Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Latvja) fit-28 ta’ Lulju 2020 – SIA Zinātnes parks vs Finanšu ministrija

(Kawża C-347/20)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Administratīvā rajona tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SIA Zinātnes parks

Konvenut: Finanšu ministrija

Domandi preliminari

Il-kunċett ta’ “kapital azzjonarju sottoskritt” previst fl-Artikolu 2(18)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat 1 , flimkien ma dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni dwar l-attività tal-kumpanniji, għandu jiġi interpretat fis-sens li bħala bażi għad-determinazzjoni tal-kapital azzjonarju sottoskritt għandha tittieħed biss inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li tkun saret pubblika skont il-forom previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru, u meqjus il-fatt li, għaldaqstant, tali informazzjoni għandha titqies li hija valida biss minn dak il-mument?

Fl-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà” previst fl-Artikolu 2(18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat, għandha tingħata importanza lir-rekwiżiti, stabbiliti fil-kuntest tal-proċess ta’ għażla ta’ proġetti għal fondi Ewropej, dwar liema dokumenti għandhom jiġu prodotti sabiex tiġi pprovata s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża inkwistjoni?

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun waħda affermattiva, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-għażla ta’ proġetti li tistabbilixxi li l-applikazzjonijiet għal proġetti ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ kjarifiki wara li jiġu ppreżentati hija kompatibbli mal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni previsti fl-Artikolu 125(3)(a)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 2 ?

____________

1 ĠU 2013, L 347, p. 320.

2 ĠU 2013, L 347, p. 320.