Language of document :

Appell ippreżentat fis-7 ta’ Jannar 2019 minn Mylène Troszczynski mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-8 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-550/17, Troszczynski vs Il-Parlament

(Kawża C-12/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Mylène Troszczynski (rappreżentant: F. Wagner, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza mogħtija fit-8 ta’ Novembru 2018 mis-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (T-550/17).

B’hekk :

tannulla d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Ġunju 2017 li tadotta r-Rapport Nru A8-0218/2017 tal-Kummissjoni tal-Affarijiet Legali fuq it-talba għat-tneħħija tal-immunità u tal-privileġġi ta’ Mylène Troszczynski, membru tal-Parlament Ewropew,

tiddeċiedi skont il-liġi dwar l-ammont li għandu jitħallas lill-appellanti bħala spejjeż proċedurali.

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

1. Fuq l-evalwazzjoni tat-tieni motiv mill-Qorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali ma tikkunsidrax it-tweet inkwistjoni ta’ Mylène Troszczynski bħala opinjoni espressa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha bħala membru tal-Parlament Ewropew, peress li din tirrigwarda avveniment preċiż, li allegatament seħħ fi Franza, u li din ma tistax tiġi mqabbla ma’ adozzjoni ta’ pożizzjoni ġenerali fuq suġġetti ta’ attwalità kurrenti jew ittrattati mill-Parlament, karatteristiċi neċessarji ta’ opinjoni protetta mill-Protokoll.

Il-Qorti Ġenerali twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li:

kull membru tal-Parlament Ewropew huwa elett mill-pajjiż tiegħu, jirrappreżenta lill-eletturi tiegħu, u matul il-mandat tiegħu għandu jżomm rabta neċessarja magħhom, b’mod partikolari billi jirreferi għal fatti li jinteressawhom jew jikkonċernawhom,

il-prinċipju Nru 2 tal-Komunikazzjoni lill-membri 11/2003 ma jwettaqx tali distinzjoni,

l-ilbies tal-velu sħiħ fl-ispazju pubbliku jikkonċerna lill-elettorat fi Franza iżda wkoll lil dak tal-pajjiżi tal-Ewropa kollha, u din il-manifestazzjoni esterna ta’ appartenenza għall-Islam hija suġġett ta’ interess ġenerali li jikkonċerna l-ħajja pubblika bħad-drittijiet tan-nisa,

il-Qorti Ġenerali kellha tapplika l-prinċipji tas-sentenza Patriciello.

2. Fuq l-evalwazzjoni tat-tielet motiv mill-Qorti Ġenerali

Huwa magħruf fid-diskussjoni u aċċettat mill-Qorti Ġenerali li Mylène Troszczynski ma hijiex l-awtriċi tat-tweet inkwistjoni u li hija ħassritha malli saret taf biha. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li dawn iż-żewġ fatti ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni jekk il-kundizzjonijiet tat-tneħħija tal-immunità parlamentari humiex sodisfatti.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni:

meta sostniet li l-Parlament ma għandux l-obbligu li jkun jaf jekk il-fatti lmentati fil-konfront tal-membru tal-Parlament Ewropew inkwistjoni humiex stabbiliti, filwaqt li l-Parlament jeżamina l-fatti billi fid-deċiżjoni tiegħu jirrikonoxxi li Mylène Troszczynski ma hijiex l-awtriċi tat-tweet,

sa fejn ma tislitx il-konsegwenzi legali ta’ wħud mid-dokumenti annessi mar-rapport tal-Kummissjoni tal-Affarijiet Legali, jiġifieri l-estratti tal-Liġi tad-29 ta’ Lulju 1881, u b’mod partikolari l-Artikolu 42 tagħha,

sa fejn id-digriet tar-rinviju quddiem it-Tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali) tas-26 ta’ April 2018 jittraduċi l-ineżorabbiltà ta’ maġistrat kontra persuna eletta, u b’hekk intenzjoni li jikkaġunalha dannu fuq il-pjan politiku, bħala aġir karatteristiku tal-fumus persecutionis.

____________