Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2018 minn Gugler France mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fil-25 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-238/17 – Gugler vs EUIPO

(Kawża C-736/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Gugler France (rappreżentant: S. Guerlain, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Alexander Gugler

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali (it-Tmien Awla) tal-25 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-238/17 minħabba ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar it-Trade Mark tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni relatata mal-kunċetti tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-Trade Mark tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lil Alexander Gugler għall-ispejjeż tal-appellanti b’rabta ma’ dawn il-proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar it-Trade Mark tal-Unjoni Ewropea u konsegwentement tal-Artikolu L711-4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali Franċiż billi ma ġietx stabbilita l-eżistenza ta’ rabta ekonomika li toriġina mill-persuna intitolata għad-dritt preċedenti (l-appellanti) lejn il-parti li ressqet applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata (il-konvenut) u, barra minn hekk, l-assenza eventwali ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

____________