetti lis-sindikati, li jirrappreżentaw l-interessi tal-persunal, li jassumu rwol deċiżjonali fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tar-regoli applikabbli għall-persunal. L-iktar l-iktar, l-Artikolu 6(2) tal-Karta soċjali Ewropea jinkoraġġixxi, mingħajr ma jimponih, “l-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ negozjar volontarju bejn, minn naħa, il-persuni li jimpjegaw jew l-organizzazzjonijiet tal-persuni li jimpjegaw, u l-organizzazzjonijiet tal-impjegati, min-naħa l-oħra, bil-għan li jiġu rregolati l-kundizzjonijiet tal-impjieg mill-istrumenti ta’ ftehim kollettiv”. Fir-rigward tal-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għalkemm dawn jirrikonoxxu d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, li jinkludi d-dritt tal-impjegati li jistabbilixxu sindakati għad-difiża tal-interessi ekonomiċi u soċjali tagħhom, id-dispożizzjonijiet tagħhom ma jinkludux l-obbligu li tiġi stabbilita proċedura ta’ negozjar kollettiv jew li l-imsemmija sindakati jingħataw setgħa ta’ deċiżjoni konġunta sabiex jiġu żviluppati l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-impjegati.

(ara l-punt 121)

8.      B’eċċezzjoni għall-prinċipju li ċ-ċaħda tat-talbiet għal annullament twassal għaċ-ċaħda tat-talbiet għal kumpens, meta t-talbiet għal annullament jkunu ġew miċħuda, it-talbiet għal kumpens li jkunu marbuta magħhom mill-qrib jistgħu madankollu jintlaqgħu jekk id-danni allegati jkunu jirriżultaw minn illegalità tad-deċiżjoni kkontestata li, għalkemm ma setgħetx isservi bħala bażi għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, tkun ikkawżat xi danni lir-rikorrent.

(ara l-punti 129 u 130)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il-Kummissjoni, T‑394/03, punt 164