Language of document : ECLI:EU:C:2020:294

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PRIIT PIKAMÄE

ippreżentati fit-23 ta’ April 2020 (1)

Kawżi magħquda C924/19 PPU u C925/19 PPU

FMS,

FNZ (C924/19 PPU),

SA,

SA junior (C925/19 PPU)

vs

Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság,

Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged, l-Ungerija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 33(2) – Raġunijiet ta’ inammissibbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni jekk l-applikant wasal fl-Istat Membru kkonċernat minn pajjiż fejn ma huwiex espost għall-persekuzzjoni jew għar-riskju ta’ ħsara serja, jew jekk dan il-pajjiż jagħti protezzjoni suffiċjenti – Artikoli 35, 38(4), Artikoli 40 u 43 – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 2(h), Artikoli 8 u 9 – Proċedura ta’ ażil – Miżura ta’ ritorn – Modalitajiet proċedurali – Detenzjoni – Tul tad-detenzjoni – Legalità tad-detenzjoni – Eżami – Rimedju – Dritt għal rimedju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”






1.        Iż-żewġ Kawżi magħquda C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li teżamina, mill-ġdid, is-sitwazzjoni legali tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jirrisjedu fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, fil-fruntiera bejn is-Serbja u l-Ungerija. Id-diversi domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jkopru problemi differenti dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2013/32/UE (2) u tad-Direttiva 2013/33/UE (3), b’mod partikolari dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ riammissjoni minn pajjiż terz ta’ migranti li l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali ġiet iddikjarata inammissibbli, dwar il-klassifikazzjoni tal-akkomodazzjoni tagħhom fiż-żona ta’ tranżitu fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw id-detenzjoni u d-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari, permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji mill-qorti nazzjonali.

2.        L-attwalità tal-movimenti migratorji u s-sentenza reċenti Ilias u Ahmed vs L-Ungerija(4) tal-Awla Manja tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tikkonċerna preċiżament is-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, jagħtu lil dawn il-kawżi għal deċiżjoni preliminari natura sensittiva, peress li r-risposti li ġejjin tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom interess indiskutibbli kemm minn perspettiva ġuridika kif ukoll minn dik umanitarja.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2013/32

3.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Aċċess għall-proċedura”, jipprevedi:

“1.      Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni.

[…]

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. Fejn l-applikant ma jagħmilx l-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 28 kif meħtieġ.

3.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul.

[…]

[…]

5.      Fejn applikazzjonijiet simultanji għall-protezzjoni internazzjonali minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jagħmluha diffiċli ħafna fil-prattika li jiġi rispettat il-limitu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dak il-limitu ta’ żmien jiġi estiż sa 10 ijiem ta’ xogħol.”

4.        L-Artikolu 26 ta’ dik id-direttiva, intitolat “Detenzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri ma għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għar-raġuni biss li huwa/hija jkun/tkun applikant. Ir-raġunijiet għal u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u l-garanziji disponibbli għall-applikanti detenuti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu konformi mad-Direttiva [2013/33].

2.      Fejn applikant jinżamm f’detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm il-possibbiltà ta’ reviżjoni ġudizzjarja rapida taħt id-Direttiva [2013/33].”

5.        Skont l-Artikolu 33 tal-istess direttiva, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”:

“1.      Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013[(5)], l-Istati Membri ma humiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE [(6)] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.      L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

a)      il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

b)      pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għall-applikant, taħt l-Artikolu 35;

c)      pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, taħt l-Artikolu 38;

d)      l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]/ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant; [jew]

e)      persuna dipendenti fuq l-applikant jippreżenta applikazzjoni, wara li huwa kien ta il-kunsens tiegħu taħt l-Artikolu 7(2) sabiex il-każ tiegħu jkun parti minn applikazzjoni ppreżentata f’ismu, u ma jkunx hemm fatti relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna dipendenti li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.”

6.        L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Il-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil”, huwa fformulat kif ġej:

“Pajjiż jista’ jkun kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għal applikant partikolari jekk:

a)      huwa kien ġie rikonoxxut f’dak il-pajjiż bħala rifuġjat u huwa għadu jista’ jirrikorri għal dik il-protezzjoni, jew

b)      huwa jgawdi, diversament, protezzjoni suffiċjenti f’dak il-pajjiż, inkluż il-benefiċċju mill-prinċipju ta’ non-refoulement,

sakemm huwa jerġa’ jitħalla jidħol f’dak il-pajjiż.

Fl-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partikolari ta’ applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont tal-Artikolu 38(1). L-applikant għandu jitħalla jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partiklari tiegħu.”

7.        L-Artikolu 38 ta’ dik id-direttiva, intitolat “Il-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu”, fil-paragrafu 4 tiegħu, jipprevedi:

“Fejn il-pajjiż terz ma jippermettix l-applikant biex jidħol fit-territorju tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess għal proċedura skont il-prinċipji u l-garanziji bażiċi deskritti fil-Kapitolu II.”

8.        L-Artikolu 43 tal-istess direttiva, intitolat “Proċeduri fuq il-fruntiera”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri, konformement mal-prinċipji u mal-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, fuq il-fruntiera jew f’żoni ta’ tranżitu tal-Istat Membru dwar:

a)      l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni, taħt l-Artikolu 33, li ssir f’dawn il-postijiet; u/jew

b)      is-sustanza ta’ applikazzjoni fi proċedura taħt l-Artikolu 31(8).

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċeduri previsti fil-paragrafu 1 tittieħed fi żmien raġonevoli. Meta deċiżjoni ma tkunx ittieħdet fi żmien erba’ ġimgħat, l-applikant għandu jitħalla jidħol fit-territorju tal-Istat Membru sabiex l-applikazzjoni tiegħu tiġi proċessata konformement mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva.

3.      Fil-każijiet ta’ wasliet li jinvolvu numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fuq il-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu, li jagħmluha impossibbli fil-prattika li jiġu applikati hemmhekk dawk id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, dawk il-proċeduri jistgħu jiġu wkoll applikati fejn u sa meta dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jkunu normalment akkommodati f’postijiet qrib il-fruntiera jew iż-żona ta’ tranżitu.”

2.      Id-Direttiva 2013/33

9.        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Detenzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) skont id-[Direttiva 2013/32].

2.      Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

3.      Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

a)      sabiex tiġi determinata, aċċertata jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu jew tagħha;

b)      sabiex jiġu determinati dawk l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li ma jkunux ottenibbli fin-nuqqas ta’ detenzjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju li l-applikant jaħrab;

c)      sabiex tittieħed deċiżjoni, fil-kuntest ta’ proċedura, fuq id-dritt tal-applikant sabiex jidħol fit-territorju;

d)      meta huwa jew hija jinżammu f’detenzjoni soġġetti għal proċedura ta’ ritorn skont id-[Direttiva 2008/115/KE[(7)], sabiex iħejju r-ritorn u/jew iwettqu l-proċess ta’ tneħħija, u l-Istat Membru konċernat jkun jista’ jiddeċiedi abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inkluż li huwa jew hija diġà kellhom l-opportunità li jaċċessaw il-proċedura tal-asil, li hemm raġunijiet raġonevoli biex jemmen li huwa jew hija qed japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali sempliċiment sabiex itawwlu jew jipprevjenu l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn;

e)      meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jeħtieġu hekk;

f)      skont l-Artikolu 28 tar-Regolament [Nru 604/2013].

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli rigward l-alternattivi għad-detenzjoni, bħal rappurtaġġ regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja, jew l-obbligu li joqgħod f’żona ġeografika indikata, huma stipulati fil-liġi nazzjonali.”

10.      L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Garanziji għal applikanti detenuti”, jaqra kif ġej:

“1.      Applikant għandu jiġi detenut biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u għandu jinżamm detenut biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 8(3).

Il-proċeduri amministrattivi relevanti għar-raġunijiet għad-detenzjoni stipulati fl-Artikolu 8(3) għandhom jiġi eżegwiti bid-diliġenza dovuta. Dewmien fl-ipproċessar tal-proċeduri amministrattivi li ma jistgħux ikunu attribwiti lill-applikant m’għandux jiġġustifika l-kontinwazzjoni tad-detenzjoni.

2.      Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tiġi ordnata bil-miktub minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi. L-ordni tad-detenzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet fil-fatt u bi dritt li fuqhom hija bbażata.

3.      Fejn id-detenzjoni tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu rieżami ġudizzjarju minnufih tal-legalità tad-detenzjoni li jiġi mwettaq ex officio u/jew fuq talba tal-applikant. Meta jitwettaq ex officio tali rieżami għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli mill-bidu tad-detenzjoni. Meta jitwettaq fuq talba tal-applikant, huwa għandu jiġi deċiż mill-aktar fis possibbli wara t-tnehdija tal-proċedimenti rilevanti. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu fil-liġi nazzjonali l-perjodu li fih għandhom jitwettqu r-rieżami ex officio u/jew ir-rieżami fuq talba tal-applikant.

Meta, b’riżultat tar-rieżami ġudizzjarju, id-detenzjoni tinstab li kienet illegali, l-applikant ikkonċernat għandu jinħeles minnufih.

4.      L-applikanti detenuti għandhom jiġu infurmati minnufih bil-miktub, f’lingwa li jifhmu jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu, dwar ir-raġunijiet għad-detenzjoni u l-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali għall-kontestazzjoni tal-ordni tad-detenzjoni, kif ukoll dwar il-possibbiltà li jitolbu assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas,

5. Id-detenzjoni għandha tiġi riveduta minn awtorità ġudizzjarja f’intervalli raġonevoli ta’ żmien, ex officio u/jew fuq talba tal-applikant ikkonċernat, b’mod partikolari kull meta din tkun għal perjodu estiż, iqumu ċirkostanzi relevanti jew issir disponibbli informazzjoni ġdida li jista’ jkollhom effett fuq il-legalità tad-detenzjoni.

[…]”

B.      Id-dritt Ungeriż

1.      Il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil

11.      L-Artikolu 5(1) tal-A menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény (il-Liġi Nru LXXX tal-2007 dwar id-Dritt għall-Ażil, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil”) jipprovdi:

“L-applikant għall-ażil għandu d-dritt

a)      skont il-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi, li jirrisjedi fit-territorju Ungeriż u, skont il-leġiżlazzjoni speċifika, li jikseb permess ta’ residenza fit-territorju Ungeriż;

[…]”

12.      L-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, kif emendata fl-1 ta’ Lulju 2018, jipprevedi raġuni ta’ inammissibbiltà ġdida, iddefinita kif ġej:

“L-applikazzjoni tkun inammissibbli meta l-applikant ikun wasal fl-Ungerija minn pajjiż fejn ma huwiex espost għal persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(1) jew għar-riskju ta’ ħsara serja, fis-sens tal-Artikolu 12(1), jew fejn huwa ggarantit livell suffiċjenti ta’ protezzjoni.”

13.      L-Artikolu 71/A tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jirregola l-proċedura fuq il-fruntiera, u l-paragrafi 1 sa 7 tiegħu huma fformulati kif ġej:

“(1)      Jekk iċ-ċittadin barrani jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu f’żona ta’ tranżitu

a)      qabel ma jkun ġie awtorizzat jidħol fit-territorju tal-Ungerija, jew

b)      wara li jitwassal sal-bieb tal-faċilità li sservi sabiex tipproteġi l-ordni fil-fruntiera, kif imsemmi fl-az államhatárról szóló törvény (il-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat) wara li jkun ġie interrogat f’medda ta’ tmien kilometri li jibdew mil-linja tal-fruntiera esterna tat-territorju Ungeriż kif iddefinit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) [(ĠU 2016, L 77, p. 1)], jew mis-sinjali ta’ demarkazzjoni tal-fruntiera.

Dan il-kapitolu għandu japplika suġġett għad-dispożizzjonijiet li ġejjin.

(2)      Fil-kuntest ta’ proċedura fuq il-fruntiera, l-applikant ma jibbenefikax mid-drittijiet previsti fl-Artikolu 5(1) (a) u (c).

(3)      L-awtorità tal-ażil għandha, bħala prijorità, tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni, mhux aktar tard minn tmint ijiem minn meta tiġi sottomessa dik l-applikazzjoni. L-awtorità tal-ażil għandha tieħu minnufih il-miżuri meħtieġa biex tinnotifika d-deċiżjoni meħuda matul il-proċedura.

(4)      Jekk ikunu għaddew erba’ ġimgħat minn meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni għandha tawtorizza d-dħul, skont id-dispożizzjoni legali applikabbli.

(5)      Jekk l-applikazzjoni ma tkunx inammissibbli, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni għandha tawtorizza d-dħul, skont id-dispożizzjoni legali applikabbli.

(6)      Jekk l-applikant ikun ġie awtorizzat jidħol fit-territorju tal-Ungerija, l-awtorità tal-ażil għandha tmexxi l-proċedura skont ir-regoli ġenerali.

(7)      Ir-regoli tal-proċedura fuq il-fruntiera ma għandhomx japplikaw għal persuni vulnerabbli.”

14.      Il-Kapitolu IX/A. tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jinkludi dispożizzjonijiet relatati mas-sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, fosthom l-Artikolu 80/I(i) u l-Artikolu 80/J(4), li jeskludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 71/A u tal-Artikolu 5(1)(a) u (c).

2.      Il-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat

15.      L-Artikolu 15/A. tal-Az államhatárról szóló 2007. évi LXXXIX. törvény (il-Liġi Nru LXXXIX tal-2007 dwar il-Fruntieri tal-Istat, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat”) jipprevedi dan li ġej fir-rigward tar-regoli dwar l-implimentazzjoni ta’ żona ta’ tranżitu:

“[…]

(2)      Applikant għall-ażil li jinsab f’żona ta’ tranżitu jista’ jidħol fit-territorju Ungeriż:

a)      jekk l-awtorità tal-ażil tieħu deċiżjoni li tagħtih protezzjoni internazzjonali;

b)      jekk ikunu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet għat-tmexxija ta’ proċedura ta’ ażil, skont ir-regoli ġenerali, jew

c)      jekk ikun xieraq li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 71/A(4) u (5), tal-Liġi [dwar] id-Dritt għall-Ażil.

(2a)      F’sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, id-dħul fit-territorju Ungeriż ta’ applikant għall-ażil li jinsab f’żona ta’ tranżitu jista’ jiġi awtorizzat fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a) u (b)

[…]”

3.      Il-Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi

16.      L-Artikolu 62 tal-A harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi II. törvény (il-Liġi tal-2007 dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi”) jipprevedi dan li ġej fir-rigward tal-għoti ta’ post ta’ residenza speċifiku:

“(1)      L-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tista’ tordna lil ċittadin ta’ pajjiż terz jirrisjedi f’post speċifiku meta:

[…]

f)      l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u la għandu l-mezzi materjali neċessarji għall-għajxien tiegħu, u lanqas residenza

[…]

(3)      Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jingħata post ta’ residenza obbligatorju fi struttura ta’ akkomodazzjoni kollettiva jew f’ċentru ta’ akkoljenza meta ma jkunx jista’ jaqla’ l-għajxien tiegħu, ma jkollux la akkomodazzjoni adegwata, la mezzi materjali jew dħul adegwat, la stedina min-naħa ta’ persuna responsabbli biex tiżgura l-kura tiegħu, u lanqas ma jkollu membri tal-familja tiegħu li jistgħu jkunu obbligati jipprovdu għall-manteniment tiegħu.

(3a)      F’sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, żona ta’ tranżitu tista’ wkoll tiġi indikata bħala post ta’ residenza obbligatorju.”

II.    Il-fatti li wasslu għat-tilwim, il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A.      Il-Kawża C924/19 PPU

17.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma koppja miżżewġa, ċittadini Afgani, adulti, li waslu mis-Serbja, fl-Ungerija fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke.

18.      Fil-5 ta’ Frar 2019, huma ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil quddiem l-awtorità tal-ażil, fiż-żona ta’ tranżitu.

19.      Insostenn tal-applikazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjaraw li madwar tliet snin qabel, huma kienu telqu mill-Afganistan lejn it-Turkija, għal raġunijiet politiċi, b’viża valida għal xahar, u li din il-viża ġiet estiża b’sitt xhur mill-awtoritajiet Torok. Huma sostnew ukoll li huma għaddew mill-Bulgarija u mis-Serbja qabel ma daħlu fl-Ungerija għall-ewwel darba, li huma ma kienu ressqu ebda applikazzjoni għall-ażil f’pajjiż ieħor u li ma kienu ġew suġġetti għal ebda trattament ħażin jew għal xi ksur.

20.      Fl-istess jum, l-awtorità tal-ażil indikat iż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke bħala post ta’ akkomodazzjoni għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Huma għadhom jinsabu hemmhekk sal-lum.

21.      Permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva tal-25 ta’ April 2019, l-awtorità tal-ażil irrifjutat l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala inammissibbli, mingħajr eżami tal-mertu, u kkonstatat li l-prinċipju ta’ non-refoulement ma kienx japplika fil-każ tagħhom, fir-rigward tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan. Hija ordnat it-tneħħija tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, permezz ta’ deċiżjoni akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza għal perijodu ta’ sena kif ukoll minn twissija għal rifjut ta’ dħul u ta’ residenza fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

22.      L-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġiet iddikjarata inammissibbli abbażi tal-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil minħabba li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali waslu l-Ungerija billi għaddew minn pajjiż fejn huma ma kinux esposti għal persekuzzjonijiet li jiġġustifikaw ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jew riskju ta’ ħsara serja li jiġġustifika l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja jew li, fil-pajjiż li minnu waslu fl-Ungerija, huma kienu ggarantiti protezzjoni adegwata (kunċett tal-“pajjiż ta’ tranżitu bla periklu”).

23.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità tal-ażil, li ġie rrifjutat mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügy Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) permezz tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2019, mingħajr ma din il-qorti ddeċidiet fuq il-mertu tal-applikazzjoni tagħhom għall-ażil. Din tal-aħħar indikat ukoll li l-konsegwenzi tal-assenza possibbli ta’ riammissjoni tar-rikorrenti mir-Repubblika tas-Serbja kellhom jinsiltu fil-kuntest tal-proċedura tal-pulizija tal-migrazzjoni.

24.      Sussegwentement, permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2019, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad imponiet fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jirrisjedu fis-settur tal-barranin taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, b’effett mid-data tal-imsemmija deċiżjoni, skont l-Artikolu 62(3a) tal-Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi. Skont il-qorti tar-rinviju, din id-deċiżjoni ma tinkludix ir-raġunijiet li jiġġustifikawha u d-dritt li tiġi adita qorti kontra din id-deċiżjoni huwa limitat, peress li huwa biss in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni u li leġiżlazzjoni timponi fuq l-imsemmija awtorità tal-pulizija, li jista’ jiġi kkontestat quddiem il-qorti ordinarja bħala eċċezzjoni.

25.      Fl-istess jum, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad ikkuntattjat lill-korp tal-pulizija responsabbli għar-ritorn lejn is-Serbja sabiex jieħu l-passi neċessarji għar-riammissjoni fis-Serbja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

26.      Fit-23 ta’ Mejju 2019, il-korp tal-pulizija responsabbli indika li r-Repubblika tas-Serbja ma rriammettietx lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-territorju tagħha, peress li, billi dawn ma kinux daħlu illegalment fit-territorju Ungeriż mit-territorju tas-Serbja, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tal-ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja ma kinux issodisfatti.

27.      L-awtorità tal-ażil ma eżaminatx il-mertu tal-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti, minkejja l-fatt li r-Repubblika tas-Serbja ma rriammetithomx, għar-raġuni li din l-awtorità twettaq tali eżami, skont l-Artikolu 51/A tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, biss jekk ir-raġuni ta’ inammissibbiltà tkun ibbażata fuq il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini bla periklu” jew ta’ “pajjiż terz bla periklu”, filwaqt li d-deċiżjoni li tirrifjuta bħala inammissibbli l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti kienet ibbażata fuq raġuni oħra ta’ inammissibbiltà, jiġifieri dik ta’ “pajjiż ta’ tranżitu bla periklu”, kif iddefinit fl-Artikolu 51(2)(f) tal-istess liġi.

28.      Permezz tad-deċiżjonijiet tat-3 u tas-6 ta’ Ġunju 2019, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad emendat id-deċiżjonijiet ta’ ritorn adottati mill-awtorità tal-ażil, fir-rigward tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, u ordnat it-tneħħija taħt skorta tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali lejn l-Afganistan.

29.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali opponew dawn id-deċiżjonijiet quddiem l-awtorità tal-ażil, li taġixxi bħala awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni. Madankollu, permezz tad-digrieti tat-28 ta’ Ġunju 2019, l-oppożizzjoni tagħhom ġiet irrifjutata. Skont l-Artikolu 65(3b) tal-Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi, ma hemm l-ebda rimedju kontra d-deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni li, bħala tali, ma tistax tkun is-suġġett ta’ rieżami ġudizzjarju.

30.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, minn naħa, intiż sabiex din tannulla d-digrieti li jirrifjutaw l-oppożizzjoni għall-infurzar ta’ deċiżjonijiet li jemendaw il-pajjiż ta’ ritorn u tobbliga lill-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad biex tmexxi proċedura ġdida, billi jsostnu, l-ewwel nett, li l-imsemmija digrieti jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ ritorn li għandhom ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju li jippermetti eżami sostantiv b’kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement u, it-tieni nett, li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn ma humiex legali. Fil-fatt, fil-fehma tagħhom, l-awtorità tal-ażil kellha teżamina l-mertu tal-applikazzjoni tagħhom għall-ażil ladarba ma ġewx riammessi mir-Repubblika tas-Serbja u peress li l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil imur kontra d-dritt tal-Unjoni.

31.      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw quddiem il-qorti tar-rinviju azzjoni amministrattiva kontenzjuża għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-awtorità tal-ażil intiża sabiex jiġi kkonstatat li din l-awtorità naqset milli twettaq l-obbligi tagħha billi astjeniet milli tagħtihom post ta’ residenza li jinsab barra miż-żona ta’ tranżitu.

32.      Il-qorti tar-rinviju għaqqdet iż-żewġ rikorsi.

33.      Din il-qorti nnotat li ż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ilhom joqogħdu fiha sa minn meta introduċew l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil, tinsab fuq il-fruntiera bejn l-Ungerija u s-Serbja.

34.      F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni għall-ażil introdotta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-awtorità tal-ażil ma eżaminatx il-mertu ta’ din l-applikazzjoni, għaliex tali eżami ma huwiex previst meta l-applikazzjoni għall-ażil tkun ġiet irrifjutata fuq il-bażi tar-raġuni ta’ inammissibbiltà dwar il-pajjiż ta’ tranżitu bla periklu. Hija tinnota wkoll li la l-awtorità tal-pulizija tal-barranin tal-ewwel grad, u lanqas il-qorti li ddeċidiet fl-ewwel istanza fuq ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra r-rifjut tal-applikazzjoni tagħhom għall-ażil, ma eżaminaw il-mertu tal-imsemmija applikazzjoni.

35.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li r-raġuni ta’ inammissibbiltà li fuqha huwa bbażat ir-rifjut tal-applikazzjoni għall-ażil introdotta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ibbażata fuq il-kunċett tal-“pajjiż ta’ tranżitu bla periklu”, fis-sens tal-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, ma tidhirx fil-lista ta’ raġunijiet elenkati, b’mod eżawrjenti, mid-Direttiva 2013/32. Għalhekk, hija tqis li din ir-raġuni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni u, f’dan ir-rigward, tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża LH (Tompa) (C‑564/18, EU:C:2019:1056).

36.      Skont il-qorti tar-rinviju, fil-każ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma teżisti ebda dispożizzjoni legali li teżiġi espressament it-tkomplija tal-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għall-ażil. Fil-fatt, l-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2013/32, l-istess bħall-Artikolu 51/A tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li jittrasponih fid-dritt Ungeriż, jikkonċernaw biss il-każ fejn ma jkunx possibbli li l-applikant jintbagħat lura lejn pajjiż ta’ oriġini bla periklu jew lejn pajjiż terz bla periklu, u mhux meta ma jkunx possibbli li l-applikant jintbagħat lura lejn “pajjiż ta’ tranżitu bla periklu”.

37.      Hija tinnota wkoll li r-rifjut mir-Repubblika tas-Serbja li tassumi r-responsabbiltà tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali invalida r-raġuni ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, bil-konsegwenza li l-awtorità tal-ażil hija obbligata teżamina mill-ġdid l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil.

38.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, matul dan l-eżami ġdid, din l-awtorità tista’ tinvoka raġuni ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 33(1) u (2)(b) u (c) tad-Direttiva 2013/32. Madankollu, fid-dawl tal-Artikoli 35 u 38 ta’ din id-direttiva, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), hija tqis li applikazzjoni tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli fuq din il-bażi biss jekk il-persuna kkonċernata tiġi riammessa mill-pajjiż terz. Minn dan isegwi li jekk ma jkun hemm ebda dubju li l-pajjiż li fih tintbagħat il-persuna mhux ser jerġa’ jaċċetta lill-applikant, l-awtorità kompetenti tal-ażil ma tistax tiddikjara l-applikazzjoni tiegħu inammissibbli. F’każ bħal dan, il-qorti tar-rinviju tqis li tali applikazzjoni ma tistax titqies bħala applikazzjoni sussegwenti, fis-sens tal-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32.

39.      Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-qorti tar-rinviju tqis li, attwalment, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għadhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/32. Għalhekk, hija tistaqsi jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhomx jitqiesu li huma f’detenzjoni, fis-sens ta’ dik id-direttiva, u, jekk ikun il-każ, jekk din hijiex legali, peress li t-terminu ta’ erba’ ġimgħat imsemmija fl-Artikolu 43(2) tal-imsemmija direttiva, inqabeż f’dan il-każ.

40.      Madankollu, anki fil-każ li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jingħatawx id-dritt li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil tiġi eżaminata mill-ġdid, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn tal-aħħar għandhomx jitqiesu f’detenzjoni fis-sens tad-Direttiva 2008/115 u, jekk iva, jekk din id-detenzjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva.

41.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik li tat lok għas-Sentenza Ilias u Ahmed vs L-Ungerija (8), mogħtija fil-21 ta’ Novembru 2019 mill-Awla Manja tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

42.      Il-qorti tar-rinviju hija għalhekk inklinata li tqis li t-tqegħid tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fis-settur taż-żona ta’ tranżitu rriżervat għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ġiet irrifjutata jikkostitwixxi detenzjoni li ma hijiex konformi mar-rekwiżiti imposti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, hija tqis li hi għandha tkun tista’ ġġiegħel, bħala miżura provviżorja, lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tagħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali post ta’ residenza li jkun jinsab barra miż-żona ta’ tranżitu, li ma jkunx post ta’ detenzjoni, sakemm tintemm il-proċedura amministrattiva kontenzjuża.

43.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-effettività tar-rikors kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad emendat id-deċiżjoni ta’ ritorn li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma s-suġġett tagħha, fir-rigward tal-pajjiż ta’ destinazzjoni u li din il-qorti tqis bħala deċiżjoni ġdida ta’ ritorn, skont l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115.

44.      Tabilħaqq, l-oppożizzjoni għal din id-deċiżjoni tiġi eżaminata mill-awtorità tal-ażil meta din tal-aħħar ma toffrix il-garanziji ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni peress li din taqa’ taħt l-amministrazzjoni ċentrali, hija taħt l-awtorità tal-Ministru responsabbli mill-pulizija u għalhekk tagħmel parti mill-poter eżekuttiv. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Ungeriża rilevanti ma tippermettix lill-qorti tar-rinviju tistħarreġ id-deċiżjoni amministrattiva mogħtija dwar l-oppożizzjoni għall-infurzar tad-deċiżjoni li temenda d-deċiżjoni ta’ ritorn.

45.      Din is-sitwazzjoni twassal sabiex id-deċiżjoni li temenda l-pajjiż ta’ ritorn tkun tista’ tinżamm, b’mod definittiv, anki jekk, fil-każ li jkollha ssir proċedura ġdida ta’ ażil fir-rigward tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jibqgħux jaqgħu taħt id-Direttiva 2008/115, iżda taħt id-Direttiva 2013/32.

46.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      [raġuni ġdida ta’ inammissibbiltà]

Id-dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjonijiet inammissibbli tal-Artikolu 33 tad-[Direttiva 2013/32] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skontha applikazzjoni hija inammissibbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil meta l-applikant ikun wasal fl-Ungerija, minn pajjiż fejn ma kienx espost għal persekuzzjoni jew għal riskju ta’ ħsara serja, jew fejn huwa ggarantit livell suffiċjenti ta’ protezzjoni?

2)      [tmexxija ta’ proċedura ta’ ażil]

(a)      L-Artikolu 6 u l-Artikolu 38(4) tad-[Direttiva 2013/32], kif ukoll il-premessa 34 tagħha, li timponi obbligu ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità tal-ażil ta’ Stat Membru għandha tiggarantixxi lill-applikant il-possibbiltà li jingħata bidu għall-proċedura ta’ ażil fil-każ fejn hija ma tkunx eżaminat fil-mertu l-applikazzjoni għall-ażil billi tinvoka r-raġuni ta’ inammissibbiltà msemmija fid-domanda 1 iktar ’il fuq, u mbagħad tkun bagħtet lill-applikant lejn pajjiż terz, li madankollu ma jkunx aċċettah?

(b)      Jekk ir-risposta għad-domanda 2(a) hija iva, x’ifisser eżattament dan l-obbligu? Jimplika obbligu li tiġi żgurata l-possibbiltà li tiġi ppreżentata applikazzjoni ġdida għall-ażil, peress li l-applikazzjoni tal-konsegwenzi negattivi li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet sussegwenti msemmija fl-Artikolu 33(2)(d) u fl-Artikolu 40 tad-[Direttiva 2013/32] tkun għalhekk ipprojbita, jew ifisser li l-proċedura ta’ ażil għandha tingħata bidu jew titwettaq ex officio?

(c)      Jekk ir-risposta għad-domanda 2.(a) hija iva, huwa possibbli, b’kont meħud ukoll tal-Artikolu 38(4) tad-[Direttiva 2013/32], li l-Istat Membru – peress li s-sitwazzjoni fattwali ma nbidlitx – jeżamina mill-ġdid l-inammissibbiltà fil-kuntest ta’ dik il-proċedura l-ġdida (u b’hekk jista’ japplika kull tip ta’ proċedura prevista fil-Kapitolu III tad-direttiva, pereżempju japplika mill-ġdid raġuni ta’ inammissibbiltà), jew għandu jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil fil-mertu fir-rigward tal-pajjiż ta’ oriġini?

d)      Jirriżulta mill-Artikolu 33(1) u (2)(b) u (c), kif ukoll mill-Artikoli 35 u 38 tad-[Direttiva 2013/32], moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta, li waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi għall-applikazzjoni tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà msemmija rispettivament, jiġifieri tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata fuq waħda minn dawn ir-raġunijiet, hija r-riammissjoni mill-pajjiż terz, jew huwa suffiċjenti li jiġi vverifikat li din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta biss fil-mument tal-infurzar ta’ tali deċiżjoni?

3)      [Żona ta’ tranżitu bħala post ta’ detenzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil]

Dawn id-domandi huma rilevanti, jekk ikun il-każ, abbażi tar-risposti mogħtija għad-domanda 2, biex titwettaq proċedura ta’ ażil.

(a)      L-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti d-detenzjoni tal-applikant f’żona ta’ tranżitu għal aktar minn erba’ ġimgħat?

(b)      L-Artikolu 2(h) tad-[Direttiva 2013/33], applikabbli skont l-Artikolu 26 tad-[Direttiva 2013/32], moqri flimkien mal-Artikolu 6 u mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara l-perijodu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, l-akkomodazzjoni f’żona ta’ tranżitu, f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-kawża prinċipali (żona li minnha ebda tluq volontarju fi kwalunkwe direzzjoni ma huwa legalment possibbli) hija detenzjoni?

(c)      Huwa kompatibbli mal-Artikolu 8 tad-[Direttiva 2013/33], applikabbli abbażi tal-Artikolu 26 tad-[Direttiva 2013/32], il-fatt li, wara l-perijodu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 43 tad-[Direttiva 2013/32], id-detenzjoni tal-applikant isseħħ biss minħabba li dan tal-aħħar, fin-nuqqas ta’ mezzi ta’ sussistenza, ma jkunx jista’ jaqla’ l-għajxien tiegħu (akkomodazzjoni u ikel)?

(d)      Huwa kompatibbli mal-Artikoli 8 u 9 tad-[Direttiva 2013/33], applikabbli abbażi tal-Artikolu 26 tad-[Direttiva 2013/32], il-fatt li l-akkomodazzjoni li tikkostitwixxi detenzjoni de facto u li taqbeż il-perijodu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 43 tad-[Direttiva 2013/32] ma tkunx ġiet ordnata permezz ta’ ordni ta’ detenzjoni, li l-applikant ma jkollu l-ebda rimedju fir-rigward tal-legalità tad-detenzjoni u taż-żamma f’detenzjoni, li dik id-detenzjoni de facto tkun saret mingħajr eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità tagħha, inklużi soluzzjonijiet alternattivi possibbli, u li l-perijodu preċiż tad-detenzjoni, li jkun intemm, huwa indefinit?

(e)      L-Artikolu 47 tal-Karta jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru, fejn ikun ovvju li teżisti detenzjoni illegali, tista’, bħala miżura provviżorja, tobbliga lill-awtorità tagħti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz post ta’ residenza li jkun jinsab barra miż-żona ta’ tranżitu, li ma jikkostitwixxix post ta’ detenzjoni, sakemm tintemm il-proċedura amministrattiva kontenzjuża?

4)      [żona ta’ tranżitu bħala post ta’ detenzjoni fil-kuntest tal-pulizija tal-migrazzjoni]

Dawn id-domandi huma rilevanti, jekk ikun il-każ, abbażi tar-risposti mogħtija għad-domanda 2, biex ma ssirx proċedura ta’ ażil, iżda proċedura li taqa’ taħt il-pulizija tal-migrazzjoni.

(a)      Il-premessi 17 u 24, kif ukoll l-Artikolu 16 tad-[Direttiva 2008/115], moqrija flimkien mal-Artikolu 6 u mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-akkomodazzjoni f’żona ta’ tranżitu f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-kawża prinċipali (żona li minnha ebda tluq volontarju fi kwalunkwe direzzjoni ma huwa legalment possibbli) hija ċaħda tal-libertà individwali fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?

(b)      Huwa kompatibbli mal-premessa 16 u mal-Artikolu 15(1) tad-[Direttiva 2008/115], moqrija flimkien mal-Artikolu 6 u mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-fatt li d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz isseħħ biss minħabba li dan ikun is-suġġett ta’ miżura ta’ ritorn u li, fin-nuqqas ta’ mezzi ta’ sussistenza, huwa ma jkunx jista’ jaqla’ l-għajxien tiegħu (akkomodazzjoni u ikel)?

(c)      Huwa kompatibbli mal-premessa 16 u mal-Artikolu 15(2) tad-[Direttiva 2008/115], moqrija flimkien mal-Artikolu 6, mal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-fatt li l-akkomodazzjoni li tikkostitwixxi detenzjoni de facto ma ġietx ordnata permezz ta’ ordni ta’ detenzjoni, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma għandu l-ebda rimedju dwar il-legalità tad-detenzjoni u taż-żamma f’detenzjoni, li din id-detenzjoni de facto seħħet mingħajr eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità tagħha, jew tas-soluzzjonijiet alternattivi possibbli?

(d)      L-Artikolu 15(1) u (4) sa (6) kif ukoll il-premessa 16 tad-[Direttiva 2008/115], moqrija flimkien mal-Artikoli 1, 4, 6 u 47 tal-Karta, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu żamma f’detenzjoni li ż-żmien preċiż tagħha, inkluż it-tmiem tagħha, huma indefiniti?

(e)      Id-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru, fejn ikun ovvju li teżisti detenzjoni illegali, tista’, bħala miżura provviżorja, tobbliga lill-awtorità tagħti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz post ta’ residenza li jkun jinsab barra miż-żona ta’ tranżitu, li ma jikkostitwixxix post ta’ detenzjoni, sakemm tintemm il-proċedura amministrattiva kontenzjuża?

(5)      [rimedju effettiv fir-rigward tad-deċiżjoni li temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni]

L-Artikolu 13 tad-[Direttiva 2008/115], li jipprovdi li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkollu rimedju effettiv sabiex jikkontesta d-‘deċiżjonijiet relatati mar-ritorn’, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti għandha teżamina mill-inqas darba rikors introdott kontra d-deċiżjoni li temenda l-pajjiż ta’ ritorn, meta r-rimedju previst f’dan il-każ mid-dritt tal-Istat Membru ma jkunx rimedju effettiv?”

B.      Il-Kawża C925/19 PPU

47.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma missier u l-wild minuri tiegħu, ċittadini Iranjani, li waslu mis-Serbja, fl-Ungerija fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke.

48.      Fil-5 ta’ Diċembru 2018, huma ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil quddiem l-awtorità tal-ażil, fiż-żona ta’ tranżitu.

49.      Insostenn tal-applikazzjoni tagħhom, il-missier sostna li kien telaq mill-Iran sentejn u nofs qabel minħabba li kien iddivorzja minn ma’ martu, li kien resaq eqreb lejn ir-reliġjon Kristjana, minkejja li ma kienx tgħammed, u li, matul tfulitu, kien vittma ta’ vjolenza sesswali min-naħa tal-membri tal-familja tiegħu. Huwa speċifika wkoll li r-raġunijiet li ġiegħluh jitlaq il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma humiex politiċi jew marbuta ma’ appartenenza possibbli għal komunità etnika jew reliġjuża minoritarja u li huwa kien wasal fl-Ungerija billi għadda mit-Turkija, mill-Bulgarija u mis-Serbja.

50.      Il-missier reġa’ ddikjara li, wara li telaq mill-Iran għat-Turkija u wara li qatta’ għaxart ijiem hemmhekk, mingħajr ma talab l-ażil f’dan l-Istat, huwa kien irrisjeda madwar tliet xhur fil-Bulgarija. Huwa sostna wkoll li, wara li ġie informat li kien ser jintbagħat lura l-Iran jekk huwa ma jippreżentax applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru, huwa kien issottometta applikazzjoni għall-ażil kontra r-rieda tiegħu. Huwa saħaq ukoll li għex ukoll fis-Serbja għal iktar minn sentejn, mingħajr ma ssottometta applikazzjoni għall-ażil hemmhekk.

51.      Fil-5 ta’ Diċembru 2018, l-awtorità tal-ażil indikat iż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke bħala post ta’ akkomodazzjoni għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Huma għadhom jinsabu hemmhekk sal-lum.

52.      Permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva tat-12 ta’ Frar 2019, l-awtorità tal-ażil irrifjutat, skont l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala inammissibbli, mingħajr eżami tal-mertu, u kkonstatat li l-prinċipju ta’ non-refoulement ma kienx japplika fil-każ tagħhom. Hija ordnat it-tneħħija tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mit-territorju tal-Unjoni Ewropea lejn is-Serbja billi nnotat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux esposti għal riskju ta’ ħsara serja jew għal persekuzzjonijiet fit-Turkija, fil-Bulgarija u fis-Serbja u li kienet żgurata protezzjoni ta’ livell suffiċjenti. Din id-deċiżjoni kienet akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza għal perijodu ta’ sena.

53.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità tal-ażil, li ġie rrifjutat mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügy Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) permezz tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2019, mingħajr ma din il-qorti ddeċidiet fuq il-mertu tal-applikazzjoni tagħhom għall-ażil. Din tal-aħħar indikat ukoll li l-konsegwenzi tal-assenza possibbli ta’ riammissjoni tar-rikorrenti mir-Repubblika tas-Serbja kellhom jinsiltu fil-kuntest tal-proċedura tal-pulizija tal-migrazzjoni.

54.      Sussegwentement, permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2019, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad imponiet fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jirrisjedu fis-settur tal-barranin taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, b’effett mid-data tal-imsemmija deċiżjoni, skont l-Artikolu 62(3a) tal-Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi. Skont il-qorti tar-rinviju, din id-deċiżjoni ma ssemmix ir-raġunijiet li jiġġustifikawha u d-dritt li tiġi adita qorti kontra din id-deċiżjoni huwa limitat, peress li huwa biss in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni, li l-leġiżlazzjoni timponi fuq l-imsemmija awtorità tal-pulizija li jista’ jiġi kkontestat quddiem il-qorti ordinarja bħala eċċezzjoni.

55.      Fl-istess jum, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad ikkuntattjat lill-korp tal-pulizija responsabbli għar-ritorn lejn is-Serbja sabiex jieħu l-passi neċessarji għar-riammissjoni fis-Serbja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

56.      Fl-1 ta’ April 2019, il-korp tal-pulizija kompetenti indika li r-Repubblika tas-Serbja ma kinitx irriammettiet lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-territorju tagħha peress li billi dawn ma kinux daħlu illegalment fit-territorju Ungeriż mit-territorju tas-Serbja, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tal-ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja ma ġewx issodisfatti.

57.      L-awtorità tal-ażil ma eżaminatx il-mertu tal-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti, minkejja l-fatt li r-Repubblika tas-Serbja ma rriammetithomx, għar-raġuni li din l-awtorità twettaq tali eżami, skont l-Artikolu 51/A tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, biss jekk ir-raġuni ta’ inammissibbiltà tkun ibbażata fuq il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini bla periklu” jew ta’ “pajjiż terz bla periklu”, filwaqt li d-deċiżjoni li tirrifjuta bħala inammissibbli l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti kienet ibbażata fuq raġuni oħra ta’ inammissibbiltà, jiġifieri dik ta’ “pajjiż ta’ tranżitu bla periklu”, kif iddefinit fl-Artikolu 51(2)(f) tal-istess liġi.

58.      Permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta’ April 2019, l-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad emendat id-deċiżjoni ta’ tkeċċija li tinsab fid-deċiżjoni tal-awtorità tal-ażil tat‑12 ta’ Frar 2019, fir-rigward tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, u ordnat it-tneħħija taħt skorta tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali lejn l-Iran.

59.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali opponew din id-deċiżjoni quddiem l-awtorità tal-ażil, li taġixxi bħala awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni. Permezz tad-digriet tas-17 ta’ Mejju 2019, l-oppożizzjoni tagħhom ġiet irrifjutata. Skont l-Artikolu 65(3b) tal-Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi, ma jista’ jsir l-ebda rikors kontra d-deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni li, bħala tali, ma tistax tkun is-suġġett ta’ rieżami ġudizzjarju.

60.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, minn naħa, intiż sabiex din tannulla d-digrieti li jirrifjutaw l-oppożizzjoni għall-infurzar ta’ deċiżjonijiet li jemendaw il-pajjiż ta’ ritorn u tobbliga lill-awtorità tal-pulizija tal-migrazzjoni tal-ewwel grad biex tmexxi proċedura ġdida, billi jsostnu, l-ewwel nett, li l-imsemmija digrieti jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ ritorn li għandhom ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju li jippermetti eżami sostantiv b’kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement u, it-tieni nett, li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn ma humiex legali. Fil-fatt, fil-fehma tagħhom, l-awtorità tal-ażil kellha teżamina l-mertu tal-applikazzjoni tagħhom għall-ażil ladarba ma ġewx riammessi mir-Repubblika tas-Serbja u peress li l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil imur kontra d-dritt tal-Unjoni.

61.      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw quddiem il-qorti tar-rinviju azzjoni amministrattiva kontenzjuża għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-awtorità tal-ażil intiża sabiex jiġi kkonstatat li din l-awtorità naqset milli twettaq l-obbligi tagħha billi astjeniet milli tagħtihom post ta’ residenza li jinsab barra miż-żona ta’ tranżitu.

62.      Il-qorti tar-rinviju għaqqdet iż-żewġ rimedji u, għall-istess raġunijiet bħal dawk espressi fil-punti 33 sa 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-istess domandi preliminari bħal dawk li hija għamlitilha fil-Kawża C‑924/19 PPU.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

63.      Il-qorti tar-rinviju titlob li, fiż-żewġ kawżi magħquda, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

64.      Permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Jannar 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ din it-talba.

65.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni Ewropea ressqu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Dawn l-istess partijiet u l-Kummissjoni ressqu wkoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li saret fit-13 ta’ Marzu 2020.

IV.    Analiżi

A.      Dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

66.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex tkun deċiża t-tilwima li tkun tressqet quddiemhom. Il-ġustifikazzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni (9).

67.      F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju ġiet adita mir-rikorrenti kollha fil-kawża prinċipali b’żewġ rikorsi distinti minħabba l-għan tagħhom, li madankollu jagħtu lok għal deċiżjoni proċedurali ta’ tgħaqqid, jiġifieri:

–        rikors intiż għall-annullament tad-digriet li jirrifjuta l-oppożizzjoni kontra d-deċiżjoni li temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni u, sussegwentement, biex jimponi fuq l-awtorità nazzjonali kompetenti l-obbligu li tibda proċedura ġdida ta’ ażil,

–        rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni sabiex jiġi kkonstatat li l-awtorità nazzjonali tal-ażil naqset milli twettaq l-obbligi tagħha billi naqset milli tistabbilixxi post ta’ residenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali barra miż-żona ta’ tranżitu.

68.      Huwa f’dan il-kuntest speċifiku li għandha tiġi evalwata r-rilevanza tad-domandi magħmula, b’mod indistint, mill-qorti tar-rinviju għall-eżitu tat-tilwima fil-kawżi prinċipali, iddefinita hawnhekk.

69.      Jidhirli li ma hemmx dubju li l-ħames domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effettività tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni emendatorja li l-eżami tagħha huwa fdat, skont il-liġi nazzjonali, lill-awtorità amministrattiva li adottat din id-deċiżjoni, mingħajr possibbiltà ta’ rieżami ġudizzjarju tar-rifjut eventwali tal-imsemmi rikors, fuq l-inizjattiva unika tad-destinatarju tal-imsemmija deċiżjoni, hija rilevanti fir-rigward tar-rikors għal annullament imsemmi iktar ’il fuq (10).

70.      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ħames domanda, huwa possibbli li jitqies li d-domandi li jaqgħu taħt l-ewwel u t-tieni kategorija huma wkoll rilevanti fid-dawl tal-kontenut tal-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali dwar il-legalità tad-deċiżjoni emendatorja. Dawn tal-aħħar isostnu li din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi ta’ dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni tagħhom għall-ażil għar-raġuni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, ibbażata fuq il-kunċett tal-“pajjiż ta’ tranżitu bla periklu” fis-sens tal-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil (11).

71.      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dak li jidher li jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq u tal-obbligu korrelattiv tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tiftaħ mill-ġdid proċedura ta’ ażil, ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-problema tal-kompatibbiltà tar-raġuni ta’ inammissibbiltà msemmija iktar ’il fuq mad-dritt tal-Unjoni u tal-konsegwenzi ta’ inkompatibbiltà f’dak li jirrigwarda t-twettiq tal-proċedura ta’ ażil, kif imsemmija fl-ewwel u fit-tieni kategorija ta’ domandi preliminari, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju.

72.      Huwa minnu li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma humiex preċiżi wisq fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali Ungeriż applikabbli f’tali kuntest. Madankollu, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika n-natura eżatta tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (12).

73.      Fir-rigward tad-domandi miġbura fit-tielet u r-raba’ kategorija, esposti b’mod alternattiv, dawn huma intiżi sabiex jiddeterminaw jekk l-akkomodazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fis-settur taż-żona ta’ tranżitu tikkostitwixxix detenzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33 jew tad-Direttiva 2008/115, skont jekk is-sitwazzjoni tal-imsemmija rikorrenti taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel żewġ standards jew tal-aħħar standard.

74.      Bla dubju, dawn id-domandi huma konnessi mas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali dwar in-nuqqas possibbli min-naħa tal-awtorità nazzjonali kompetenti fl-iffissar tal-post ta’ residenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, is-soluzzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet, u b’hekk, ta’ din it-tilwim jidhirli li timplika d-determinazzjoni minn qabel tal-istatus legali tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, kif stabbilit fil-punt preċedenti, li jwassal għall-konklużjoni tar-rilevanza tad-domandi miġbura fl-ewwel u fit-tieni kategorija għall-eżitu tat-tilwim fil-kawżi prinċipali, meqjusa taħt l-aspett ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni li għandha wkoll quddiemha l-qorti tar-rinviju.

75.      Minn dan isegwi li hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq id-domandi kollha magħmula (13), bl-ewwel deċiżjoni tingħata għall-ħames domanda, sa fejn ir-risposta li għandha tingħata għaliha ser tiddetermina l-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex teżamina r-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni.

B.      Dwar id-dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni li temenda l-pajjiż ta’ ritorn

76.      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għalkemm tipprevedi rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti li temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni indikat fid-deċiżjoni ta’ ritorn, tafda l-evalwazzjoni tal-imsemmi rikors lil din l-istess awtorità, mingħajr possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju biss fuq l-inizjattiva tad-destinatarju tal-imsemmija deċiżjoni.

77.      Għandu jitfakkar li, permezz tal-att tat-12 ta’ Frar 2019, l-awtorità nazzjonali kompetenti rrifjutat l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ta’ nazzjonalità Iranjana bħala inammissibbli, ordnat it-tkeċċija ta’ dawn tal-aħħar lejn is-Serbja taħt skorta sal-fruntiera bejn is-Serbja u l-Ungerija u adottat projbizzjoni ta’ dħul għal perijodu ta’ sena. Fil-25 ta’ April 2019, ġie adottat att b’ kontenut identiku fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ta’ nazzjonalità Afgana. Fiż-żewġ każijiet, dan huwa att amministrattiv uniku u kumpless li jgħaqqad ir-rijfut tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ tneħħija flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul, li huwa a priori konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115.

78.      Wara n-nuqqas ta’ riammissjoni mir-Repubblika tas-Serbja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-pajjiż ta’ destinazzjoni taż-żewġ atti inkwistjoni ġie emendat, billi l-indikazzjoni tal-pajjiż imsemmi iktar ’il fuq ġiet issostitwita minn dik tal-Iran jew tal-Afganistan, skont in-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati. Il-miżura ta’ tneħħija ġiet adattata fl-istess sens. Fil-fehma tiegħi, għandu jiġi kkunsidrat li kull deċiżjoni emendatorja tikkostitwixxi deċiżjoni ġdida ta’ ritorn u ta’ tneħħija li fil-kontra tagħha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandu jkollhom rimedju effettiv, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 12(1) u tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115.

79.      Fil-każ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa d-destinatarju ta’ deċiżjoni li timponilu obbligu ta’ ritorn kif ukoll tneħħija furzata, f’dan il-każ trasferiment taħt skorta sal-fruntiera bejn is-Serbja u l-Ungerija, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ destinazzjoni tikkostitwixxi element essenzjali u imperattiv. Fil-fatt, huwa fid-dawl ta’ din l-indikazzjoni li ssir l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement li għandha ssir mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/115 skont l-Artikolu 5 tagħha. Fid-dawl ta’ dan l-obbligu, it-tneħħija (trasport fiżiku barra mill-Istat Membru) ma tistax issir lejn destinazzjoni li ma hijiex speċifikata iżda lejn pajjiż ta’ ritorn speċifikat biss. Billi emendat il-pajjiż ta’ destinazzjoni indikat fid-deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ tneħħija, l-awtorità nazzjonali kompetenti adottat deċiżjoni ġdida li tikkawża preġudizzju lid-destinatarju tagħhom u għandha, għaldaqstant, tkun tista’ tiġi kkontestata skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115.

80.      Għandu jiġi kkonstatat li din il-kontestazzjoni hija effettivament prevista mid-dritt nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 65(3b) tal-Liġi dwar id-Dħul u r-Residenza taċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi, taħt il-forma ta’ oppożizzjoni li għandha titressaq fi żmien erba’ u għoxrin siegħa wara n-notifika tad-deċiżjoni emendatorja lill-awtorità amministrattiva li hija l-awtriċi tagħha, “peress li d-deċiżjoni mogħtija dwar l-oppożizzjoni għall-infurzar ma hijiex suġġetta għal rikors” skont it-termini tal-imsemmi artikolu (14).

81.      Huwa possibbli li din l-oppożizzjoni titqies bħala rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115? Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistipula li “iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza”.

82.      Il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tista’ tqajjem mistoqsijiet, fis-sens li huwa possibbli li wieħed jistaqsi jekk il-kundizzjoni ta’ effettività tar-rikors hijiex issodisfatta bis-sempliċi fatt li tkun tista’ tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ ritorn u/jew ta’ tneħħija quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti, peress li l-preċiżazzjoni rigward ir-rekwiżit ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza hija relatata biss mal-membri tal-“korp kompetenti”, it-tielet u l-aħħar entità msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni (15).

83.      Interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 fil-verżjoni bil-Franċiż tiegħu, li tgħaqqad l-imsemmija preċiżazzjoni ma’ kull wieħed mill-korpi tar-rikorsi ċċitati jew ma’ dawn it-tnejn tal-aħħar biss, hija possibbli minħabba l-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew” li sservi sabiex tgħaqqad elementi tal-istess funzjoni, mhux fis-sens ta’ żieda iżda ta’ għażla. F’dan il-każ, din il-konġunzjoni sservi sabiex tgħaqqad ir-riferiment għal tliet korpi tar-rikors, f’forma alternattiva, fejn kull wieħed minnhom għandu l-kapaċità li jittratta r-rikorsi kkonċernati, li jagħmilha possibbli li l-frażi li tibda bil-kelma “magħmul” titqies bħala li tista’ tirreferi għal kull awtorità jew korp iċċitati, meħudin waħidhom (16).

84.      Għalkemm il-verżjonijiet tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 bil-lingwa Spanjola (“ante un órgano jurisdiccional, una autoridad administrativa u otro órgano competente compuesto por miembros imparciales y con garantías de independencia”) u Ingliża (“before a competent judicial or administrative authority or a competent body composed of members who are impartial and who enjoy safeguards of independence”) huma simili għal-lingwa Franċiża, il-verżjonijiet bil-lingwa Estonjana (“pädevas kohtu- või haldusasutuses või pädevas organis, mis koosneb liikmetest, kes on erapooletud ja kelle sõltumatus on tagatud”) u Taljana (“[…] dinanzi ad un’autorità giudiziaria o amministrativa competente o a un organo competente composto da membri imparziali che offrono garanzie di indipendenza”), min-naħa l-oħra, jidhru li jesprimu rabta tar-rekwiżit ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza mal-membri tat-tielet korp tar-rikors iċċitat biss. Jidher għalhekk li interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 ma tistax toffri risposta ċara għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, peress li għandu jitfakkar li verżjoni lingwistika diverġenti ma tistax tipprevali waħedha fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (17). Għalhekk, għandha ssir referenza għall-istruttura ġenerali tat-test li fih tinsab id-dispożizzjoni kkonċernata kif ukoll l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni (18).

85.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2008/115 hija intiża li tieħu inkunsiderazzjoni l-“Għoxrin linja gwida dwar ir-ritorn furzat” tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa li ssir referenza għalihom fil-premessa 3 tagħha. Il-prinċipju 5, intitolat “Rikors kontra deċiżjoni ta’ tkeċċija” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu li “[f]id-deċiżjoni ta’ tneħħija jew waqt il-proċess li jwassal għad-deċiżjoni ta’ tneħħija, il-persuna kkonċernata għandha tingħata l-possibbiltà ta’ rimedju effettiv quddiem awtorità jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn garanziji ta’ indipendenza” (19). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

86.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri mhux biss huma obbligati li jiżguraw li kull deċiżjoni ta’ ritorn tosserva s-salvagwardji proċedurali stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dak l-att iżda wkoll “id-dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn [tad-dritt tal-Unjoni]”, li, fil-fehma tiegħi, jinkludi neċessarjament id-dispożizzjonijiet tal-Karta u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 47 tagħha dwar id-dritt għal rimedju effettiv imsemmi f’dawn il-konklużjonijiet. Tali obbligu huwa espliċitament previst fil-każ fejn id-deċiżjoni ta’ ritorn tiġi adottata fl-istess ħin tar-rifjut tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza mill-awtorità nazzjonali kompetenti. Dan għandu japplika wkoll f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkorrispondi għall-adozzjoni, f’att ta’ natura amministrattiva distinta u mill-istess awtorità, ta’ deċiżjoni emendatorja ta’ ritorn (20).

87.      F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni teleoloġika, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 79(2) TFUE, l-għan tad-Direttiva 2008/115, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 11 tagħha, huwa li tiġi stabbilita politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni, ibbażata fuq standards u garanziji ġuridiċi komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jiġu rripatrijati b’mod uman u fl-osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali tagħhom kif ukoll tad-dinjità tagħhom (21).

88.      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tar-rimedji previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 kontra d-deċiżjonijiet marbuta mar-ritorn, il-karatteristiċi tagħhom għandhom jiġu ddeterminati skont l-Artikolu 47 tal-Karta, li l-ewwel paragrafu tiegħu jipprevedi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jiġu vvjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-artikolu (22).

89.      Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt li l-kawża tagħha tinstema’ quddiem qorti indipendenti u imparzjali. Ir-rispett ta’ dan id-dritt jippreżumi li d-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li ma tissodisfax hija nfisha r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tiġi suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ korp ġudizzjarju li, b’mod partikolari, għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex jindirizza l-kwistjonijiet kollha rilevanti. Il-kunċett ta’ “indipendenza”, li huwa inerenti mal-inkarigu li tingħata deċiżjoni, jimplika qabelxejn li l-korp ikkonċernat ikollu l-kwalità ta’ parti terza fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni suġġetta għal rikors (23). F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ din il-kwalità huwa evidenti, peress li l-eżami tar-rikors kontra d-deċiżjoni li temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità amministrattiva li adottat din id-deċiżjoni.

90.      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-ispjegazzjonijiet marbuta mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jgħidu li l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu huwa bbażat fuq l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) li jiggarantixxi d-dritt għal “rimedju effettiv quddiem awtorità nazzjonali” (24). Fil-fatt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-ġurisprudenza tagħha għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, iddeċidiet, fis-sentenza ta’ Souza Ribeiro vs Franza (25), li meta jkun hemm ilment invokabbli li jipprovdi li tkeċċija tista’ tippreġudika d-dritt tal-barrani għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tiegħu, l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni flimkien mal-Artikolu 8 tal-KEDB jeżiġi li l-Istat jipprovdi lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà effettiva li tikkontesta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija jew ta’ rifjut ta’ permess ta’ residenza u li tikseb eżami fil-fond biżżejjed, filwaqt li joffri garanziji proċedurali adegwati tal-kwistjonijiet rilevanti minn korp intern kompetenti li jipprovdi garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità.

91.      Għandu jiġi nnotat li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju hija ċertament prevista fid-dritt intern fir-rigward tad-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva li tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni magħmula kontra d-deċiżjoni li temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni. Għalhekk ġie speċifikat li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandu jeżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet jew tal-miżuri amministrattivi individwali definittivi jew infurzabbli meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi jew minn korpi oħra mhux ġudizzjarji responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt, li ma kinux soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Membru tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, fil-każ ta’ ksur tal-liġi li jaffettwa l-mertu ta’ deċiżjoni amministrattiva, jista’ jistieden lill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-pulizija tal-barranin sabiex ittemm dan il-ksur u, jekk ma tittiħidx azzjoni dwar dan, jikkontesta ġudizzjarjament id-deċiżjoni finali mogħtija fil-kawża, iżda ma huwiex awtorizzat jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-pulizija tal-barranin.

92.      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali, jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali (26). Fid-dawl ta’ dan id-dritt suġġettiv mogħti lill-persuna kkonċernata, għandu jiġi kkunsidrat, fil-fehma tiegħi, li regolament nazzjonali li jagħti l-implimentazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li temenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni mhux lid-destinatarju tagħha iżda lil korp terz, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-effettività tar-rimedju previst fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

93.      F’dan il-kuntest, huwa propost li jiġi kkunsidrat, bil-ħsieb li jiġi osservat l-aspett inekwivoku tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 fir-rigward tal-lista tal-korpi tar-rikors, li l-effettività tar-rimedju previst minn din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, hija żgurata, inkluż fil-każ ta’ rikors ippreżentat quddiem korp mhux ġudizzjarju, bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar ikun magħmul minn membri li joffru garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità (27).

94.      F’dan l-istadju tar-riflessjonijiet tiegħi, jidhirli li huwa neċessarju li niġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal diffikultà li tirriżulta mir-rabta bejn is-soluzzjoni rrakkomandata iktar ’il fuq u dik adottata fis-sentenzi reċenti dwar l-interpretazzjoni flimkien tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 18 u 19(2), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-portata tad-dritt għal rimedju effettiv fil-każ, minn naħa, ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ ritorn, ippreżentat immedjatament wara li tkun ġiet irrifjutata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (28) u, min-naħa l-oħra, ta’ appell kontra sentenza mogħtija fl-ewwel istanza li tikkonferma deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi obbligu ta’ ritorn (29).

95.      F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva mogħtija mit-testi msemmija iktar ’il fuq lil applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni tiegħu u li timponilu obbligu ta’ ritorn tkopri neċessarjament rimedju ġudizzjarju (30), fejn xieraq flimkien ma’ effett sospensiv ipso jure fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tkun esposta għal riskju ta’ trattament inuman jew kuntrarju għad-dinjità tagħha, minbarra l-istabbiliment obbligatorju ta’ grad doppju ta’ ġurisdizzjoni u ta’ proċedura ta’ appell b’effett sospensiv ipso jure.

96.      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li “l-uniku fatt rilevanti huwa l-eżistenza ta’ rikors quddiem istanza ġudizzjarja”, li hija ta’ natura li tissodisfa r-rekwiżit ta’ effettività tar-rimedju stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jidhirli li tqajjem diffikultajiet ta’ konċiljazzjoni mal-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, li tal-inqas hija espliċita fir-rigward tal-ħatra ta’ awtorità amministrattiva jew ta’ korp kompetenti bħala korp tar-rikors, u mistoqsijiet, f’dawn iċ-ċirkustanzi, dwar il-validità stess ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju.

97.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li konċiljazzjoni taż-żewġ approċċi hija possibbli permezz tas-sempliċi żieda ta’ preċiżjoni mal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija qabel, billi jiġi indikat li l-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, lil applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni tiegħu u li timponilu, fl-istess att amministrattiv jew sussegwentement f’att amministrattiv separat, obbligu ta’ ritorn, tkopri tal-inqas rimedju ġudizzjarju wieħed, fil-każ fejn l-awtorità amministrattiva jew il-korp kompetenti mitlubin fid-dritt intern biex jeżaminaw dak ir-rikors ma jkunux magħmulin minn membri imparzjali u li jgawdu minn garanziji ta’ indipendenza (31).

98.      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu rimedju kontra d-deċiżjoni emendatorja tal-pajjiż ta’ destinazzjoni indikat f’deċiżjoni ta’ ritorn tal-inqas quddiem korp ġudizzjarju, meta l-awtorità amministrattiva jew l-awtorità kompetenti mitlubin jeżaminaw dak ir-rikors ma jkunux magħmulin minn membri imparzjali u li jgawdu minn garanziji ta’ indipendenza.

99.      Hija l-qorti tar-rinviju li, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, għandha l-obbligu li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li tiżgura l-effett sħiħ tagħhom, li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi interpretata skont dawn ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni jew li ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni tal-Liġi dwar id-dħul u r-Residenza taċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi, b’mod partikolari, l-Artikolu 65(3)b, li tmur kontra r-riżultat tad-Direttiva 2008/115, meta teżamina r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

C.      Dwar ir-raġuni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-pajjiż ta’ tranżitu bla periklu

100. Huwa fatt stabbilit li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrenti kollha fil-kawża prinċipali ġew iddikjarati inammissibbli mill-awtorità nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2018, li huwa fformulat kif ġej:

“L-applikazzjoni tkun inammissibbli meta l-applikant ikun wasal fl-Ungerija minn pajjiż fejn ma jkunx espost għal persekuzzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 6(1) jew għar-riskju ta’ ħsara serja, fis-sens tal-Artikolu 12(1), jew fejn ikun iggarantit livell suffiċjenti ta’ protezzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

101. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni, domanda diġà magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja minn qorti Ungeriża oħra fil-kuntest tal-Kawża LH (Tompa) (C‑564/18), peress li, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-istanza, il-Gvern Ungeriż jindika li huwa għandu sempliċement l-intenzjoni li jikkonferma l-opinjoni tiegħu espressa fil-kawża msemmija iktar ’il fuq.

102. F’sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020 u, fuq il-bażi ta’ dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek (32), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li tippermetti li tiġi rrifjutata bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minħabba li l-applikant ikun wasal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minn Stat li fih huwa ma jkunx ġie espost għal persekuzzjoni jew għal riskju ta’ ħsara serja, jew li fih jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni. Wara li fakkret li l-lista ta’ raġunijiet ta’ inammissibbiltà stipulati fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 hija eżawrjenti, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li timplimenta waħda mill-imsemmija raġunijiet. Din il-konklużjoni tapplika fil-kuntest ta’ din l-istanza.

D.      Dwar l-istatus legali tar-rikorrenti

1.      Dwar il-portata tat-tieni domanda preliminari

103. It-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat l-eżitu proċedurali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rigward ta’ sitwazzjoni kkaratterizzata mir-rifjut tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali abbażi tar-raġuni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-“pajjiż ta’ tranżitu bla periklu” u mir-rifjut sussegwenti tal-awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi pajjiż li jirriammettu lil dawn ir-rikorrenti fit-territorju tagħhom.

104. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’dan il-kuntest u skont l-Artikolu 6 u l-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2013/32, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta, l-awtorità nazzjonali kompetenti hijiex suġġetta għal obbligu li twettaq proċedura ta’ ażil (paragrafu (a) tat-tieni domanda), u, jekk iva, jekk dan l-obbligu jfissirx li l-imsemmija awtorità hija obbligata sempliċement li tiżgura lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-possibbiltà li jippreżentaw applikazzjoni ġdida għall-ażil, li ma tistax titqies bħala applikazzjoni sussegwenti, jew li jagħtu bidu għal proċedura ta’ ażil ġdida ex officio (il-paragrafu (b) tat-tieni domanda), u jekk, f’dan il-kuntest, tistax tapplika raġunijiet oħra ta’ inammissibbiltà jew għandhiex tevalwa l-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (il-paragrafu (c) tat-tieni domanda). Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna wkoll tippreċiża s-sistema legali tar-rekwiżit ta’ riammissjoni jew ta’ ammissjoni mill-pajjiż terz ikkonċernat imsemmija fl-Artikoli 35 u 38 tad-Direttiva 2013/32 (il-paragrafu (d) tat-tieni domanda).

105. Fir-rigward tal-formulazzjoni tad-domandi preliminari msemmija iktar ’il fuq u b’mod iktar partikolari tal-Artikoli tad-Direttiva 2013/32 imsemmija fihom, moqrija fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju relatati ma’ dawn id-domandi, jidhirli li dawn tal-aħħar ma jaqgħux taħt eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi ta’ annullament possibbli tad-deċiżjoni emendatorja tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, wara rikonoxximent tal-fondatezza tal-eċċezzjoni ta’ illegalità msemmija iktar ’il fuq. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-fehma tiegħi, mistiedna biss tippreċiża l-effetti tan-nuqqas ta’ riammissjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mill-awtoritajiet Serbi fuq l-eżitu proċedurali tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali, b’kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2013/32, u dan, indipendentement mill-konstatazzjoni ta’ illegalità tar-raġuni ta’ inammissibbiltà stabbilita fl-Artikolu 51(2)(f), tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil u mill-konsegwenzi marbuta miegħu.

106. Ninnota li, fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Ungeriż sempliċement jafferma li falliment tat-tneħħija minħabba nuqqas ta’ riammissjoni mill-pajjiż terz ikkonċernat ma jistax joħloq obbligu li titmexxa proċedura ta’ ażil, magħluqa b’mod definittiv wara d-deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li tikkonferma l-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Fil-fehma tiegħi, din is-sempliċi allegazzjoni għandha biss l-għan li tevita d-dibattitu ġuridiku dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ riammissjoni, li, mid-definizzjoni tagħha stess, tista’ ssir biss wara talba espliċita f’dan is-sens, ladarba d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tkun saret definittiva (33).

2.      Dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ riammissjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mir-Repubblika tas-Serbja

107. Nosserva li, kif ġie kkonstatat fid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rekwiżit ta’ riammissjoni jew ta’ ammissjoni jinsab fl-Artikoli 35 u 38 tad-Direttiva 2013/32. Huwa abbażi ta’ raġunament b’analoġija ma’ din l-aħħar dispożizzjoni li l-qorti tar-rinviju tafferma li l-assenza ta’ riammissjoni mir-Repubblika tas-Serbja għandha tistabbilixxi mill-ġdid l-obbligu tal-awtorità kompetenti Ungeriża li tmexxi proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

108. Sabiex jiġi vverifikat jekk dan jistax ikun il-każ, għandhom isiru xi rimarki preliminari dwar il-kuntest li fih jinsab ir-rekwiżit ta’ riammissjoni, l-ewwel nett il-post u l-kontenut tal-Artikoli 35 u 38 tad-Direttiva 2013/32.

109. Inklużi fit-Taqsima III tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2013/32 (“Proċedura fl-ewwel istanza”), dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu l-kunċetti tal-“ewwel pajjiż ta’ asil” u “pajjiż terz bla periklu” għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali previsti fl-Artikolu 33(2)(b) u (c) ta’ din id-direttiva.

110. L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxi li r-raġuni tal-“ewwel pajjiż ta’ asil” tapplika meta l-applikant ikun diġà ġie rrikonoxxut f’dak il-pajjiż bħala refuġjat u jkun għadu jista’ jirrikorri għal dik il-protezzjoni jew meta jgawdi, diversament, protezzjoni suffiċjenti, inkluż il-benefiċċju mill-prinċipju ta’ non-refoulement, sakemm huwa jerġa’ jitħalla jidħol f’dak il-pajjiż. L-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi li r-raġuni tal-“pajjiż terz bla periklu” tapplika, essenzjalment, meta l-Istati Membri jkunu jistgħu jistennew b’mod raġonevoli li l-applikant, minħabba konnessjoni suffiċjenti ma’ pajjiż terz kif iddefinit mil-liġi nazzjonali, ifittex protezzjoni f’dak il-pajjiż terz, fuq il-bażi li dan għandu jkun protett hemmhekk. Fil-każ li l-“pajjiż terz bla periklu” ma jippermettix lill-applikant jidħol fit-territorju tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din il-persuna tkun tista’ tibda proċedura ġdida ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali.

111. Ir-rekwiżit ta’ riammissjoni vverifikata huwa għalhekk wieħed mill-kundizzjonijiet kumulattivi għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata fuq ir-raġuni tal-“ewwel pajjiż ta’ asil”, filwaqt li l-ammissjoni jew ir-riammissjoni mill-“pajjiż terz bla periklu” għandha tiġi vverifikata biss fil-mument tal-infurzar fil-każ ta’ deċiżjoni bbażata fuq ir-raġuni omonima, kif jirriżulta mill-kliem ċar tal-premessi 43 u 44 tad-Direttiva 2013/32. Fi kwalunkwe każ, nemmen li dan ir-rekwiżit ta’ ammissjoni jew ta’ riammissjoni għandu rwol essenzjali fit-twettiq tal-funzjoni kemm tar-raġuni tal-“ewwel pajjiż ta’ asil” kif ukoll ta’ dik tal-“pajjiż terz bla periklu”.

112. Fil-fatt, jidhirli li l-funzjoni tal-kunċetti tal-“ewwel pajjiż ta’ asil” u ta’ “pajjiż terz bla periklu” hija li jippermettu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li rċevew applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li jittrasferixxu r-responsabbiltà tal-eżami tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali lil pajjiż ieħor. Madankollu, l-obbligu korrelattiv impost fuq l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan il-pajjiż li jeżaminaw din l-applikazzjoni fil-mertu, jidhirli li għandu bħala korollarju l-ħolqien, għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati, ta’ dritt suġġettiv li l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali tiġi eżaminata fil-mertu matul il-proċedura relatata magħha. Fi kliem ieħor, dan id-dritt jimplika li eżami tal-mertu tal-applikazzjoni “isir, sar jew jista’ jsir x’imkien” (34).

113. Hija preċiżament il-ħtieġa li jiġi żgurat li dan id-dritt jiġi rrispettat li, fil-fehma tiegħi, tiġġustifika l-inklużjoni tar-rekwiżit li l-applikant jiġi riammess fit-territorju tal-“ewwel pajjiż ta’ asil” jew ikun jista’ jidħol fil-“pajjiż terz bla periklu” fl-Artikoli 35 u 38 tad-Direttiva 2013/32. Madankollu, f’konformità mal-pożizzjoni espressa mill-qorti tar-rinviju, jien tal-opinjoni li, peress li l-kunċett tal-“pajjiż ta’ tranżitu bla periklu” huwa simili, għalkemm ma jistax jiġi kklassifikat bħala ekwivalenti, għal dak ta’ “pajjiż terz bla periklu” (35), l-effetti legali tal-assenza ta’ riammissjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mill-awtoritajiet Serbi għandhom jitqiesu bħala stipulati fl-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32.

114. Fir-rigward ta’ identifikazzjoni eżatta ta’ dawn l-effetti, ninnota li, għall-kuntrarju tal-Artikolu 35 ta’ dik id-direttiva, l-assenza ta’ ċertezza fir-rigward tar-riammissjoni ma tipprekludix l-applikazzjoni tar-raġuni ta’ inammissibbiltà stabbilita fiha, kif tixhed il-formulazzjoni tal-premessa 44 ta’ dik id-direttiva u, b’mod iktar partikolari, l-użu tal-frażi dwar l-eżistenza ta’ “bażijiet għall-kunsiderazzjoni li applikant ser ikun ammess jew ammess mill-ġdid” fil-pajjiż terz bla periklu (36). Madankollu, jekk, ladarba tiġi applikata r-raġuni ta’ inammissibbiltà tal-“pajjiż terz bla periklu”, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak il-pajjiż jirrifjutaw li jħallu lill-applikant jidħol fit-territorju tagħhom, l-Artikolu 38(4) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li lilu tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni, biex jiggarantixxu l-possibbiltà li jingħata bidu għal proċedura ġdida ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

115. Għaldaqstant, nemmen li, f’dan il-każ, l-awtorità tal-ażil hija obbligata tikkonforma ruħha ma’ obbligu ta’ kontenut identiku għal dak preskritt minn din id-dispożizzjoni.

116. Fid-dawl tal-kwistjoni dwar jekk tali obbligu jimplikax li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati li jiggarantixxu sempliċement lill-applikant il-possibbiltà li jippreżenta applikazzjoni ġdida jew li jkompli l-proċedura ex officio, naħseb li interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2013/32 ma tagħtix risposta ċara. Fil-fatt, għalkemm il-verżjoni bil-lingwa Franċiża tista’ timplika li l-bidu ta’ proċedura huwa suġġett għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni ġdida mill-persuna kkonċernata (“l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess għal proċedura […]”), il-verżjoni Ingliża (“Member States shall ensure that access to a procedure is given […] ”), dik Spanjola (“los Estados miembros garantizarán que tendrá acceso a un procedimiento […] ”), dik Estonjana (“tagavad liikmesriigid juurdepääsu menetlusele vastavalt […] ”) u dik Portugiża (“os Estados-Membros asseguram o acesso a une procedimiento […]”) jistgħu, għall-kuntrarju, jinftiehmu fis-sens li jobbligaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkomplu l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni.

117. Madankollu, kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta interpretazzjoni letterali ma tippermetti li tinsilet ebda konklużjoni ċara, il-portata tad-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ approċċ sistematiku u teleoloġiku.

118. Fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2013/32, ma narax raġuni għalfejn l-ewwel interpretazzjoni prevista hawn fuq, ibbażata fuq il-premessa li persuna titlef l-istatus tagħha ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali hekk kif l-applikazzjoni tagħha tiġi rrifjutata bħala inammissibbli, tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-definizzjoni proprja ta’ “applikant”, kif stabbilita fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2013/32. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tikkaratterizza lill-applikant bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha deċizjoni finali tkun għadha ma tteħditx” (37), fejn il-kunċett ta’ “deċiżjoni finali” irid jiġi interpretat, skont l-Artikolu 2(e) tal-istess direttiva, fis-sens li jirreferi għal “deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jingħatawx status ta’ rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja taħt id-[Direttiva 2011/95] […]”. Minn dan jirriżulta li migrant jitlef biss l-istatus tiegħu ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li teskludi r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ persuna li teħtieġ protezzjoni sussidjarja jew, fi kliem ieħor, ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni fil-mertu (38). Sa fejn id-deċiżjonijiet ta’ rifjut tal-applikazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma, min-naħa l-oħra, deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà, u mhux deċiżjonijiet relatati mal-mertu tal-applikazzjoni, huma ma għandhomx iwasslu biex dawn ir-rikorrenti jitilfu l-istatus tagħhom ta’ applikanti għall-ażil.

119. Bl-istess mod, l-ewwel interpretazzjoni prevista ma jidhirlix li hija kompatibbli mal-għan tar-rekwiżit ta’ ammissjoni jew ta’ riammissjoni, kif enfasizzajt fil-punt 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri dak li jiġi ggarantit li r-responsabbiltà tal-eżami tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tiġi effettivament ittrasferita lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż ieħor u b’hekk tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt suġġettiv tal-persuni kkonċernati li l-applikazzjoni tagħhom tiġi eżaminata fil-mertu matul il-proċedura relatata magħha. Fil-fatt, li kieku tali interpretazzjoni kellha tiġi vvalidata mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura ta’ eżami ta’ kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tingħalaq, fil-każ ta’ assenza ta’ ammissjoni jew ta’ riammissjoni, mingħajr ma l-fondatezza tal-applikazzjoni inizjalment ippreżentata kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

120. Approċċ teleoloġiku tad-dispożizzjoni inkwistjoni jidhirli li jħeġġeġ biex l-ewwel interpretazzjoni tiġi eskluża. Fil-fatt, sa fejn din timplika bidu ex nihilo tal-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, ma jidhirlix li din l-interpretazzjoni hija konformi mar-rekwiżit li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu pproċessati malajr, rekwiżit li jirriżulta espressament mill-premessa 18 tad-Direttiva 2013/32 (“[h]uwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali […]”) (39), u li jservi bħala bażi wkoll għal numru konsiderevoli ta’ dispożizzjonijiet oħrajn minbarra din. Ninnota, f’dan ir-rigward, li anki d-dispożizzjonijiet li ma jimponux fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti termini stretti għat-twettiq ta’ atti proċedurali, jipprevedu ġeneralment li dawn tal-aħħar għandhom jitwettqu “mill-aktar fis possibbli”. Eżempju ewlieni huwa l-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 2013/32, li jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża mill-aktar fis possibbli”.

121. Fl-aħħar nett, jidhirli li l-fatt li l-awtorità nazzjonali kompetenti tiġi obbligata tkompli l-eżami tal-applikazzjoni inizjali jista’ jiggarantixxi effettività aħjar tal-proċeduri nazzjonali, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-raġuni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-“pajjiż terz bla periklu”. Dan l-obbligu x’aktarx jagħmel lil din l-awtorità aktar responsabbli fil-kuntest ta’ din l-applikazzjoni, permezz ta’ evalwazzjoni rigoruża tal-eżistenza ta’ raġunijiet biex wieħed jemmen li l-applikant ser jiġi ammess jew riammess fil-pajjiż terz inkwistjoni. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa sinjifikattiv li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ippreċiżat fis-sentenza Ibrahim et li, meta Stat Membru li jkun ta l-protezzjoni sussidjarja jirrifjuta sistematikament, mingħajr eżami reali, l-għoti tal-istatus ta’ refuġjati lil applikanti li madankollu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitolbu tali protezzjoni, u li dawn l-applikanti sussegwentement jippreżentaw applikazzjoni ġdida għall-ażil lil Stat Membru ieħor, dan tal-aħħar jista’ jirrifjuta l-applikazzjoni abbażi tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, iżda huwa l-Istat Membru li ta l-protezzjoni sussidjarja li għandu jkompli l-proċedura intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat (40).

122. Għaldaqstant, nippreferi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2013/32 li tgħid li, f’każ ta’ assenza ta’ ammissjoni jew ta’ riammissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati li jerġgħu jiftħu l-fajl dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali diġà ppreżentata mill-persuna kkonċernata (41). Għalhekk, din l-applikazzjoni għandha titqies bħala diġà sottomessa fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, u l-prinċipji u l-garanziji stabbiliti fil-Kapitolu II tagħha għandhom jiġu applikati għaliha.

123. F’dan ir-rigward, nippreċiża li, fir-rigward ta’ eżami ġdid tal-applikazzjoni, id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tkun ibbażata, mill-ġdid, fuq raġuni ta’ inammissibbiltà, sakemm ma tkunx dik li tirriżulta mill-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Din il-preċiżazzjoni evidentement ma tikkontradixxix l-għan tal-obbligu ta’ ammissjoni jew ta’ riammissjoni stabbilit fl-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2013/32, peress li deċiżjoni ġdida possibbli bbażata fuq raġuni oħra ta’ inammissibbiltà elenkata fil-lista stabbilita fl-Artikolu 33(2) tal-istess direttiva, inkluża dik imsemmija fil-punt (b), ma jkollhiex l-effett li teskludi eżami fil-mertu tal-applikazzjoni mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sempliċement iddifferita f’dan il-każ u diġà mwettqa, ipotetikament, fil-każijiet l-oħrajn inkwistjoni.

124. Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, fis-sentenza tagħha li jmiss, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2013/32 għandha twassal għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali mill-persuni kkonċernati, din tal-aħħar ma tistax tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, bil-konsegwenza dikjarazzjoni possibbli ta’ inammissibbiltà minn din tal-aħħar skont l-Artikolu 33(2)(d) ta’ dik id-Direttiva (42). Fil-fatt, jirriżulta mid-definizzjoni ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, kif prevista fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, li r-raġuni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq dan il-kunċett tapplika biss jekk l-ewwel applikazzjoni ppreżentata kienet suġġetta għal “deċiżjoni finali”(43), peress li dan l-aħħar kunċett, kif diġà ġie nnutat hawn fuq, huwa sinonimu ma’ “deċiżjoni fuq il-mertu”. Meta l-ewwel applikazzjoni tkun ġiet irrifjutata, bħal f’dan il-każ, permezz ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà, l-applikazzjoni l-ġdida ppreżentata skont l-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2013/32 ma tistax tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija raġuni ta’ inammissibbiltà.

125. Din il-konklużjoni hija sostnuta b’mod partikolari mill-formulazzjoni tal-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32, li jipprovdi li, sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà ta’ “applikazzjoni sussegwenti” skont l-Artikolu 33(2)(d) ta’ dik id-direttiva, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, fil-kuntest ta’ eżami preliminari, tivverifika jekk ikunux instabu jew ġewx ippreżentati mill-applikant elementi jew sejbiet ġodda “relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]”. Din il-formulazzjoni tagħti x’tifhem li, sabiex tali klassifikazzjoni tkun iġġustifikata, l-applikazzjoni inizjali tal-persuni kkonċernati għandha tkun diġà ġiet eżaminata u rrifjutata fil-mertu (44).

126. Għaldaqstant, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tieni domanda preliminari li l-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet irrifjutata abbażi tar-raġuni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-“pajjiż ta’ tranżitu bla periklu” u li dan tal-aħħar jirrifjuta li l-applikanti jidħlu fit-territorju tiegħu, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata, indipendentement mill-illegalità ta’ din ir-raġuni u mill-konsegwenzi marbuta magħha, li terġa’ tibda l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għall-ażil ex officio u tista’, f’dan il-kuntest, tapplika waħda mir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32.

127. Barra minn hekk, filwaqt li l-eżistenza ta’ riammissjoni vverifikata hija waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata fuq ir-raġuni tal-“ewwel pajjiż ta’ asil”, stabbilita fl-Artikolu 33(2)(b) tad-Direttiva 2013/32, l-ammissjoni jew ir-riammissjoni mill-“pajjiż terz bla periklu” għandha tiġi vverifikata biss fil-mument tal-infurzar ta’ deċiżjoni bbażata fuq ir-raġuni omonima, stabbilita fl-Artikolu 33(2)(c) tal-istess direttiva.

E.      Dwar id-detenzjoni

128. Peress li l-analiżi tat-tieni kategorija ta’ domandi preliminari wasslet għall-konklużjoni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom jiġu kkunsidrati bħala applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/32, hemm lok li jsir eżami tat-tielet kategorija ta’ domandi preliminari li lkoll jikkonċernaw il-problema tad-detenzjoni u li permezz tagħhom, għall-ewwel erbgħa fosthom, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikoli 26, moqri fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-Karta u mal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll mal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2013/33, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tippermetti detenzjoni illegali ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali (45). Madankollu, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ungeriż jirriżulta b’mod ċar li dan tal-aħħar jikkontesta l-applikabbiltà f’dan il-każ tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, li għandha tiġi vverifikata neċessarjament b’mod preliminari.

1.      L-applikabbiltà tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32

129. Wara li ġustament enfasizzat li għadd kbir ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali huma ppreżentati fil-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu ta’ Stat Membru qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar id-dħul tal-applikant, il-premessa 38 tad-Direttiva 2013/32 tistipula li l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jipprovdu għall-ammissibbiltà u/jew proċeduri ta’ eżami sostantivi li jippermettu li dawn l-applikazzjonijiet jiġu deċiżi f’dawk il-postijiet f’ċirkustanzi definiti sew.

130. Huwa preċiżament l-għan tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, li jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jipprovdu għal proċeduri, li għandhom josservaw il-prinċipji bażiċi u l-garanziji fundamentali msemmija fil-Kapitolu II ta’ dik id-direttiva, li jippermettulhom jiddeċiedu, fil-fruntiera tagħhom jew fiż-żoni ta’ tranżitu tagħhom, dwar:

–        l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni taħt l-Artikolu 33 tal-imsemmija direttiva, li ssir f’dawn il-postijiet u/jew

–        il-mertu ta’ applikazzjoni fi proċedura taħt l-Artikolu 31(8) tad-Direttiva 2013/32.

131. Peress li huwa evidentement ikkonċernat dwar id-destin tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jkunu akkomodati f’faċilitajiet fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ tranżitu, sfortunatament f’kundizzjonijiet ikkaratterizzati ta’ spiss minn prekarjetà kbira, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, fl-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2013/32, terminu qasir ta’ erba’ ġimgħat għat-teħid ta’ deċiżjoni mill-Istati Membri dwar l-ammissibbiltà jew il-mertu tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u stabbilixxa l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali terminu, jiġifieri d-dritt ta’ dawn l-applikanti li jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat sabiex l-applikazzjoni tagħhom tiġi pproċessata skont id-dispożizzjonijiet oħra tad-direttiva.

132. Il-Gvern Ungeriż isostni li l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma hijiex proċedura fuq il-fruntiera fis-sens tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32, li għalhekk hija irrilevanti f’dan il-każ, u tissodisfa r-regoli tal-proċedura ta’ ażil ġenerali skont id-Direttiva 2013/32, bl-unika differenza tkun li hija kienet saret f’żona ta’ tranżitu li tinsab tul il-fruntiera u li ġiet indikata bħala post ta’ residenza għall-perijodu korrispondenti.

133. Huwa fatt stabbilit li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu suġġetti għar-regoli tad-dritt Ungeriż wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru XX tal-2017, li introduċiet emendi importanti fil-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil u b’mod iktar partikolari proċeduri derogatorji speċjali fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva. Għalhekk, l-Artikolu 80/I(i) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil kif ukoll il-paragrafu 2a tal-Artikolu 15/A tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat jeskludu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet interni li jawtorizzaw id-dħul fit-territorju Ungeriż ta’ applikant għall-ażil li jinsab f’żona ta’ tranżitu meta jkunu għaddew erba’ ġimgħat minn meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni tiegħu u jimponu fuq l-awtorità nazzjonali tal-ażil l-obbligu li twettaq proċedura skont ir-regoli ġenerali.

134. L-unika allegazzjoni tan-natura speċifika tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, li tipprevedi l-applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura msejħa “ġenerali” tad-Direttiva 2013/32 għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ migranti milqugħa fi strutturi li jinsabu tul il-fruntiera, hija irrilevanti. L-applikabbiltà tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi kkontestata b’mod utli permezz ta’ argument ta’ natura falza u deliberatament ekwivoka.

135. Għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur tal-Unjoni offra lill-Istati Membri l-possibbiltà li jillimitaw il-popolazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fil-fruntieri tagħhom u li jipproċessaw, fi żmien qasir, l-applikazzjonijiet ippreżentati, mingħajr restrizzjoni f’dak li jikkonċerna l-analiżi tal-ammissibbiltà iżda fil-kuntest ta’ kompetenza limitata, jiġifieri fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 31(8) tad-Direttiva 2013/32, għall-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-applikazzjoni. L-Artikolu 43 ta’ dik id-direttiva jiddefinixxi għalhekk sistema legali li tifforma ħaġa waħda indissoċjabbli u jawtorizza lill-Istati Membri li jużaw il-proċeduri fuq il-fruntiera biss jekk josservaw il-kundizzjonijiet u l-garanziji stabbiliti fihom, fatt li jikkontradixxi l-qari tal-Gvern Ungeriż ta’ sistema “skont il-gosti”, li tippermettilu li jwettaq tali proċeduri b’mod sostanzjali filwaqt li jevita l-kontroll tagħhom.

136. F’dan il-każ, għandha ssir enfasi fuq ir-realtà tal-proċedura mmexxija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u b’mod iktar preċiż fuq it-territorjalità tagħha li tikkostitwixxi l-element fundamentali sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tagħha fid-dawl tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32. F’dan ir-rigward, huwa fatt stabbilit li:

–        l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew ippreżentati fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, u dan skont l-Artikolu 80/J(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li jistipula li kull applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi sottomessa personalment quddiem l-awtorità nazzjonali kompetenti u esklużivament fiż-żona ta’ tranżitu, ħlief f’xi eċċezzjonijiet;

–        l-awtorità nazzjonali kompetenti stabbiliet il-post ta’ residenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, u dan skont l-Artikolu 80/J(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li jipprevedi li l-imsemmija awtorità għandha tassenja lill-applikant għall-ażil iż-żona ta’ tranżitu bħala l-post ta’ residenza tiegħu, sakemm l-ordni ta’ trasferiment skont ir-Regolament ta’ Dublin(46) jew id-deċiżjoni li ma tkunx suġġetta għal rikors isiru infurzabbli;

–        il-proċedura ta’ ażil kollha kemm hi twettqet ġewwa ż-żona ta’ tranżitu, inkluża n-notifika tad-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li qatt ma telqu mill-imsemmija żona.

137. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi konkreti u oġġettivi, ma hemm l-ebda dubju, fil-fehma tiegħi, li l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali sottomessi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32.

2.      Dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32

138. Għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni tal-ewwel erba’ domandi preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju teċċepixxi f’kull waħda minnhom soġġorn fiż-żona ta’ tranżitu tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jaqbeż l-erba’ ġimgħat, li huwa t-tul massimu tal-proċedura ta’ ażil prevista fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32.

139. Id-determinazzjoni tas-sens eżatt tad-domandi preliminari inkwistjoni jidhirli li tqajjem diffikultajiet marbuta mal-fehim tal-konnessjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ ġimgħat u l-kunċett ta’ “detenzjoni”, li huwa ddefinit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33 bħala restrizzjoni ta’ applikant minn Stat Membru f’post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha. Il-formulazzjoni ta’ dawk id-domandi u l-osservazzjonijiet relatati magħhom tal-qorti tar-rinviju jissuġġerixxu li, skont din tal-aħħar, akkomodazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ta’ iktar minn erba’ ġimgħat fiż-żona ta’ tranżitu tikkostitwixxi detenzjoni, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ din iż-żona.

140. Għalkemm l-Artikolu 10(5) u l-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2013/33 juru li applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jinżamm f’detenzjoni fuq fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu, jidhirli li l-iżvolġiment tal-proċeduri fuq il-fruntiera u dak tad-detenzjoni isegwu sistemi legali distinti. Il-fatt li l-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2013/32 jawtorizza residenza ta’ erba’ ġimgħat ta’ applikant fiż-żona ta’ tranżitu, sabiex l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali jitwettaq b’mod sodisfaċenti, ma jfissirx li l-għada tal-iskadenza tal-imsemmi terminu, mingħajr teħid ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, is-sitwazzjoni tal-applikant li jkun għadu fiż-żona tista’ tiġi mqabbla ma’ dik ta’ persuna miżmuma. Jibqa’ l-fatt li jekk l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2013/32 ma tikkostitwixxix kundizzjoni neċessarja, u wisq inqas suffiċjenti, tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ detenzjoni ta’ applikant akkomodat f’żona ta’ tranżitu, din iċ-ċirkustanza għandha ċerta rilevanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha bħala detenzjoni.

141. Fil-fatt, iż-żamma tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali fiż-żona ta’ tranżitu wara l-perijodu ta’ erba’ ġimgħat (47) u ċ-ċaħda korrelattiva tad-dritt tiegħu ta’ dħul fit-territorju Ungeriż, permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jikkaratterizzaw restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment tal-persuna kkonċernata li tikkontribwixxi, flimkien mal-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni fl-imsemmija żona eżaminati iktar ’il quddiem, għall-klassifikazzjoni ta’ tali sitwazzjoni bħala detenzjoni de facto.

142. L-eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li tikkorrispondi għal sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, jimplika, fl-aħħar nett, li din tiġi analizzata fid-dawl tal-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2013/32, li jipprevedi l-konsegwenzi ta’ sitwazzjoni partikolari marbuta mal-wasliet ta’ numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fuq il-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu. Għalhekk, fl-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2013/32, huwa speċifikat li, meta tali wasliet jagħmluha impossibbli, fil-prattika, li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, il-proċeduri inkwistjoni jistgħu jiġu wkoll applikati fejn u sa meta dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jkunu normalment akkomodati f’postijiet qrib il-fruntiera jew iż-żona ta’ tranżitu.

143. Fi kliem ieħor, fis-sitwazzjoni deskritta iktar ’il fuq, huwa possibbli għall-Istati Membri li jestendu territorjalment l-applikazzjoni tal-proċedura fuq il-fruntiera għal postijiet qrib il-fruntiera jew iż-żona ta’ tranżitu, bil-kundizzjoni li l-applikanti jkollhom akkomodazzjoni normali hemmhekk u sakemm applikanti jirrisjedu hemmhekk. L-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2013/32, li jirreferi biss għall-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, ma għandux l-għan li jawtorizza lill-Istati Membri jestendu l-perijodu ta’ proċedura ta’ erba’ ġimgħat għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali akkomodati qrib il-fruntiera jew iż-żona ta’ tranżitu u li fir-rigward tagħhom tapplika l-proċedura fuq il-fruntiera. Interpretazzjoni kuntrarja twassal sabiex jiġi ammess nuqqas ta’ limitu ta’ żmien għall-proċedura fuq il-fruntiera, li ftit li xejn jidhirli li huwa konċepibbli.

144. Anki jekk jiġi preżunt li l-Ungerija stabbilixxiet ir-realtà u r-rikorrenza ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva li fuqha hija bbażata l-leġiżlazzjoni derogatorja tagħha fil-qasam tal-ażil, din tal-aħħar ma hijiex, fi kwalunkwe każ, kompatibbli mal-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2013/32 sa fejn tippermetti l-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f’każijiet li ma humiex limitati għal dawk elenkati fl-Artikolu 31(8) ta’ din id-direttiva u ma tipprevedi ebda akkomodazzjoni normali tal-applikanti barra miż-żona ta’ tranżitu.

3.      Dwar l-akkomodazzjoni fiż-żona ta’ tranżitu

145. Permezz tal-paragrafu (b) tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-akkomodazzjoni f’żona ta’ tranżitu, f’ċirkustanzi analogi għal dawk ta’ dan il-każ, għandhiex tiġi kklassifikata bħala “detenzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, moqri flimkien mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 52(3) tal-Karta.

a)      Il-kuntest ġuridiku tal-analiżi

146. B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha Ilias u Ahmed vs L-Ungerija (48), l-Awla Manja tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem reċentement iddeċidiet dwar il-kwistjoni dwar jekk l-akkomodazzjoni ta’ żewġ ċittadini minn pajjiżi terzi fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke kinitx tikkostitwixxi ċaħda tal-libertà għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tal-KEDB (“Dritt għal-libertà u għas-sigurtà”), billi waslet għal konklużjoni negattiva.

147. Il-Gvern Ungeriż invoka din is-sentenza, fl-osservazzjonijiet li għamel fil-kuntest ta’ din il-proċedura, insostenn tal-argument tiegħu li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kunċett ta’ “detenzjoni”, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33. Jidher li huwa jqis li jekk l-akkomodazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fiż-żona ta’ tranżitu ma hijiex ċaħda tal-libertà fis-sens tal-Artikolu 5 tal-KEDB, naturalment din ma tistax titqies bħala “detenzjoni”, billi dan l-aħħar kunċett jippresupponi l-eżistenza ta’ ċaħda tal-libertà fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Karta.

148. Huwa fatt stabbilit li l-Artikolu 5 tal-KEDB jikkorrispondi għall-Artikolu 6 tal-Karta, u li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jeżiġi li d-drittijiet stabbiliti fih u li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB jiġu interpretati bħala li għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom il-KEDB, li jidhirli li huwa l-bażi tal-argument tal-Ungerija. Madankollu nosserva li, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, il-KEDB ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma aderixxietx magħha, strument ġuridiku formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (49), u għalhekk il-koerenza mfittxija fl-Artikolu 52(3) tal-Karta ma tistax tippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (50).

149. Għalhekk jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Karta b’mod awtonomu, peress li dawn tal-aħħar huma l-uniċi applikabbli fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk tinjora l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u twettaq l-eżami tagħha tad-domandi preliminari fid-dawl tal-Karta, bil-kundizzjoni li l-interpretazzjoni li hija tagħti lid-drittijiet stabbiliti fiha u li l-kontenut tagħhom huwa simili għal dawk inklużi fil-KEDB twassal għal livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak iggarantit minn din tal-aħħar (51).

150. Nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta dan l-approċċ f’dan il-każ. B’mod iktar preċiż, nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa l-kwistjoni dwar jekk l-akkomodazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke għandhiex tiġi kklassifikata bħala “detenzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, fir-rigward tal-Artikolu 6 biss tal-Karta, li jgħid — kif għandu jitfakkar — “[k]ull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”.

151. F’dan ir-rigward, ninnota li, skont il-premessa 35 tagħha, id-Direttiva 2013/33 “tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari mill-[Karta]”, li jimplika li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dritt għal-libertà li jirriżulta mill-Artikolu 6 tal-Karta għandhom jitqiesu bħala inkorporati fid-definizzjoni ta’ “detenzjoni” stabbilita fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ detenzjoni għandha tiġi ddeterminata, f’dan il-każ, biss permezz tal-eżami tal-elementi ta’ din id-definizzjoni.

152. Skont l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, hija kklassifikata bħala “detenzjoni” “restrizzjoni ta’ applikant [għall-ażil] minn Stat Membru f’post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha”.

153. Minn tali definizzjoni jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura partikolari għandhiex l-effett li tqiegħed lill-applikanti għall-ażil ikkonċernati minnha f’detenzjoni, huwa neċessarju li wieħed jistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kwistjoni dwar jekk il-post ta’ akkomodazzjoni li jingħatalhom iqegħdhomx f’sitwazzjoni ta’ iżolament, jiġifieri maqtugħin mid-dinja ta’ barra, miżmuma f’“perimetru strettament delimitat jew ristrett”, skont it-terminoloġija użata fir-Rakkomandazzjoni Ġabra(2003)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-miżuri ta’ detenzjoni tal-applikanti għall-ażil, li ttieħdet inkunsiderazzjoni espressament mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha relatata mad-Direttiva 2013/33 (52).

154. Fil-fehma tiegħi, dan il-qari huwa ġġustifikat ukoll fir-rigward tar-rekwiżit ta’ koerenza tad-definizzjoni ta’ “detenzjoni” ma’ dawk relatati mar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment tal-applikanti għall-ażil, kif previsti fl-Artikolu 7(1) sa (3) tad-Direttiva 2013/33. Fil-fatt, skont dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet tirriżulta fl-allokazzjoni ta’ “żona” jew “post ta’ residenza” lil dawn l-applikanti, li huma termini li bla dubju jirreferu għal partijiet tat-territorju nazzjonali konsiderevolment ikbar mill-“post speċifiku” li tirreferi għalih id-definizzjoni ta’ detenzjoni.

155. Fit-tieni lok, id-definizzjoni tad-detenzjoni teżiġi li jiġi vverifikat li l-applikanti għall-ażil huma mċaħħda mil-libertà ta’ moviment tagħhom fil-post ta’ akkomodazzjoni li jkun ingħatalhom. Fir-rigward tad-dimensjoni interna tal-libertà ta’ moviment ta’ dawn l-applikanti, nemmen li l-eżistenza ta’ ċaħda tal-libertà tiddependi fuq in-natura u l-livell tar-restrizzjonijiet imposti b’mod konkret fuq dawn l-applikanti ġewwa dan il-post ta’ akkomodazzjoni (53). Din l-evalwazzjoni tinvolvi eżami tar-regoli rilevanti li jirregolaw il-proċeduri tal-eżerċizzju tad-drittijiet li jibbenefikaw minnhom u r-rispett tal-obbligi li jridu jikkonformaw magħhom. Fir-rigward tad-dimensjoni esterna ta’ din il-libertà, l-eżistenza ta’ ċaħda tal-libertà tiddependi, fil-fehma tiegħi, fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-applikanti għall-ażil għandhomx possibbiltà realistika, u mhux purament teoretika, li jitilqu mill-post ta’ akkomodazzjoni tagħhom minn jeddhom. Jidhirli li dan jeħtieġ evalwazzjoni globali tal-elementi fattwali u legali kollha li jista’ jkollhom influwenza fuq l-għażla magħmula mill-applikanti għall-ażil ikkonċernati.

156. Ladarba l-kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit jekk applikanti għall-ażil humiex “detenuti”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33 ġew identifikati, hemm lok li jiġu applikati għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

b)      Applikazzjoni għal dan il-każ

157. F’dan l-istadju hija meħtieġa preċiżjoni metodoloġika. Fid-dawl tal-importanza li għandha tingħata, fil-kuntest ta’ din l-analiżi, lill-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’kull waħda mill-kawżi magħquda huma fil-preżent is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ tneħħija, ser niddistingwi s-sitwazzjoni tal-imsemmija rikorrenti qabel u wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

1)      Dwar l-eżistenza ta’ detenzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ tneħħija

158. L-ewwel perijodu beda bid-deċiżjoni tal-5 ta’ Frar 2019 (jew tal-5 ta’ Diċembru 2018), meħuda wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil, li permezz tagħha l-awtorità tal-ażil indikat iż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, u b’mod partikolari s-settur ta’ dik iż-żona rriżervat għall-applikanti għall-ażil, bħala post ta’ akkomodazzjoni obbligatorja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

159. L-ewwel nett tqum il-kwistjoni dwar jekk din id-deċiżjoni kellhiex l-effett li tqiegħed lir-rikorrenti f’sitwazzjoni ta’ iżolament.

160. Skont il-qorti tar-rinviju, iż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke hija mdawra b’ċint għoli u b’fildiferru mxewwek, li fih inħolqu diversi setturi. Nemmen li, għall-finijiet tar-risposta għad-domanda magħmula fil-punt preċedenti, wieħed għandu jikkunsidra il-firxa tas-settur taż-żona ta’ tranżitu li fih għexu dawn ir-rikorrenti, u mhux dik taż-żona kollha kemm hi. Fil-fatt, kull wieħed minn dawn is-setturi huwa separat mill-oħrajn permezz ta’ ċnut u huwa biss f’każijiet rari ħafna li wieħed jista’ joħroġ mis-settur tiegħu biex imur f’settur ieħor. Madankollu, mhemmx dubju li s-settur irriżervat għall-applikanti għall-ażil taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke, li jikkostitwixxi biss porzjon ta’ din tal-aħħar, jaqa’ effettivament taħt il-kunċett ta’ “post partikulari”, kif użat fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, jew ta’ “perimetru delimitat jew ristrett” fejn jgħixu persuni maqtugħin fiżikament mid-dinja ta’ barra (54), u li għaldaqstant ikunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ iżolament.

161. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti kinux imċaħħda mil-libertà ta’ moviment tagħhom f’dak is-settur.

162. Id-deċiżjoni tar-rinviju jipprovdilna ċertu għadd ta’ elementi rilevanti f’dan ir-rigward. L-ewwel nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirrisjedu f’kontejner tal-ħadid li l-erja tiegħu ma hijiex aktar minn 13 m2. It-tieni, il-possibbiltà li jmorru f’settur ieħor taż-żona ta’ tranżitu hija limitata ħafna (darbtejn fil-ġimgħa għal madwar siegħa). It-tielet, minbarra din il-possibbiltà, dawn ir-rikorrenti għandhom biss id-dritt li jitilqu mis-settur irriżervat għall-applikanti għall-ażil meta l-preżenza tagħhom tkun meħtieġa għall-finijiet tat-twettiq ta’ atti ta’ proċedura li jikkonċernawhom jew meta jmorru f’postijiet, taħt skorta tal-pulizija jew tal-gwardjani armati, għall-finijiet ta’ kontrolli jew ta’ kura medika. Ir-raba’, l-imsemmija rikorrenti jista’ jkollhom kuntatti ma’ persuni li jkunu ġejjin minn barra, inkluż mal-avukati tagħhom, biss wara awtorizzazzjoni minn qabel, fi spazju taż-żona ta’ tranżitu rriżervat għal dan il-għan fejn huma jkunu twasslu taħt skorta tal-pulizija. Il-ħames nett, id-deċiżjoni tar-rinviju tagħti lil wieħed x’jifhem ukoll li l-movimenti tagħhom huma ssorveljati kontiwament minħabba l-preżenza tal-pulizija jew tal-gwardjani armati ġewwa ż-żona ta’ tranżitu, kif ukoll qrib iċ-ċnut.

163. Nemmen li din il-ġabra ta’ evidenza turi livell għoli ta’ restrizzjoni fuq il-libertà ta’ moviment tal-applikanti għall-ażil tant li din is-sitwazzjoni tista’ titqabbel ma’ sistema normali ta’ ħabs, u b’hekk dan jiġġustifika l-konklużjoni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu mċaħħda minn tali libertà matul l-akkomodazzjoni tagħhom fis-settur taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke riżervat għall-applikanti għall-ażil.

164. Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-elementi sussegwenti mressqa mill-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet tagħha. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li la l-issodisfar tal-ħtiġijiet materjali relatati mal-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum deċenti, pereżempju permezz tal-provvediment ta’ sodda, ta’ armarju li jissakkar għal kull persuna jew ta’ ‘microwave ovens’, la l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ rikreazzjoni u lanqas il-provvediment ta’ tagħlim skolastiku għat-tfal ma għandhom effett dirett fuq il-libertà ta’ moviment tal-applikanti għall-ażil li jkunu joqogħdu hemm. Il-preżenza ta’ ħaddiema soċjali u ta’ psikologi fuq il-post lanqas ma għandha effett.

165. Fir-rigward tal-eżistenza ta’ possibbiltà “realistika” għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jitilqu miż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke minn jeddhom, fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Gvern Ungeriż jesprimi l-konvinzjoni li tali possibbiltà teżisti, peress li xejn ma jwaqqafhom milli jabbandunaw tali żona minn jeddhom jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan.

166. Madankollu, huwa raġonevoli li jitqies li n-natura realistika ta’ possibbiltà ta’ tluq volontarju għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-applikanti għall-ażil. F’dan ir-rigward, jidhirli li tali natura hija nieqsa, peress li tluq miż-żona ta’ tranżitu huwa neċessarjament sinonimu ma’ rinunzja għall-possibbiltà li tinkiseb il-protezzjoni internazzjonali mitluba. L-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2013/32 jipprovdu li fil-każ ta’ rtirar, espliċitu jew impliċitu, tal-applikazzjoni jew ta’ rinunzja impliċita għaliha, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiddeċiedi jew li tagħlaq l-eżami jew li tirrifjuta l-applikazzjoni. Anki jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti teoretikament kellha l-possibbiltà, fil-każ tat-tluq tal-applikant għall-ażil, li tieħu deċiżjoni abbażi tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, jidhirli li huwa probabbli ħafna, jew saħansitra ċert, li tali deċiżjoni ma tkunx favurih. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li ebda applikant għall-ażil ma jinsab f’sitwazzjoni li jitlaq miż-żona ta’ tranżitu minn jeddu.

167. Approċċ pragmatiku u realistiku tal-perspettiva ta’ tluq volontarju miż-żona ta’ tranżitu jimplika li wieħed jistaqsi dwar il-libertà ta’ moviment ta’ migrant li joħroġ mill-imsemmija żona. Huwa konċepibbli li migrant li jitlaq mill-faċilitajiet taż-żona ta’ tranżitu jsib ruħu waħdu, f’sitwazzjoni li jista’ jmur fejn irid? Ir-risposta hija ċertament fin-negattiv.

168. Mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ungeriż stess jirriżulta li l-persuna kkonċernata ma tkunx tista’ tibqa’ fl-Ungerija, fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju nazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 5(1)b tal-Liġi dwar il-Fruntieri tal-Istat, il-pulizija Ungeriża tista’, matul sitwazzjoni ta’ kriżi kkawżata minn immigrazzjoni massiva, tinterroga liċ-ċittadini barranin li jkunu qegħdin joqogħdu illegalment fit-territorju nazzjonali kollu u teskortahom sal-għeluq tal-fruntiera l-iktar viċin, ħlief fil-każ ta’ suspett ta’ ksur. Mhemmx alternattiva oħra għall-migrant ikkonċernat ħlief li jmur lejn is-Serbja, jiġifieri li jmur lura minn fejn ġie, tal-inqas, f’kuntest ta’ inċertezzi dwar l-awtorizzazzjoni tad-dħul tiegħu fit-territorju Serb, kif ukoll dwar il-legalità tas-sitwazzjoni tiegħu u dwar id-destin li jista’ jkun riżervat għalih mill-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll tal-immigrazzjoni. F’tali każ, fil-fatt huwa jkollu żewġ possibbiltajiet. L-ewwel waħda tikkonsisti fil-qsim tal-fruntiera bejn is-Serbja u l-Ungerija minn punt ta’ qsim tal-fruntiera u waqt il-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti, skont l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”) (55), u dan iwassal bla dubju għal rifjut ta’ ammissjoni (jew riammissjoni) min-naħa tal-awtoritajiet Serbi kompetenti, peress li r-Repubblika tas-Serbja ma taċċettax li tilqa’ l-migranti li jkunu ġejjin minn żoni ta’ tranżitu Ungeriżi, minħabba li tqishom bħala li jkunu daħlu legalment fit-territorju tal-Ungerija għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tal-ftehim ta’ riammissjoni. It-tieni waħda tikkonsisti f’li jaqsam il-fruntiera msemmija b’mod li jikser l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, f’liema każ ir-residenza irregolari tiegħu fis-Serbja probabbilment tesponih għal sanzjonijiet ta’ natura kriminali, peress li l-approċċ repressiv adottat mir-Repubblika tas-Serbja fir-rigward tal-qsim illegali huwa dokumentat sew (56). Għaldaqstant, il-possibbiltà li dan il-migrant jitlaq liberament miż-żona ta’ tranżitu u jidħol is-Serbja hija realistika? Hemm dubju kbir dwar dan (57).

169. Fid-dawl tar-risposta negattiva li nissuġġerixxi fir-rigward tal-eżistenza tal-libertà tagħhom li jitilqu miż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke sabiex imorru fl-Istat ospitanti jew f’pajjiż ieħor, nemmen li jista’ jitqies li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu effettivament imċaħħda mil-libertà ta’ moviment tagħhom matul il-perijodu ta’ residenza fl-imsemmija żona qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ tneħħija.

170. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li, matul il-perijodu bejn il-5 ta’ Frar 2019 (jew il-5 ta’ Diċembru 2018) u l-25 ta’ April 2019 (jew it-12 ta’ Frar 2019), dawn ir-rikorrenti kienu tqiegħdu f’“detenzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33.

2)      Dwar l-eżistenza ta’ detenzjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ tneħħija

171. It-tieni perijodu, li beda bl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ tneħħija u li għadu jippersisti sal-lum, jinqasam fih innifsu f’żewġ segmenti temporali distinti. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-fatt komplew jgħixu fis-settur irriżervat għall-applikanti għall-ażil taż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke wara din id-deċiżjoni u qabel is-17 ta’ Mejju 2019 (Kawża C‑924/19) jew sas-27 ta’ Marzu 2019 (Kawża C‑925/19), dati li fihom l-awtorità nazzjonali kompetenti imponiet fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jirrisjedu fis-settur tal-barranin ta’ dik iż-żona ta’ tranżitu. Dan is-sekwenzar ma jaffettwax ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari inkwistjoni.

172. Għall-istess raġunijiet bħal dawk żviluppati fir-rigward tas-settur irriżervat għall-applikanti għall-ażil, is-settur tal-barranin għandu jiġi kklassifikatbħala l-post ta’ detenzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33.

173. Rigward l-eżistenza ta’ ċaħda tal-libertà ta’ moviment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġewwa l-post ta’ akkomodazzjoni li ngħatalhom, jidhirli li huwa evidenti, fid-dawl tad-dettalji pprovduti waqt is-seduta mill-partijiet ikkonċernati kollha, li, għalkemm dawn ir-rikorrenti ma għandhomx tali libertà fis-settur irriżervat għall-applikanti għall-ażil, huma wkoll imċaħħda minnha fis-settur tal-barranin, peress li r-restrizzjonijiet fis-seħħ f’dan it-tieni settur huma analogi għal dawk applikati f’dak tal-ewwel. F’dan ir-rigward, ninnota li minbarra l-elementi msemmija fil-punt 162 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Gvern Ungeriż jiżvela l-preżenza ta’ sistema ta’ sorveljanza bil-vidjo li tkopri l-barranin kollha, bl-esklużjoni biss ta’ parti miż-żoni komuni, tal-faċilitajiet sanitarji u tal-ġewwa tal-kontejners tal-metall li jservu bħala abitazzjonijiet.

174. Rigward il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhomx possibbiltà realistika li jitilqu miż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke minn jeddhom, fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju li r-risposta għandha tkun fin-negattiv. Huwa fil-fatt f’dan l-istadju tal-analiżi li l-fatt li, fil-25 ta’ April 2019 (jew fit-12 ta’ Frar 2019), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu suġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ tneħħija għandu rwol determinanti.

175. Huwa irrilevanti li l-pajjiż ta’ destinazzjoni tat-tneħħija, inizjalment is-Serbja, kien ġie emendat permezz tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali kompetenti fit-3 ta’ Ġunju 2019 (jew is-17 ta’ April 2019), li tipprovdi li t-tneħħija tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha ssir lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tar-rikorrenti, jiġifieri l-Afganistan jew l-Iran. Huwa s-sempliċi fatt li huma destinatarji ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ tneħħija li huwa rilevanti f’dan il-każ.

176. Fil-fatt, peress li, bħala tali, din id-deċiżjoni toħloq obbligu legali ta’ ritorn għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati minnha (58), it-tluq ta’ dawn ir-rikorrenti miż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke minn jeddhom ma jistax jitqies. B’mod iktar preċiż, l-imsemmija rikorrenti jistgħu jitilqu legalment minn tali żona ta’ tranżitu biss jekk l-awtoritajiet Ungeriżi jlestu l-atti proċedurali kollha neċessarji għat-tneħħija tagħhom, kif previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115.

177. L-argument tal-Gvern Ungeriż ftit li xejn jidhirli li huwa espliċitu biżżejjed meta jinvoka, fl-istess ħin, il-fatt li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati, li huma suġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn lejn is-Serbja, “setgħu liberament jitilqu miż-żona ta’ tranżitu” iżda “għażlu li jibqgħu” fiha u ċ-ċirkustanza li l-persuni kkonċernati “ma osservawx l-obbligu li jitilqu miż-żona ta’ tranżitu impost fuqhom mid-deċiżjoni inizjali ta’ ritorn mogħtija mill-awtorità kompetenti”. F’dan ir-rigward, ninnota li fid-deċiżjoni tar-rinviju huwa espost b’mod ċar li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu suġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ tneħħija lejn is-Serbja, fis-sens li kellu jsir trasferiment fiżiku tal-imsemmija rikorrenti taħt skorta, li jikkaratterizza ritorn furzat. Sussegwentement, ġiet adottata l-istess soluzzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti lejn l-Afganistan u l-Iran, fid-dawl tan-nazzjonalità tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, wara nuqqas ta’ riammissjoni mir-Repubblika tas-Serbja. Għalhekk, dan bl-ebda mod ma huwa l-każ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn b’perijodu adegwat għat-tluq volontarju fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/115. Ir-realtà tat-tneħħija ordnata mill-awtorità nazzjonali responsabbli hija radikalment inkompatibbli ma’ xi idea ta’ tluq volontarju tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

178. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li, mill-25 ta’ April 2019 jew mit-12 ta’ Frar 2019, dawn ir-rikorrenti tqiegħdu f’“detenzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33.

179. Tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, meqjusa bħala li tinkorpora r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tal-Karta, skont il-premessa 35 tad-Direttiva 2013/33, hija ta’ natura li tiżgura livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak iggarantit mill-KEDB fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ din tal-aħħar, u għalhekk hija konformi mal-preskrizzjoni li tinsab fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta.

4.      Dwar il-legalità tad-detenzjoni

180. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li għandhom jitqiesu bħala applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/32, kienu suġġetti għal detenzjoni waqt ir-residenza tagħhom fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke. Fil-kuntest tal-paragrafu (d) tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-legalità ta’ din id-detenzjoni, filwaqt li jitfakkar li, skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jistgħu jitqiegħdu f’detenzjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet.

181. Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ detenzjoni de facto tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tfisser, mid-definizzjoni tagħha stess, li s-sistema legali speċifika għal din il-miżura, iddefinita fl-Artikoli 8 sa 11 ta’ din id-direttiva, ma ġietx osservata. Għalhekk, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-ewwel fażi essenzjali li tikkonsisti fl-adozzjoni ta’ ordni ta’ detenzjoni xierqa, meħtieġa fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2013/33, hija nieqsa f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, jidhirli li ma huwiex faċli li wieħed ifittex l-eżistenza ta’ miżura ekwivalenti għal ordni ta’ detenzjoni espliċita, ikkostitwita f’dan il-każ mill-att li jistabbilixxi r-residenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fis-settur tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew dak li jimponilhom jirrisjedu fis-settur tal-barranin taż-żona ta’ tranżitu, minkejja li l-pożizzjoni tal-Gvern Ungeriż dejjem kienet li jikkontesta l-eżistenza stess ta’ kwalunkwe detenzjoni tal-persuni kkonċernati (59).

182. Għalhekk, la huma allegati bl-ebda mod, u lanqas a fortiori pprovati, (i) l-eżistenza ta’ eżami individwali minn qabel fir-rigward tal-implimentazzjoni possibbli ta’ soluzzjonijiet alternattivi, (ii) l-adozzjoni ta’ ordni ta’ detenzjoni li tindika r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt, imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33, li fuqhom hija bbażata, (iii) ir-realtà ta’ informazzjoni, f’lingwa li l-applikanti jifhmu jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu, minn naħa, dwar ir-raġunijiet għad-detenzjoni u l-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali għall-kontestazzjoni tal-ordni tad-detenzjoni, kif ukoll dwar il-possibbiltà li jitolbu assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas u, min-naħa l-oħra, li tispjega r-regoli li japplikaw fiċ-ċentru ta’ detenzjoni u jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom

183. Abbażi tar-raġunijiet ta’ illegalità, il-qorti tar-rinviju ssemmi t-tul indefinit tad-detenzjoni li t-terminu tagħha ma huwiex speċifikat. F’dan ir-rigward, jidhirli li l-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33 tikkontradixxi dan l-approċċ, fis-sens li huwa biss hawnhekk li ġie speċifikat li t-tul tad-detenzjoni għandu jkun “qasir kemm jista’ jkun”, mingħajr indikazzjoni ta’ tul massimu.

184. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-paragrafu (c) tat-tielet domanda, jekk l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva msemmija iktar ’il fuq jipprekludix li d-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil isseħħ għas-sempliċi raġuni li dawn ma jistgħux jipprovdu għall-bżonnijiet tagħhom minħabba nuqqas ta’ mezzi ta’ sussistenza. Huwa possibbli li wieħed jistaqsi dwar ir-rilevanza ta’ tali domanda, li tinvoka l-legalità ta’ detenzjoni minkejja li ebda deċiżjoni f’dan is-sens ma ġiet adottata formalment abbażi tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2013/33 u li l-kawżi prinċipali ma humiex relatati ma’ rikors għal annullament ippreżentat kontra att li jindika r-raġunijiet ta’ dritt u ta’ fatt li jwasslu għad-detenzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Huwa biss f’dan il-każ li jkun rilevanti li ssir evalwazzjoni tal-validità tar-raġuni inkwistjoni fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 8 ta’ dik id-direttiva.

185. Jekk din id-domanda speċifika kellha titqies bħala ammissibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv, sa fejn tali raġuni ta’ detenzjoni ma tinsabx fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, li jelenka b’mod eżawrjenti d-diversi raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw detenzjoni.

186. F’dawn iċ-ċirkustanzi, qiegħed jiġi propost li jiġi konkluż li l-Artikoli 26 u 43 tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2013/33 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tiddeċiedi, fuq il-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu, dwar l-inammissibbiltà jew il-mertu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ħlief fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 31(8) tad-Direttiva 2013/32, lil hinn minn terminu ta’ erba’ ġimgħat u billi ċċaħħad lill-applikanti mid-dritt tagħhom li jidħlu fit-territorju nazzjonali, li, flimkien mal-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni fiż-żona ta’ tranżitu li juru iżolament u mal-fatt li huwa impossibbli għalihom li jitilqu minn din iż-żona minn jeddhom, tikkaratterizza sitwazzjoni ta’ detenzjoni de facto. Din tal-aħħar għandha tiġi kklassifikata bħala illegali, peress li ma tirriżultax minn ordni ta’ detenzjoni li tindika r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li hija bbażata fuqhom, ippreċeduta minn eżami individwali minn qabel fir-rigward tal-implimentazzjoni possibbli ta’ soluzzjonijiet alternattivi u akkumpanjata minn informazzjoni, f’lingwa li l-applikanti jifhmu jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu, minn naħa, dwar ir-raġunijiet għad-detenzjoni u l-proċeduri stabbiliti fid-dritt nazzjonali għall-kontestazzjoni tal-ordni tad-detenzjoni, kif ukoll dwar il-possibbiltà li jitolbu assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas u, min-naħa l-oħra, li tispjega r-regoli li japplikaw fiċ-ċentru ta’ detenzjoni u li jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

5.      Dwar il-miżuri provviżorji

187. B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju ġiet adita b’rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni li permezz tiegħu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbuha tikkonstata li l-awtorità nazzjonali kompetenti naqset milli twettaq l-obbligi tagħha billi astjeniet milli tagħtihom post ta’ residenza barra miż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura amministrattiva kontenzjuża, id-dritt Ungeriż ma jagħtix lill-qrati nazzjonali, skont il-qorti tar-rinviju, is-setgħa li jadottaw, bħala miżuri provviżorji, deċiżjoni dwar l-iffissar ta’ tali post.

188. Permezz tal-paragrafu (e) tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk, fejn ikun ovvju li teżisti detenzjoni illegali, l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali għandu jkollha l-possibbiltà li tadotta tali miżuri provviżorji sabiex tobbliga lill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħti lill-applikanti għall-ażil ikkonċernati, sakemm tingħalaq il-proċedura amministrattiva kontenzjuża, post ta’ akkomodazzjoni li jkun jinsab barra miż-żona ta’ tranżitu, li ma jikkostitwixxix post ta’ detenzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33.

189. Għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza Factortame et(60), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni timplika neċessarjament li l-qorti adita bil-kawża rregolata minn dan id-dritt għandha tkun tista’ tagħti miżuri provviżorji biex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata fuq l-eżistenza tad-drittijiet invokati abbażi tad-dritt tal-Unjoni (61). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li projbizzjoni assoluta fuq l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, irrispettivament miċ-ċirkustanzi tal-każ, tmur kontra d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja sħiħa u effettiva tal-partijiet fil-kawża fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (62) – li issa huwa minqux fl-Artikolu 47 tal-Karta u li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE –, li b’mod partikolari timplika li tista’ tiġi żgurata l-protezzjoni provviżorja tagħhom, jekk din tkun neċessarja għall-effettività sħiħa tad-deċiżjoni finali (63).

190. Għalhekk jidher li r-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti nazzjonali fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, mhux prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa marbut mal-protezzjoni neċessarja ta’ dritt li għandu bħala bażi d-dritt tal-Unjoni u li n-nuqqas ta’ għarfien tiegħu huwa allegat quddiem l-imsemmija qorti. Madankollu, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tindikax b’mod espliċitu d-dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li nkiser, li jiġġustifika l-intervent tagħha qabel id-deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni sabiex tiġi ggarantita l-effettività ta’ din tal-aħħar.

191. Min-naħa tiegħi, nemmen li d-dritt inkwistjoni jista’ jirriżulta mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/33. Dik id-dispożizzjoni, li tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu rieżami ġudizzjarju tad-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, ex officio jew fuq l-inizjattiva ta’ dan tal-aħħar, tipprevedi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 tagħha, il-konsegwenza obbligatorja tal-konstatazzjoni ġudizzjarja tal-illegalità ta’ tali detenzjoni, jiġifieri r-rilaxx immedjat tal-applikant ikkonċernat. Il-korollarju ta’ dan l-obbligu impost fuq l-Istati Membri huwa neċessarjament dritt, tal-istess livell, għall-benefiċċju tal-imsemmi applikant. F’dan ir-rigward, ninnota li d-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq ma tipprevedix l-adozzjoni mill-qorti nazzjonali ta’ kwalunkwe miżura ta’ akkumpanjament għar-rilaxx relatata b’mod iktar partikolari mal-iffissar tal-post ta’ residenza tal-persuna kkonċernata.

192. Mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jistgħu jiċċaqilqu liberament fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jew f’żona assenjata lilhom minn dan l-Istat Membru, peress li dan tal-aħħar jista’ jiddeċiedi l-post ta’ residenza ta’ dawn l-applikanti skont il-kundizzjonijiet iddefiniti fil-paragrafi 2 u 3 tal-imsemmija dispożizzjoni. Il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni ma jidhirlix li juri l-eżistenza ta’ dritt tal-applikant għall-ażil fir-rigward tal-iffissar tal-post ta’ residenza tiegħu li l-ksur tiegħu jista’ jiġi allegat quddiem il-qorti tar-rinviju u li jista’ jagħti lok għall-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-deċiżjoni ġudizzjarja futura.

193. Fir-rigward tad-dritt għar-rilaxx immedjat, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk il-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tadotta miżuri provviżorji hijiex neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni finali dwar l-eżistenza ta’ detenzjoni illegali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali (64).

194. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza (65), jekk mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni jirriżultax li ma jeżisti ebda rimedju li jippermetti, anki b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni.

195. F’dan ir-rigward, ninnota li waqt is-seduta, kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Ungeriż ikkonfermaw l-eżistenza fl-ordinament ġuridiku Ungeriż ta’ rimedju msejjaħ tal-“protezzjoni legali immedjata”. Dan huwa mezz straordinarju, previst fil-Kodiċi tal-Kontenzjuż Amministrattiv, li jippermetti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, skont il-Gvern Ungeriż, li jressqu kawża quddiem il-qorti tar-rinviju jew qorti nazzjonali oħra sabiex jiksbu s-sospensjoni “immedjata u temporanja” tad-deċiżjoni li tkun tathom iż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke bħala post ta’ akkomodazzjoni obbligatorja. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan ir-rimedju jistax jiżgura l-osservanza tad-dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jiksbu rilaxx immedjat f’każ ta’ detenzjoni illegali. F’dan il-kuntest, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali protezzjoni legali immedjata, b’mod partikolari l-fatt, enfasizzat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali matul is-seduta, li din il-protezzjoni tista’ tingħata biss fil-preżenza ta’ “periklu immedjat”.

196. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li, jekk il-liġi nazzjonali ma tipprevedix rimedju intiż li jiżgura l-osservanza tad-dritt tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għar-rilaxx immedjat meta d-detenzjoni tagħhom kienet suġġetta għal dikjarazzjoni ġudizzjarja ta’ illegalità, l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tadotta miżuri provviżorji li jobbligaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti tipproċedi b’dan ir-rilaxx. Għall-kuntrarju, dritt tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jirrigwarda l-iffissar possibbli tal-post ta’ akkomodazzjoni tagħhom barra mill-post ta’ detenzjoni illegali ma jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni u għalhekk ma jistax ikun suġġett għal tali miżuri.

V.      Konklużjoni

197. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Szeged, l-Ungerija) kif ġej:

1)      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu rimedju kontra l-att li jemenda l-pajjiż ta’ destinazzjoni indikat f’deċiżjoni ta’ ritorn tal-inqas quddiem korp ġudizzjarju, meta l-awtorità amministrattiva jew il-korp kompetenti mitlubin jeżaminaw dak ir-rikors ma jkunux magħmulin minn membri imparzjali u li jgawdu minn garanziji ta’ indipendenza. Hija l-qorti tar-rinviju li, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, għandha l-obbligu li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li għandha tiżgura l-effett sħiħ tagħhom, li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi interpretata skont dawn ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni jew li ma tapplikax kull dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar li tmur kontra r-riżultat tad-Direttiva 2008/115, billi teżamina r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

2)      L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi rrifjutata bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minħabba li l-applikant ikun wasal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minn Stat li fih ma jkunx espost għal persekuzzjoni jew għal riskju ta’ ħsara serja, jew li fih jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni.

3)      L-Artikoli 38(4) u u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet irrifjutata abbażi tar-raġuni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-“pajjiż ta’ tranżitu bla periklu” u li dan tal-aħħar jirrifjuta li l-applikanti jidħlu fit-territorju tiegħu, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata, indipendentement mill-illegalità ta’ din ir-raġuni u mill-konsegwenzi marbuta magħha, li terġa’ tibda l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għall-ażil ex officio u tista’, f’dan il-kuntest, tapplika waħda mir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32. Fir-rigward tar-raġunijiet tal-“ewwel pajjiż ta’ asil” u tal-“pajjiż terz bla periklu”, stabbiliti fl-Artikolu 33(2)(b), u fl-Artikolu 33(2)(c) tad-Direttiva 2013/32 rispettivament, l-eżistenza ta’ riammissjoni vverifikata hija waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-ewwel raġuni, filwaqt li l-ammissjoni jew ir-riammissjoni għandha tiġi vverifikata biss fil-mument tal-infurzar ta’ deċiżjoni bbażata fuq it-tieni raġuni.

4)      L-Artikoli 26 u 43 tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tiddeċiedi, fuq il-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu, dwar l-inammissibbiltà jew il-mertu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, minbarra l-każijiet elenkati fl-Artikolu 31(8) tad-Direttiva 2013/32, lil hinn minn terminu ta’ erba’ ġimgħat u billi tiċħad lill-applikanti mid-dritt tagħhom li jidħlu fit-territorju nazzjonali, li, flimkien mal-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni fiż-żona ta’ tranżitu li juru iżolament u mal-fatt li huwa impossibbli għalihom li jitilqu minn din iż-żona minn jeddhom, tikkaratterizza sitwazzjoni ta’ detenzjoni de facto. Din id-detenzjoni għandha tiġi kklassifikata bħala illegali, billi ma tirriżultax minn ordni tad-detenzjoni li tindika r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li hija bbażata fuqhom, ippreċeduta minn eżami individwali minn qabel tal-implimentazzjoni possibbli ta’ soluzzjonijiet alternattivi u akkumpanjata minn informazzjoni, f’lingwa li l-applikanti jifhmu jew li huma raġonevolment mistennija li jifhmu, minn naħa, dwar ir-raġunijiet għad-detenzjoni u l-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali għall-kontestazzjoni tal-ordni tad-detenzjoni, kif ukoll dwar il-possibbiltà li jitolbu assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas u, min-naħa l-oħra, li tispjega r-regoli li japplikaw fiċ-ċentru ta’ detenzjoni u jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

5)      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jiġi kkonstatat, wara stħarriġ ġudizzjarju, li d-detenzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali hija illegali u l-liġi nazzjonali ma tipprevedix rimedju intiż li jiżgura l-osservanza tad-dritt tagħhom għal rilaxx immedjat, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/33, qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tadotta miżuri provviżorji li jobbligaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti tipproċedi b’dan ir-rilaxx. Għall-kuntrarju, dritt tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jirrigwarda l-iffissar possibbli tal-post ta’ akkomodazzjoni tagħhom barra mill-post ta’ detenzjoni illegali ma jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni u għalhekk ma jistax ikun suġġett għal tali miżuri.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


3      Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).


4      Qorti EDB, 21 ta’ Diċembru 2019, CE:ECHR:2019:1121JUD004728715.


5      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31)


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).


7      Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


8      Qorti EDB, 21 ta’ Novembru 2019, CE:ECHR:2019:1121JUD004728715.


9      Digriet tas-17 ta’ Diċembru 2019, Di Girolamo (C‑618/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1090, punt 25) u s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 29).


10      Għandu jiġi nnotat li d-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja saru, b’mod partikolari, minn qorti b’rabta mal-eżami ta’ rikors għal annullament li ma huwiex previst mil-liġi nazzjonali. Fil-fehma tiegħi, din il-konstatazzjoni ma taffettwax l-ammissibbiltà tal-imsemmija domandi, sa fejn l-ewwel waħda minnhom tirrigwarda preċiżament il-punt dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kif iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, li jeħtieġ risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-ewwel domanda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2019, KPMG Baltics, (C‑639/17, EU:C:2019:31, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


11      Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ riammissjoni mir-Repubblika tas-Serbja u l-konsegwenzi marbuta ma’ tali teħid ta’ pożizzjoni.


12      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Lovasné Tóth (C‑34/18, EU:C:2019:764, punt 40). Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750), punt 37)).


13      Nippreċiża li r-rilevanza tal-unika paragrafu (c) tad-domanda 3 tista’ tqajjem dubji, imqajma waqt l-eżami tad-domandi miġbura fit-tielet kategorija.


14      Din il-formulazzjoni, u b’mod iktar preċiż l-użu tat-terminu “infurzar”, tista’ tissuġġerixxi li d-deċiżjoni emendatorja inkwistjoni taqa’ taħt miżura ta’ natura proċedurali u mhux sostantiva.


15      Il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment tal-1 ta’ Settembru 2005 (COM (2005) 391 final) kienet tipprevedi biss rimedju ġudizzjarju.


16      Barra minn hekk, ir-rieda tal-leġiżlatur li jiddistingwi biss is-sitwazzjoni tat-tielet korp tar-rikors iċċitat kienet twassal għaż-żieda ta’ virgola qabel ma dan jissemma, kif ġej: “[…] quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti, jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza”.


17      Sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C‑219/95 P, EU:C:1997:375, punt 15).


18      Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2017, Khir Amayry (C‑60/16, EU:C:2017:675, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Il-paragrafu 2 tal-prinċipju 5 jistipula li r-rikors għandu joffri l-garanziji proċedurali meħtieġa u għandu jkollu ċerti karatteristiċi u, b’mod partikolari, il-fatt li t-terminu għall-preżentata tar-rikors ma għandux ikun iqsar b’mod irraġonevoli, peress li, f’dan il-każ, l-imsemmi terminu huwa biss ta’ erba’ u għoxrin siegħa.


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 60).


21      Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 38) u tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 48).


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 52).


23      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:960, punti 39 u 40).


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 51).


25      QEDB, 13 ta’ Diċembru 2012, CE:ECHR:2012:1213JUD002268907, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata. F’dik is-sentenza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem nnotat li r-rikorrent seta’ jippreżenta rikors quddiem qorti amministrattiva “li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ kompetenza sabiex teżamina l-ilmenti bbażati fuq l-Artikolu 8” (punt 92).


26      Sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 56).


27      Fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338, tas-16 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn (ĠU 2017, L 339, p. 83), jissemma dan li ġej: “Natura tal-korp ta’ reviżjoni: Skont l-Artikolu 6 u 13 tal-KEDB u l-Artikolu 47 [tal-Karta], il-korp tal-appelli, fis-sustanza, għandu jkun tribunal indipendenti u imparzjali. L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar ir-‘Ritorn’ huwa ispirat mill-qrib mil-Linji Gwida 5.1 u għandu jiġi interpretat skont il-każistika relevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (‘QEDB’). Skont din il-ġurisprudenza l-korp reviżur jista’ wkoll ikun awtorità amministrattiva sakemm din l-awtorità hija magħmula minn membri li huma imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprovdu għall-possibbiltà li d-deċiżjoni tiġi rieżaminata minn awtorità ġudizzjarja, f’konformità mal-istandards stabbiliti mill-Artikolu 47 [tal-Karta] dwar id-dritt għal rimedju effettiv.”


28      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465).


29      Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst vs Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776), u tas-26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Effett sospensiv tal-appell) (C‑180/17, EU:C:2018:775).


30      Għalkemm fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 58), isir riferiment għal dritt għal rimedju effettiv “tal-inqas quddiem istanza ġudizzjarja”, espressjoni li minnha tista’ tiġi dedotta l-possibbiltà li r-rikors jiġi ttrattat minn korp mhux ġudizzjarju iżda neċessarjament taħt il-kontroll ta’ korp ġudizzjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika fis-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst vs Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 37), u tas-26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Effett sospensiv tal-appell) (C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 33) li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva “hija limitata għall-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju wieħed” mingħajr l-ebda spjegazzjoni oħra.


31      Il-proposta tat-2 ta’ Settembru 2018 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Settembru 2018 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (COM (2018) 634 final], li għadha pendenti, tipprovdi fl-Artikolu 16 tagħha dwar ir-rimedji li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu, rimedju effettiv sabiex jikkontesta d-deċiżjonijiet marbuta mar-ritorn quddiem awtorità ġudizzjarja kompetenti, peress li l-imsemmi ċittadin għandu d-dritt li jippreżenta rikors limitat għal livell wieħed biss ta’ ġurisdizzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn meta din tkun ibbażata fuq deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li kienet suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv skont l-istandard tad-dritt sekondarju li jirregola din l-applikazzjoni. Għalhekk ma għadx hemm riferiment għal awtorità amministrattiva jew korp kompetenti, magħmulin minn membri imparzjali u li jgawdu minn garanziji ta’ indipendenza, bħala korp ta’ rikors.


32      Sentenza LH (Tompa) (C‑564/18, UE:C:2020:218) u l-konklużjonijiet fil-kawża LH (Tompa) (C‑564/18, EU:C:2019:1056).


33      Sa fejn l-argument tal-Gvern Ungeriż jista’ jinftiehem bħala l-allegazzjoni ta’ inammissibbiltà, minħabba nuqqas ta’ rilevanza, tad-domandi preliminari miġbura fit-tieni kategorija, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju ġiet adita b’rikors dwar il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ azzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti fl-iffissar tal-post ta’ residenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tilwima li timplika d-determinazzjoni minn qabel tal-istatus legali ta’ dawn ir-rikorrenti li jikkostitwixxi s-suġġett tal-imsemmija domandi preliminari.


34      Bodart, S., “Article 18. Droit d’asile”, f’Picod, F., u Van Drooghenbroeck, S., (éd.), Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne – Commentaire article par article, Bruylant, 2020, p. 499.


35      Ninnota, f’dan ir-rigward, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut tal-applikazzjoni tagħhom għall-ażil ġew miċħuda mill-Fövárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) abbażi tal-konstatazzjoni li r-raġuni tal-“pajjiż ta’ tranżitu bla periklu” ma kinitx inkompatibbli mad-Direttiva 2013/32 minħabba l-fatt li setgħet tiġi kklassifikata taħt ir-raġuni tal-“pajjiż terz bla periklu”.


36      Ara l-Proposta għal direttiva tal-Kunsill tal‑20 ta’ Settembru 2000 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (COM (2000) 578 finali) (ĠU 2001, C 262E, p. 231), kumment dwar l-Artikolu 22, li jipprovdi li: “Anki jekk din il-proposta ma timponix (ri)ammissjoni espliċita ċerta tal-applikant inkwistjoni, kwalunkwe eżami tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż terz bla periklu għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-mod kif l-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat ser jirreaġixxu għall-wasla tal-applikant. Hija r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jevalwa individwalment is-sitwazzjoni abbażi tal-provi rilevanti kollha li jikkonċernaw fost l-oħrajn l-esperjenzi preċedenti, l-informazzjoni kkomunikata mill-UNHCR [Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati] u minn Stati Membri oħrajn kif ukoll l-eżistenza ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (korsiv miżjud minni). F’dan ir-rigward, ara wkoll “Legal considerations regarding access to protection and a connection between the refugee and the third country in the context of return or transfer to safe third countries” tal-UNHCR, April 2018, disponibbli fuq http://bit.ly/2ON4D0I, li fihom huwa ppreċiżat b’mod ċar li “[p]rior to transfer, it is important, keeping with relevant international law standards, individually to assess whether the third state will: (re)admit the person” (“qabel it-trasferiment, huwa importanti, skont ir-regoli internazzjonali rilevanti, li jiġi eżaminat individwalment jekk il-pajjiż terz huwiex sejjer: jirriammetti l-persuna”) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


37      Korsiv miżjud minni.


38      F’dan ir-rigward, nosserva li l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (COM(2016) 467 finali) (“Proposta tar-Regoli tal-Proċedura l-ġodda”) tissuġġerixxi, minbarra l-bidla fid-denominazzjoni (“deċiżjoni finali”), li ssir emenda primordjali għad-definizzjoni ta’ “deċiżjoni finali” (Artikolu 4(2)(d)). Tali kunċett fil-fatt għandu jinkludi, skont din il-proposta, “deċiżjoni dwar jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat jingħatawx status ta’ rifuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja […] inkluża deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni bħala inammissibbli” (korsiv miżjud minni). L-emenda proposta tikkonferma, fil-fehma tiegħi, li din it-tip ta’ deċiżjoni ma taqax taħt il-portata tal-imsemmi kunċett taħt id-Direttiva 2013/32.


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 53), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat il-limiti li l-interpretazzjoni tagħha timplika għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali wara l-annullament tad-deċiżjoni amministrattiva inizjali li tirrifjuta tali applikazzjoni, b’mod partikolari bil-ħtieġa li jiġi ffavorit l-għan imfittex mid-Direttiva 2013/32, li jikkonsisti f’li tiżgura li t-talbiet ta’ dan it-tip ikunu jistgħu jiġu pproċessati “malajr kemm jista’ jkun”.


40      Sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019 (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 100).


41      Barra minn hekk, jidher li l-leġiżlatur Ungeriż fehemha b’dan il-mod, meta fl-Artikolu 51/A tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil inkluda dispożizzjoni li tipprovdi li “[j]ekk […] il-pajjiż terz bla periklu [jirrifjuta] li jkun […] responsabbli għall-applikant, l-awtorità kompetenti tal-ażil għandha tirtira d-deċiżjoni tagħha u tmexxi l-proċedura tal-ażil”.[traduzzjoni mhux uffiċjali] Huwa ppreċiżat li dan ma jeskludix li l-persuna kkonċernata tista’ tirtira espliċitament jew impliċitament l-applikazzjoni tagħha, skont l-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2013/32 qabel it-tkomplija tal-proċedura amministrattiva.


42      Mid-dibattiti tas-seduta jirriżulta li wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, li ġiet ikklassifikata mill-awtorità nazzjonali kompetenti bħala “applikazzjoni sussegwenti” u ġiet irrifjutata bħala inammissibbli.


43      L-Artikolu 2(q) jiddefinixxi l-“applikazzjoni sussegwenti” kif ġej: “applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1)”.


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall (C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 46), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li “meta applikant għall-ażil jippreżenta applikazzjoni sussegwenti għall-ażil, mingħajr ma jippreżenta provi jew argumenti ġodda, ikun sproporzjonat li l-Istati Membri jkunu obbligati jimplimentaw proċedura ġdida ta’ eżami komplet ” (korsiv miżjud minni). Ara wkoll “UNCHR Comments on the European Commission’s Proposal for an Asylum Procédure Regulation” tal-UNHCR, April 2019, dwar il-Proposta għar-Regoli tal-Proċedura l-ġodda, disponibbli fuq https:://www.refworld.org/docid/5cb597a27.html, li jispjega li: “In UNHCR’s view, treating an application as a subsequent application is justified only if the previous claim was considered fully on the merits, involving all the appropriate procedural safeguards”. (“Fl-opinjoni tal-UNHCR, li applikazzjoni titqies bħala applikazzjoni sussegwenti jkun iġġustifikat biss jekk l-applikazzjoni preċedenti tkun ġiet issuġġettata għal eżami sħiħ fuq il-mertu li jinvolvi l-garanziji proċedurali xierqa kollha”) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


45      Għalkemm il-formulazzjoni tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà bejn dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni, fatt li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, f’tali sitwazzjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ regola tad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Almos Agrárkülkereskedelmi, (C‑337/13, EU:C:2014:328, punt 18).


46      Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31).


47      Peress li l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32 ma jipprevedix punt tat-tluq għall-perijodu massimu ta’ erba’ ġimgħat, jidhirli li huwa xieraq li ssir referenza għat-termini tal-Artikolu 31 ta’ dik id-direttiva li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ eżami jkunu konklużi fi żmien sitt xhur “mill-preżentata tal-applikazzjoni”. Dan il-punt tat-tluq iddefinit għall-proċedura li tista’ tiġi kklassifikata bħala ordinarja jidhirli li huwa applikabbli, mutatis mutandis, għall-proċedura fuq il-fruntiera. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-iskadenza tal-imsemmi terminu, peress li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari isemmu biss id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.


48      Qorti EDB, 21 ta’ Novembru 2019, CE:ECHR:2019:1121JUD004728715.


49      Ara, fil-qasam tal-ażil, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45), u tal-14 ta’ Settembru 2017, K. (C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 32).


50      Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 52 tal-Karta, li jipprovdu li l-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu huwa intiż sabiex jiżgura l-koerenza meħtieġa bejn il-Karta u l-KEDB, “mingħajr ma dan jaffetwa b’mod negattiv l-awtonomija tal-liġi ta’ l-Unjoni u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea”.


51      Bil-kundizzjoni li dan ir-riżultat ma jinkisibx għad-detriment ta’ dritt ieħor stabbilit fil-Karta. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:253, punt 123).


52      Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2009 li tistabbilixxi l-istandards minimi dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil fl-Istati Membri (COM(2008) 815 finali).


53      Hija din iċ-ċaħda tal-libertà ġewwa l-post ta’ akkomodazzjoni li tiddistingwi, fil-fehma tiegħi, il-kunċett ta’ “detenzjoni” stabbilit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2013/33, mill-“obbligu li joqgħod f’żona ġeografika indikata” stabbilit fl-Artikolu 8(4) tal-istess direttiva.


54      Għalkemm huwa minnu li l-applikanti għall-ażil akkomodati fiż-żona ta’ tranżitu ta’ Röszke jibbenefikaw minn konnessjoni Wi-Fi u jitħallew iżommu t-telefon ċellulari tagħhom, nemmen li dan sempliċement itaffi s-sitwazzjoni ta’ iżolament fiżiku tagħhom.


55      L-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jaqra kif ġej: “Il-fruntieri esterni jistgħu jinqasmu biss minn punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti. Il-ħinijiet tal-ftuħ għandhom ikunu indikati b’mod ċar fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera li mhumiex miftuħa għal 24 siegħa kuljum”. Infakkar li, f’dan il-każ, l-Ungerija ma applikatx l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.


56      F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirreferu għall-istatistika ppreżentata fir-rapport tal-Belgrade Centre for Human Rights, “Right to Asylum in the Republic of Serbia 2018”, Belgrade, 2018, p. 29 u 30.


57      Infakkar ukoll li, jekk l-Ungerija tippermetti, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ħruġ mit-territorju tagħha mingħajr ma tipproċedi minn qabel għal “verifika bir-reqqa mal-ħruġ”, li hija obbligata twettaq skont l-Artikolu 8(3)(g) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, dan l-aġir jista’ jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Dawn il-verifiki jinkludu (i) il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun fil-pussess ta’ dokument validu sabiex jaqsam il-fruntiera; (ii) il-verifika tad-dokument tal-ivvjaġġar għal sinjali ta’ falsifikazzjoni jew kontrafazzjoni; (iii) meta possibbli, il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mhux meqjus bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe mill-Istati Membri.


58      L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2008/115 jiddefinixxi d-“deċiżjoni ta’ ritorn” bħala “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn”.


59      Il-kwistjoni mqajma mil-legalità tad-detenzjoni ma hijiex, fil-fehma tiegħi, dik tal-eżistenza ta’ deċiżjoni li għandha bħala effett li tqiegħed lill-migranti kkonċernati f’detenzjoni, iżda dik tar-realtà ta’ deċiżjoni li għandha bħala għan l-imsemmi tqegħid.


60      Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1990 (C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 20).


61      Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1990 (C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 20).


62      Fis-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2001, Kofisa Italia (C‑1/99, EU:C:2001:10) u tal-11 ta’ Jannar 2001, Siples (C‑226/99, EU:C:2001:14) hemm żewġ eżempji ta’ raġunament li jorbot protezzjoni ġudizzjarja effettiva u miżuri provviżorji.


63      Ara d-Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 1997, Antonissen vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑393/96 P(R), EU:C:1997:42, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 40 u 41), u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 103 u 104).


64      Kull evalwazzjoni li tirrigwarda n-natura possibbilment “manifesta” tal-illegalità tad-detenzjoni, li hija msemmija f’din id-domanda preliminari, ma jidhirlix li hija rilevanti f’dan il-kuntest.


65      Sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 41), u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 104).