Language of document : ECLI:EU:F:2011:154

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

27 taʼ Settembru 2011

Kawża F‑82/07

Daniel Dittert

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2006 — Struttura ġdida tal-karrieri — Estensjoni tal-karriera permezz tal-introduzzjoni ta’ gradi ġodda li ma għandhomx korrispettivi ekwivalenti fir-Regolamenti tal-Persunal preċedenti — Applikazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tad-Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni applikabbli mill-2005 — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Effett retroattiv tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni għal data li tippreċedi l-1 ta’ Mejju 2004 — Miżuri tranżitorji — Rikors li manifestament għandu jiġi miċħud”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA li permezz tiegħu D. Dittert jitlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni li biha ġie promoss fil-grad A*9, minflok fil-grad A*10, fil-proċedura ta’ promozzjoni 2006.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Kunsill, intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Proċedura — Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat — Kundizzjonijiet — Rikors manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt — Portata

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Regoli applikabbli — Proċedura ta’ promozzjoni 2004

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45; Anness XIII, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004, premessa 37)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Adozzjoni ta’ sistema ta’ promozzjoni ġdida —Tranżizzjoni bejn is-sistema l-antika u dik ġdida

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

4.      Uffiċjali — Promozzjoni — Regoli applikabbli — Prinċipju ta’ unità tal-karriera — Prinċipju mhux stabbilit mid-dritt tal-Unjoni

1.      Skont l-Artikolu 76 tar-Regoli ta’ Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta rikors ikun totalment jew parzjalment manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, l-imsemmi Tribunal jista’, mingħajr ma jkompli l-proċedura, jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. L-ipoteżi kkonċernata minn din id-dispożizzjoni tinkludi kull rikors li manifestament għandu jiġi miċħud għal raġunijiet derivanti mill-mertu tal-kawża.

(ara l-punti 38 u 39)

2.      Meta ssir emenda leġiżlattiva fil-qasam tar-Regolamenti tal-Persunal, fid-dawl tal-fatt li l-persunal eżistenti jkun jista’ jinvoka aspettattivi leġittimi u drittijiet miksuba abbażi tar-regoli li jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal fis-seħħ qabel l-emenda tagħhom, jista’ jkun neċessarju għal-leġiżlatur li jadotta miżuri tranżitorji.

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-istruttura tal-karrieri li fiha għandhom japplikaw l-effetti ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni ta’ uffiċjal abbażi tal-eżerċizzju ta’ promozzjoni sussegwenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, fl-1 ta’ Mejju 2004, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi distinzjoni bejn id-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, u japplika d-data tad-dħul fis-seħħ. Skont din id-dispożizzjoni, għall-promozzjonijiet li jidħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, il-grad superjuri msemmi fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda ma huwiex iddeterminat abbażi tal-istruttura tal-karrieri li tirriżulta mir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda iżda abbażi ta’ dik iffissata mir-Regolamenti tal-Persunal il-qodma. Għalhekk, din id-dispożizzjoni hija waħda tranżitorja li tippermetti li lill-uffiċjali kkonċernati jiġi żgurat li l-istruttura tal-karrieri l-qadima tiġi applikata għall-promozzjonijiet li jidħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

F’dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, din id-dispożizzjoni tista’ tapplika biss għad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni adottati abbażi tal-proċedura ta’ promozzjoni 2004 li jidħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, u għalhekk ma hijiex applikabbli għall-uffiċjali li, fit-30 ta’ April 2004, ma bbenefikawx minn promozzjoni abbażi tal-proċedura ta’ promozzjoni 2004 jew f’kull każ ma bbenefikawx minn promozzjoni li tidħol fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

F’dan ir-rigward, peress li proċedura ta’ promozzjoni hija proċedura annwali li dejjem toħloq effetti retroattivi limitati għall-proċedura kkonċernata, jekk istituzzjoni tiddeċiedi li tikkonferixxi effett retroattiv lil ċerti deċiżjonijiet ta’ promozzjoni sabiex jidħlu fis-seħħ f’data qabel l-1 ta’ Mejju 2004, din l-għażla ma tistax tkun ivvizzjata minn illegalità sakemm ikollha l-bażi legali tagħha fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 56, 60, 61 u 104)

3.      L-uffiċjali li setgħu jiġu promossi għall-grad superjuri fit-30 ta’ April 2004, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, iżda li effettivament ġew promossi abbażi tal-proċedura ta’ promozzjoni 2006, ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-uffiċjali kklassifikati fl-istess grad, li setgħu jiġu promossi għall-grad superjuri fit-30 ta’ April 2004 u li ġew effettivament promossi abbażi tal-proċedura ta’ promozzjoni 2004.

Fil-fatt, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw il-promozzjoni tal-uffiċjali, mill-evalwazzjoni tal-meriti li l-Awtorità tal-Ħatra hija marbuta li twettaq għal kull proċedura ta’ promozzjoni annwali jirriżulta li, fl-aħħar ta’ din l-evalwazzjoni, huma biss l-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi u li jkollhom l-iktar mertu f’dan il-perijodu li għandhom jiġu promossi. F’dan ir-rigward, hemm differenzi essenzjali bejn is-sitwazzjoni fattwali u legali tal-uffiċjali kkunsidrati mill-awtorità msemmija bħala dawk li għandhom l-inqas mertu f’dan il-perijodu u dik tal-kollegi tagħhom li effettivament ġew promossi. Għalhekk, l-ewwel grupp ma jifformax parti mill-istess grupp ta’ persuni bħall-kollegi promossi tagħhom, u ma jistgħux jinvokaw l-ugwaljanza fit-trattament.

Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ delega fir-Regolamenti tal-Persunal favur l-istituzzjonijiet sabiex dawn jadottaw miżuri tranżitorji li jidderogaw, matul il-proċedura ta’ promozzjoni 2006, mill-applikazzjoni immedjata tal-istruttura tal-karrieri l-ġdida, l-ommissjoni minn istituzzjoni li tadotta tali miżuri la tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ prospetti tal-karriera u lanqas il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

(ara l-punti 76 sa 78, 95 u 96)


Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, C‑443/07 P, punt 99

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, T-58/05, punti 86 sa 113

4.      Id-dritt tal-Unjoni la jistabbilixxi espressament prinċipju ta’ unità tal-karriera u lanqas prinċipju ta’ karriera. Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza stabbilixxiet il-prinċipju ta’ prospetti ta’ karriera bħala l-forma speċjali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament applikabbli għall-uffiċjali.

(ara l-punti 79, 80 u 108)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 5 ta’ Marzu 2008, Toronjo Benitez vs Il-Kummissjoni, F‑33/07, punt 87