Language of document : ECLI:EU:F:2008:174

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

15 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-34/07

Carina Skareby

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2005 – Ksur tar-regoli tal-proċedura – Nuqqas ta’ djalogu dwar l-iffissar tal-obbjettivi – Rapport simplifikat għall-perijodu minn Jannar sa Settembru 2005 – Nuqqas ta’ evalwazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu C. Skareby essenzjalment titlob, minn naħa, l‑annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2005 u, min-naħa l-oħra, il‑kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni bħala kumpens għad-danni għall-karriera, finanzjarji u morali allegatament subiti minnha.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Obbligu li jiġu stabbiliti l-obbjettivi li għandhom jintlaħqu – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Stabbiliment – Rapport simplifikat

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      Mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(5) tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill‑Kummissjoni jirriżulta li d-djalogu formali li jseħħ bejn l-evalwatur u l‑impjegat fil-bidu ta’ kull proċedura ta’ evalwazzjoni huwa intiż sabiex dawn jiffissaw, jekk ikun possibbli bi qbil bejniethom, l-obbjettivi li għandhom jintlaħqu mill-impjegat matul is-sena li fiha jkun qed iseħħ dan id-djalogu. B’hekk, l-importanza ta’ dan id-djalogu formali huwa evidenti fis-sitwazzjoni prevista fl-imsemmija Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni, fejn l‑evalwatur jipproponi lill-impjegat, b’mod unilaterali, obbjettivi li għandhom jintlaħqu fil-kuntest ta xogħolu, djalogu bħal dan b’hekk joffri l-possibbiltà, għall‑persuna kkonċernata, li tiddiskuti l-imsemmija obbjettivi u li tesponi l‑pożizzjoni tagħha sabiex jintlaħaq qbil fuq il-kontenut tagħhom.

Min-naħa l-oħra, dan ma jgħoddx fil-każ fejn huwa l-impjegat stess li, fuq talba tal-evalwatur, jiffissa l-obbjettivi tiegħu stess, li mbagħad jiġu aċċettati mill‑evalwatur permezz ta’ firma. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, jeżisti ftehim de facto bejn l-evalwatur u l-impjegat fuq l-obbjettivi li għandhom jintlaħqu, b’tali mod li l-użu ta’ djalogu formali bil-għan li jintlaħaq tali ftehim, għalkemm jibqa preferibbli peress li jikkostitwixxi dmir ta’ mmaniġjar fundamentali tal-evalwatur, madankollu ma jkunx iktar neċessarju.

Il-ksur tar-Regoli tal-Proċedura, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-proċess li bih jiġi stabbilit ir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera, jammontaw għall‑irregolaritajiet sostanzjali ta’ natura li jivvizzjaw il-validità ta’ dan it-tip ta’ rapport, bil-kunidzzjoni li l-uffiċjal juri li l-imsemmi rapport seta’ kellu kontenut differenti kieku ma seħħewx dawn il-ksur.

(ara l-punti 34, 36, 37 u 40)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Marzu 1999, Hubert vs Il‑Kummissjoni, T‑212/97, ĠabraSP p. I‑A‑41 u II‑185, punt 53; It-Tribunal għas-Serviżż Pubbliku 7 ta’ Mejju 2008, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, F‑36/07, Ġabra p. I‑0000, punt 57

2.      Fil-każ fejn matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni jinbidel l-evalwatur, l-Artikolu 4(3) tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni jipprovdi li l-evalwatur li jkun ser jitlaq mix-xogħol jistabbilixxi rapport simplifikat integrat fir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera u li jitratta esklużivament l-effiċjenza, l-kompetenza u l-kondotta fis-servizz waqt il-parti partikolari tal-perijodu kopert mir-rapport. Dan ir-rapport simplifikat, li ma jinkludix punti, huwa kkomunikat lill-impjegat, li jista’ jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu fil-parti ddedikata għal dan il-għan. L‑għan ta’ dan ir-rapport huwa li l-evalwatur jingħata l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi evalwat il-qadi tad-dmirijiet li l-persuna li tkun qed tiġi evalwata eżerċitat matul din il-parti partikolari tal-perijodu ta’ evalwazzjoni.

Iċ-ċirkustanza li l-evalwatur tar-rapport simplifikat, li kien ukoll l-evalwatur tar‑rapport tal-iżvilupp tal-karriera preċedenti, jirrepeti b’mod kważi komplut, fir‑rapport simplifikat, l-evalwazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmi rapport tal‑iżvilupp tal-karriera, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-effiċjenza, il-kompetenza u l-kondotta tal-uffiċjal evalwat fis-servizz, ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi b’mod awtomatiku li huwa ma evalwax l-uffiċjal, peress li l-evalwatur seta’ sempliċement josserva u jiddeċiedi li l-uffiċjal kien, fil-perijodu ta’ referenza, aġixxa bl-isess effiċjenza, kompetenza u kondotta fi ħdan l-istess servizz.

(ara l-punti 58 u 61)

Referenza: It-Tribunal għas-Serviżż Pubbliku 13 ta’ Diċembru 2007, Sequeira Wandschneider vs Il‑Kummissjoni, F‑28/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑119, II‑A‑1‑451), punt 48

3.      L-evalwaturi jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-ġudizzji tagħhom dwar ix-xogħol tal-persuni li għandhom ir-responsabbiltà li jevalwaw, fejn ir‑rapport ta’ evalwazzjoni jew tal-iżvilupp tal-karriera jesprimu l-opinjoni personali tagħhom liberament. B’hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux jissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-persuni responsabbli li jevalwaw ix‑xogħol tal-persuna evalwata bl-evalwazzjoni tiegħu. Il-ġudizzji tal-valur fuq l‑uffiċċjali fir-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera huma esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju, li jitwettaq biss, b’mod partikolari, fuq eventwali żbalji manifesti ta’ fatt.

F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li l-persuni li kitbu r-rapport tal-iżvilupp tal‑karriera wettqu ċerti żbalji jew li dawn għamlu dikjarazzjonijiet infondati, ilment ibbażat fuq il-fatt li l-imsemmi rapport huwa vvizzjat bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-realtà jikkonċerna ġudizzji ta’ valur li l-fondatezza tagħhom tista’ tiġi mistħarrġa biss f’limiti stretti.

(ara l-punti 69 u 71)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Jannar 1991, Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑63/89, Ġabra p. II‑19, punt 19; 16 ta’ Mejju 2006, Magone vs Il‑Kummissjoni, T‑73/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑107 u II‑A‑2‑485, punti 25 u 28, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq; 13 tal-Lulju 2006, Andrieu vs Il‑Kummissjoni, T‑285/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑161 u II‑A‑2‑775, punt 99