Language of document : ECLI:EU:C:2018:486

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil‑21 ta’ Ġunju 2018 (1)

Kawżi magħquda C391/16, C77/17 u C78/17

M

vs

Ministerstvo vnitra

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka))

u

X (C77/17)

X (C78/17)

vs

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Direttiva 2011/95/UE – Rifjut ta’ għoti jew revoka tal-istatus ta’ refuġjat – Kundanna għal delitt partikolarment serju – Artikolu 14(4) sa (6) – Interpretazzjoni u validità – Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 78(1) TFUE – Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) fil-Kawżi C‑77/17 u C‑78/17 jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95/UE (2) kif ukoll il-validità tiegħu fir-rigward tal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 78(1) TFUE.

2.        Fil-Kawża C‑391/16, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-Artikolu 14(4) u (6) tad-Direttiva 2011/95 fir-rigward ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet kif ukoll tal-Artikolu 6(3) TUE.

3.        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi dwar il-validità tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-ażil irrifjutaw li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat u l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil X (Kawża C‑77/17) fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Belġjana li tittrasponi l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/95 u rtiraw l-istatus ta’ refuġjat mogħti preċedentement lil X (Kawża C‑78/17) u lil M (Kawża C‑391/16) bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern (Belġjan u Ċek, rispettivament) li jittrasponi l-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu.

4.        Il-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 jippermettu, essenzjalment, lil Stat Membru jirrevoka l-istatus mogħti lil refuġjat jew jirrifjuta l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat meta r-refuġjat inkwistjoni jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà jew għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru. Il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu jippreċiża d-drittijiet minimi li madankollu, it-tgawdija minnhom, għandha tiġi ggarantita lil dan ir-refuġjat sakemm idum jgħix fl-imsemmi Stat Membru.

5.        Permezz tad-domandi preliminari tagħhom, il-qrati tar-rinviju jfittxu, essenzjalment, li jkunu jafu jekk dawn id-dispożizzjonijiet jiksrux il-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-Istatus tar-Refuġjati (3) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”) u jekk humiex, konsegwentement, invalidi fir-rigward tal-Artikolu 18 tal-Karta u tal-Artikolu 78(1) TFUE, li bis-saħħa tagħhom il-politika komuni tal-ażil għandha tosserva din il-konvenzjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

6.        L-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jiddefinixxi “refuġjat” bħala kwalunkwe persuna li, “minħabba f’biża’ bir-raġun li tiġi ppersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, appartenenza għal grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika partikolari, tkun barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u li ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew li, jekk ma jkollhiex nazzjonalità u tkun tinsab barra l-pajjiż fejn qabel kellha r-residenza abitwali tagħha […], ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx trid tirritorna fih.” (4) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.        L-Artikolu 1(C) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li:

“Din il-[k]onvenzjoni ma tibqax tapplika fir-rigward ta’ kull persuna li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija fis-Sezzjoni A msemmija iktar ’il fuq:

1)      Jekk hija b’mod volontarju tkun approfittat ruħha mill-ġdid mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità tagħha; jew

2)      Jekk, wara li tkun tilfet in-nazzjonalità tagħha, hija tkun kisbitha mill-ġdid b’mod volontarju; jew

3)      Jekk hija tkun kisbet nazzjonalità ġdida u tgawdi mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità ġdida tagħha; jew

4)      Jekk hija tkun irritornat b’mod volontarju fil-pajjiż li minnu tkun telqet jew fejn tkun baqgħet tgħix barra minnu minħabba biża’ ta’ persekuzzjoni; jew

5)      Jekk, minħabba li ċ-ċirkustanzi li bihom hija tkun ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, hija ma tkunx tista’ tkompli tirrifjuta milli tgawdi mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità tagħha; […]

6)      Fir-rigward ta’ persuna li ma jkollhiex nazzjonalità, jekk, minħabba li ċ-ċirkustanzi li bihom hija tkun ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, hija tkun tista’ tirritorna fil-pajjiż fejn kellha r-residenza abitwali tagħha;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.        L-Artikolu 1(F) tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-[k]onvenzjoni ma humiex applikabbli għall-persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġuni serja li jiġi ssuspettat li:

a)      huma jkunu wettqu delitt kontra l-paċi, delitt tal-gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif iddefiniti fl-istrumenti internazzjonali mfassla sabiex jagħmlu dispożizzjoni rigward dawn id-delitti;

b)      huma jkunu wettqu delitt serju mhux politiku barra l-pajjiż ospitanti qabel ma ġew aċċettati bħala refuġjati;

ċ)      saru ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9.        L-Artikolu 33 tal-istess konvenzjoni jiddikjara:

“1.      L-ebda Stat [k]ontraenti ma għandu jkeċċi jew jissuġġetta għal refoulment, bi kwalunkwe mod, refuġjat fuq il-fruntieri ta’ territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, l-appartenenza tiegħu fi grupp soċjali, jew minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu.

2. Madankollu din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata minn refuġjat li għal raġunijiet serji jitqies bħala perikolu għas-sigurtà tal-pajjiż fejn huwa jkun preżenti jew jikkostitwixxi, minħabba kundanna definittiva għal reat jew delitt partikolarment serju, perikolu għall-komunità ta’ dak il-pajjiż.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.      Bis-saħħa tal-Artikolu 42(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, “[f]il-mument tal-firma, tar-ratifika jew tal-adeżjoni, kull Stat se jkun jista’ jifformula riżervi għall-artikoli tal-Konvenzjoni minbarra l-Artikoli 1, 3, 4, 16(1), 33, 36 sa 46 inklużi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B.      Id-dritt tal-Unjoni

11.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)      ‛refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

(e)      ‘status ta’ refuġjat’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

[…]”

12.      L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Terminazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf milli jkun refuġjat, jekk hija:

(a)      approfittat ruħha mill-ġdid b’mod voluntarju mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità; jew

(b)      billi tkun tilfet in-nazzjonalità tagħha, reġgħet akkwistatha mill-ġdid b’mod voluntarju; jew

(c)      akkwistat nazzjonalità ġdida, u tgawdi l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità ġdida tagħha; jew

(d)      stabbiliet lilha nnifisha mill-ġdid b’mod voluntarju fil-pajjiż li hija tkun telqet minnu jew barra mill-liema hija tkun baqgħet minħabba biża’ ta’ persekuzzjoni; jew

(e)      ma tistax aktar, minħabba li ċ-ċirkostanzi li bihom hija tkun ġiet rikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, tkompli tirrifjuta milli tapprofitta ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità; jew

(f)      billi hija persuna mingħajr stat, hija tista’, minħabba li ċ-ċirkostanzi li bihom hija ġiet rikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, tirritorna lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel.”

13.      L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Esklużjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Persuna li tkun ċittadina nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li:

(a)      hija kkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

(b)      hija kkommettiet delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refuġju qabel id-dħul tagħha bħala refuġjat; jiġifieri qabel il-mument tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-għoti ta’ stat ta’ refuġjat; […]

(c)      hija tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbilit fil-Preambolu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.”

14.      Skont l-Artikolu 13 tal-istess direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III”.

15.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li:

“1.      Rigward applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali depożitati wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/83/KE[(5)], l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju jekk hija tkun waqfet milli tkun refuġjat bi qbil mal-Artikolu 11.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat jekk, wara li hija tkun ingħatat status ta’ refuġjat, jiġi stabbilit mill-Istat Membru interessat li:

(a)      hija kellha tkun jew hija eskluża milli tkun refuġjat bi qbil mal-Artikolu 12;

(b)      il-preżentazzjoni qarrieqa ta’ fatti jew l-ommissjoni tagħhom, inkluż l-użu ta’ dokumenti foloz, kienu deċiżivi għall-għoti tal-istat ta’ refuġjat.

4.      L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta:

(a)      ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti;

(b)      hija, wara li tkun instabet ħatja minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikkostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.

5.      F’sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux status lil refuġjat, fejn din id-deċiżjoni ma tkunx għadha ttieħdet.

6.      Persuni li għalihom japplikaw il-paragrafi 4 jew 5 huma intitolati għal drittijiet dikjarati jew simili għal dawk dikjarati fl-Artikoli 3, 4, 16, 22, 31, 32 u 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra safejn huma preżenti fl-Istat Membru.”

16.      L-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva, li jinsab taħt il-Kapitolu VII intitolat “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, jipprevedi li “[d]an il-Kapitolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet preskritti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”.

17.      Konformement mal-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ nonrefoulement bi qbil mal-obbligi internazzjonali tagħhom.

2.      Fejn mhux projbit mill-obbligi internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw (refoule) refuġjat, sewwa jekk rikonoxxut formalment u sewwa jekk le, meta:

(a)      ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti; jew

(b)      il-persuna, wara li tkun instabet ħatja b’sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.

3.      L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu jew li jagħtu l-permess ta’ residenza ta’ (jew lil) refuġjat li għalih japplika l-paragrafu 2.”

C.      Id-drittijiet nazzjonali

1.      Id-dritt Belġjan

18.      Il-loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (il-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija ta’ Barranin, iktar ’il quddiem il-“Liġi Belġjana dwar il-Barranin”) (6), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawżi prinċipali fil-Kawżi C‑77/17 u C‑78/17, tipprovdi fl-Artikolu 48/3(1) tagħha li “[l]-istatus ta’ refuġjat għandu jingħata lill-barrani li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu (1) tal-[Konvenzjoni ta’ Genève]”.

19.      L-Artikolu 48/4(1) ta’ din il-liġi jiddikjara l-kundizzjonijiet li fihom jingħata l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja.

20.      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52/4 tal-imsemmija liġi, “[i]l-Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides [il-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat, iktar ’il quddiem iċ-“CGRA”] jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat jekk il-barrani jikkostitwixxi perikolu għas-soċjetà, minħabba li jkun ġie kkundannat b’mod definittiv għal reat partikolarment serju, jew meta jkunu jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex huwa jitqies bħala perikolu għas-sigurtà nazzjonali. F’dan il-każ iċ-[CGRA] joħroġ opinjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ ordni ta’ tneħħija mal-Artikoli 48/3 u 48/4.”

21.      L-Artikolu 55/3/1 tal-istess liġi jipprevedi:

“§ 1. Iċ-[CGRA] jista’ jirtira l-istatus ta’ refuġjat meta l-barrani jikkostitwixxi, minħabba kundanna definittiva għal reat partikolarment serju, perikolu għas-soċjetà jew meta jkunu jeżistu motivi raġonevoli biex huwa jitqies bħala perikolu għas-sigurtà nazzjonali.

[…]

§ 3. Meta huwa jirtira l-istatus ta’ refuġjat bl-applikazzjoni tal-paragrafu 1 […] iċ-[CGRA] jagħti, fil-kuntest tad-deċiżjoni tiegħu, opinjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ ordni ta’ tneħħija mal-Artikoli 48/3 u 48/4.”

22.      Il-motivi msemmija fl-Artikolu 55/3/1(1) tal-Liġi Belġjana dwar il-Barranin jimplikaw ukoll, bis-saħħa tal-Artikolu 55/4(2) ta’ din il-liġi, l-esklużjoni mill-istatus tal-protezzjoni sussidjarja.

2.      Id-dritt Ċek

23.      L-Artikolu 2(6) taż-zákon č. 325/1999 Sb., o azylu (il-Liġi Nru 325/1999 dwar l-Ażil, iktar ’il quddiem il-“Liġi Ċeka dwar l-Ażil”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti rilevanti fil-Kawża C‑391/16, jiddefinixxi r-refuġjat fis-sens ta’ din il-liġi (azylant) bħala “l-barrani li jkun ingħata, bis-saħħa ta’ din il-liġi, id-dritt għall-ażil, u dan matul il-perijodu ta’ validità tad-deċiżjoni tal-għoti tad-dritt għall-ażil”.

24.      Bis-saħħa tal-Artikolu 12(b) ta’ din il-liġi, id-dritt għall-ażil jingħata lil barrani jekk ikun ġie stabbilit li huwa jkollu raġunijiet leġittimi biex jibża’ minn persekuzzjonijiet minħabba waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

25.      Skont l-Artikolu 17(1)(i) tal-imsemmija liġi, id-dritt għall-ażil jiġi rrevokat “jekk ikunu jeżistu raġunijiet leġittimi biex jitqies li r-refuġjat jirrappreżenta riskju għas-sigurtà tal-Istat”. L-Artikolu 17(1)(j) ta’ din l-istess liġi jipprevedi li d-dritt għall-ażil jiġi rrevokat “jekk ir-refuġjat ikun ingħata kundanna definittiva għal delitt partikolarment serju u jirrappreżenta għalhekk perikolu għas-sigurtà tal-Istat”. Dawn l-istess raġunijiet iwasslu, konformement mal-Artikolu 15a tal-Liġi Ċeka dwar l-Ażil, għall-impossibbiltà li tingħata protezzjoni sussidjarja.

26.      Skont l-indikazzjonijiet tan-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema), azylant jibbenefika minn vantaġġi kwalitattivament ogħla mis-“sempliċi” refuġjat li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Refuġjat li l-istatus tiegħu jiġi rrevokat ma jibqax azylant u, għaldaqstant, ma jibqax jibbenefika minn dawn il-vantaġġi.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A.      Il-Kawża C77/17

27.      X iddikjara li huwa ċittadin Ivorjan ta’ appartenenza etnika Bété. Huwa wasal fil-Belġju, f’Lulju 2003, fl-età ta’ 12‑il sena. X għalhekk akkumpanja lil missieru li, f’dak iż-żmien, kien qrib tal-President preċedenti Laurent Gbagbo u diplomat fi ħdan l-ambaxxata tal-Côte d’Ivoire fi Brussell.

28.      Fl‑2010, X ġie kkundannat mit-Tribunal de première instance de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell, il-Belġju) għal piena ta’ priġunerija ta’ tletin xahar minħabba daqqiet u korrimenti volontarji, pussess ta’ arma bil-ponta mingħajr raġuni leġittima, u pussess ta’ arma pprojbita. Fl‑2011, il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) ikkundannatu għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin għal stupru fuq minuri ta’ iktar minn 14‑il sena u ta’ inqas minn 16‑il sena.

29.      Fl‑2013, X ippreżenta l-ewwel applikazzjoni għal ażil li iktar tard irrinunzja għaliha. Fl‑2015, huwa ppreżenta t-tieni applikazzjoni għal ażil fejn, insostenn tagħha huwa invoka biża’ ta’ persekuzzjonijiet marbuta mal-fatt li missieru u l-membri tal-familja tiegħu kellhom rabtiet mill-qrib mar-reġim Ivorjan preċedenti u mal-President preċedenti Laurent Gbagbo.

30.      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2016, iċ-CGRA rrifjuta li jirrikonoxxilu l-istatus ta’ refuġjat, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52/4 tal-Liġi Belġjana dwar il-Barranin. Iċ-CGRA qies li fid-dawl tan-natura partikolarment serja tar-reati li huwa kien wettaq u r-repetizzjoni tagħhom, X kien jikkostitwixxi perikolu għas-soċjetà fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għal dawn l-istess raġunijiet, huwa eskluda lil X mill-protezzjoni sussidjarja bis-saħħa tal-Artikolu 55/4(2) ta’ din il-liġi. Barra minn hekk, iċ-CGRA ħareġ opinjoni skont l-Artikolu 52/4 tal-imsemmija liġi li fejn, fid-dawl ta’ din il-biża’ ta’ persekuzzjonijiet, X ma setax ikun suġġett għal refoulement lejn il-Côte d’Ivoire, peress li tali ordni ma tkunx kompatibbli mal-Artikoli 48/3 u 48/4 tal-istess liġi.

31.      X ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Din il-qorti tinnota li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52/4 tal-Liġi Belġjana dwar il-Barranin jittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/95. Hija tistaqsi dwar il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 18 tal-Karta u tal-Artikolu 78(1) TFUE.

32.      L-imsemmija qorti tenfasizza essenzjalment li l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi, bħala raġuni għar-rifjut tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, il-perikolu għas-sigurtà jew is-soċjetà ta’ Stat Membru. Madankollu, din ir-raġuni la hija prevista fost ir-raġunijiet għal esklużjoni elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra ta’ din il-konvenzjoni. L-Artikolu 14(5) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi, bħala raġunijiet għal rifjut, is-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 32 u 33 ta’ din il-konvenzjoni, filwaqt li dawn l-artikoli ma jirregolawx id-determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat, iżda t-tkeċċija tar-refuġjati. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 14(5) tal-imsemmija direttiva joħloqx, bi ksur tal-Konvenzjoni ta’ Genève, forma ġdida ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat mhux prevista minn din il-konvenzjoni.

33.      Il-qorti tar-rinviju tirrimarka li l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR jew UNHCR) ħareġ opinjoni partikolarment kritika fir-rigward tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2004/83/KE (7) (issostitwita bid-Direttiva 2011/95). Is-silta rilevanti ta’ din l-opinjoni hija fformulata kif ġej (8):

“L-Artikolu [14(4)] tad-Direttiva [2004/83] jgħaddi mir-riskju li jintroduċi modifiki sostanzjali għall-klawżoli ta’ esklużjoni tal-[Konvenzjoni ta’ Genève], billi jżid id-dispożizzjoni tal-Artikolu [33(2)] ta’ [din il-konvenzjoni] (eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ non-refoulement) bħala bażi ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat. Bis-saħħa tal-[imsemmija konvenzjoni], il-klawżoli ta’ esklużjoni u l-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ non-refoulement għandhom għanijiet differenti. Il-loġika tal-Artikolu 1(F) li jelenka b’mod eżawrjenti l-motivi tal-esklużjoni bbażati fuq l-aġir tal-applikant hija doppja. L-ewwel nett, ċerti atti huma tant serji li l-awturi tagħhom ma jkunx jistħoqqilhom protezzjoni internazzjonali. It-tieni nett, il-kuntest tal-ażil ma għandux ixekkel l-azzjonijiet ġudizzjarji fil-konfront ta’ kriminali kbar. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu [33(2)] jikkonċerna t-trattament tar-refuġjati u jiddefinixxi ċ-ċirkustanzi li fihom dawn madankollu jkunu jistgħu jiġu ssuġġettati għal refoulement. Dan huwa intiż għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-pajjiż ospitanti jew tal-komunità tal-imsemmi pajjiż. Id-dispożizzjoni tibbaża ruħha fuq l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk ir-refuġjat inkwistjoni jirrappreżentax perikolu għas-sigurtà nazzjonali tal-pajjiż jew jekk, minħabba li kien is-suġġett ta’ kundanna definittiva għal reat jew delitt partikolarment serju, jikkostitwixxix perikolu għall-komunità. L-Artikolu [33(2)] madankollu ma ġiex imfassal bħala motiv biex itemm l-istatus ta’ refuġjat […]. Il-paragun tal-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ non-refoulement permessi bis-saħħa tal-Artikolu [33(2)] mal-klawżoli ta’ esklużjoni tal-Artikolu 1(F) tkun għalhekk inkompatibbli mal-[Konvenzjoni ta’ Genève]. Barra minn hekk, din tista’ twassal għal interpretazzjoni żbaljata ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ta’ [din il-konvenzjoni].

L-espressjoni ‘status mogħti lil refuġjat’ hija mifhuma għalhekk bħala li tirreferi għall-ażil (‘status’) mogħti mill-Istat iktar milli l-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1[A(2)] tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] […]. Konsegwentement, l-Istati madankollu huma obbligati jagħtu d-drittijiet ta’ [din il-konvenzjoni] li ma jeżiġux residenza regolari u li ma jipprevedux eċċezzjoni sakemm ir-refuġjat jgħix taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat ikkonċernat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

34.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil du Contentieux des Étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/95/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li joħloq klawżola ġdida ta’ esklużjoni għall-istatus ta’ refuġjat previst fl-Artikolu 13 tal-istess direttiva u, konsegwentement, fl-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda [1], l-Artikolu 14(5) hekk interpretat huwa kompatibbli mal-Artikolu 18 tal-[Karta] u mal-Artikolu 78(1) [TFUE], li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt […] idderivat [tal-Unjoni] mal-Konvenzjoni ta’ Genève, li l-klawżola ta’ esklużjoni tagħha, prevista fl-Artikolu 1F, hija fformulata b’mod eżawrjenti u hija ta’ interpretazzjoni stretta?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda [1], l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/95/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi raġuni għar-rifjut tal-istatus ta’ refuġjat li ma hijiex prevista fil-Konvenzjoni ta’ Genève, li r-rispett tagħha huwa impost mill-Artikoli 18 tal-[Karta] u 78(1) [TFUE]?

4)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda [3], l-Artikolu 14(5) tad-direttiva [2011/95] huwa kompatibbli mal-Artikolu 18 tal-[Karta] u mal-Artikolu 78(1) [TFUE], li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt […] idderivat [tal-Unjoni] mal-Konvenzjoni ta’ Genève, ġaladarba jistabbilixxi raġuni għar-rifjut tal-istatus ta’ refuġjat mingħajr ebda eżami tal-biża’ minn persekuzzjoni hekk kif rikjest mill-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève?

5)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għad-domandi [1 u 3], kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 14(5) tad-direttiva [2011/95] b’mod konformi mal-Artikolu 18 tal-Karta u mal-Artikolu 78(1) [TFUE], li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt Ewropew idderivat mal-Konvenzjoni ta’ Genève?”

B.      Il-Kawża C78/17

35.      Skont id-dikjarazzjonijiet ta’ X, dan tal-aħħar huwa ċittadin tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo fejn id-data tat-twelid tiegħu tinsab bejn is-snin 1986 u 1990. Fl‑1997, huwa ġie maħtuf lil ommu, ittieħed fil-kamp militari ta’ Kokolo (il-Kongo) u, sussegwentement, ġie mħarreġ f’Goma (il-Kongo) fejn kien ġie ddrogat, ittrattat ħażin u ntbagħat jipparteċipa f’operazzjonijiet militari. Fl‑2000, X ingħaqad ma’ missieru fil-Belġju fejn fl‑2006 ressaq applikazzjoni għal ażil. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Frar 2007, iċ-CGRA rrikonoxxielu l-kwalità ta’ refuġjat.

36.      Fl‑2010, X ġie kkundannat mill-Cour d’assises de Bruxelles (il-Qorti tal-Assiżi ta’ Brussell, il-Belġju) għal piena ta’ priġunerija ta’ ħamsa u għoxrin sena minħabba serq li matulu seħħ omiċidju volontarju. Barra minn hekk, X kien wettaq diversi delitti ta’ serq u ta’ aggressjonijiet fil-Belġju qabel ir-rikonoxximent tal-kwalità tiegħu ta’ refuġjat.

37.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2016, iċ-CGRA rtiralu l-istatus ta’ refuġjat, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 55/3/1 tal-Liġi Belġjana dwar il-Barranin. Iċ-CGRA qies li fir-rigward tan-natura partikolarment serja tar-reati kkonstatati mill-Cour d’assises de Bruxelles (il-Qorti tal-Assiżi ta’ Brussell) kif ukoll mill-perkors tiegħu ta’ delinkwent, X kien jikkostitwixxi perikolu għas-soċjetà fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni – li tittrasponi l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95. Barra minn hekk, il-CGRA ħareġ opinjoni li skontha t-tneħħija ta’ X tkun kompatibbli mal-Artikoli 48/3 u 48/4 ta’ din il-liġi sa fejn il-biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba d-diżerzjoni tiegħu mill-armata Kongoliża, li kien spjega fl‑2007, ma tkunx għadha rilevanti.

38.      X ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Għall-istess motivi bħal dawk ippreżentati fil-Kawża C‑77/17, din il-qorti tistaqsi dwar il-validità tal-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95 fir-rigward tal-Artikolu 18 tal-Karta u tal-Artikolu 78(1) TFUE.

39.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil du Contentieux des Étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li joħloq klawżola ġdida ta’ esklużjoni għall-istatus ta’ refuġjat previst fl-Artikolu 13 tal-istess direttiva u, konsegwentement, fl-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda [1], l-Artikolu 14(4) hekk interpretat huwa kompatibbli mal-Artikolu 18 tal-[Karta] u mal-Artikolu 78(1) [TFUE], li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt […] idderivat [tal-Unjoni] mal-Konvenzjoni ta’ Genève, li l-klawżola ta’ esklużjoni tagħha, prevista fl-Artikolu 1F, hija fformulata b’mod eżawrjenti u hija ta’ interpretazzjoni stretta?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda [1], l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi raġuni għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat li ma hijiex prevista fil-Konvenzjoni ta’ Genève, li r-rispett tagħha huwa impost mill-Artikoli 18 tal-[Karta] u 78(1) [TFUE]?

4)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda [3], l-Artikolu 14(4) tad-direttiva [2011/95] huwa kompatibbli mal-Artikolu 18 tal-[Karta] u mal-Artikolu 78(1) [TFUE], li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt […] idderivat [tal-Unjoni] mal-Konvenzjoni ta’ Genève, ġaladarba jistabbilixxi raġuni għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat li, mhux biss ma hijiex prevista mill-Konvenzjoni ta’ Genève, iżda barra minn hekk ma ssib ebda bażi fiha?

5)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għad-domandi [1 u 3], kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 14(4) tad-direttiva [2011/95] b’mod konformi mal-Artikolu 18 tal-Karta u mal-Artikolu 78(1) [TFUE], li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt Ewropew idderivat mal-Konvenzjoni ta’ Genève?”

C.      Il-Kawża C391/16

40.      Skont id-dikjarazzjonijiet ta’ M, huwa twieled fi Grozny fiċ-Ċeċenja u ġġieled viċin l-ex President taċ-Ċeċenja matul l-ewwel gwerra taċ-Ċeċenja. Wara din il-gwerra, huwa telaq mill-armata u ma ġġilidx iktar matul it-tieni gwerra taċ-Ċeċenja. M iddikjara biża’ kemm mir-Russi kif ukoll mis-sostenituri ta’ Ramzan Kadyrov, fejn dawn tal-aħħar ipprovaw joqtluh u pprovaw iqegħduh f’“kamp ta’ filtrazzjoni” fejn kien jiġi mmutilat u msawwat. Diversi membri tal-familja tiegħu ġew maqtula.

41.      Wara li qies li din il-biża’ kienet fondata, il-Ministerstvo vnitra (il-Ministeru għall-Intern, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ April 2006, ta d-dritt għall-ażil lil M.

42.      Fl‑2004, M instab ħati ta’ serq aggravat u ġie kkundannat għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ tliet snin permezz ta’ sentenza tal-Městský soud v Brně (il-Qorti Muniċipali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka). Wara li ngħata libertà kkundizzjonata, M wettaq reati ta’ serq aggravat u ta’ estorsjoni, meqjusa li jikkostitwixxu reċidiva partikolarment perikoluża. Fl‑2007, din il-qorti kkundannatu għal din ir-raġuni għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ disa’ snin, li kellha tiġi eżegwita f’ċentru ta’ detenzjoni ta’ sigurtà għolja.

43.      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ministeru għall-Intern, permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ April 2014, ikkonstata li M kellu jiġi kkundannat b’mod definittiv għal delitt partikolarment serju u kien jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà tal-Istat u taċ-ċittadini tiegħu. Fuq din il-bażi, din l-awtorità, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 17(1)(j) tal-Liġi Ċeka dwar l-Ażil, irrevokat id-dritt għall-ażil ta’ M u, skont l-Artikolu 15a ta’ din il-liġi, qieset li huwa ma setax jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja.

44.      M ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka). Fir-rikors tiegħu, M sostna, b’mod partikolari, li l-Artikolu 17(1)(i) u (j) tal-Liġi Ċeka dwar l-Ażil – li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni tal-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95 – jikser l-impenji internazzjonali tar-Repubblika Ċeka. Dan huwa minnu sa fejn din id-dispożizzjoni tintroduċi motivi ta’ revoka tal-protezzjoni internazzjonali li ma humiex previsti fil-lista eżawrjenti ta’ dawn il-motivi li tinsab fl-Artikolu 1(C) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Issa, l-Artikolu 42(1) ta’ din il-konvenzjoni ma jippermettix il-formulazzjoni ta’ riżervi għal din id-dispożizzjoni.

45.      Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, M ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

46.      F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-konformità tal-paragrafi 4 u 6 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 mal-Konvenzjoni ta’ Genève, peress li huwa mifhum li l-ksur ta’ din il-konvenzjoni jwassal għall-invalidità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 18 tal-Karta, tal-Artikolu 78(1) TFUE kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(3) TUE.

47.      B’mod partikolari, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tirreferi għal dokument li fih l-UNHCR ikkummenta l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2011/95 (9). L-UNHCR, b’mod partikolari, tenna fih id-dubji li kien esprima dwar il-konformità tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2004/83 mal-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (10). Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li dawn id-dubji huma kondiviżi mill-Kunsill Ewropew għar-Refuġjati u l-Eżiljati (ECRE) (11), mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Imħallfin fil-qasam tal-Ażil (12), kif ukoll mill-Ombudsman tar-Repubblika Ċeka.

48.      Madankollu, din il-qorti tosserva li l-validità tal-Artikolu 14(4) u (6) tad-Direttiva 2011/95 hija wkoll is-suġġett ta’ opinjonijiet kuntrarji. Dawn l-opinjonijiet jibbażaw lilhom infushom fuq il-kunsiderazzjoni li din id-direttiva għandha l-għan li tiggarantixxi standards ta’ protezzjoni ogħla fir-rigward tal-motivi ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali u l-kontenut ta’ din il-protezzjoni, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni sħiħa u globali tal-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). L-Artikolu 14(4) u (6) tad-Direttiva 2011/95 jagħti lill-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha protezzjoni ogħla minn dik li tirriżulta mill-Konvenzjoni ta’ Genève. Dawn il-persuni jistgħu, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 33(2) ta’ din il-konvenzjoni, jiġu suġġetti għal refoulement lejn pajjiż fejn huma jirriskjaw li jiġu ppersegwitati. Wara li jitilqu mill-pajjiż tal-ażil, huma ma jibqgħux jibbenefikaw minn vantaġġi li jirriżultaw mill-imsemmija konvenzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, ma jippermettix ir-refoulement tal-persuni kkonċernati u lanqas li jiġu miċħuda mil-livell minimu ta’ drittijiet li tipprevedi l-Konvenzjoni ta’ Genève.

49.      F’dan il-kuntest, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 14(4) u (6) tad-Direttiva [2011/95] huwa invalidu minħabba li jikser l-Artikolu 18 tal-[Karta], l-Artikolu 78(1) [TFUE] u l-prinċipji ġenerali tal-UE fis-sens tal-Artikolu 6(3) [TUE]?”

D.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

50.      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Marzu 2017, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li l-Kawżi C‑77/17 u C‑78/17 jingħaqdu għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

51.      F’dawn il-kawżi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Ungerija u tar-Renju Unit kif ukoll il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

52.      Fil-Kawża C‑391/16, il-Gvern tar-Repubblika Ċeka, tal-Belġju, ta’ Franza, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit kif ukoll il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

53.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Jannar 2018, il-Kawżi C‑77/17, C‑78/17 u C‑391/16 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

54.      X (fil-Kawża C‑77/17), X (fil-Kawża C‑78/17), M, il-Gvern tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali tas‑6 ta’ Marzu 2018.

IV.    Analiżi

A.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

55.      Il-possibbiltajiet ta’ revoka u ta’ rifjut għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat previsti fil-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 jistgħu jiġu eżerċitati meta jkun hemm bażi raġonevoli sabiex jitqies li refuġjat ikun ta’ perikolu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih huwa jkun preżenti jew meta huwa, wara li jkun instab ħati b’sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, jikkostitwixxi perikolu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.

56.      Dawn iċ-ċirkustanzi jikkorrispondu għal dawk li fihom tapplika l-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ non-refoulement stabbilit fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95 (13), li l-formulazzjoni tiegħu tirriproduċi, essenzjalment, dik tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (14). Bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu, meta jqumu tali ċirkustanzi, jidderogaw mill-prinċipju li skontu refuġjat ma jistax jitneħħa lejn territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, l-appartenenza tiegħu għal grupp soċjali partikolari jew minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu.

57.      Madankollu, bħalma jippreċiża l-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri huma awtorizzati jimplimentaw din il-possibbiltà biss “[f]ejn mhux projbit mill-obbligi internazzjonali [tagħhom]”. Madankollu, l-iżviluppi li saru fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem sa mill-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève jimplikaw li l-obbligi tal-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali minn issa ’l quddiem jinnewtralizzaw b’mod wiesa’ l-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ non-refoulement.

58.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 19(2) tal-Karta jipprevedi li, “[ħ]add ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti”. Din id-dispożizzjoni – l-istess bħall-Artikolu 4 tal-Karta li jipprojbixxi t-tortura kif ukoll l-impożizzjoni ta’ tali pieni jew trattamenti (15) – ma tippermetti l-ebda deroga.

59.      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (16), l-Artikolu 19(2) tagħha ddaħħal fiha għall-finijiet tal-inkorporazzjoni tal-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem “il-Qorti EDB”) dwar il-projbizzjoni, ta’ natura assoluta, tat-tortura u tal-pieni jew it-trattamenti inumani jew degradanti stabbilita fl-Artikolu 3 KEDB, li miegħu jikkorrispondi l-Artikolu 4 tal-Karta (17). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti EDB, l-Artikolu 3 KEDB jopponi, mingħajr deroga possibbli, għall-fatt li l-Istati kontraenti jneħħu, ikeċċu jew jestradixxu barrani meta jkunu jeżistu motivi serji u pprovati biex wieħed jemmen li fil-pajjiż ta’ destinazzjoni huwa se jkun f’riskju reali li jġarrab trattamenti pprojbiti minn din id-dispożizzjoni (18).

60.      Din l-istess projbizzjoni tirriżulta wkoll mill-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri permezz tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (19) u tal-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (20), adottati taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti.

61.      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li meta r-refoulement ta’ refuġjat joħolqu riskju serju li jġarrab il-piena tal-mewt jew ta’ trattamenti pprojbiti mill-Artikolu 4 tal-Karta, mill-Artikolu 3 KEDB kif ukoll mill-obbligi internazzjonali l-oħra msemmija fil-punt preċedenti, il-possibbiltà ta’ deroga mill-prinċipju ta’ non-refoulement prevista fl-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95 ma tibqa’ tirrappreżenta xejn ħlief possibbiltà teoretika fir-rigward tal-Istati Membri, li l-implimentazzjoni tagħha minn dak iż-żmien ’il quddiem tkun ipprojbita għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (21).

62.      Bħalma enfasizzaw il-Gvern tar-Repubblika Ċeka, tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit kif ukoll il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 għandhom, preċiżament, l-għan li jirregolaw is-sitwazzjoni tar-refuġjati li, minkejja li jaqgħu taħt wieħed mix-xenarji koperti mill-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ non-refoulement, ma jiġux suġġetti għal refoulement minħabba li, b’mod partikolari, ir-refoulement tagħhom jikser l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri skont il-Karta, il-KEDB u strumenti oħra tad-dritt internazzjonali. Għalhekk, meta jużaw il-possibbiltajiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri għandhom, bis-saħħa tal-paragrafu 6 tal-istess artikolu, jiggarantixxu lil dawn ir-refuġjati t-tgawdija mid-drittijiet stabbiliti minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

B.      Fuq l-istatut tal-Konvenzjoni ta’ Genève fid-dritt tal-Unjoni

63.      L-Artikolu 18 tal-Karta jipprevedi li “[d]-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”. Skont l-Artikolu 78(1) TFUE, il-politika komuni dwar l-ażil “trid tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”.

64.      Dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, li permezz tagħhom l-awturi tat-trattati kellhom l-intenzjoni li jobbligaw lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, b’osservanza sħiħa tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jittraduċu l-istatut speċifiku ta’ din il-konvenzjoni fid-dritt tal-Unjoni. Għalkemm l-Unjoni ma hijiex, għall-kuntrarju tal-Istati Membri tagħha, marbuta minn din il-konvenzjoni fil-konfront tal-Istati terzi li huma partijiet għaliha (22), l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom josservawha skont id-dritt tal-Unjoni (23).

65.      Anki l-premessi 4, 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95 jindikaw li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-“pedament” tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw ruħhom fuq kunċetti u kriterji komuni. Il-premessa 3 tal-imsemmija direttiva żżid li, billi ispira ruħu mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li s-sistema tal-ażil Ewropea, li l-istess direttiva tikkontribwixxi li tistabbilixxi, tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u globali tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Barra minn hekk, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/95 jirreferu għal dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni (24) jew jirriproduċu l-kontenut tagħha (25).

66.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan ta’ din id-direttiva, billi jiġu osservati l-Konvenzjoni ta’ Genève u t-trattati l-oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Din l-interpretazzjoni għandha ssir ukoll, bħalma jirriżulta mill-premessa 16 tal-imsemmija direttiva, billi jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta (26).

67.      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, b’tali mod li ma jkunx jaffettwa l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu (27). Minn dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni, applikat flimkien ma’ dak spjegat fil-punt preċedenti, jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 għandhom, sa fejn possibbli, jinqraw b’mod li dawn ikunu josservaw il-Konvenzjoni ta’ Genève u jkunu, konsegwentement, konformi mal-Artikolu 18 tal-Karta u mal-Artikolu 78(1) TFUE. Huwa biss fl-ipoteżi fejn tali interpretazzjoni konformi tkun impossibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tikkonstata l-invalidità ta’ dispożizzjoni ta’ din id-direttiva fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju.

68.      Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt sekondarju jew teżamina l-validità tagħha fir-rigward tal-Artikolu 18 tal-Karta u tal-Artikolu 78(1) TFUE, hija jkollha, hekk kif enfasizza l-Parlament matul is-seduta, tivverifika jekk din id-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju toffrix lir-refuġjati livell ta’ protezzjoni mill-inqas ekwivalenti għal dak li tirriżervalhom il-Konvenzjoni ta’ Genève.

69.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja titwassal b’mod inevitabbli, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tiddetermina minn qabel il-kontenut tar-rekwiżiti li jimplika l-osservanza ta’ din il-konvenzjoni. Tali determinazzjoni tista’ tirrikjedi li hija tagħti evalwazzjonijiet li jmorru lil hinn mis-sempliċi spjega tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Genève u jwasslu għalhekk sabiex tiġi interpretata b’mod inċidentali. Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma tqajjem dubju dwar l-assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta direttament din il-konvenzjoni (28).

70.      Huwa f’din il-perspettiva li l-Qorti tal-Ġustizzja twasslet, fis-sentenzi Bolbol (29) u Abed El Karem El Kott et (30), sabiex tinterpreta l-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève – li jirreferi għalih b’mod ċar l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 – għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju skont l-Artikolu 267 TFUE. Fid-dawl ta’ dan ir-riferiment, il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx, fil-fatt, twettaq dan il-kompitu mingħajr ma tiddetermina minn qabel ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 1(D) ta’ din il-konvenzjoni.

71.      Din l-istess loġika timplika, fil-fehma tiegħi, li, kull darba li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi b’mod preliminari dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt sekondarju jimplika li għandu jiġi ppreċiżat dak li l-Konvenzjoni ta’ Genève tirrikjedi jew ma tirrikjedix, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkun hemm bżonn, tista’ tinterpreta din il-konvenzjoni għall-finijiet ta’ tali preċiżazzjonijiet (31).

72.      F’din il-perspettiva, l-eżami tad-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju se jinkludi, sa fejn ikun meħtieġ, tali interpretazzjonijiet tal-imsemmija Konvenzjoni ta’ Genève (32). Dawn se jitwettqu, konformement mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati (33), in bona fide skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tal-Konvenzjoni ta’ Genève fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u s-suġġett tagħha. In-noti interpretattivi tal-UNHCR se jingħataw, għal dan l-għan, attenzjoni speċjali. Għalkemm dawn ma humiex vinkolanti għall-Istati konraenti, dawn jikkostitwixxu elementi ta’ interpretazzjoni mogħnija b’“forza persważiva” partikolari (34).

73.      F’dan il-każ, inqis, għar-raġunijiet spjegati iktar ’il quddiem, li l-paragrafi 4 sa 6 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 iwasslu għal interpretazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li dawn huma konformi mal-Artikolu 18 tal-Karta u l-Artikolu 78(1) TFUE.

C.      Interpretazzjoni tal-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95

1.      Fuq id-distinzjoni bejn ir-revoka jew ir-rifjut għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u t-terminazzjoni jew l-esklużjoni tal-kwalità ta’ refuġjat

74.      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi magħmula fil-Kawżi C‑77/17 u C‑78/17 u permezz tad-domanda magħmula fil-Kawża C‑391/16, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) u n-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ifittxu essenzjalment li jsiru jafu jekk il-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 jiksrux l-Artikolu 18 tal-Karta u l-Artikolu 78(1) TFUE (35), minħabba li dawn jistabbilixxu raġunijiet għal terminazzjoni u għal esklużjoni mhux previsti fl-Artikolu 1(C) u (F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève – li l-kontenut tiegħu huwa rriprodott fl-Artikoli 11 u 12 ta’ din id-direttiva. Bħalma jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, id-dubji li jqajmu dawn il-qrati dwar dan is-suġġett huma essenzjalment immotivati mit-tħassib espress mill-UNHCR dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-Konvenzjoni ta’ Genève (36).

75.      Nipproponi li tingħata risposta fin-negattiv għal dawn id-domandi, sa fejn l-applikazzjoni minn Stat Membru tal-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95, għall-kuntrarju tal-applikazzjoni ta’ raġuni għal terminazzjoni jew għal esklużjoni, ma jkollhiex il-konsegwenza li ċċaħħad lill-individwu kkonċernat mill-kwalità ta’ refuġjat. It-tħassib ta’ din id-distinzjoni jinsab fil-fatt li ż-żamma ta’ din il-kwalità timplika li dan l-individwu ma jkollux biss dritt għall-protezzjoni tal-UNHCR (37) u ta’ kull Stat ieħor parti għall-Konvenzjoni ta’ Genève jekk jitlaq minn dan l-Istat Membru, iżda wkoll, sakemm jibqa’ fl-imsemmi Stat Membru, għat-tgawdija tad-drittijiet li din il-konvenzjoni tiggarantixxi lil kull refuġjat indipendentement mir-regolarità tar-residenza tiegħu (se nerġa’ nittratta dan iktar ’il quddiem) (38).

76.      Fir-rigward tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95, din il-konklużjoni tirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu stess. Bħalma sostna l-Gvern Ġermaniż, l-użu tat-termini “[s]tatus mogħti lil refuġjat” (enfasi miżjuda minni) jindika, fil-fatt, li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tmurx kontra l-kwalità ta’ refuġjat tal-parti kkonċernata. Barra minn hekk, għalkemm il-verżjoni fil-lingwa Franċiża tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu tuża l-espressjoni “statut de réfugié” (status ta’ refuġjat), il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jirrikorru għal formulazzjoni li tikkorrispondi għat-termini “li ma jagħtux status lil refuġjat” (39).

77.      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (40). Fil-każ ineżami, interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tal-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 iwassalni biex inqis li l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma hijiex ekwivalenti għat-terminazzjoni jew l-esklużjoni tal-kwalità ta’ refuġjat.

78.      Fl-ewwel lok, mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-kundizzjonijiet sabiex tingħata l-kwalità ta’ refuġjat, minn naħa, u l-għoti jew l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu żewġ kunċetti distinti.

79.      Bħalma tenfasizza l-premessa 21 tad-Direttiva 2011/95, il-kwalità ta’ refuġjat tirriżulta mill-uniku fatt li persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex titqies bħala refuġjat, indipendentement minn kwalunkwe rikonoxximent minn Stat Membru. Dawn il-kundizzjonijiet huma s-suġġett tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat, “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”. Dawn jikkorrispondu għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

80.      Dan il-Kapitolu III jinkludi l-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva 2011/95, relatati mat-terminazzjoni u mal-esklużjoni, fejn il-kontenut tagħhom jirriproduċi dak tal-Artikolu 1(C) u (F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-ipoteżijiet li fihom ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat jiġu mċaħħda mill-kwalità ta’ refuġjat u, għaldaqstant, jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni internazzjonali skont din id-direttiva u din il-konvenzjoni (41).

81.      Dawn l-ipoteżijiet ma jkoprux is-sitwazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li fihom refuġjat jikkostitwixxi perikolu għas-soċjetà tal-pajjiż tar-refuġju minħabba li jkun wettaq delitt partikolarment serju tad-dritt komuni f’dan il-pajjiż (42). Ir-raġunijiet għal esklużjoni, fil-fatt, ma ġewx stabbiliti bl-għan li jiġu protetti s-sigurtà jew is-soċjetà tal-pajjiż tar-refuġju kontra l-perikolu effettiv li jista’ jirrappreżenta refuġjat, iżda effettivament bl-għan li tiġi ppreservata l-integrità tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati u jiġi evitat li l-benefiċċju minn din il-protezzjoni jippermetti lill-awturi ta’ ċerti delitti serji jaħarbu mir-responsabbiltà kriminali tagħhom (43).

82.      Dawn is-sitwazzjonijiet, min-naħa l-oħra, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ non-refoulement kif ukoll tal-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95. Din id-dispożizzjoni tinsab taħt kapitolu distint, jiġifieri l-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Status ta’ refuġjat”.

83.      Id-distinzjoni bejn il-kwalità ta’ refuġjat u l-istatus mogħti lil refuġjat hija enfasizzata wisq iktar fil-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-obbligu ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat mogħti lil persuni li ma jkollhomx jew li ma jkunx għad għandhom il-kwalità ta’ refuġjat, b’mod partikolari fil-preżenza ta’ waħda mir-raġunijiet għal terminazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jew meta huma jkunu jew kellhom jiġu esklużi skont l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva. It-terminazzjoni jew l-esklużjoni tal-kwalità ta’ refuġjat u r-revoka riżultanti tal-istatus ta’ refuġjat ma jistgħux għalhekk jiġu ridotti għal kunċett wieħed.

84.      Fit-tieni lok, il-kisba tal-għanijiet tal-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95 jippreżumi wkoll li sakemm persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex titqies bħala refuġjat, hija jibqa’ jkollha din il-kwalità, mingħajr ma din il-kwalità tiġi affettwata mir-revoka tal-istatus li kien ingħatalha jew mir-rifjut ta’ tali għoti.

85.      Fil-fatt, ir-raġunijiet għal terminazzjoni u esklużjoni tal-kwalità ta’ refuġjat huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1(C) sa (F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (44) – dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom l-Istati kontraenti ma humiex awtorizzati joħorġu riżervi bis-saħħa tal-Artikolu 42(1) ta’ din il-konvenzjoni. Konsegwentement, l-istabbiliment fid-Direttiva 2011/95 ta’ raġunijiet għal terminazzjoni jew għal esklużjoni addizzjonali jkun ikkomprometta l-għan ta’ din id-direttiva li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tal-imsemmija konvenzjoni.

86.      F’dan ir-rigward, huwa simboliku li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/95 jippermetti li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat jiġu “esklużi” mill-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja għall-istess raġunijiet bħal dawk iddikjarati fl-Artikolu 14(4) u (5) ta’ din id-direttiva. Il-protezzjoni sussidjarja ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-fatt, kien liberu li jiddetermina ċ-ċirku ta’ benefiċjarji skont kriterji awtonomi. Min-naħa l-oħra, huwa għażel approċċ ieħor fir-rigward tar-refuġjati bl-għan li jiżgura l-kompatibbiltà tal-imsemmija direttiva ma’ din il-konvenzjoni (45).

87.      Għalkemm il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jindikaw li l-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 ma jistgħux jiġu pparagunati ma’ raġunijiet għal terminazzjoni jew għal esklużjoni tal-kwalità ta’ refuġjat, dawn ma jenfasizzawx bis-sħiħ il-portata u l-effetti reali. Din il-problema, essenzjalment, hija s-suġġett tat-tielet sal-ħames domandi magħmula fil-Kawżi C‑77/17 u C‑78/17.

2.      Fuq il-portata u l-effetti reali tal-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95

88.      Permezz tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames d-domandi, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) jistaqsi jekk, fl-ipoteżi fejn fir-rigward tal-ewwel domandi fil-Kawżi C‑77/17 u C‑78/17, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li rrakkomandajt jien iktar ’il fuq, il-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 ikollhom għalhekk jiġu interpretati fis-sens li jistabbilixxu raġunijiet ta’ rtirar u ta’ rifjut tal-istatus ta’ refuġjat li ma humiex previsti mill-Konvenzjoni ta’ Genève u għalhekk huma invalidi (it-tielet u r-raba’ d-domandi), jew jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni oħra li tippermetti li tiġi żgurata l-konformità mad-dritt primarju tal-Unjoni (il-ħames domandi). L-eżami ta’ dawn id-domandi huwa neċessarju wkoll għall-finijiet ta’ għoti ta’ deċiżjoni dwar id-domanda magħmula min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

89.      Bl-għan li tingħata risposta għal dawn id-domandi, jidhirli meħtieġ li jiġi eżaminat iktar ’il quddiem is-sinjifikat li għandu jingħata lit-termini “[s]tatus mogħti lil refuġjat” u “status ta’ refuġjat” li jinsabu rispettivament fil-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 (46). Jekk l-“istatus” li jista’ jiġi rrevokat jew irrifjutat bl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunx ekwivalenti għall-kwalità ta’ refuġjat, x’inhu s-sinjifikat ġenwin tiegħu?

90.      L-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2011/95, li ma jikkorrispondi għal ebda dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jiddefinixxi “status ta’ refuġjat” bħala “[r]-rikonoxximent minn Stat Membru […] bħala refuġjat”. Moqrija fid-dawl tal-premessa 21 ta’ din id-direttiva, dawn it-termini jidhru li jindikaw l-att, ta’ natura dikjarattiva, li bih Stat Membru jirrikonoxxi l-kwalità ta’ refuġjat lil applikant għal ażil, fejn huwa mifhum li dan l-att iseħħ b’riżultat ta’ proċedura intiża sabiex tivverifika jekk dan l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jiġi kkwalifikat bħala refuġjat (47).

91.      L-imsemmi att jimplika, bħala prinċipju, l-għoti tad-drittijiet kollha msemmija fil-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95 (bla ħsara għal-limitazzjonijiet previsti fiha (48)). Fil-fatt, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni matul is-seduta, il-kwalità ta’ refuġjat u l-għoti ta’ dawn id-drittijiet jimxu id f’id neċessarjament lil hinn mill-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4) u (5) ta’ din id-direttiva. L-Istati Membri, bis-saħħa tal-Artikolu 20(2) tal-imsemmija direttiva, huma marbuta jagħtu lir-refuġjati rrikonoxxuti dawn id-drittijiet kollha, filwaqt li persuna li l-kwalità ta’ refuġjat tagħha ma tkunx (għadha) irrikonoxxuta ma tgawdix minnhom (49). Bl-istess mod, l-applikazzjoni għal persuna preċedentement irrikonoxxuta bħala refuġjat ta’ waħda mir-raġunijiet għal terminazzjoni jew għal esklużjoni stabbiliti fl-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva 2011/95 twassal, bis-saħħa tal-Artikolu 14(1) u (3) ta’ din id-direttiva, kemm għad-dekadenza jew in-nullità ta’ dan ir-rikonoxximent kif ukoll għat-telf tad-drittijiet li kienu jirriżultaw minnu.

92.      Din ir-rabta intrinsika bejn ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ refuġjat u l-għoti ta’ dawn id-drittijiet tista’ tispjega r-raġuni għalfejn id-definizzjoni ta’ “status ta’ refuġjat”, li tinsab fl-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, tirreferi biss għar-rikonoxximent tal-kwalità ta’ refuġjat, mingħajr ma ssemmi l-għoti riżultanti tad-drittijiet marbuta magħha.

93.      Min-naħa l-oħra, il-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 jintroduċu separazzjoni bejn il-kwalità ta’ refuġjat u l-għoti ta’ dawn id-drittijiet. Filwaqt li jżommu l-kwalità ta’ refuġjat, il-persuni li għalihom dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ma jibbenefikawx jew ma jibqgħux jibbenefikaw mid-drittijiet stabbiliti fil-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva.

94.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu interpretati t-termini “[s]tatus mogħti lil refuġjat” u “status ta’ refuġjat”, użati rispettivament fil-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95. Fil-fehma tiegħi, dawn it-termini, f’dan il-kuntest, għandhom sinjifikat iktar ristrett minn dak li jirriżulta mill-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva (50). Dawn jindikaw biss l-għoti tad-drittijiet stabbiliti fil-Kapitolu VII tal-imsemmija direttiva (51), madankollu mingħajr ma jmorru kontra r-rikonoxximent tal-kwalità ta’ refuġjat tal-persuni kkonċernati.

95.      Din l-interpretazzjoni, fil-fehma tiegħi, hija l-unika waħda li tippermetti li tiġi ppreżervata l-koerenza interna ta’ din id-direttiva kif ukoll l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tagħha.

96.      Fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni li skontha l-espressjoni “status ta’ refuġjat” tiġbor ir-rikonoxximent innifsu tal-kwalità ta’ refuġjat tidhirli inkompatibbli mal-formulazzjoni u l-istruttura tal-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/95. Nosserva, f’dan ir-rigward, li din id-dispożizzjoni tapplika għar-refuġjati li jkunu għadhom ma ngħataw l-ebda status. B’danakollu, din effettivament issemmi r-“refuġjati” kif iddefiniti fl-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, u mhux l-“applikanti” fis-sens tal-Artikolu 2(i) tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/95 japplika għall-persuni li l-kwalità ta’ refuġjat tagħhom ġiet ivverifikata u konsegwentement irrikonoxxuta mill-Istat Membru ta’ refuġju.

97.      Minn dan jirriżulta li, bħalma jenfasizzaw il-Gvernijiet tal-Belġju u ta’ Franza, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-Istati Membri jirrifjutaw li jeżaminaw applikazzjoni għal ażil li tkun ġiet ippreżentata lilhom, fl-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mid-Direttiva 2013/32, u li jirrikonoxxu, fejn ikun xieraq, il-kwalità ta’ refuġjat tal-applikant. Inżid, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li kull deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal ażil għandha tiġi kkomunikata bil-miktub lill-parti kkonċernata. Bħalma sostniet il-Kummissjoni matul is-seduta, il-persuna li l-istatus tagħha jiġi rrevokat għandha tkun tista’ tagħti prova tas-sitwazzjoni speċifika tagħha f’każ ta’ stħarriġ amministrattiv, li jimplika l-ħruġ ta’ dokument li jiddikjara l-kwalità tagħha ta’ refuġjat (52).

98.      Fit-tieni lok, l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95 għandu japplika skont id-definizzjoni lir-refuġjati li l-kwalità tagħhom kienet diġà s-suġġett ta’ rikonoxximent. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma twassalx, bħalma spjegajt iktar ’il fuq, għat-telf ta’ din il-kwalità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni li skontha l-“istatus mogħti lil refuġjat” fis-sens tal-imsemmija direttiva jindika kemm ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ refuġjat kif ukoll l-għoti tad-drittijiet li jirriżultaw minnha, tkun nieqsa minn kull loġika. Fil-fatt, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑77/17, ma nistax nifhem x’sens jagħmel li jiġi rrevokat dan ir-rikonoxximent filwaqt li ma jitqegħidx f’dubju s-suġġett tiegħu – jiġifieri l-kwalità ta’ refuġjat tal-persuna kkonċernata (53).

99.      Fuq dan l-istess argument, l-UNHCR ippreċiża li r-raġunijiet li jippermettu li tiġi invalidata deċiżjoni ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma jinkludux ir-raġunijiet li jimplikaw it-telf tal-protezzjoni mir-refoulement bis-saħħa tal-Artikolu 33(2) ta’ din il-konvenzjoni – li jikkorrispondu għar-raġunijiet ta’ revoka u ta’ rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat previsti fl-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95 (54).

100. Fit-tielet lok, nenfasizza li r-refuġjati li fil-konfront tagħhom Stat Membru japplika l-paragrafi 4 jew 5 tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jżommu, minħabba l-kwalità ta’ refuġjat tagħhom, il-benefiċċju mid-drittijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Genève li jirreferi għalihom il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu. Madankollu, ir-rikonoxximent minn Stat Membru tal-benefiċċju minn dawn id-drittijiet, b’mod li jippermetti l-eżerċizzju tagħhom, jippreżumi r-rikonoxximent tal-kwalità ta’ refuġjat, li mingħajrha l-parti kkonċernata ma tkunx intitolata għall-imsemmija drittijiet. Fi kliem ieħor, għalkemm mhux kull rikonoxximent tal-kwalità ta’ refuġjat jiġi akkumpanjat mill-għoti tad-drittijiet kollha stabbiliti fil-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95, kull għoti tad-drittijiet marbuta mal-kwalità ta’ refuġjat jimplika li ġiet irrikonoxxuta din il-kwalità.

101. Iktar minn hekk, l-interpretazzjoni li nipproponi tippermetti li jiġi rrimedjat it-tħassib indikat mill-UNHCR, billi din taqbel inċidentalment ma’ dik li rrakkomanda huwa stess f’diversi drabi. Skont l-UNHCR, sabiex jiġi evitat li l-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95 jiġu interpretati fl-Istati Membri b’mod li jintroduċu raġunijiet ġodda għal terminazzjoni u għal esklużjoni bi ksur tal-Konvenzjoni ta’ Genève, “l-espressjoni ‘status mogħti lil refuġjat’ għalhekk għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi għall-ażil (‘status’) mogħti mill-Istat iktar milli għall-istatus [li jindika f’dan il-kuntest il-kwalità] ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1[(A) ta’ din il-konvenzjoni] […] (55)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

102. Konsegwentement, inqis li t-termini “[s]tatus mogħti lil refuġjat” u “status ta’ refuġjat”, fis-sens tal-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95, jindikaw biss il-benefiċċju mid-drittijiet li din id-direttiva tipprevedi fil-Kapitolu VII tagħha (56), bla ħsara għad-drittijiet li jistgħu jingħataw lir-refuġjati kkonċernati bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Genève (57).

103. Issa se nittratta d-domanda dwar il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif interpretati u moqrija flimkien mal-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu – li qabel se jkollu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni bl-għan li tingħata risposta għal din id-domanda –, fir-rigward tal-Artikolu 18 tal-Karta u tal-Artikolu 78(1) TFUE.

D.      Interpretazzjoni tal-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95 u eżami tal-validità tal-Artikolu 14(4) u (6) ta’ din id-direttiva

104. Bħalma affermaw il-Gvern Belġjan u l-Parlament, id-Direttiva 2011/95 tikkostitwixxi strument awtonomu li jappartjeni għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li ma għandux l-għan li jittrasponi formalment il-Konvenzjoni ta’ Genève. F’din il-perspettiva, il-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, filwaqt li jippreċiża li d-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt dan il-kapitolu huma bla ħsara għad-drittijiet stabbiliti f’din il-konvenzjoni (58), jistabbilixxi sett ta’ drittijiet fejn xi wħud minnhom ma humiex iggarantiti mill-imsemmija konvenzjoni, filwaqt li oħrajn jikkorrispondu għal dawk li tipprevedi l-istess konvenzjoni.

105. Għalhekk, minn naħa, bħalma nnota l-Gvern tar-Renju Unit, ċerti dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95 jordnaw lill-Istati Membri jagħtu lir-refuġjati drittijiet li ma għandhomx ekwivalenti fil-Konvenzjoni ta’ Genève, bħad-drittijiet għal permess ta’ residenza, għar-rikonoxximent tal-kwalifiki, għall-kura tas-saħħa kif ukoll għall-aċċess għall-faċilitajiet ta’ integrazzjoni (59).

106. Ma għandu jkun hemm l-ebda dubju, fil-fehma tiegħi, li sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95 jiggarantixxu drittijiet distinti u awtonomi meta mqabbla mal-Konvenzjoni ta’ Genève, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ wkoll, mingħajr ma jikser ir-rekwiżiti ta’ konformità ta’ din il-konvenzjoni, jiddetermina, permezz ta’ dispożizzjonijiet awtonomi oħrajn, iċ-ċirkustanzi li fihom refuġjat jista’ jiġi mċaħħad minn dawn id-drittijiet.

107. Min-naħa l-oħra, il-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva jinkludi drittijiet li huma stabbiliti wkoll fil-Konvenzjoni ta’ Genève. Dawn jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-drittijiet għall-ħruġ ta’ dokumenti ta’ vvjaġġar (60), għal-libertà ta’ moviment (61) kif ukoll għall-aċċess għal impjieg (62), għal akkomodazzjoni (63), u għal għajnuna soċjali (64).

108. Fil-fehma tiegħi, il-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 lanqas ma jiksru l-Artikolu 18 tal-Karta u l-Artikolu 78(1) TFUE sa fejn dawn jippermettu li refuġjat jiġi mċaħħad mid-drittijiet iddikjarati fil-punt preċedenti meta jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà jew għas-soċjetà ta’ Stat Membru, filwaqt li l-Konvenzjoni ta’ Genève ma tipprevedix espressament din il-possibbiltà.

109. Nenfasizza, f’dan ir-rigward, li dawn id-drittijiet, bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Genève, għandhom jiġu ggarantiti biss lir-refuġjati li jirrisjedu regolarment fit-territorju ta’ Stat kontraenti – għall-kuntarju ta’ drittijiet oħra previsti minn din il-konvenzjoni, li għandhom jingħataw lil kull refuġjat li jinsab f’dan it-territorju (65). L-imsemmija konvenzjoni ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ residenza regolari. L-UNHCR, f’nota interpretattiva, qies li l-kriterju ta’ regolarità li fih dan il-kunċett jirreferi normalment għall-osservanza tal-istandards tad-dritt nazzjonali tal-Istati kontraenti relatati mal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni u għar-residenza, fejn il-Konvenzjoni ta’ Genève ma tirregolax dawn il-kundizzjonijiet (66).

110. F’dan il-każ, l-applikazzjoni minn Stat Membru tal-Artikolu 14(4) jew (5) tad-Direttiva 2011/95 ikollha l-konsegwenza b’mod partikolari li ċċaħħad lir-refuġjat ikkonċernat mill-permess ta’ residenza li normalment ikollu dritt għalih bis-saħħa tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva. Fil-fehma tiegħi, dan l-Istat Membru jista’, mingħajr ma jikser l-obbligi tiegħu misluta mill-Konvenzjoni ta’ Genève, iqis li dan ir-refuġjat ma jirrisjedix, jew ma għadux jirrisjedi, regolarment fit-territorju tiegħu fis-sens ta’ din il-konvenzjoni u, konsegwentement, iċaħħdu mid-drittijiet tiegħu previsti mill-imsemmija konvenzjoni li t-tgawdija minnhom tiddependi mil-legalità tar-residenza (67).

111. Bħalma affermaw il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-approċċ huwa konformi mal-istruttura u mal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Fil-fatt, l-Artikoli 32 u 33 ta’ din il-konvenzjoni jawtorizzaw, f’ċerti kundizzjonijiet, it-tkeċċija u r-refoulement ta’ refuġjat li jippreżenta perikolu għas-sigurtà u għas-soċjetà tal-pajjiż ta’ refuġju. Għalkemm l-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Genève kellhom għalhekk l-intenzjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-Istati kontraenti għaż-żamma tal-ordni u tas-sigurtà pubbliċi billi jippermettu miżuri tant drastiċi, din il-konvenzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprojbixxilhom fiha nnifisha milli jqisu li tali refuġjat ma jirrisjedix jew ma għadux jirrisjedi b’mod regolari fit-territorju tagħhom u, għaldaqstant, li ma jgawdix jew ma jibqax igawdi mid-drittijiet li l-benefiċċju minnhom l-imsemmija konvenzjoni tirriżerva lir-refuġjati b’residenza regolari.

112. Għalhekk, wara li jkunu għamlu użu tal-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 14(4) jew (5) tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri jibqgħu marbuta li jiggarantixxu lir-refuġjati inkwistjoni d-drittijiet li, bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Genève, ikunu ta’ benefiċċju għar-refuġjati kollha indipendentement mil-legalità tar-residenza tagħhom. Dawn id-drittijiet jirrigwardaw in-nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 3), il-libertà tar-reliġjon (l-Artikolu 4), il-protezzjoni tal-proprjetà mobbli u immobbli (l-Artikolu 13), l-aċċess għall-qrati (l-Artikolu 16), ir-razzjonar (l-Artikolu 20), l-aċċess għall-edukazzjoni pubblika (l-Artikolu 22), l-għajnuna amministrattiva (l-Artikolu 25), il-ħruġ ta’ dokumenti tal-identità (l-Artikolu 27), l-assenza ta’ diskriminazzjoni fil-qasam fiskali (l-Artikolu 29), l-assenza ta’ sanzjonijiet kriminali minħabba d-dħul jew ir-residenza irregolari (l-Artikolu 31), kif ukoll il-protezzjoni mit-tkeċċija (l-Artikolu 32) u mir-refoulement (l-Artikolu 33) (68).

113. F’din il-perspettiva, l-UNHCR osserva li, meta l-Istati Membri jimplimentaw dawn il-possibbiltajiet, l-Istati Membri “madankollu huma obbligati jagħtu d-drittijiet tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] li ma jirrikjedux residenza regolari u li ma jipprevedux eċċezzjoni sakemm ir-refuġjat jgħix taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat ikkonċernat.” (69) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-UNHCR reċentement tenna għal darba oħra, essenzjalment, din il-pożizzjoni fil-kummenti tiegħu relatati mal-abbozz ta’ regolament maħsub sabiex jissostitwixxi d-Direttiva 2011/95 (70).

114. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jinqara l-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li r-refuġjati li jkunu s-suġġett ta’ revoka jew ta’ rifjut għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat bl-applikazzjoni tal-paragrafi 4 jew 5 ta’ dan l-artikolu jibqgħu, sakemm ikunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru, intitolati “għal drittijiet dikjarati jew simili għal dawk dikjarati fl-Artikoli 3, 4, 16, 22, 31, 32 u 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”.

115. Ir-rikorrenti fit-tliet kawżi prinċipali qajmu dubju dwar il-validità tal-Artikolu 14(6) ta’ din id-direttiva minħabba li din id-dispożizzjoni ma ssemmix, fil-lista tad-drittijiet elenkati fiha, id-drittijiet previsti mill-Artikoli 13, 20, 25, 27 u 29 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

116. Konformement mal-prinċipji mfakkra fil-punti 66 u 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi eżaminat jekk huwiex possibbli li l-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95 jiġi interpretat, fl-osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève, b’mod li jippreserva l-validità fir-rigward tad-dritt primarju kif ukoll li jiġi żgurat l-ilħuq tal-għan tiegħu ta’ applikazzjoni sħiħa ta’ din il-konvenzjoni.

117. Dawn il-prinċipji jimplikaw li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod li din ma tmurx kontra l-obbligu tal-Istati Membri, skont il-Konvenzjoni ta’ Genève, li jiggarantixxu t-tgawdija mid-drittijiet kollha li, bis-saħħa ta’ din il-konvenzjoni, għandhom ikunu ta’ benefiċċju għar-refuġjati kollha li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru, indipendentement mir-regolarità tar-residenza tagħhom.

118. L-essenzjal għal tali interpretazzjoni konformi jinsab, fil-fehma tiegħi, fit-termini “jew [drittijiet] simili” użati fl-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95.

119. Il-portata u s-sinjifikat ta’ dawn it-termini la ġew ippreċiżati f’din id-direttiva u lanqas fix-xogħol preparatorju li ppreċeda l-adozzjoni tagħha jew dik tad-Direttiva 2004/83. Dan ix-xogħol preparatorju lanqas ma jixħet dawl fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn il-leġiżlatur żamm lura milli jistabbilixxi d-drittijiet kollha rilevanti misluta mill-Konvenzjoni ta’ Genève fil-lista li tinsab fl-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95.

120. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha, bħalma teħtieġ il-ġurisprudenza (71), iwassalni sabiex nikkonkludi li din għandha tiġi interpretata fis-sens li t-termini “jew [drittijiet] simili” jindikaw id-drittijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Genève fejn l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu, lir-refuġjati li kienu s-suġġett tal-applikazzjoni tal-paragrafi 4 jew 5 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95, it-tgawdija b’mod addizzjonali, u mhux alternattiv, għal dawk elenkati espressament fil-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu.

121. Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95, infakkar li, bħalma kkonstatat diġà l-Qorti tal-Ġustizzja f’kuntesti oħra, il-konġunzjoni “jew” tista’, minn perspettiva lingwistika, ikollha sens kemm ta’ alternattiva kemm ta’ aggregazzjoni. Din, konsegwentement, għandha tinqara fil-kuntest li hija użata fih u fid-dawl tal-għanijiet tal-att inkwistjoni (72).

122. F’dan il-każ, il-kuntest u l-għan tad-Direttiva 2011/95 jeħtieġu, fil-fehma tiegħi, l-attribuzzjoni ta’ sens aggregattiv għal din il-konġunzjoni. Fil-fatt, diġà kkonstatajt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-għan, bl-adozzjoni ta’ din id-direttiva, li jiżgura l-applikazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta’ Genève fl-Istati Membri. Dan tal-aħħar għalhekk, ċertament, ma kienx immotivat mill-intenzjoni li jċaħħad, lir-refuġjati koperti mill-Artikolu 14(4) u (5), mill-benefiċċju tad-drittijiet li l-Istati Membri huma marbuta li jagħtuhom bis-saħħa ta’ din il-konvenzjoni. Dan l-għan ġie affermat mill-ġdid fl-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni (73).

123. Madankollu, l-attribuzzjoni ta’ sens alternattiv għall-konġunzjoni “jew” li tinsab fl-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95 tkun inkompatibbli ma’ tali għan sa fejn dan jimplika li l-Istati Membri jkunu jistgħu, meta jkunu jixtiequ, jagħtu lir-refuġjati inkwistjoni kemm id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 3, 4, 16, 22, 31, 32 u 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jew drittijiet oħrajn ta’ portata simili. Dan ir-riżultat jikser manifestament din il-konvenzjoni, li teħtieġ li jiġu ggarantiti d-drittijiet li hija tistabbilixxi, fejn l-għoti ta’ drittijiet “simili” għalihom jista’ ma jkunx biżżejjed.

124. Fid-dawl tal-għan ta’ applikazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta’ Genève li tfittex tilħaq id-Direttiva 2011/95, it-termini “jew [drittijiet] simili” jirreferu pjuttost, fil-fehma tiegħi, għad-drittijiet, li jingħaddu ma’ dawk li għalihom l-Artikolu 14(6) ta’ din id-direttiva jagħmel riferiment espress, li l-għoti tagħhom huwa previst minn din il-konvenzjoni lil kull refuġjat li jinsab fit-territorju ta’ Stat kontraenti.

125. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li ebda gvern li ssottometta osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra l-Gvern tar-Renju Unit, ma semma l-ħtieġa li dawn il-persuni jiġu mċaħħda minn xi wħud minn dawn id-drittijiet. Għall-kuntrarju, il-Gvern tal-Belġju u dak tar-Repubblika Ċeka sostnew, matul is-seduta, li l-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95 kellu essenzjalment il-funzjoni li jfakkar, b’mod mhux eżawrjenti, lill-Istati Membri l-obbligi internazzjonali tagħhom.

126. F’dan ir-rigward, nenfasizza, b’mod partikolari, li d-dritt għall-ħruġ ta’ dokument tal-identità, stabbilit fl-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jirrappreżenta inċidentalment prerekwiżit għall-eżerċizzju tad-drittijiet previsti minn din il-konvenzjoni li l-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95 jelenka espressament (74). Tali eżerċizzju jiġi mxekkel jekk ir-refuġjat ikkonċernat ma jinħariġlux dokument tal-identità, li jista’, barra minn hekk, iservi wkoll sabiex jiddikjara l-kwalità ta’ refuġjat tiegħu (75).

127. L-ommissjoni li tiġi kkompletata l-lista prevista fl-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95 billi ma jissemmewx l-Artikoli 13, 20, 25, 27 u 29 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, tidhirli wkoll li tista’ tiġi spjegata mill-fatt li, bħalma affermaw il-Gvern tal-Belġju u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Parlament u l-Kunsill, dawn l-artikoli jistgħu jkunu s-suġġett ta’ riżervi skont l-Artikolu 42(1) ta’ din il-konvenzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati kontraenti jifformulaw, fil-mument tal-firma, tar-ratifika jew tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni ta’ Genève, riżervi għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni “minbarra l-Artikoli 1, 3, 4, 16(1), 33, 36 sa 46 [tagħha] inklużi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

128. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk kellu l-intenzjoni li jfakkar lill-Istati Membri fl-obbligi rilevanti tagħhom skont il-Konvenzjoni ta’ Genève li għalihom ma tista’ ssir l-ebda riżerva– jiġifieri l-Artikoli 3, 4, 16 u 33 (76) – filwaqt li jobbligahom ukoll sabiex jagħtu lir-refuġjati kkonċernati d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 22 u 31 ta’ din il-konvenzjoni fir-rigward tal-importanza partikolari li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jagħti lil dawn id-drittijiet (77). L-Artikoli 13, 20, 25, 27 u 29 tal-imsemmija konvenzjoni, min-naħa l-oħra, ma ssemmewx espressament sa fejn l-Istati Membri setgħu jagħmlu riżervi għalihom (78), filwaqt li għandu jitqies li d-Direttiva 2011/95 ma taffettwax l-obbligu tal-Istati Membri li jiggarantixxu d-drittijiet previsti f’dawn l-artikoli meta ma jkunux ħarġu tali riżervi.

129. Din l-ispjegazzjoni għandha tiġi mifhuma fir-rigward tal-karattru minimu tal-livell ta’ protezzjoni li jimponi l-Artikolu 14(6) ta’ din id-direttiva. Peress li l-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxu sempliċi possibbiltajiet, fi kwalunkwe każ l-Istati Membri jibqgħu liberi li jagħtu, lir-refuġjati li fir-rigward tagħhom huma jeżerċitaw dawn il-possibbiltajiet, drittijiet li jmorru lil hinn mil-limitu previst fil-paragrafu 6 tal-imsemmi artikolu. B’mod iktar ġenerali, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, moqri fid-dawl tal-premessa 12 tagħha, jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu standards iktar favorevoli relatati b’mod partikolari mal-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali, sakemm dawn ikunu kompatibbli ma’ din id-direttiva.

130. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li l-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jagħmel użu tal-possibbiltajiet previsti fil-paragrafi 4 jew 5 ta’ dan l-artikolu huwa marbut jagħti lir-refuġjat ikkonċernat, minbarra d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 3, 4, 16, 22, 31, 32 u 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, id-drittijiet l-oħra li din il-konvenzjoni tiggarantixxi lir-refuġjati kollha li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat kontraenti, jiġifieri d-drittijiet previsti fl-Artikoli 13, 20, 25, 27 u 29 tal-imsemmija konvenzjoni, sakemm dan l-Istat Membru ma jkunx ta riżervi għalihom skont l-Artikolu 42(1) tal-istess konvenzjoni.

131. Konsegwentement, inqis, li l-paragrafi 4 sa 6 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95, moqrija flimkien, kif interpretati bil-mod propost f’dawn il-konklużjonijiet, ma jiksrux l-Artikolu 18 tal-Karta u l-Artikolu 78(1) TFUE.

E.      Kummenti konklużivi

132. Għall-finijiet ta’ eżawrjenza, nippreċiża li l-konklużjoni preċedenti tirrigwarda esklużivament il-validità tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/95, sa fejn dan jistabbilixxi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jċaħħdu lil ċerti refuġjati mid-drittijiet previsti fil-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-Artikolu 18 tal-Karta u tal-Artikolu 78(1) TFUE. Fil-fatt, huwa biss dwar il-validità in abstracto ta’ din il-possibbiltà fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna tiddeċiedi fil-kuntest ta’ dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari u dwar liema, għaldaqstant, kienu jitrattraw l-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

133. Din il-konklużjoni hija bla ħsara għall-evalwazzjoni, każ b’każ, tal-kompatibbiltà tal-eżerċizzju minn Stat Membru tal-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95 ma’ ċerti drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

134. F’dan ir-rigward, f’moħħi jiġuni tliet eżempji. L-ewwel nett, fl-ipoteżi fejn Stat Membru jċaħħad, wara l-eżerċizzju ta’ dawn il-possibbiltajiet, lil refuġjat mill-aċċes għal ċerta kura medika, tali ċaħda tkun tista’ tikser l-Artikolu 35 tal-Karta (dwar id-dritt għas-saħħa) u saħansitra, sa fejn din tqiegħed fil-perikolu l-ħajja ta’ dan ir-refuġjat jew tesponih għal trattamenti inumani jew degradanti, l-Artikolu 2(1) (dwar id-dritt għall-ħajja) jew l-Artikolu 4 tal-Karta (79). It-tieni nett, fil-każ fejn Stat Membru jiddeċiedi li jkeċċi lir-refuġjat inkwistjoni lejn pajjiż terz sigur li jkun lest li jaċċettah fit-territorju tiegħu (80), dan l-Istat Membru jkollu jivverifika l-kompatibbiltà ta’ tali miżura mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta (81). It-tielet nett, għalkemm l-Artikolu 15 tal-Karta, dwar il-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol, huwa ta’ benefiċċju biss għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi “li huma awtorizzati jaħdmu fit-territorji ta’ l-Istati Membri”, ma jistax jiġi eskluż, b’mod partikolari, li r-rifjut li refuġjat jitħalla jidħol fis-suq tax-xogħol wara l-ħruġ tiegħu mill-ħabs, filwaqt li huwa ma jkunx jista’ jitneħħa lejn pajjiż terz u jkun għalhekk iddestinat li jibqa’ b’mod indefinit fl-Istat Membru ta’ refuġju, ikun jista’, minħabba ċ-ċirkustanzi, jikser l-Artikolu 7 tal-Karta. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, l-Artikolu 8 KEDB, li jikkorrispondi għall-Artikolu 7 tal-Karta, jiġbor fih, fil-fatt, l-identità soċjali kif ukoll ir-relazzjonijiet personali, soċjali u ekonomiċi li jikkostitwixxu l-ħajja privata ta’ kull bniedem (82).

V.      Konklużjoni

135. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nipproponi li tingħata risposta kif ġej għad-domandi magħmula mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) fil-Kawżi C‑77/17 u C‑78/17 u min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) fil-Kawża C‑391/16:

1)      L-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tippermetti li l-Istati Membri jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu d-deċiżjoni li permezz tagħha huma taw id-drittijiet previsti fil-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva lir-refuġjati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, mingħajr ma tali deċiżjoni taffettwa l-kwalità ta’ refuġjat ta’ dawn tal-aħħar u lanqas ma twassal għall-invalidità tad-deċiżjoni li permezz tagħha din il-kwalità ġiet irrikonoxxuta lilhom.

2)      L-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jirrifjutaw li jagħtu d-drittijiet previsti fil-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva lir-refuġjati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, mingħajr ma tali rifjut jaffettwa l-kwalità ta’ refuġjat ta’ dawn tal-aħħar u lanqas l-obbligu li jaqa’ fuq l-Istati Membri li jeżaminaw l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali fl-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.

3)      L-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 14(4) u (5), dan l-Istat Membru jibqa’ marbut li jiggarantixxi lir-refuġjati kkonċernati, sakemm dawn tal-aħħar ikunu jinsabu fit-territorju tiegħu, mhux biss id-drittijiet previsti fl-Artikoli 3, 4, 16, 22, 31, 32 u 33 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951, iżda wkoll dawk previsti fl-Artikoli 13, 20, 25, 27 u 29 ta’ din il-konvenzjoni, sakemm l-imsemmi Stat Membru ma jkunx ħareġ riżervi għal dawn id-dispożizzjonijiet konformement mal-Artikolu 42(1) tal-imsemmija konvenzjoni.

4)      L-eżami tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/95 ma żvelax element ta’ natura li taffettwa l-validità tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


3      Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 137, Nru 2545 (1954)), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954, hekk kif ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967.


4      L-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jippreċiża li tali biża’ għandu jsegwi avvenimenti li seħħew qabel l-1 ta’ Jannar 1951. Bis-saħħa tal-Artikolu 1 tal-Protokoll ta’ New York, l-Istati kontraenti madankollu għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni din id-data ta’ limitu.


5      Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).


6      Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584.


7      Direttiva tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96). Il-paragrafi 4 sa 6 tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jippreżentaw kontenut identiku għal dak tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2011/95.


8      UNHCR, Kummenti annotati tal-UNHCR dwar id-[Direttiva 2004/83], 28 ta’ Jannar 2005, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/44ca0d504.html, p. 31 u 32.


9      UNHCR comments on the European Commission’s proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council on minimum standards for the qualification and status of third country nationals or stateless persons as beneficiaries of international protection and the content of the protection granted (COM(2009) 551, tal‑21 ta’ Ottubru 2009), disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/4c503db52.html, p. 13 u 14.


10      Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      ECRE, European Legal Network on Asylum (ELENA), The Impact of the Qualification Directive on International Protection, Ottubru 2008, p. 25, disponibbli fuq l-indirizz www.refworld.org/docid/4908758d2.html.


12      International Association of Refugee Law Judges, A Manual for Refugee Law Judges relating to European Council Qualification Directive 2004/38/EC and European Council Procedures Directive 2005/85/EC, 2007, p. 30 u 31.


13      Nenfasizza li l-verżjoni bil-lingwa Franċiża tad-Direttiva 2011/95 issemmi “motifs raisonnables” (bażi raġonevoli) fl-Artikolu 14(4)(a), filwaqt li din issemmi “raisons sérieuses” (raġunijiet serji) fl-Artikolu 21(2)(a) ta’ din id-direttiva. Il-verżjonijiet fil-lingwa Bulgara u dik Ċeka jżommu wkoll tali distinzjoni. Madankollu, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ma jagħmlux din id-distinzjoni.


14      Mis-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, H. T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 75) jirriżulta li l-Artikolu 21(2) u l-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95 għandhom kamp ta’ applikazzjoni inqas wiesa’ mill-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, li jippermetti r-revoka tal-permess ta’ residenza biss ta’ refuġjat għal “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ ordni pubbliku”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali “raġunijiet imperattivi” għandhom portata iktar wiesgħa mir-“raisons sérieuses” (raġunijiet serji) imsemmija fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95 – u, għaldaqstant, mill-“motifs raisonnables (bażi raġonevoli) meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4) u (5) tagħha, fejn il-kamp ta’ applikazzjoni jaqbel ma’ dak tal-Artikolu 21(2) tagħha.


15      Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 85); tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 56), kif ukoll tal‑24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi fil-passat) (C‑353/16, EU:C:2018:276, punt 36).


16      ĠU 2007, C 303, p. 24.


17      Bis-saħħa tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn din fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-portata ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu identiċi għal dawk stabbiliti minn din il-konvenzjoni. Din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lid-dritt tal-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni iktar estensiva.


18      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB tas‑7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1989:0707JUD001403888, punti 90 u 91); tal‑15 ta’ Novembru 1996, Chahal vs Ir‑Renju Unit, (CE:ECHR:1996:1115JUD002241493, punti 74 u 80), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 1996, Ahmed vs L‑Awstrija (CE:ECHR:1996:1217JUD002596494, punti 39 u 41).


19      Dan l-istrument, li l-Artikolu 7 tiegħu jipprojbixxi t-tortura u l-pieni jew it-trattamenti krudili, inumani jew degradanti, ġie adottat fi New York fis‑16 ta’ Diċembru 1966 u daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 1976. L-Istati Membri kollha aderixxew miegħu. Ara l-Osservazzjoni Ġenerali Nru 31 [80] tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar in-Natura tal-Obbligu Legali Ġenerali Impost fuq l-Istati Partijiet għall-Patt, 29 ta’ Marzu 2004, punt 12, CCPR/C/21/Rev.1/Add.13.


20      Din il-konvenzjoni, li l-Artikolu 3 tagħha jistabbilixxi l-projbizzjoni inkwistjoni, ġiet adottata fi New York fl‑10 ta’ Diċembru 1984 u daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Ġunju 1987. L-Istati Membri kollha aderixxew miegħu.


21      Fil-fehma tiegħi, huwa f’dan is-sens ristrett li l-punt 43 tas-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, H. T. (C‑373/13, EU:C:2015:413), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà għall-Istati Membri li jissuġġettaw għal refoulement refuġjat li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95, għandu jinftiehem, bla ħsara għall-osservanza tal-obbligi internazzjonali tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu kif ukoll tal-obbligi tagħhom skont il-Karta.


22      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Qurbani (C‑481/13, EU:C:2014:2101, punti 23 sa 25). Fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-Unjoni ma assumietx b’mod sħiħ il-kompetenzi preċedentement eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève, id-dispożizzjonijiet tagħha ma għandhomx l-effett li jorbtu lill-Unjoni fis-sens tal-ġurisprudenza żviluppata fis-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (21/72 sa 24/72, EU:C:1972:115, punt 18); tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 48), kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 62).


23      Ċerta approssimazzjoni tista’ titħaddem bis-sinjifikat partikolari li għandha l-KEDB fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni minkejja li l-Unjoni ma aderixxietx magħha. Bħalma jirriżulta mill-Artikolu 6(3) TUE, “[i]d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-[KEDB], u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ l-Unjoni”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet twasslet, qabel l-adozzjoni tal-Karta bħala strument vinkolanti, sabiex teżamina l-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju fir-rigward ta’ dan l-artikolu kif moqri fid-dawl tal-KEDB. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2005, Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 130), u tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, EU:C:2007:383, punti 26 u 29).


24      Ara l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 12(1)(a), l-Artikolu 14(6) u l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2011/95.


25      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(d), l-Artikolu 11, l-Artikolu 12(2), kif ukoll l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95.


26      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punti 51 sa 54); tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol (C‑31/09, EU:C:2010:351, punti 36 sa 38); tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 76 sa 78); tal‑5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punti 47 u 48); tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punti 42 u 43); tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punti 28 sa 30), kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2017, Lounani (C‑573/14, EU:C:2017:71, punti 41 u 42).


27      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑61/94, EU:C:1996:313, punt 52); tas‑16 ta’ Settembru 2010, Chatzi (C‑149/10, EU:C:2010:534, punt 43), kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 44).


28      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Qurbani (C‑481/13, EU:C:2014:2101, punt 24).


29      Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010 (C‑31/09, EU:C:2010:351, punti 42 sa 52). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Bolbol (C‑31/09, EU:C:2010:119, punti 36 sa 90).


30      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012 (C‑364/11, EU:C:2012:826, punti 46 sa 65). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:569, punti 22 sa 24).


31      Nenfasizza li, għalkemm il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Genève bis-saħħa tal-klawżola ta’ arbitraġġ prevista fl-Artikolu 38 ta’ din il-konvenzjoni, hija tista’ tiġi adita biss fil-kuntest ta’ tilwima bejn Stati partijiet għall-imsemmija konvenzjoni (ara, ukoll, l-Artikolu 34(1) u l-Artikolu 36(2)(a) tal-Istatut tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, tas‑26 ta’ Ġunju 1945 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1, p. XVI)). Il-QIĠ għad ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève li tqajmu fil-każ ineżami. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikonoxximent lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ ġurisdizzjoni biex tinterpreta din il-konvenzjoni b’mod inċidentali matul l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha ta’ interpretazzjoni u ta’ stħarriġ tal-validità ta’ atti tad-dritt sekondarju adottati fil-qasam tal-politika komuni tal-ażil fir-rigward tad-dritt primarju tal-Unjoni, jidher indispensabbli sabiex tkun tista’ twettaq bis-sħiħ il-funzjonijiet tagħha.


32      Ara, b’mod partikolari, il-punti 109 sa 113 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33      Konkluża fit‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331). Għalkemm il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati la torbot lill-Unjoni u lanqas lill-Istati Membri kollha, sensiela ta’ dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jirriflettu r-regoli tad-dritt konswetudinarju internazzjonali, li bħala tali, jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)). Ara, ukoll, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C‑464/14, EU:C:2016:896, punt 94).


34      Il-mandat tal-UNHCR jestendi, b’mod partikolari, għas-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Genève (ara l-Istatut tal-Uffiċċju tal-UNHCR, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑14 ta’ Diċembru 1950, A/RES/428, punt 8(a) kif ukoll l-Artikolu 35 tal-Konvenzjoni ta’ Genève). Il-premessa 22 tad-Direttiva 2011/95 tindika, barra minn hekk, li “[k]onsultazzjonijiet mal-[UNCHR] jistgħu jipprovdu gwida ta’ valur għall-Istati Membri meta jistabbilixxu status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Bolbol (C‑31/09, EU:C:2010:119, punt 16 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20).


35      In-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) inkludiet l-Artikolu 6(3) TUE fost id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li fir-rigward tagħhom hija tistaqsi dwar il-validità. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, b’din l-inklużjoni, din il-qorti kellha l-intenzjoni li tindika t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Genève, li l-Istati Membri kollha huma partijiet għaliha. Sa fejn l-osservanza ta’ din il-konvenzjoni hija imposta wkoll mill-Artikolu 18 tal-Karta u mill-Artikolu 78(1) TFUE, l-eżami tal-validità tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/95 fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju jimplika wkoll dak tal-konformità tagħhom mal-Artikolu 6(3) TUE.


36      Ara l-punti 33 u 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Ara l-Istatut tal-Uffiċċju tal-UNHCR, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑14 ta’ Diċembru 1950, A/RES/428, punt 6B.


38      Ara l-punti 112 sa 130 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Jiġifieri, fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża “einem Flüchtling eine Rechtsstellung nicht zuzuerkennen” u fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża, “not to grant status to a refugee”. Ara, ukoll, il-verżjonijiet fil-lingwa Daniża, Griega, Taljana, Latvjana, Maltija, Olandiża, Portugiża, Slovakka, Slovena u Svediża.


40      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Bħalma tixhed il-formulazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/95, il-persuna intiża mill-ipoteżijiet stabbiliti fih “tieqaf milli [t]kun refuġjat”. Għalkemm il-verżjoni fil-lingwa Franċiża tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, bħal ċerti verżjonijiet lingwistiċi oħra, ma hijiex daqstant ċara sa fejn din tirreferi għall-esklużjoni tas-“statut de réfugié” (status ta’ refuġjat), il-verżjoni fil-lingwa Ingliża tuża t-termini “excluded from being a refugee” (“eskluża milli tkun refuġjat”). Verżjonijiet lingwistiċi oħrajn, bħall-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola, Portuġiża u Svediża, jirrikorru għal formulazzjonijiet simili. L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, barra minn hekk, jagħmel il-kwalità ta’ refuġjat espressament dipendenti mill-assenza tal-applikazzjoni ta’ raġuni għal esklużjoni skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva.


42      Min-naħa l-oħra, meta l-parti kkonċernata tkun wettqet tali delitt ’il barra mill-pajjiż tar-refuġju qabel ma tiġi aċċettata bħala refuġjat, hija tiġi eskluża mill-istatus ta’ refuġjat bis-saħħa tal-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/95, li jikkorrispondi għall-Artikolu 1(F)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Ara, ukoll, f’dan ir-rigward, Additional UNHCR Observations on Article 33(2) of the 1951 Convention in the Context of the Draft Qualification Directive, Diċembru 2002, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/437c6e874.html, punt 6.


43      Ara UNHCR, Kummenti annotati tal-UNHCR dwar id-[Direttiva 2004/83], 28 ta’ Jannar 2005, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/44ca0d504.html, p. 32, iċċitati fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, ukoll, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 101 u 104).


44      Ara UNHCR, The Cessation Clauses: Guidelines on their Application, April 1999, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/pdfid/3c06138c4.pdf, punt 2; UNHCR, Prinċipji gwida dwar il-protezzjoni internazzjonali Nru 5 – Applikazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni: Artikolu 1F tal-[Konvenzjoni ta’ Genève], 4 ta’ Settembru 2003, HCR/GIP/03/05, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/4110bc314.html, punt 3, kif ukoll UNHCR, Nota ta’ informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni: Artikolu 1(F) tal-[Konvenzjoni ta’ Genève], 4 ta’ Settembru 2003, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/4110d7334.html, punt 7.


45      Dokument li nħareġ mill-UNHCR (Additional UNHCR Observations on Article 33(2) of the 1951 Convention in the Context of the Draft Qualification Directive, Diċembru 2002, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/437c6e874.html, punt 1) jindika, bħalma nnota wkoll il-Gvern Franċiż, li l-leġiżlatur, fil-kuntest tax-xogħol preparatorju li ppreċeda l-adozzjoni tad-Direttiva 2004/83, kellu l-ħsieb li jinkludi l-motivi msemmija fl-Artikolu 14(4) u (5) ta’ din id-direttiva fost ir-raġunijiet għal terminazzjoni jew għal esklużjoni tal-kwalità ta’ refuġjat. Dan l-approċċ madankollu ma tteħidx inkunsiderazzjoni, probabbilment, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Genève. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, Hailbronner, K., u Thym, D., EU Immigration and Asylum Law: A Commentary, it-2 ed., C. H. Beck – Hart – Nomos, 2016, p. 1202 u 1203.


46      Fir-rigward tad-diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/95, ara l-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47      Din il-proċedura għandha tiżvolġi konformement mar-regoli previsti mid-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


48      Ara l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2011/95.


49      Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), madankollu timponi lill-Istati Membri jiggarantixxu ċerti drittijiet minimi lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.


50      F’dan ir-rigward, il-premessa 32 tad-Direttiva 2011/95 tindika li “[k]if imsemmi fl-Artikolu 14, ‘status’ jista’ jinkludi ukoll status ta’ refuġjat”. Għalkemm huwa diffiċli li minn din jinsilet sinjifikat ċar, din il-premessa tixhed, fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jattribwixxi lill-kelma “status” użata fl-Artikolu 14(4) u (5) ta’ din id-direttiva sens xi ftit distint minn dak li tirċievi fl-Artikolu 2(e) tal-imsemmija direttiva.


51      B’mod partikolari, l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4) jew (5) tad-Direttiva 2011/95 iwassal għat-telf tad-dritt għal permess ta’ residenza previst fl-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, ir-refuġjati kkonċernati jistgħu jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn u, fejn ikun xieraq, jitkeċċew lejn pajjiż terz fejn ma jkunx hemm ir-riskju li jġarrbu persekuzzjonijiet jew danni serji fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, jiġifieri l-piena tal-mewt jew l-eżekuzzjoni, it-tortura jew it-trattamenti jew sanzjonijiet inumani u degradanti, kif ukoll theddida serja u individwali għall-ħajja jew il-persuna ta’ pajżan minħabba vjolenza indiskriminatorja f’każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, H. T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 43)), minkejja li tali pajjiż terz ikun lest li jilqagħhom. L-Istati Membri għandhom għalhekk josservaw il-garanziji previsti għal dan l-għan fl-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta’ Genève (ara l-punti 112 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet). Barra minn hekk, ir-refuġjati msemmija fl-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95 jitilfu l-benefiċċju mid-drittijiet l-oħrajn iddikjarati fil-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva. Is-sitwazzjoni tagħhom hija differenti f’dan is-sens minn dik tar-refuġjati li jiġu mċaħħda biss minn permess ta’ residenza bl-applikazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2011/95. Dawn tal-aħħar jibqgħu jibbenefikaw mid-drittijiet l-oħrajn kollha previsti fil-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, H. T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 95)), filwaqt li huwa mifhum li r-raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ ordni pubbliku li jistgħu jiġġustifikaw iċ-ċaħda ta’ permess ta’ residenza jistgħu jwasslu wkoll għal limitazzjoni tal-vantaġġi marbuta maż-żamma tal-unità tal-familja u mal-ħruġ ta’ dokument ta’ vvjaġġar (ara l-Artikolu 23(4) u l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2011/95).


52      Ara, f’dan ir-rigward, UNHCR, Dokumenti ta’ identità għar-refuġjati, EC/SCP/33, 20 ta’ Lulju 1984, disponibbli fuq l-indirizz http://www.unhcr.org/fr/excom/scip/4b30a5862c/pieces-didentite-refugies.html. Skont l-UNHCR, “ir-refuġjat, sabiex jibbenefika minn trattament li jissodisfa l-istandards irrikonoxxuti internazzjonalment, għandu jkun jista’ jagħti xhieda fil-konfront tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi, mhux biss tal-identità tiegħu iżda wkoll tal-kundizzjoni tiegħu ta’ refuġjat” [tradizzjoni mhux uffiċjali].


53      Is-sitwazzjoni intiża fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 hija differenti f’dan is-sens mis-sitwazzjoni koperta mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, bħal dik inkwistjoni f’waħda miż-żewġ kawżi li taw lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 60). Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tapplika għal persuni li l-kwalità ta’ refuġjat qatt ma kellha tiġi rrikonoxxuta lilhom, tant li l-Istati Membri għandhom jirrevokaw kemm ir-rikonoxximent ta’ din il-kwalità kif ukoll l-għoti tad-drittijiet li jirriżultaw minnha.


54      UNHCR, Nota dwar l-annullament tal-istatus ta’ refuġjat, 22 ta’ Novembru 2004, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/4551f8714.html, punt 2.


55      UNHCR, Kummenti annotati tal-UNHCR dwar id-[Direttiva 2004/83], 28 ta’ Jannar 2005, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/44ca0d504.html, p. 32, iċċitati fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, ukoll, UNHCR comments on the European Commission’s proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council on minimum standards for the qualification and status of third country nationals or stateless persons as beneficiaries of international protection and the content of the protection granted (COM(2009) 551, tal‑21 ta’ Ottubru 2009), disponibbli fuq l-indirizz http://www.unhcr.org/protection/operations/4c5037f99/unhcr-comments-european-commissions-proposal-directive-european-parliament.html, p. 14, kif ukoll UNHCR, Asylum in the European Union. A Study of the Implementation of the Qualification Directive, Novembru 2007, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/473050632.html, p. 94.


56      Il-Liġi Ċeka dwar l-Ażil, kif ippreżentata mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑391/16 (ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet), tidher li tirrifletti din l-interpretazzjoni.


57      Ara l-punti 112 sa 130 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58      Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2011/95.


59      Artikoli 24, 28, 30 u 34 tad-Direttiva 2011/95.


60      Ara l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.


61      Ara l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.


62      Ara l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikoli 17 sa 19 kif ukoll 24 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.


63      Ara l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.


64      Ara l-artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Id-drittijiet previsti fil-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva li jaqblu mad-drittijiet stabbiliti f’din il-konvenzjoni jinkludu, barra minn hekk, id-dritt għall-protezzjoni mir-refoulement (l-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva u l-Artikolu 33 tal-imsemmija Konvenzjoni ta’ Genève). Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 14(6) tal-istess direttiva, l-applikazzjoni tal-paragrafi 4 jew 5 ta’ dan l-artikolu ma twassalx għat-telf ta’ dan id-dritt.


65      Ara l-punt 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66      UNHCR, “Lawfully Staying” – A Note on Interpretation, 3 ta’ Mejju 1988, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/42ad93304.html. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, l-UNHCR sostna, fil-punti 16 sa 22 ta’ din in-nota, li residenza li ma tkunx irregolarizzata bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tista’ madankollu, minħabba ċ-ċirkustanzi, titqies bħala “regolari” fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Ara, ukoll, Additional UNHCR Observations on Article 33(2) of the 1951 Convention in the Context of the Draft Qualification Directive, Diċembru 2002, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/437c6e874.html, nota ta’ qiegħ il-paġna 1.


67      Infakkar, madankollu, li bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, Stat Membru li jċaħħad lil refuġjat mill-uniku permess ta’ residenza tiegħu bl-applikazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2011/95 jibqa’ marbut li jagħtih id-drittijiet l-oħra kollha previsti fil-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


68      Nemmen li huwa utli li jingħad ukoll li, meta refuġjat li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4) jew (5) tad-Direttiva 2011/95 ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn li ma tistax tiġi eżegwita minħabba l-prinċipju ta’ non-refoulement jew l-obbligi tal-Istati Membri skont il-Karta, il-KEDB u d-dritt internazzjonali, is-sitwazzjoni tiegħu taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98). Din id-dispożizzjoni tipprevedi li matul perijodi li fihom it-tneħħija tkun ġiet posposta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, sa fejn ikun possibbli, li l-partijiet ikkonċernati jiġu żgurati garanziji li jirrigwardaw, b’mod partikolari, iż-żamma tal-għaqda tal-familja kif ukoll il-kura tas-saħħa f’emerġenza u t-trattament essenzjali ta’ mard.


69      UNHCR, Kummenti annotati tal-UNHCR dwar id-[Direttiva 2004/83], 28 ta’ Jannar 2005, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/44ca0d504.html, p. 32, iċċitati fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70      Ara UNHCR Comments on the European Commission Proposal for a Qualification Regulation – COM(2016) 466, Frar 2018, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/5a7835f24.html, p. 23. L-UNHCR irrakkomanda fihom li s-sitwazzjoni tar-refuġjati li jirrappreżentaw perikolu għall-ordni jew għas-sigurtà pubblika jiġu ttrattati fid-dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95 u li din id-dispożizzjoni tiġi kkompletata bit-test li ġej: “Persons to whom points (a) and (b) [apply] shall be entitled to rights set out in or similar to those set out in Articles 3, 4, 13, 16, 20, 22, 25, 27, 29, 31 and 32 of the Geneva Convention in so far as they are present in the Member State.”


71      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2009, Petrosian (C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


72      Fis-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 83), il-Qorti tal-Ġustizzja attribwixxiet sens aggregattiv lill-konġunzjoni “jew” li tinsab fl-Artikolu 260(2) TFUE, li jipprevedi l-possibbiltà għall-Qorti tal-Ġustizzja li timponi l-ħlas “ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali” lil Stat Membru f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza fejn ikun ġie kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Ara, ukoll, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, Tempelman u van Schaijk (C‑96/03 u C‑97/03, EU:C:2005:145, punt 43) u, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Georgakis (C‑391/04, EU:C:2006:669, punt 62).


73      Matul is-seduta, il-Parlament u l-Kummissjoni, madankollu, allegaw li n-nuqqas ta’ riferiment għall-Artikoli 13 u 27 tal-Konvenzjoni ta’ Genève fil-formulazzjoni tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 huwa dovut għar-rieda li r-refuġjati intiżi mill-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-artikolu jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mir-refuġjati li, mingħajr ma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma jirrisjedux (jew għadhom ma jirrisjedux) regolarment fi Stat Membru. Niddubita mill-konformità ta’ tali interpretazzjoni mal-Artikolu 18 tal-Karta u mal-Artikolu 78(1) TFUE, sa fejn il-Konvenzjoni ta’ Genève tipprevedi li d-drittijiet inkwistjoni għandhom ikunu ta’ benefiċċju għar-“refuġjati kollha” mingħajr ma tipprevedi ebda limitazzjoni, bħalma ddeċieda wkoll l-UNHCR fit-teħid ta’ pożizzjoni tiegħu spjegat fil-punt 113 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


74      Konsegwentement, id-dritt għall-ħruġ ta’ dokument tal-identità jirriżulta, fil-fehma tiegħi, diġà minn drittijiet oħra stabbiliti fl-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95, sa fejn dan ikun neċessarju għall-eżerċizzju effettiv ta’ dawn id-drittijiet. Raġunament paragunabbli wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 59 u 60), sabiex tiddeċiedi li Stat Membru huwa obbligat jipprovdi, sa fejn huwa possibbli, bżonnijiet bażiċi lil ċittadin ta’ pajjiż terz li tiegħu dan l-Istat Membru huwa marbut jiżgura l-kura medika urġenti u t-trattament indispensabbli tal-mard bis-saħħa tal-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, minkejja li din id-direttiva ma tipprevedix espliċitament dan l-obbligu, l-Artikolu 14(1)(b) tal-imsemmija direttiva jkun nieqes minn effetti reali li kieku dawn il-bżonnijiet ma kinux żgurati.


75      Ara UNHCR, Pièces d’identité pour les réfugiés [dokumenti ta’ identità għar-refuġjati], EC/SCP/33, 20 ta’ Lulju 1984, disponibbli fuq l-indirizz http://www.unhcr.org/fr/excom/scip/4b30a5862c/pieces-didentite-refugies.html, punt 2 u Kummenti annotati tal-UNHCR dwar id-[Direttiva 2004/83], 28 ta’ Jannar 2005, disponibbli fuq l-indirizz http://www.refworld.org/docid/44ca0d504.html, p. 43. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76      L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève jiddefinixxi t-terminu “refuġjat”. L-Artikoli 36 sa 46 ta’ din il-konvenzjoni jikkostitwixxu, min-naħa tagħhom, dispożizzjonijiet eżekuttivi u tranżitorji. Dawn l-artikoli ma jirrigwardawx għalhekk il-kontenut tad-drittijiet tar-refuġjati.


77      L-importanza partikolari tad-dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni pubblika fir-rigward tat-tagħlim primarju, previst fl-Artikolu 22(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, tirriżulta mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2013/33. Din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jagħtu lit-tfal minuri ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali u lill-applikanti minuri l-aċċess għas-sistema edukattiva – mill-inqas pubblika – taħt kundizzjonijiet analogi għal dawk previsti għaċ-ċittadini tagħhom (ara, ukoll, l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2008/115). L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33, li skontu “[l]-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) [għal protezzjoni internazzjonali]”, jixhed il-post fundamentali li għandha l-projbizzjoni li jiġu imposti sanzjonijiet kriminali lir-refuġjati għall-uniku fatt li d-dħul jew ir-residenza tagħhom ikunu irregolari, iddikjarata fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li l-premessa 15 ta’ din id-direttiva tiċċita b’mod speċifiku (ara, ukoll, il-premessa 20 u l-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31)).


78      Diversi Stati Membri, jiġifieri, ir-Repubblikta tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, esprimew ċerti riżervi għall-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Genève. L-Irlanda u r-Repubblika Franċiża ħarġu riżervi relatati mal-Artikolu 29 ta’ din il-konvenzjoni. Ara Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, disponibbli fuq l-indirizz https://treaties.un.org/pages/ViewDetailsII.aspx?src=TREATY&mtdsg_no=V-2&chapter=5&Temp=mtdsg2&clang=_fr.


79      Ara, fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 3 KEDB (li jikkorrispondu, rispettivament, għall-Artikolu 2(1) u għall-Artikolu 4 tal-Karta), is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑10 ta’ April 2012, Panaitescu vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2012:0410JUD003090906, punti 27 sa 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Infakkar li mill-Artikolu 52(3) tal-Karta jirriżulta li, sa fejn din fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-portata ta’ dawn id-drittijiet għandhom ikunu identiċi għal dawk stabbiliti minn din il-konvenzjoni, bla ħsara għall-possibbiltà li d-dritt tal-Unjoni jagħtihom protezzjoni iktar estiża. Jekk ikun il-każ, iċ-ċaħda tal-aċċess għal ċerta kura medika tista’ tikser ukoll l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2008/115 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


80      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


81      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-KEDB ma tiggarantixxix id-dritt sabiex barrani jidħol jew jirrisjedi f’pajjiż partikolari u l-Istati Membri għandhom id-dritt, bis-saħħa ta’ prinċipju ta’ dritt internazzjonali stabbilit sew u bla ħsara għall-impenji tagħhom li jirriżultaw mit-trattati (inkluż mill-KEDB), li jikkontrollaw id-dħul, ir-residenza u t-tneħħija ta’ barranin. Madankollu, miżuri li jirrestrinġu d-dritt ta’ residenza ta’ barrani jistgħu, f’ċerti każijiet, iwasslu għal ksur tal-Artikolu 8 KEDB jekk dan jirriżulta f’riperkussjonijiet sproporzjonati fuq il-ħajja privata jew tal-familja tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2012, Kurić et vs Is‑Slovenja (CE:ECHR:2012:0626JUD002682806, § 355 u l-ġurisprudenza ċċitata)). Fir-rigward tal-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami tal-proporzjonalità ta’ miżura ta’ tneħħija, ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Awwissu 2001, Boultif vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2001:0802JUD005427300, § 48) u tat‑18 ta’ Ottubru 2006, Üner vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2006:1018JUD004641099, § 57 u 58). Dawn il-prinċipji japplikaw ukoll meta tkun inkwistjoni l-proporzjonalità ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti ta’ permess ta’ residenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Marzu 2018, Ejimson vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2018:0301JUD005868112, § 56 u 57)).


82      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB tad‑9 ta’ Ottubru 2003, Slivenko vs Il‑Latvja (CE:ECHR:2003:1009JUD004832199, § 96) u, f’dan is-sens, tat‑18 ta’ Ottubru 2006, Üner vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (CE:ECHR:2006:1018JUD004641099, § 59).