Language of document : ECLI:EU:C:2018:890

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-8 ta’ Novembru 2018 (1)

Kawża C-551/18 PPU

IK

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, (il-Bejġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Kontenut – Artikolu 8(1)(f) – Mandat ta’ arrest Ewropew li ma jsemmix piena addizzjonali imposta kontra l-persuna rikjesta – Konsenja skont tali mandat – Konsegwenzi”






1.        Ħafna drabi, l-istudenti tal-liġi fl-Ewropa jibdew id-dritt kriminali bi frażi bil-Latin: “nullum crimen nulla poena sine lege scripta, previa, certa et stricta”. Din hija regola ċara u prinċipju fundamentali tad-dritt: il-legalità tad-delitti u tal-pieni. Dak li wieħed jiskopri iktar tard, kemm bħala student tal-liġi, prattikant, avukat, professur jew anki avukat ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huma l-isfumaturi infiniti li jista’ jkollhom dawn il-kliem Latini. Kliem bħal “poena” dejjem jitolbu interpretazzjoni.

2.        Għalhekk, f’din il-kawża, hija inkwistjoni “piena addizzjonali” li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persuna kkundannata għal perijodu ta’ għaxar snin wara l-iskadenza ta’ piena li ċċaħħad il-libertà prinċipali u immedjata ta’ tliet snin. Din il-piena addizzjonali tinsab fost l-elementi li għandhom jissemmew f’mandat ta’ arrest Ewropew skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2), u jekk iva, x’inhuma l-konsegwenzi jekk ma tissemmix?

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit” jipprevedi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [TUE]”.

4.        Skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas mandat ta’ arrest Ewropew “jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur”.

5.        L-Artikolu 3 jelenka r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, filwaqt li l-Artikolu 4 jistabbilixxi r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva (3).

6.        L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas jinkludi regoli dettaljati dwar iċ-ċirkustanzi li fihom l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi rrifjutata jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċess li wassal għad-deċiżjoni (4).

7.        L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas, jiddefinixxi “l-awtorità ġudizzjarja emittenti” bħala “l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat” u “l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni” bħala “l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat”.

8.        L-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew” jipprovdi:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

a)      l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna rikjesta;

b)      l-isem, l-indirizz, in-numri tat-telefon u l-fax u l-indirizz tal-posta elettronika ta’ l-awtorità ġudizzjarja emittenti;

c)      l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

d)      in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikolu 2;

e)      deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna rikjesta;

f)      il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti;

g)      jekk possibbli, konsegwenzi oħra tar-reat”.

9.        Skont l-Artikolu 11(1) tad-Deċiżjoni Qafas, meta persuna rikjesta tiġi arrestata, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni kompetenti għandha tinformaha, skont id-dritt nazzjonali tagħha, “bil-mandat ta’ arrest Ewropew u bil-kontenut tiegħu, u wkoll bil-possibbiltà li tagħti l-kunsens għall-konsenja lill-awtorità ġudizzjarja emittenti”.

10.      L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Qafas jirrigwarda l-kunsens tal-persuna rikjesta għall-konsenja tagħha:

“1. Jekk il-persuna arrestata tindika li tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja, dak il-kunsens u, jekk adatt, rinunzja espressa għall-benefiċċju tar-‘regola ta’ l-ispeċjalità’, imsemmija fl-Artikolu 27(2), għandhom jingħataw quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, skond il-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni.

2. Kull Stat Membru għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kunsens u, fejn adatt, ir-rinunzja, kif imsemmija fil-paragrafu 1, ikunu stabbiliti b’tali mod li juri li l-persuna kkonċernata tathom volontarjament u f’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna rikjesta għandu jkollha d-dritt għal avukat.

3. Il-kunsens u, fejn adatt, ir-rinunzja, kif imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom ikunu rreġistrati formalment skond il-proċedura stabbilita mil-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni.

4. Fil-prinċipju, il-kunsens ma jistax jiġi rrevokat. […]”

11.      Skont l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Qafas, “[f]ejn il-persuna arrestata ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 13, hija għandha tkun intitolata li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni”.

12.      L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas jirrigwarda d-deċiżjoni dwar il-konsenja:

“1. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2. Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

3. L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni”.

13.      L-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu “jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza”. Skont l-Artikolu 17(2) u (3), meta l-persuna rikjesta tagħti kunsens għall-konsenja tagħha, id-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perijodu ta’ għaxart ijiem wara l-imsemmi kunsens, filwaqt li fil-każijiet l-oħra, id-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’terminu ta’ sittin ġurnata wara l-arrest tal-persuna rikjesta. L-Artikolu 17(6) jipprovdi li għandhom jingħataw raġunijiet għal kull rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

14.      L-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Qafas jirrigwarda s-smigħ tal-persuna rikjesta, meta din ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha:

“1. Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ minn awtorità ġudizzjarja, assistita minn persuna oħra nominata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

2. Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u bil-kondizzjonijiet stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u dawk ta’ esekuzzjoni.

3. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni kompetenti tista’ tinkariga awtorità ġudizzjarja oħra ta’ l-Istat Membru tagħha biex tieħu sehem fis-smigħ tal-persuna rikjesta sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adatta ta’ dan l-Artikolu u tal-kondizzjonijiet stabbiliti”.

15.      Taħt it-titolu “Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra”, l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, barra dak li għaliha ġiet konsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja ta’ esekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.      Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna.

[…]”.

16.      Skont l-Artikolu 31(1) tagħha, id-Deċiżjoni Qafas tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ diversi konvenzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-estradizzjoni bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni (5) u l-Konvenzjoni dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (6).

17.      Il-formola ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas, tinkludi kaxxa (ċ) “Indikazzjonijiet dwar it-tul tal-piena”, li l-punti (1) u (2) tagħha huma intitolati, “Tul massimu tal-piena ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni li tista’ tiġi imposta għar-reat/i” u “Tul tal-piena ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni imposta” rispettivament.

18.      Il-kaxxa (f) tal-formola ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija intitolata “Ċirkostanzi oħra rilevanti għall-każ ” u tindika li din l-informazzjoni hija fakultattiva.

 Id-dritt Belġjan

19.      Skont l-Artikolu 34a tal-Kodiċi Kriminali Belġjan, it-tqegħid għad-dispożizzjoni hija piena addizzjonali li għandha jew tista’ tiġi imposta fil-każijiet previsti mil-liġi għall-finijiet ta’ protezzjoni tas-soċjetà kontra persuni li wettqu fatti gravi li kkawżaw dannu għall-integrità tal-persuni. L-eżekuzzjoni tagħha hija rregolata mill-Artikoli 95/2 sa 95/30 tal-Liġi tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-Istatus Ġuridiku Estern tal-Persuni Kkundannati għal Piena li Ċċaħħad il-Libertà u dwar id-Drittijiet Rikonoxxuti lill-Vittma fil-Kuntest tal-Modalitajiet ta’ Eżekuzzjoni tal-Piena (iktar ’il quddiem il-“Liġi tas-17 ta’ Mejju 2006”).

20.      Skont l-Artikolu 95/2 tal-Liġi tas-17 ta’ Mejju 2006, it-tqegħid għad-dispożizzjoni jieħu effett mal-iskadenza tal-piena prinċipali. Qabel l-iskadenza tal-piena prinċipali, il-Qorti Penintenzjarja tiddeċiedi jew li ċċaħħad mil-libertà jew li tillibera taħt sorveljanza, lill-persuna kkundannata mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha. Din tal-aħħar tiġi mċaħħda mil-libertà tagħha meta fil-każ tagħha jeżisti riskju li hija twettaq reati gravi li jikkawżaw dannu għall-integrità fiżika ta’ terzi u meta ma jkunx possibbli li dan ir-riskju jiġi mtaffi bl-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet partikolari fil-kuntest ta’ liberazzjoni taħt sorveljanza. Waqt is-seduta, il-Gvern Belġjan ikkonferma li t-tiċħid tal-libertà addizzjonali ma huwiex awtomatiku iżda jiddependi mill-eżami tal-każ individwali tal-persuna kkundannata.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21.      Permezz ta’ sentenza kontradittorja tal-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju) tal-1 ta’ Frar 2013, IK, ċittadin Belġjan, kien ikkundannat għal piena prinċipali ta’ tliet snin priġunerija għal att li jikkostitwixxi attentat għall-pudur imwettaq mingħajr vjolenza jew theddid kontra minuri ta’ inqas minn sittax-il sena (iktar ’il quddiem il-“piena prinċipali”). Permezz tal-istess sentenza u għal dan l-istess reat, huwa tqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-Qorti Penitenzjarja (il-Belġju) għal perijodu ta’ għaxar snin (iktar ’il quddiem il-“piena addizzjonali”).

22.      Peress li wara s-sentenza IK ħarab lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, l-awtorità ġudizzjarja Belġjana kompetenti ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront tiegħu fis-27 ta’ Awwissu 2014. Il-mandat ta’ arrest Ewropew identifikah, semma l-piena prinċipali, in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reati kif ukoll id-dispożizzjonijiet legali applikabbli, u kien jinkludi espożizzjoni tal-fatti. Madankollu, huwa ma semmiex il-piena addizzjonali li għaliha IK kien ġie kkundannat ukoll.

23.      Wara l-arrest ta’ IK fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-rechtbank Amsterdam, internationale rechtshulpkamer (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, Awla tal-Għajnuna Ġudizzjarja Reċiproka Internazzjonali, il-Pajjiżi l-Baxxi), awtorizzat, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, il-konsenja ta’ IK lir-Renju tal-Belġju għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà.

24.      Imbagħad IK ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Belġjani u mqiegħed taħt detenzjoni. Din id-detenzjoni kienet ibbażata fuq il-kundanna tiegħu għall-piena prinċipali, li l-iskadenza tagħha kienet ġiet iffissata għat-12 ta’ Awwissu 2018, kif ukoll fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni għal perijodu ta’ għaxar snin.

25.      Qabel l-iskadenza tat-terminu tal-piena prinċipali, fil-kuntest tal-proċedura li tirrigwarda l-piena addizzjonali imposta fuq IK, id-Direttur tal-ħabs ta’ Wortel (il-Belġju) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur ħarġu opinjoni intiża għat-tiċħid tal-libertà ta’ IK. Fil-21 ta’ Ġunju u fid-19 ta’ Lulju 2018, l-istrafuitvoeringsrechtbank Antwerpen (il-Qorti Penitenzjarja ta’ Antwerpen, il-Belġju) organizzat seduti sabiex tiddeċiedi dwar il-piena addizzjonali.

26.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, IK argumentat li l-konsenja mill-awtoritajiet Olandiżi ma kinitx tirrigwarda l-piena addizzjonali. Fil-fehma tiegħu, il-Qorti Penitenzjarja ma setgħetx tordna piena li ċċaħħad il-libertà għall-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, peress li l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Belġjani ma jsemmihx.

27.      Imbagħad, fit-2 ta’ Lulju 2018, l-awtorità emittenti kompetenti fi ħdan l-istrafuitvoeringsrechtbank te Antwerpen (il-Qorti Penitenzjarja ta’ Antwerpen) indirizzat lill-awtoritajiet Olandiżi talba għal kunsens addizzjonali għall-piena tat-tqegħid għad-dispożizzjoni imposta fuq IK, skont l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas. Billi qiesu li kunsens addizzjonali jista’ jingħata biss għall-finijiet ta’ kkundannata jew ta’ tiftix għal reat ieħor minbarra dak li mmotiva l-għoti tal-konsenja tagħha, u billi qiesu li dan ma kienx il-każ f’dan il-każ, l-awtoritajiet Olandiżi ma laqgħux din it-talba.

28.      Permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Lulju 2018, l-istrafuitvoeringsrechtbank te Antwerpen (il-Qorti Penitenzjarja ta’ Antwerpen) ċaħdet l-argument ta’ IK u ddeċidiet li żżommu f’detenzjoni. B’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, IK inżamm f’detenzjoni sakemm l-istrafuitvoeringsrechtbank (il-Qorti Penitenzjarja) tieħu deċiżjoni ġdida.

29.      Fit-3 ta’ Awwissu 2018, IK ippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Hof van cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Bejġju, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”). Skont l-aggravju uniku invokat, il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Belġjan isemmi biss il-piena li ċċaħħad il-libertà imposta fuq IK. Konsegwentement, ma jeżisti ebda mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Belġjani għall-piena addizzjonali, u għalhekk il-konsenja mill-qorti Olandiża abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew tal-awtoritajiet Belġjani ma hijiex relatata magħha.

30.      Fid-dawl tal-aggravju invokat minn IK, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 8(1)(f) tad-[Deċiżjoni Qafas] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja emittenti ssemmi biss il-piena li ċċaħħad il-libertà eżekutorja li ġiet imposta, mingħajr ma ssemmi l-piena addizzjonali mogħtija għall-istess reat u permezz tal-istess deċiżjoni ġudizzjarja, bħat-tqegħid għad-dispożizzjoni, li ser tagħti lok għal tiċħid effettiv tal-libertà biss wara l-eżekuzzjoni tal-[piena prinċipali], u dan biss wara deċiżjoni formali mogħtija għal dan il-għan mill-istrafuitvoeringsrechtbank (il-Qorti Penitenzjarja)?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 8(1)(f) tad-[Deċiżjoni Qafas] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsegwenza tal-konsenja mill-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jsemmi biss il-piena li ċċaħħad il-libertà eżekutorja li ġiet imposta, u għalhekk ma jsemmix il-piena addizzjonali […] mogħtija għall-istess reat u permezz tal-istess deċiżjoni ġudizzjarja, hija li, fl-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, jista’ jkun hemm it-tiċħid effettiv tal-libertà b’eżekuzzjoni ta’ din il-piena addizzjonali?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 8(1)(f) tad-[Deċiżjoni Qafas] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsegwenza tal-fatt li, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma semmietx il-piena addizzjonali […] mogħtija, hija li din il-piena addizzjonali, fejn jista’ jiġi preżunt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tafx biha, ma tistax tagħti lok għal tiċħid effettiv tal-libertà fl-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja emittenti?”

31.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn IK, mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Olandiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet, kif ukoll il-Gvern Irlandiż u l-Gvern Pollakk, ippreżentaw osservazzjonijiet orali matul is-seduta li saret fit-22 ta’ Ottubru 2018.

 Fuq l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

32.      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ din it-talba, hija targumenta li IK jinsab f’detenzjoni fil-Belġju, peress li ż-żamma tiegħu f’detenzjoni tiddependi direttament mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari.

33.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, li taqa’ taħt l-oqsma koperti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konsegwentement, dan ir-rinviju jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju relatat mal-urġenza, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija fil-preżent imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi evalwata fl-istat li tkun fiha fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (7).

35.      Issa, f’dan il-każ, minn naħa, huwa stabbilit li f’dik id-data, IK kien imċaħħad mil-libertà. Min-naħa l-oħra, iż-żamma f’detenzjoni ta’ dan tal-aħħar tiddependi mill-konsegwenzi tal-fatt li l-piena addizzjonali ma ssemmietx fil-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-ordni ta’ detenzjoni li huwa suġġett għaliha attwalment ħadet effett mal-iskadenza tal-piena prinċipali.

36.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-10 ta’ Settembru 2018, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Analiżi

 Osservazzjonijiet preliminari

 Fuq il-portata, l-għanijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas

37.      Id-Deċiżjoni Qafas timmarka l-mogħdija minn sistema ta’ estradizzjoni ta’ persuni rikjesti, ibbażata fuq il-kunċett tas-sovranità tal-Istati, għas-sistema ta’ konsenja, li hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

38.      Dan l-approċċ huwa konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, li jipprovdu li bejn l-Istati Membri għandha titneħħa l-proċedura formali ta’ estradizzjoni għall-persuni li jipprovaw jaħarbu mill-ġustizzja wara li jkunu s-suġġett ta’ kundanna finali u li għandha tiġi ssostitwita b’sempliċi trasferiment ta’ dawn il-persuni (8). Huwa jaqa’ wkoll fil-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja (9).

39.      Għalhekk, meta mqabbla mar-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew bejn l-Istati Membri sal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, is-sistema l-ġdida tissostitwixxi l-moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali (10). F’dan il-kuntest, il-konsenja tintalab u tingħata f’sistema legali supranazzjonali ta’ integrazzjoni, li fiha l-Istati jirrinunzjaw parzjalment għas-sovranità tagħhom (11). L-elementi prinċipali ġodda għad-dritt tal-estradizzjoni, introdotti mid-Deċiżjoni Qafas, huma l-ġeneralizzazzjoni tal-konsenja taċ-ċittadini (12), il-projbizzjoni parzjali tal-kriminalità doppja (13) u l-istabbiliment tal-motivi ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni f’listi eżawrjenti (14). Meta mqabbel mas-sistema l-antika ta’ estradizzjoni t-tibdil huwa “radikali” (15).

40.      Din il-mogħdija mis-sistema ta’ estradizzjoni għas-sistema ta’ konsenja kienet enfasizzata wkoll diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja, sa mill-ewwel sentenza li tirrigwarda d-Deċiżjoni Qafas (16) u sallum (17).

41.      Għalhekk, il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie konċepit bħala sistema intiża li tissostitwixxi l-proċedura ta’ estradizzjoni biex tiffaċilita l-konsenja ta’ persuna rikjesta li tinsab fi Stat Membru differenti minn dak fejn inħareġ dan il-mandat. Dan il-kunċett jirriżulta b’mod ċar ħafna mid-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas, li jipprovdi li l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa deċiżjoni ġudizzjarja intiża għall-arrest tal-persuna rikjesta fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru emittenti, sabiex tiġi kkonsenjata lil dan tal-aħħar.

42.      F’dan il-kuntest, l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas huma stabbiliti b’mod ċar.

43.      B’mod partikolari, mill-Artikolu 1(1) u (2) u mill-premessi 5 u 7 tad-Deċiżjoni Qafas jirriżulta li din għandha l-għan li timplimenta, abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jittressqu azzjonijiet kontrihom, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Għaldaqstant, bl-introduzzjoni ta’ din is-sistema simplifikata u iktar effettiva, id-Deċiżjoni Qafas hija intiża sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan assenjat lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (18).

44.      Din is-sistema timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fil-konklużjonijiet ta’ Tampere tiegħu, il-Kunsill Ewropew iddeskriva bħala l-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja (19). Dan il-prinċipju jinsab fil-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali fl-Unjoni Ewropea (20). Dan jippreżumi livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (21). L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku twassal sabiex kull awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirrikonoxxi ipso facto, u permezz ta’ kontrolli minimi, it-talba għal konsenja ta’ persuna rikjesta mill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ieħor (22).

45.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa ddefinit b’mod ċar mid-Deċiżjoni Qafas. Għalhekk, huwa jirrigwarda l-arrest u l-konsenja ta’ persuna għall-finijiet, jew tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ detenzjoni li ċċaħħad il-libertà (23). Fl-ewwel każ, il-“limitu” stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas isemmi li l-fatti li jagħtu lok għal azzjonijiet kriminali għandhom ikunu punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena jew ordni ta’ detenzjoni li ċċaħħad il-libertà ta’ mill-inqas tnax-il xahar; fit-tieni każ li l-kundanna mogħtija għandha tkun ta’ mill-inqas erba’ xhur (24).

46.      Il-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas tirrifletti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew kif ukoll id-distinzjoni bejn il-każijiet tal-piena possibbli u tal-piena imposta. Għalhekk, fil-kaxxa (ċ) tagħha, intitolata “Indikazzjonijiet dwar it-tul tal-piena”, il-formola tipprevedi li għandhom jissemmew, taħt il-punt (1), it-tul massimu tal-piena jew ordni ta’ detenzjoni li jċaħħdu l-libertà li “tista’ tiġi imposta” (u hawnhekk ninnota li hija ma tirreferix għall-piena minima, u dan jippermetti li jiġi vverifikat li ma jinqabiżx il-limitu ta’ tnax-il xahar), u taħt il-punt (2), it-tul tal-piena jew ordni ta’ detenzjoni li ċċaħħad il-libertà “imposta”.

47.      Din il-kawża tirrigwarda ġustament it-tieni każ, jiġifieri l-eżekuzzjoni ta’ piena jew ordni ta’ detenzjoni imposta.

 Fuq il-prinċipju tal-ispeċjalità

48.      Il-Gvern Olandiż jibbaża ruħu fuq il-prinċipju tal-ispeċjalità sabiex jikkonkludi li l-piena addizzjonali ma tistax tiġi eżegwita għaliex l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma kienx informat biha. Għalhekk, jidhirli li huwa neċessarju li tiġi speċifikata mill-ewwel il-portata possibbli ta’ dan il-prinċipju f’din il-kawża.

49.      Il-kunċett ta’ speċjalità għandu l-oriġini tiegħu fid-dritt tal-estradizzjoni. Huwa jikkonsisti fl-idea li l-fatti li fuqhom il-persuna estradita ser tiġi mogħtija sentenza wara l-estradizzjoni tagħha jiġu limitati għal dawk li mmotivaw il-konsenja tagħha (25). Għalhekk, fl-Artikolu 14 tagħha, il-Konvenzjoni tal-1957 tipprovdi regola ta’ speċjalità li abbażi tagħha l-persuna estradita ma tistax la tista tkun is-suġġett ta’ ażżjonijiet, la tingħata sentenza, la tiġi detenuta, u lanqas tiġi suġġetta għal restrizzjoni tal-libertà tagħha għal fatt preċedenti għal konsenja tagħha, minbarra għal dawk li mmotivaw l-estradizzjoni. Fl-Artikolu 10 tagħha, il-Konvenzjoni tal-1996 tinkludi wkoll dan il-prinċipju, iżda b’kamp ta’ applikazzjoni ridott.

50.      Fid-dritt tal-estradizzjoni, il-prinċipju ta’ speċjalità jillimita s-setgħat tal-Istat emittenti li lejh persuna ġiet estradita sabiex jipproteġi lil din il-persuna minn kundanna jew piena marbuta ma’ fatti differenti minn dawk li għalihom hija ġiet estradita. Il-ġustifikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija l-biża’ li l-Istat li jitlob l-estradizzjoni jillimita t-talba tiegħu għall-atti li għalihom ingħatat l-estradizzjoni, sabiex imbagħad iressaq azzjonijiet kontra l-persuna estradita għal reati oħra, pereżempju politiċi (26).

51.      Fil-loġika tal-fiduċja reċiproka li tikkostitwixxi l-pedament tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-proposta tad-Deċiżjoni Qafas kienet tipprevedi tbegħid minn dan il-prinċipju u tipproponi t-tneħħija tiegħu, flimkien mat-tneħħħija tal-prinċipju ta’ kriminalità doppja (27). Madankollu, fit-test finali tad-Deċiżjoni Qafas dan il-prinċipju nżamm fl-Artikolu 27 intitolat “Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra”, li jinsab fil-Kapitolu 3 dwar l-“Effetti tal-Konsenja”.

52.      Għalhekk, skont l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas persuna kkonsenjata ma tistax tkun is-suġġett ta’ azzjonijiet, ikkundannata jew mċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li mmotiva l-konsenja (28). Din ir-regola hija marbuta mas-sovranità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u tagħti lill-persuna rikjesta d-dritt li tkun is-suġġett ta’ azzjonijiet, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà biss għar-reat li mmotiva l-konsenja tagħha (29).

53.      Kemm mill-istorja u mill-kontenut tal-prinċipju ta’ speċjalità kif ukoll mill-formulazzjoni tiegħu fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas, inkluż mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27 tagħha, jirriżulta b’mod ċar li dan il-prinċipju jirrigwarda biss (i) reati mwettqa qabel il-konsenja u li (ii) huma differenti mir-reat jew reati li mmotivaw il-konsenja. Ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ speċjalità jeskludi wkoll l-eżekuzzjoni ta’ pieni oħra li jċaħħdu l-libertà. Fl-opinjoni tiegħi, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għal elementi oħra tmur kontra s-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas, ibbażata fuq il-fiduċja reċiproka bil-għan li tissimplifika il-proċeduri ta’ konsenja.

54.      Għaldaqstant, nirrifjuta l-argument tal-Gvern Olandiż li jidhirli li huwa bbażat fuq il-perspettiva l-antika tas-sistema ta’ estradizzjoni bbażata fuq approċċ tas-sovranità nazzjonali.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

55.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni Qafas jimponiex li l-piena addizzjonali tissemma fil-mandat ta’ arrest Ewropew.

56.      L-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jinkludi informazzjoni, ippreżentata skont formola li tinsab fl-Anness tiegħu, dwar “il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali”.

57.      Din l-informazzjoni għandha tissemma fil-kaxxa (ċ) tal-formola, li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas, intitolata “Indikazzjoni dwar it-tul tal-piena”, u li l-punt 2 tagħha jipprovdi li għandu jiġi indikat it-tul tal-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni li jċċaħħdu l-libertà.

58.      Il-kunċett ta’ “piena” ma huwiex iddefiniet mid-Deċiżjoni Qafas. Huwa għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni uniformi u awtonoma fi ħdan l-Unjoni, indipendentement mir-regoli sostantivi u proċedurali, fin-natura tagħhom diverġenti, fil-qasam kriminali, fid-diversi Stati Membri (30). Din l-interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, kemm il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (31).

59.      Skont is-sens abitwali u etimoloġiku (32) tagħha, il-kelma “piena” tfisser punizzjoni, kastig. Fil-qasam kriminali, din il-punizzjoni hija prevista mil-liġi u hija imposta bħala sanzjoni minn qorti f’isem u għad-difiża tal-interess pubbliku.

60.      Id-Deċiżjoni Qafas teħtieġ ukoll li din il-piena li għall-eżekuzzjoni tagħha l-persuna hija rikjesta tkun “imposta” b’sentenza finali.

61.      Mill-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas jidher b’mod ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jinkludi fil-kunċett ta’ “piena” l-ordnijiet l-oħra li jċaħħdu l-libertà (33). Għalhekk, anki jekk l-Artikolu 8(1)(f) isemmi biss il-“piena” imposta, jidhirli li fid-dawl tal-kaxxa (ċ) tal-formola, li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas, din il-kelma għandha tinftiehem bħala li tinkludi wkoll l-ordnijiet li jċaħħdu l-libertà.

62.      Madankollu, il-mandat ta’ arrest Ewropew li jikkostitwixxi l-għan tad-Deċiżjoni Qafas jirrigwarda biss l-eżekuzzjoni tal-“pieni” jew tal-“ordnijiet ta’ detenzjoni” li jċaħħdu l-libertà (34). Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, il-“pieni” u “ordnijiet ta’ detenzjoni” li ma jċaħħdux il-libertà, ma għandhomx jissemmew fil-kaxxa (ċ) tal-formola, li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas.

63.      Fir-rigward tal-kontenut tal-kunċett ta’ “tiċħid tal-libertà”, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżuri li ċertament jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment tal-persuna kkonċernata, bħal arrest domiċiljaru għal perijodu ta’ disa’ sigħat matul il-lejl, akkumpanjat minn sorveljanza ta’ din il-persuna permezz ta’ ċappetta elettronika, minn obbligu li tippreżenta ruħha kuljum jew diversi drabi fil-ġimgħa fl-għassa tal-pulizija f’ħinijiet fissi, kif ukoll minn projbizzjoni li din titlob il-ħruġ ta’ dokumenti li jippermettulha tivvjaġġa barra mill-pajjiż, ma humiex daqstant restrittivi li jikkawżaw effett li jċaħħdu l-libertà (35). Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkorrobora din l-interpretazzjoni. Għalhekk ġie deċiż li miżuri li jobbligaw lill-persuna kkonċernata tippreżenta ruħha darba fix-xahar lill-awtorità tal-pulizija responsabbli mis-sorveljanza, li żżomm kuntatti maċ-ċentru psikjatriku tal-isptar ikkonċernat, li tirresjedi f’post speċifiku, li ma titbigħedx mill-komunità fejn hija tirresjedi kif ukoll li tibqa’ fid-dar tagħha bejn l-22.00 u s-7.00 ma jikkostitwixxux tiċħid tal-libertà, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (36).

64.      Sabiex ngħaddi issa għall-għan tad-Deċiżjoni Qafas, hija ġurisprudenza stabbilita li dan huwa li tiġi ffaċilitata u mħeffa l-kooperazzjoni ġudizzjarja (37).

65.      Fil-kuntest ta’ din is-sistema, jidhirli li l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas sservi għan doppju li tagħti lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni l-informazzjoni neċessarja għal konsenja tal-persuna rikjesta u li tiżgura lil din il-persuna l-osservanza tad-drittijiet tagħha (nerġa’ ndur għal dan l-aspett iktar ’il quddiem, fil-punti 106 et seq.).

66.      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar preċiż ir-raġunament tal-Artikolu 8(1)(f)(kaxxa ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, “Indikazzjonijiet dwar it-tul tal-piena”), jidhirli li dan huwa deskritt b’mod korrett fl-Anness III tal-Manwal dwar il-Ħruġ ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew. Din l-informazzjoni sservi “sabiex jiġi rreġistrat qbiż […] tal-limiti tas-sanzjonijiet previsti mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas”.

67.      Għaldaqstant, il-piena li għall-eżekuzzjoni tagħha tintalab il-konsenja hija informazzjoni fundamentali sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Barra minn hekk, it-tul ta’ din il-piena huwa element imsemmi speċifikament fil-kaxxa (ċ) tal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas.

68.      Issa, tqum il-kwistjoni dwar jekk piena addizzjonali, imposta permezz tal-istess sentenza li timponi l-piena prinċipali li ċċaħħad il-libertà, tikkostitwixxix “piena imposta” fis-sens tal-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni Qafas. Mill-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-piena tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Qorti Penitenzjarja għal perijodu ta’ għaxar snin. Hija tieħu effett biss wara l-iskadenza tal-piena prinċipali. Ikun hemm tiċħid tal-libertà supplimentari biss jekk il-Qorti Penitenzjarja tiddeċiedi li dan għandu jkun il-każ.

69.      Qabelxejn ninnota li din il-piena addizzjonali turi perfettament l-isfumaturi infiniti li jista’ jkollhom is-sanzjonijiet kriminali fuq livell nazzjonali. Nammetti b’mod volontarju d-diffikultajiet li dawn il-partikolaritajiet jistgħu jippreżentaw għall-awtorità ġudizzjarja emittenti, meta tiġi sabiex timla’ l-kaxxi tal-formola tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li fl-aħħar mill-aħħar, hija soluzzjoni “lesta għall-użu”, u li fiha, bil-għan li tiġi simplifikata l-konsenja ta’ persuna rikjesti, għandha tingħata l-informazzjoni neċessarja kollha.

70.      X’għandu jsir minn din il-piena addizzjonali, li n-natura tagħha “li ċċaħħad il-libertà”, skont it-termini tad-dritt tal-Unjoni u t-tul eventwali tagħha, anki jekk imposta permezz tal-istess sentenza tal-piena prinċipali, jibqgħu inċerti fil-mument meta l-qorti nazzjonali timla’ l-formola tal-mandat ta’ arrest Ewropew?

71.      Ma naqbilx mal-approċċ tal-Kummissjoni, li din l-informazzjoni għandha tissemma fil-kaxxa (ċ) taħt il-punt (1) tal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas, parti prevista għal meta l-mandat ta’ arrest “joħroġ għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-azzjonijiet kriminali” (38). Jidhirli li din l-interpretazzjoni hija żbaljata għaliex, sabiex tirrispondi għal partikolarità nazzjonali, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni fid-dritt Belġjan, hija tinjora l-istruttura binarja tas-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas li tenfasizza b’mod ċar id-differenza bejn mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżerċizzju ta’ azzjonijiet kriminali, minn naħa, u dak maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ordni ta’ detenzjoni li ċċaħħad il-libertà, min-naħa l-oħra (39). B’hekk hija tista’ tippreġudika ċ-ċarezza u kif jinftiehem il-mandat ta’ arrest Ewropew. Dan ikollu l-konsegwenza li jikkomprometti l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ konsenja billi tintuża formola uniformi fuq livell tal-Unjoni Ewropea (40).

72.      Hija l-qorti nazzjonali li għandha l-informazzjoni neċessarja kollha dwar din il-piena addizzjonali sabiex tiddetermina, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jekk din tikkorrispondix mal-kunċett ta’ “piena imposta” tal-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni Qafas u konsegwentement għandhiex tissemma fil-kaxxa (ċ) taħt il-punt (2) tal-formola tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

73.      Fl-opinjoni tiegħi, f’din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin.

74.      Fid-dawl tal-fatt li l-piena addizzjonali hija biss eventwalità u li hija tista’ ma twassalx għal piena supplimentari ta’ tiċħid tal-libertà (l-unika suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas), din tista’ tissemma bħala “konsegwenzi oħra tar-reat”, skont l-Artikolu 8(1)(g) u konsegwentement fil-kaxxa (f) tal-formola tal-mandat ta’ arrest Ewropew, intitolata “Ċirkostanzi oħra rilevanti għall-każ (informazzjoni fakultattiva)”. Il-Manwal jispjega li ġeneralment din il-kaxxa ma timteliex, iżda wara process din tista’ sservi sabiex tissemma pereżempju “l-assenza illegali mill-ħabs”. Ninnota li l-inklużjoni ta’ din l-informazzjoni fil-mandat ta’ arrest issir “jekk possibbli” (41). Madankollu, l-importanza tal-konsegwenzi li din il-piena jista’ jkollha għall-persuna kkundannata (f’din il-kawża sa għaxar snin ta’ tiċħid tal-libertà), twassalni sabiex nikkonkludi li huwa iktar xieraq li tintgħażel il-kaxxa (ċ) taħt il-punt (2) tal-formola. Minn-naħa l-oħra, pieni li ma jċaħħdux il-libertà jistgħu jitqiegħdu fil-kaxxa (f) tal-formola.

75.      Għalhekk, meta l-piena addizzjonali ma tkunx tista’ tiġi sseparata mill-piena prinċipali (42), mogħtija permezz tal-istess deċiżjoni ġudizzjarja, u tkun ta’ natura li ċċaħħad il-libertà, jidhirli li tikkorrispondi għall-kunċett ta’ “piena imposta” fis-sens tal-Artikolu 8(1)(f). Il-fatt waħdu li l-forma tal-eżekuzzjoni tagħha tkun għada mhux magħrufa ma huwiex biżżejjed sabiex jeżonera lill-Istat Membru emittenti mir-rekwiżit li jinforma lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni dwarha. Hawnhekk, nenfasizza li l-fatt li t-tul eżatt ta’ din il-piena ma jkunx magħruf minn qabel donnu huwa previst mill-Manwal li jipprovdi li sabiex timtela’ l-kaxxa (ċ) tal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas, “piena jew ordni ta’ detenzjoni li ċċaħħad il-libertà imposta, jista’ jkollha tul indeterminat, pereżempju fil-każ ta’ priġunerija għal ħajja jew piena li tinkludi trattament psikjatriku” (43).

76.      Fi kwalunkwe każ, waqt is-seduta l-Gvern Belġjan ikkonferma li l-prattika ta’ dan l-Istat Membru hija li jsemmi l-piena addizzjonali fil-kaxxa (ċ) taħt il-punt (2) tal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas, u li piena addizzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija waħda mill-elementi li għandhom jissemmew f’dan il-każ.

77.      Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li piena addizzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tissemma fil-kaxxa (ċ) taħt il-punt (2) tal-mandat ta’ arrest Ewropew, skont l-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni Qafas.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

78.      Jidhirli li t-tieni u t-tielet domandi huma marbutin strettament u jsiru skont ir-risposta, affermattiva jew negattiva, li għandha tingħata lill-ewwel domanda. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob kjarifiki dwar il-possibbiltà li IK jinżamm f’detenzjoni b’eżekuzzjoni tal-piena addizzjonali, skont jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqisx li huwa biżżejjed li l-mandat ta’ arrest Ewropew isemmi biss il-piena prinċipali, jew skont jekk hija tqisx li anki l-piena addizzjonali kellha tissemma fil-mandat ta’ arrest Ewropew.

79.      Fir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda, diġà spjegajt li piena addizzjonali, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, għandha tissemma fil-mandat ta’ arrest Ewropew, konformament mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni Qafas. Għalhekk, ma jidhirlix li huwa neċessarju li neżamina l-każ tat-tieni domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, għall-kompletezza, ninnota li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li ma huwiex neċessarju li tissemma, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, piena addizzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti, ma narax kif il-fatt li din ma tissemmiex jista’ jimpedixxi l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena.

80.      Issa ser ngħaddi għad-domanda relatata mal-konsegwenzi li l-fatt li l-piena addizzjonali ma tissemmiex fil-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jkollu fir-rigward tat-tiċħid tal-libertà tal-persuna kkonċernata b’eżekuzzjoni ta’ din il-piena.

81.      F’dan ir-rigward, irrid nenfasizza qabelxejn li fis-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja implimentata mid-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri jibqgħu kaptani tad-dritt kriminali nazzjonali tagħhom f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari d-definizzjoni tar-reati, tal-azzjonijiet kriminali, tal-pieni imposti u l-eżekuzzjoni tagħhom.

82.      Il-portata tal-mandat ta’ arrest Ewropew hija deskritta b’mod ċar u ddeterminata fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas: l-arrest u l-konsenja ta’ persuna rikjesta. Huwa wkoll f’dan il-każ li jintemmu l-effetti ġuridiċi ta’ din id-deċiżjoni ġudizzjarji.

83.      Dan huwa “ħolqa” li tibda bil-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas, tkompli bit-trażmissjoni tiegħu (Artikoli 9 u 10), bl-arrest tal-persuna rikjesta mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, bl-informazzjoni tal-persuna rikjesta u l-eventwali smigħ tagħha (Artikoli 11, 14 u 19), bid-detenzjoni tagħha jew bil-libertà provviżorja (Artikolu 12) u bid-deċiżjoni dwar il-konsenja u n-notifika tagħha (Artikoli 15 sa 18 u 22). Imbagħad din il-ħolqa tingħalaq bl-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li titwettaq bil-konsenja (Artikoli 23 sa 25).

84.      Fl-opinjoni tiegħi, l-effetti ta’ din il-proċedura ma jistgħux imorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni u mill-għan tad-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri l-konsenja tal-persuna rikjesta. Il-ftit effetti ta’ din il-proċedura li jkomplu wara l-konsenja huma stabbiliti b’mod ċar fil-Kapitolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas. Dan huwa l-prinċipju ta’ speċjalità, esplorat fil-punti 49 et seq. iktar ’il fuq, u ċerti limitazzjonijiet għall-possibiltà ta’ konsenja jew estradizzjoni sussegwenti.

85.      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu stabbiliti l-konsegwenzi tan-nuqqas li tissemma l-eżistenza ta’ piena addizzjonali fil-mandat ta’ arrest Ewropew.

86.      Qabel kollox, irrid nenfasizza li dan in-nuqqas li tissemma bl-ebda mod ma jaffettwa l-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

87.      Huwa biżżejjed li jingħad li l-kunċett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew “invalidu” ma huwiex previst mid-Deċiżjoni Qafas. Huwa kien introdott mill-ġurisprudenza, jiġifieri mis-sentenza Bob-Dogi, f’kuntest preċiż ħafna (44).

88.      Issa, din il-kawża hija differenti mill-kawża Bob-Dogi, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ksur ta’ rekwiżit ta’ regolarità li l-osservanza tiegħu tikkostitwixxi kundizzjoni tal-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew, għandu, bħala prinċipju, iwassal sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma teżegwixxix dan il-mandat ta’ arrest (45).

89.      Għalhekk, fil-kawża Bob-Dogi, kienet kwistjoni tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ibbażat fuqu dan-l-istess mandat u mhux fuq mandat ta’ arrest nazzjonali jew fuq deċiżjoni nazzjonali oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas jinkludi rekwiżit ta’ regolarità li l-osservanza tiegħu tikkostitwixxi kundizzjoni tal-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew, u li l-ksur tiegħu għandu, bħala prinċipju, iwassal sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma teżegwixxihx. Madankollu, qabel ma taġixxi b’dan il-mod, din l-awtorità għandha, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, titlob lill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti tipprovdilha b’urġenza kull informazzjoni addizzjonali neċessarja sabiex teżamina jekk in-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali fil-mandat ta’ arrest Ewropew tistax tiġi spjegata jew mill-fatt li effettivament tali mandat ta’ arrest nazzjonali preċedenti u distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew ma jeżistix jew inkella mill-fatt li tali mandat jeżisti, iżda ma ssemmiex. Fil-fatt huwa biss jekk il-bażi ġuridika tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jiġifieri f’dan il-każ il-mandat ta’ arrest nazzjonali, effettivament ma teżistix, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tkunx tista’ teżegwixxih (46).

90.      Fil-kawża Bob-Dogi, il-mandat ta’ arrest Ewropew kien inħareġ għall-finijiet ta’ konsenja għal azzjonijiet kriminali iżda fl-assenza ta’ deċiżjoni nazzjonali li tikkostitwixxi l-bażi ġuridika tiegħu. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Bot, din kienet tirrigwarda assenza ta’ bażi ġuridika nazzjonali li tiskwalifika l-att milli jkun mandat ta’ arrest Ewropew u mhux irregolarità formali li tista’ tiġi rregolarizzata bl-użu tal-qafas ta’ kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas (47).

91.      Żewġ elementi jiddistingwu din il-kawża mill-kawża Bob-Dogi. Fl-ewwel lok, din tirrigwarda mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena, u mill-informazzjoni sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-piena ġiet imposta skont id-dritt nazzjonali mill-qrati nazzjonali kompetenti permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Frar 2013. Għalhekk, is-sentenza eżekuttiva li tikkostitwixxi l-bażi ġuridika tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, skont l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas teżisti tabilħaqq – barra minn hekk din issemmiet fil-kaxxa (b) taħt il-punt (2) tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Fit-tieni lok, il-piena li ċċaħħad il-libertà li taqbeż il-limitu rikjest mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas hija wkoll eżistenti. Għalhekk, ma hemmx nuqqas ta’ bażi ġuridika nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-piena prinċipali u l-piena addizzjonali.

92.      Barra minn hekk l-irregolarità li tikkonsisti fin-nuqqas li tissemma’ l-piena addizzjonali hija, kif spjega l-Gvern Belġjan fis-seduta, tinsija min-naħa tal-awtorità emittenti (jiena nazzarda nżid ukoll, fid-dawl tad-diffikultà li tiġi ddeterminata n-natura eżatta tal-piena addizzjonali analizzata fil-punti 69 et seq. iktar ’il fuq u l-konfużjoni li ħarġet waqt is-seduta fir-rigward tal-kaxxa xierqa sabiex tissemma fiha, din it-tinsija jidhirli li hija wkoll skużabbli). Dan l-iżball formali bl-ebda mod ma jinvalida l-eżistenza tal-bażi ġuridika nazzjonali neċessarja. Barra minn hekk, dan seta’ faċilment jiġi kkoreġut matul il-proċedura ta’ konsenja, kieku ġie nnotat minn wieħed mill-partijiet fil-proċedura (jiġifieri l-awtorità emittenti, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jew il-persuna rikjesta).

93.      Għalhekk, din l-irregolarità ma tivvizzjax il-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew u ma tistax tikkostitwixxi raġuni sabiex ma jiġix eżegwit.

94.      Barra minn hekk, nikkonstata li l-assenza ta’ din l-informazzjoni lanqas ma tista’ tikkostitwixxi raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

95.      L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas jimplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Huwa jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi ta’ dan il-prinċipju u skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss abbażi tal-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati b’mod eżawrjenti fid-Deċiżjoni Qafas, u l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet li jinsabu hemm elenkati b’mod limitat. Konsegwentement, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa intiż bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Għalhekk, id-Deċiżjoni Qafas tipprevedi espressament, fl-Artikolu 3 tagħha, il-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fl-Artikoli 4 u 4a tagħha, il-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tiegħu, kif ukoll, fl-Artikolu 5 tagħha, il-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari (48).

96.      Bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ indikazzjoni, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, tal-eżistenza ta’ piena addizzjonali ma tinsabx fost il-motivi għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati fl-imsemmija Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas u lanqas ma taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tagħha.

97.      F’dan il-kuntest, u peress li ġie stabbilit li n-nuqqas li tissemma l-piena addizzjonali fil-mandat ta’ arrest Ewropew ma jikkostitwixxix irregolarità li tivvizzja l-validità tal-imsemmi mandat, u lanqas motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu, x’għandhom ikunu l-konsegwenzi eventwali ta’ din l-irregolarità?

98.      Sabiex tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan doppju tar-rekwiżit li l-piena addizzjonali tissemma fil-mandat ta’ arrest Ewropew.

99.      Dan huwa, l-ewwel nett, li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jingħata l-informazzjoni neċessarja għall-konsenja tal-persuna kkonċernata u li dan ikun jista’ jeżerċita l-kontroll tiegħu fuq dan il-mandat (anki jekk dan il-kontroll jirriżulta li huwa minimu). L-indikazzjoni tal-piena sservi għalhekk sabiex jiġi vverifikat li l-mandat jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri li l-piena imposta ċċaħħad il-libertà u taqbeż l-erba’ xhur skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas (49). Hija sservi wkoll sabiex tiżgura l-osservanza tal-garanzija prevista fl-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni Qafas, li tirrigwarda l-pieni u l-ordinijiet ta’ detenzjoni li jċaħħdu l-libertà ta’ natura perpetwa.

100. It-tieni nett, dan huwa li tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet tal-persuna rikjesta. Din il-persuna għandha d-dritt, skont l-Artikolu 11(1) tad-Deċiżjoni Qafas li tkun informata bl-eżistenza u bil-kontenut tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li tagħti jew ma tagħtix il-kunsens għall-konsenja tagħha.

101. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, is-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas tipprevedi proċeduri fil-każ ta’ informazzjoni inkompleta jew nieqsa. Dawn il-proċeduri huma miftuħa għall-partijiet differenti fil-proċedura ta’ konsenja, jiġifieri l-Istat Membru emittenti, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u l-persuna rikjesta, b’mod li tiġi żgurata, fil-konfront ta’ kull wieħed minnhom, l-osservanza tal-prerogattivi tagħhom u tad-drittijiet rispettivi tagħhom permezz ta’ “kontroll” li huwa għalhekk multilaterali, b’tali mod li l-effettività tas-sistema ma tiġix kompromessa.

102. Għalhekk, l-Istat Membru emittenti jista’ fi kwalunkwe ħin, u fuq inizjattiva tiegħu stess, jibagħat l-informazzjoni addizzjonali utli kollha lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, skont l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni Qafas.

103. Min-naħa tiegħu, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu l-fakultà li meta jikkonstata li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti tkun insuffiċjenti jew inkompleta, jitlob il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali li huwa jikkunsidra neċessarja sabiex jieħu deċiżjoni dwar il-konsenja tal-persuna kkonċernata (50). Din il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet emittenti u ta’ eżekuzzjoni tikkostitwixxi element essenzjali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja li hija l-bażi tas-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku (51).

104. Nenfasizza li fis-sistema simplifikata ta’ konsenja ta’ persuni rikjesti stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas, il-kontenut tal-mandat ta’ arrest Ewropew previst mill-Artikolu 8(1) tagħha, jikkorrispondi għal informazzjoni intiża sabiex tipprovdi d-dettalji formali minimi u suffiċjenti, sabiex l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jkunu jistgħu jipproċessaw malajr il-mandat ta’ arrest Ewropew, billi jadottaw b’urġenza d-deċiżjoni dwar il-konsenja. Huwa biss meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqies li ma għandhiex l-elementi formali neċessarji kollha, li hija tirrikorri, bħala soluzzjoni tal-aħħar grad, għall-proċedura prevista fl-Artikolu 15(2) (52).

105. Il-pożizzjoni tal-persuna rikjesta hija partikolarment importanti, speċjalment meta l-awtoritajiet emittenti u ta’ eżekuzzjoni kompetenti ma skoprewx (u setgħu ma kinux f’pożizzjoni li jiskopru) tali irregolarità.

106. Din il-persuna tibbenefika minn garanziji matul il-proċedura ta’ konsenja li jippermettulha li tinvoka d-drittijiet tagħha u l-eventwali irregolaritajiet tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

107. Hawnhekk ninnota li minkejja li l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri bid-Deċiżjoni Qafas jirrigwardaw aspetti li huma essenzjalment proċedurali, dan ma jfissirx li l-leġiżlatur naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali tal-bniedem fil-promulgazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Għall-kuntrarju, dan għamlu b’diversi modi (53).

108. Għalhekk, id-Deċiżjoni Qafas tinkludi riferimenti espressi għal dawn id-drittijiet. Dan jirriżulta b’mod ċar, pereżempju, mill-premessi 10, 12 u 13 tagħha. B’mod iktar fundamentali, l-Artikolu 1(3) tagħha jipprovdi li d-Deċiżjoni Qafas ma jistax ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tal-osservanza tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE. Barra minn hekk, l-osservanza tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija imposta, kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tagħha, fuq l-Istati Membri u, konsegwentement fuq il-qrati tagħhom, meta dawn tal-aħħar jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Dan huwa l-każ meta l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Deċiżjoni Qafas (54).

109. Id-Deċiżjoni Qafas tinkludi wkoll numru ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-persuna rikjesta. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsenja, il-leġiżlatur Ewropew żgura l-osservanza tad-dritt għal smigħ fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni b’mod li ma jikkompromettix l-effettività tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew (55).

110. Għalhekk, il-persuna rikjesta għandha d-dritt, skont l-Artikolu 11(1) tad-Deċiżjoni Qafas, li tiġi informata bl-eżistenza u bil-kontenut tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 13(2) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdu li l-persuna rikjesta għandha d-dritt li tkun assistita minn avukat, b’mod partikolari meta tagħti kunsens għall-konsenja tagħha u, jekk ikun il-każ, tirrinunzja għar-regola ta’ speċjalità. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 14 u 19 tad-Deċiżjoni Qafas, meta ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha u tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ azzjonijiet kriminali, il-persuna rikjesta għandha d-dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bi ftehim komuni mal-awtorità ġudizzjarja emittenti (56).

111. Mill-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li IK kien jaf kemm bl-eżistenza kif ukoll bit-tul tal-piena tiegħu, inkluż bil-piena addizzjonali. L-avukat tiegħu stess ikkonferma waqt is-seduta li huwa ma kienx ta kunsens għall-konsenja tiegħu, raġuni li għaliha l-konsenja tiegħu ġiet deċiża mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), iżda li huwa ma kienx invoka n-nuqqas li tissemma l-piena addizzjonali fil-mandat ta’ arrest Ewropew quddiem din il-qorti.

112. Għalhekk IK kellu kull possibbiltà li jinvoka l-irregolarità tal-mandat ta’ arrest Ewropew matul il-proċedura ta’ konsenja. Barra minn hekk, apparti xi riferimenti ta’ natura ġenerali għad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tal-KEDB u mill-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, IK ma invokax, la fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, u lanqas waqt is-seduta, l-inqas ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu matul il-proċedura ta’ konsenja, jew anki lil hinn minnha.

113. Ser nerġa’ ndur issa għall-immaġini tal-ħolqa li jiena użajt iktar ’il fuq (punt 83), sabiex niddeskrivi l-portata u l-effetti tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tal-proċedura ta’ konsenja.

114. F’din il-kawża, peress li din il-ħolqa nbdiet bil-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew intiż għall-konsenja ta’ IK u li dan ġie arrestat, huwa kellu l-okkażżjoni li jinvoka n-nuqqas li tissemma l-piena addizzjonali fil-mandat ta’ arrest Ewropew. Peress li ma għamilx dan matul il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-ħolqa ngħalqet bl-eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat u bil-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Belġjani. Għalhekk, IK ma jistax jinvoka iktar din l-irregolarità materjali tliet snin wara, waqt proċedura mingħajr ebda rabta mal-mandat ta’ arrest Ewropew, li tikkonsisti fid-determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena addizzjonali.

115. Jekk jiġi aċċettat il-kuntrarju jkunu qed jinqabżu l-limiti tal-proċedura ta’ konsenja kif ukoll il-portata tad-deċiżjoni ġudizzjarja li jikkostitwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew.

116. Fl-istess perspettiva, niċħad ukoll l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-awtorità ġudizzjarja emittenti dejjem għandha l-possibblità li tinforma lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni bl-eżistenza tal-piena addizzjonali permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 15(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas.

117. Fl-opinjoni tiegħi, din is-soluzzjoni tmur kontra kemm is-sistema ta’ konsenja maħluqa permezz tad-Deċiżjoni Qafas kif ukoll kontra l-formulazzjoni u l-għan tal-Artikolu 15(2) u (3).

118. Fil-fatt, it-titolu tal-Artikolu 15 huwa ċar: din il-proċedura ta’ informazzjoni addizzjonali tapplika fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konsenja. Barra minn hekk, dan l-artikolu jinsab fil-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Proċedura ta’ Konsenja”. Għalhekk, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikseb l-informazzjoni neċessarja sabiex tawtorizza l-konsenja. L-estensjoni ta’ din il-proċedura lil hinn mill-proċedura ta’ konsenja tkun tmur kontra l-fatt li s-sistema implimentata mid-Deċiżjoni Qafas (i) għandha portata limitata permezz tal-Artikolu 1(1) tagħha, għall-arrest u l-konsenja tal-persuna rikjesta u (ii) trid tkun ta’ malajr u effettiva. It-tkomplija tal-iskambji potenzjali bejn awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u ta’ eżekuzzjoni anki snin wara l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jidhirli li hija inutli u tippreġudika potenzjalment l-effettività tas-sistema.

119. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sistema implimentata mid-Deċiżjoni Qafas ma tippermettix li tiġi kkontestata l-eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali nazzjonali minħabba l-fatt li din ma ssemmietx f’mandat ta’ arrest Ewropew li ġie eżegwit.

120. Sabiex inkun eżawrjenti, jiena nżid li l-argument ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja u li jgħid li meta l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ biss għall-piena prinċipali u d-deċiżjoni ta’ konsenja tirrigwarda biss din il-piena, hija biss din il-piena li tista’ tiġi eżegwita mill-Istat emittenti, ma jsib ebda bażi fid-Deċiżjoni Qafas. Jidhirli li dan sar minn perspettiva ta’ estradizzjoni u ta’ sovranità nazzjonali fejn l-Istat rikjedenti ma jistax imur lil hinn mill-elementi koperti mill-kunsens tal-Istat li jirċievi l-mandat. Issa, fil-kuntest tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka, is-sitwazzjoni ma hijiex dik ta’ tpoġġija f’kuntatt ta’ żewġ Stati sovrani, l-Istat rikjedenti u l-Istat li jirċievi l-mandat, li jaġixxu, sa mill-bidu, minn pożizzjonijiet awtonomi (57). Għall-kuntarju, is-sitwazzjoni hija waħda ta’ kooperazzjoni leali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas li jingħaqdu fil-konsenja malajr u effettiva ta’ persuni rikjesti.

121. Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun fis-sens li n-nuqqas li tissemma’ piena addizzjonali (bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali) fil-mandat ta’ arrest Ewropew li fuqu hija bbażata l-konsenja tal-persuna kkonċernata ma jistax jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena meta din tkun ġiet imposta skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.

 Konklużjoni

122. Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju):

1.      Piena addizzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tissemma fil-kaxxa (ċ) taħt il-punt (2) tal-mandat ta’ arrest Ewropew, skont l-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009.

2.      In-nuqqas li tissemma’ piena addizzjonali (bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali) fil-mandat ta’ arrest Ewropew li huwa l-bażi tal-konsenja tal-persuna kkonċernata ma jistax jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena meta din tkun ġiet imposta skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Deċiżjoni Kwadru tat-13 ta’ Ġunju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34 u rettifika ĠU L 17, 22.1.2009, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).


3      Huwa stabbilit li ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma hija rilevanti għal dan il-każ.


4      Waqt is-seduta, ir-rappreżentant ta’ IK ikkonferma li l-Artikolu 4a ma japplikax f’dan il-każ.


5      Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit-13 ta’ Diċembru 1957 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-1957”).


6      Konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea ffirmata fis-27 ta’ Settembru 1996 (ĠU 1996, C 313, p. 11, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-1996”).


7      Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C-571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata.


8      Ara l-konlużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999: http://www.europarl.europa.eu/summits/tam_fr.htm, b’mod partikolari l-punt 35.


9      Ara l-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas.


10      Ara l-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas.


11      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Advocaten voor de Wereld, C-303/05, EU:C:2006:552, punt 43.


12      Għalhekk dan l-ex motiv ta’ rifjut ta’ estradizzjoni ma huwiex riprodott fid-Deċiżjoni Qafas. Ara l-proposta tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (COM (2001) 522 finali), punt 4.5 (iktar ’il quddiem il-“proposta tad-Deċiżjoni Qafas”.


13      Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas.


14      Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas.


15      Ara l-Manwal Ewropew dwar l-Ħruġ ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 8216/1/08 REV 1 COPEN 70 EJN 26 EUROJUST 31 (iktar ’il quddiem il-“Manwal”), paġna 4. Jiena naqbel kompletament mal-approċċ tal-kollega u ħabib tiegħi, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, li fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Advocaten voor de Wereld, C-303/05, EU:C:2006:552, punt 41, enfasizza li “[il-mogħdija] mill-estradizzjoni [għall-]mandat ta’ arrest Ewropew [t]implika [bdil komplet ta’ direzzjoni]. Huwa ovvju li t-tnejn li huma jservu għall-istess skop, li huwa li akkużat jew persuna [kkundannata] tiġi kkonsenjata lill-awtoritajiet ta’ Stat ieħor, sabiex [hemmhekk] tgħaddi minn proċess ġuridiku jew sabiex [tiskonta l-]piena; iżda hemmhekk jispiċċa x-xebh”.


16      Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C-303/05, EU:C:2007:261, punt 28.


17      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, RO, C-327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 36.


18      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, RO, C-327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 36.


19      Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere.


20      Artikolu 82(1) TFUE.


21      Ara l-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża RO, C-327/18 PPU, EU:C:2018:644, punt 42.


22      Proposta tad-Deċiżjoni Qafas, punt 2.


23      Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas.


24      Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas.


25      Zaïri, A., Le principe de la spécialité de l’extradition au regard des droits de l’homme, LGDJ, Pariġi, 1992, p. 30.


26      Blekxtoon, R., “Commentary on an Article by Article basis”, Handbook on the European Arrest Warrant, TMC Asser Press, The Hague, 2005, p. 261.


27      Proposta tad-Deċiżjoni Qafas, punt 4.5(6) u l-Artikolu 41 tad-Deċiżjoni Qafas propost.


28      Hawnhekk ninnota l-mogħdija mill-formulazzjoni li tirrigwarda azzjonijiet kriminali għal “fatti” imwettqa qabel il-konsenja, użata fil-Konvenzjonijiet tal-1957 u tal-1996 għall-formulazzjoni dwar azzjonijiet kriminali għal “reati oħra” fid-Deċiżjoni Qafas. Il-ġurisprudenza diġà kellha l-okkażżjoni tinterpreta dan il-kunċett ta’ “reati oħra” bħala dak li jimmotiva l-konsenja. Għalhekk, fis-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov, C-388/08 PPU, EU:C:2008:669, punt 57, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex “reat ieħor” differenti minn dak li mmotiva l-konsenja, hemm lok li jiġi vverifikat jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-reat skont id-deskrizzjoni legali li ssir ta’ dan tal-aħħar fl-Istat Membru emittenti, humiex dawk li fir-rigward tagħhom il-persuna ġiet ikkonsenjata u jekk teżistix korrispondenza suffiċjenti bejn id-data li tinstab fil-mandat ta’ arrest u dik imsemmija fl-att ta’ proċedura sussegwenti. Bdil fiċ-ċirkustanzi ta’ ħin u ta’ post huwa ammess, sakemm dan jirriżulta mill-elementi miġbura matul il-proċeduri segwiti fl-Istat Membru emittenti dwar l-aġir deskritt fil-mandat ta’ arrest, ma jbiddilx in-natura tar-reat u ma joħloqx raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas.


29      Sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov, C-388/08 PPU, EU:C:2008:669, punti 43 u 44.


30      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C-571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata.


31      Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ, C-294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.


32      Mil-latin “poena”, piena, punizzjoni, kastig, mill-grieg antik “ποινή”. Il-kelma “ποινή” tfisser il-kastig għal reat u kienet diġà użata minn Umero bil-konnotazzjoni ta’ “prezz tad-demm” (Iliade, 14.483).


33      Ara l-kaxxa (ċ) tal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas.


34      Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Il-proposta tad-Deċiżjoni Qafas tispjega li l-kamp ta’ applikazzjoni tat-test propost jirrigwarda l-konsenja ta’ persuna li kienu s-suġġett ta’ kundanna finali għal piena ta’ priġunerija fissa ta’ tul ta’ erba’ xhur jew iktar (ara l-punt 4.5).


35      Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ, C-294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 54.


36      Sentenza tal-Qorti EDB tal-20 ta’ April 2010, Villa vs l-Italja, (CE:ECHR:2010:0420JUD001967506), § 43 u 44.


37      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, RO, C-327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 36.


38      Ara l-Manwal, Anness III.


39      Ara l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni Qafas u l-punti (b)(1) u (2), u (ċ)(1) u (2) tal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas.


40      Ara l-proposta tad-Deċiżjoni Qafas, punt 4.5.


41      Artikolu 8(1)(g) tad-Deċiżjoni Qafas.


42      Dan jidher li huwa l-approċċ tal-Qorti tal-Kassazzjoni Belġjana (it-2 Awla) fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Ġunju 1975. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB tal-24 ta’ Ġunju 1982, Van Droogenbroeck vs Il-Bejġju (ECLI:CE:ECHR:1983:0425JUD000790677), § 39 u 40.


43      Ara l-Manwal, paġna 60.


44      Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C‑241/15, EU:C:2016:385.


45      Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C-241/15, EU:C:2016:385, punt 64.


46      Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C-241/15, EU:C:2016:385, punti 64 sa 66.


47      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Bob-Dogi, C-241/15, EU:C:2016:131, punt 109.


48      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, RO, C-327/18 PPU, EU:C:2018:733, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.


49      Dan l-aspett huwa enfasizzat mill-Anness III tal-Manwal li jsemmi li l-kaxxa (ċ) “isservi sabiex jiġi rreġistrat qbiż tal-limiti tas-sanzjonijiet għal mandat ta’ arrest Ewropew”.


50      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C-270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 91 u tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C-367/16, EU:C:2018:27, punt 60.


51      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Ardic, C-571/17 PPU, EU:C:2017:1013, punt 81.


52      Sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C-367/16, EU:C:2018:27, punti 59 u 61.


53      Ara f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Radu, C-396/11, EU:C:2012:648, punti 36 sa 39.


54      Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C-241/15, EU:C:2016:385, punt 34.


55      Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2013, Radu, C-396/11, EU:C:2013:39, punt 41.


56      Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2013, Radu, C-396/11, EU:C:2013:39, punti 41 u 42.


57      Għalhekk, fil-kuntest l-antik tal-estradizzjoni, l-Istat rikjedenti jitlob il-kollaborazzjoni tal-Istat li jirċievi l-mandat, li jiddeċiedi każ b’każ jekk jilqax jew jirrifjutax din it-talba billi jieħu inkunsiderazzjoni l-motivi li jmorru lil hinn mill-ambjent strettament ġuridiku u jidħlu fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, fejn il-prinċipju ta’ opportunità għandu rwol sinjifikattiv. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, EU:C:2006:552, punti 42 sa 45.