Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta' Ottubru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Audiencia Provincial de Barcelona - Spanja) - PADAWAN SL vs Sociedad General de Autores y Editores (SGAE)

(Kawża C-467/08) 1

"Approssimazzjoni tal-liġijiet - Dritt tal-awtur u drittijiet relatati -Direttiva 2001/29/KE - Dritt ta' riproduzzjoni - Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet - Eċċezzjoni ta' kopja għal użu privat - Kunċett ta' 'kumpens ġust' - Interpretazzjoni uniformi - Implementazzjoni mill-Istati Membri - Kriterji - Limiti - Sistema ta' ħlas għal kopja privata applikata fir-rigward ta' apparat, tagħmir u mezzi relatati mar-riproduzzjoni diġitali"

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: PADAWAN SL

Konvenuti: Sociedad General de Autores y Editores (SGAE)

fil-preżenza ta': Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (EGEDA), Asociación de Artistas Intérpretes o Ejecutantes - Sociedad de Gestión de España (AIE), Asociación de Gestión de Derechos Intelectuales (AGEDI), Centro Español de Derechos Reprográficos (CEDRO),

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Audiencia Provincial de Barcelona - Interpretazzjoni tal-Artikolu 2(5)(b) tad-Direttiva 2001/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta' l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230) - Dritt ta' riproduzzjoni - Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet - Kumpens ġust - Sistema ta' ħlas għat-tagħmir, apparat u materjal ta' riproduzzjoni diġitali

Dispożittiv

Il-kunċett ta' "kumpens ġust" fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha li introduċew eċċezzjoni ta' kopja privata, indipendentement mill-fakultà rikonoxxuta lilhom li jiddeterminaw, fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari mill-istess direttiva, il-forma, ir-regoli dettaljati tal-finanzjament u l-ġbir kif ukoll il-livell ta' dan il-kumpens ġust.

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-"bilanċ ġust" li għandu jkun hemm bejn il-persuni kkonċernati jimplika li l-kumpens ġust għandu neċessarjament jiġi kkalkulat abbażi tal-kriterju ta' ħsara kkawżata lill-awturi tax-xogħlijiet protetti wara l-introduzzjoni tal-eċċezzjoni ta' kopja privata. Huwa konformi mal-ħtiġijiet ta' dan il-"bilanċ ġust" li jiġi kkunsidrat li l-persuni li għandhom apparat, tagħmir u mezzi ta' riproduzzjoni diġitali u li, abbażi ta' dan, fid-dritt jew fil-fatt, iqegħdu dan l-apparat għad-dispożizzjoni tal-utenti privati jew jagħtu lil dawn tal-aħħar servizz ta' riproduzzjoni huma l-persuni responsabbli għall-ħlas tal-finanzjament tal-kumpens ġust, inkwantu dawn il-persuni għandhom il-possibbiltà li jgħaddu l-ispiża reali ta' dan il-finanzjament fuq l-utenti privati.

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm bżonn rabta bejn l-applikazzjoni tas-sistema ta' ħlas intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust fir-rigward ta' apparat, tagħmir kif ukoll mezzi ta' riproduzzjoni diġitali u l-preżunzjoni ta' użu ta' dawn tal-aħħar għal finijiet ta' riproduzzjoni privata. Konsegwentement, l-applikazzjoni mingħajr distinzjoni tas-sistema ta' ħlas għal kopja privata, b'mod partikolari fir-rigward ta' apparat, tagħmir u mezzi ta' riproduzzjoni diġitali li ma tqegħdux għad-dispożizzjoni ta' utenti privati u huma manifestament riżervati għal użu differenti mill-ħolqien ta' kopji għal użu privat, mhijiex konformi mad-Direttiva 2001/29.

____________

1 - ĠU C 19, 24.01.2009.