Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja) fl-4 ta’ Novembru 2019 – Flightright GmbH vs Qatar Airways

(Kawża C-810/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Frankfurt am Main

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Flightright GmbH

Konvenuta: Qatar Airways

Domandi preliminari

Titjira tista’ tiġi kklassifikata wkoll bħala “titjira konnessa” fis-sens tal-Artikolu 2(h) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 , meta, fil-każ ta’ titjiriet li jkunu suġġetti għal reżervazzjoni waħda u jipprevedu waqfa f’ajruport ta’ konnessjoni li jinsab barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, il-passiġġieri jkunu ppjanaw li joqogħdu għal perijodu itwal fil-post tal-waqfa u jkunu rreżervaw titjira ta’ konessjoni li ma kinitx l-ewwel titjira possibbilment aċċessibbli?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament japplika wkoll għat-trasport bl-ajru ta’passiġġieri ta’ titjira li ma telqitx minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda li tagħmel parti minn reżervazzjoni waħda li tinkludi wkoll titjira li titlaq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, anki jekk din it-titjira ma tkunx titjira ta’ konnessjoni diretta?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.