Language of document : ECLI:EU:C:2019:779

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

24 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Preċedent ġuridiku – Qorti ta’ Arbitraġġ – Inammissibbiltà u inkompetenza manifesti tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 53(2) u Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑185/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociaţia de arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

KE

vs

LF,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Rosas u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) TUE u tal-Artikoli 20 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn KE u LF, żewġ avukati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fir-Rumanija, dwar il-legalità ta’ kummenti li jikkonċernaw artiklu ppubblikat minn KE, li LF irriproduċa fuq il-paġna Facebook tiegħu.

 Id-dritt Rumen

3        L-Artikolu 30(6) tal-Kostituzzjoni Rumena jipprovdi:

“Il-libertà tal-espressjoni ma tistax tippreġudika d-dinjità, l-unur, il-ħajja privata tal-persuna u lanqas id-dritt għall-immaġni tagħha.”

4        L-Artikolu 58 tal-Kodiċi Ċivili, intitolat “Drittijiet relatati mal-personalità”, jipprovdi:

“(1)      Kull persuna għandha d-dritt għall-ħajja, għas-saħħa, għall-integrità fiżika u mentali, għad-dinjità, għall-immaġni tagħha, għar-rispett tal-ħajja privata kif ukoll għad-drittijiet l-oħra ta’ din in-natura rrikonoxxuti mil-liġi.

(2)      Dawn id-drittijiet ma humiex trażmissibbli.”

5        L-Artikolu 72 tal-Kodiċi Ċivili, intitolat “Dritt għad-dinjità”, jipprovdi:

“(1)      Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tad-dinjità tagħha.

(2)      Kull dannu għall-unur u għar-reputazzjoni ta’ persuna fl-assenza tal-kunsens ta’ din tal-aħħar jew bi ksur tal-limiti previsti fl-Artikolu 75 huwa pprojbit.”

6        Skont l-Artikolu 252 tal-Kodiċi Ċivili, intitolat “Protezzjoni tal-persuna umana”:

“Kull persuna fiżika għandha d-dritt għall-protezzjoni tal-valuri intrinsiċi għall-persuna umana, bħalma huma l-ħajja, is-saħħa, l-integrità fiżika u mentali, id-dinjità, l-intimità tal-ħajja privata, il-libertà ta’ kuxjenza u ta’ kreazzjoni xjentifika, artistika, letterarja jew teknika.”

7        L-Artikolu 253 tal-Kodiċi Ċivili, intitolat “Mezzi ta’ difiża”, jipprovdi:

“(1)      Il-persuna fiżika li d-drittijiet mhux patrimonjali tagħha ġew miksura jew mhedda tista’ titlob, ġudizzjarjament, fi kwalunkwe mument:

a)      il-projbizzjoni tat-twettiq ta’ fatti illegali, jekk dan ikun imminenti;

b)      it-tmiem tal-ksur u l-projbizzjoni tiegħu fil-futur, jekk dan jissokta;

c)      il-konstatazzjoni tan-natura illegali tal-fatti li seħħew, jekk jissoktaw id-diffikultajiet li huma jipproduċu.

(2)      Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, fil-każ ta’ ksur ta’ drittijiet mhux patrimonjali minħabba l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, il-qorti tista’ tieħu biss il-miżuri previsti fil-paragrafu 1(b) u (c).

(3)      Barra minn hekk, il-vittma ta’ ksur ta’ tali drittijiet tista’ titlob lill-qorti tobbliga lill-persuna li wettqet il-fatti tikkonforma ruħha ma’ kull miżura li l-qorti tqis neċessarja sabiex tippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tad-dritt li jkun ġie ppreġudikat, kif ġej:

a)      l-obbligu tal-persuna li wettqet il-fatti li tippubblika s-sentenza ta’ kundanna bi spejjeż tagħha;

b)      kull miżura oħra neċessarja sabiex jintemm il-fatt illegali jew sabiex jiġi kkumpensat id-dannu kkawżat.

(4)      Bl-istess mod, il-vittma tista’ titlob danni jew, skont il-każ, kumpens patrimonjali għad-dannu, inkluż mhux patrimonjali, li ġie kkawżat lilha jekk dan ikun imputabbli lill-persuna li wettqet il-fatt dannuż. F’dawn il-każijiet, id-dritt ta’ rikors huwa suġġett għal preskrizzjoni estintiva.”

8        Skont l-Artikolu 6 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, intitolat “Dritt għal smigħ xieraq, mill-iktar fis possibbli u prevedibbli”:

“(1)      Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust, mill-iktar fis possibbli u prevedibbli, minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita bil-liġi. Għal dan il-għan, il-qorti għandha l-obbligu tieħu l-miżuri kollha awtorizzati mil-liġi u tiggarantixxi l-iżvolġiment mill-iktar fis possibbli tal-kawża.

(2)      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        KE u LF huma avukati membri tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj (ir-Rumanija). KE jindika li, fit-22 ta’ Frar 2018, il-Jurnalul Baroului Cluj (il-Ġurnal tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj), li huwa l-ġurnal tal-assoċjazzjoni professjonali tal-avukati ta’ din il-kamra tal-avukati, ippubblika artiklu miktub minnu, intitolat “Exercitarea dreptului la apărare prin declarații conținând afirmații necorespunzătoare adevărului în fața organelor judiciare” (“Eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża quddiem il-qrati ġudizzjarji permezz ta’ dikjarazzjonijiet li fihom affermazzjonijiet mhux konformi mal-verità”).

10      KE jirrileva li, minkejja li LF, li huwa l-editur prinċipali ta’ dan il-ġurnal, inizjalment ma kellu ebda oġġezzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu xjentifiku, huwa esprima ċerti kritiki wara l-pubblikazzjoni tiegħu, li skont KE kienu inġustifikati, u li l-kulminazzjoni tagħhom kienet il-pubblikazzjoni ta’ avviż fuq il-paġna Facebook tiegħu, li l-kontenut tiegħu ma huwiex espost fid-deċiżjoni tar-rinviju.

11      Skont KE, tali dikjarazzjonijiet b’ebda mod ma jaqgħu taħt il-kategorija ta’ kritiki koperti mid-dritt ta’ espressjoni libera.

12      Fit-28 ta’ Jannar 2019, KE ppreżenta rikors quddiem it-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociația de arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj, ir-Rumanija) kontra LF. KE talab lill-Qorti tal-Arbitraġġ jogħġobha:

–        tikkonstata n-natura illegali tal-pubblikazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2019 minn LF fuq il-paġna Facebook tiegħu u

–        tordna lil LF, konformement mal-Artikolu 253(3)(a) u (b) tal-Kodiċi Ċivili, jippubblika s-sentenza fuq il-paġna Facebook tiegħu u jżomm din il-pubblikazzjoni għal perijodu mill-inqas ugwali għal dak li matulu dehret il-pubblikazzjoni illegali fuq din il-paġna.

13      LF talab lit-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociația de Arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj) tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari.

14      Din il-Qorti tal-Arbitraġġ issostni li għandha quddiemha l-kwistjoni, minn naħa, dwar l-obbligu tal-qrati Rumeni li jirrispondu għat-talbiet kollha u għall-mezzi ta’ difiża kollha tal-partijiet, u għalhekk għal talba għal rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u, min-naħa l-oħra, dwar in-natura vinkolanti tal-preċedent ġudizzjarju, sa fejn l-imsemmija qorti tqis li ma tistax tadotta soluzzjoni li hija differenti mill-preċedent ġudizzjarju rilevanti jekk ma tidentifikax applikazzjoni iktar konformi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

15      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociația de Arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat [UE], u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1), li bis-saħħa tagħhom l-Unjoni [Ewropea] tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta […], li għandha l-istess valur legali bħat-Trattati, u d-dispożizzjonijiet tal-Karta, b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha, li jistabbilixxi li l-persuni kollha huma ugwali fid-dritt, u l-Artikolu 47 tagħha, li jistabbilixxi li kull persuna għandha d-dritt għal smigħ xieraq, għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali Rumena hija obbligata:

–        tirrispondi għat-talbiet kollha u għall-mezzi ta’ difiża kollha tal-partijiet, billi teżaminahom b’mod effettiv, filwaqt li l-partijiet ikollhom id-dritt jippretendu risposta speċifika u espliċita fir-rigward tal-mezzi deċiżivi għas-soluzzjoni tal-kawża inkwistjoni, u

–        tosserva n-natura vinkolanti ta’ preċedent ġudizzjarju, meta l-preċedent ġudizzjarju jkun sentenza definittiva tal-istess qorti, jew ta’ qorti nazzjonali Rumena oħra, f’kawża li fiha l-qorti nazzjonali adita tistabbilixxi li huwa rilevanti li tevoka dan il-preċedent u tikkonstata x-“xebh legali” tal-kawżi, u din in-natura vinkolanti tkun timplika li l-qorti, li tikkonstata tali “xebh legali”, tista’ tadotta soluzzjoni differenti biss jekk timmotiva l-approċċ diverġenti tagħha b’applikazzjoni iktar konformi stricto sensu mal-liġi?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

16      Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma jkollhiex ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ kawża jew meta talba jew rikors ikunu manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

17      Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża.

18      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 94(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li l-informazzjoni esposta f’din it-talba ma tippermettix li tiġi kkonstatata l-ammissibbiltà tagħha fid-dawl tal-kundizzjoni li t-talba għandha toriġina minn “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, it-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociația de Arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj) ma tippreżenta ebda informazzjoni ta’ natura li turi li hija għandha din il-kwalità.

19      Sa fejn ma jidhirx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali teżiġi r-rikors lil din il-qorti bħala l-uniku mezz li tiġi deċiża l-kawża prinċipali u teskludi l-possibbiltà għall-partijiet li jirrikorru għall-qrati ordinarji, l-imsemmija Qorti tal-Arbitraġġ kellha tistabbilixxi r-raġunijiet li għalihom ir-rinviju kien, f’dan il-każ, obbligatorju. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jsir ebda riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili li jirregola l-arbitraġġ istituzzjonalizzat. Konsegwentement, għandu jitqies li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament inammissibbli.

20      Fir-rigward, barra minn hekk, tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta ċerti dispożizzjonijiet tal-Karta, għandu jingħad ukoll li, anki kieku jitqies li hija ammissibbli, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda informazzjoni konkreta li tippermetti li jitqies li s-suġġett tal-kawża prinċipali jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tal-Unjoni għajr dawk inklużi fil-Karta.

21      Fil-fatt, id-domanda preliminari taqa’ fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ individwi dwar talba intiża li tiġi kkonstatata n-natura illegali ta’ pubblikazzjoni fuq paġna Facebook. F’dan il-kuntest, it-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociația de Arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj) tixtieq tapplika l-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikoli 20 u 47 tal-Karta sabiex jiġu evalwati ċerti obbligi ta’ natura proċedurali.

22      Madankollu, fid-dawl tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-Istati Membri biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux barra minn tali sitwazzjonijiet (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19, u digriet tal-11 ta’ Jannar 2017, Boudjellal, C‑508/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:6, punt 17).

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociația de Arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2019, hija manifestament inammissibbli u li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba.

 Fuq l-ispejjeż

24      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tordna:

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociația de arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2019, hija manifestament inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen